Kawża C-210/06
Cartesio Oktató és Szolgáltató bt
(talba għal deċizjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Ítélőtábla)
“Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ġiet inkorporata — Talba għall-emenda tal-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji — Rifjut — Appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji — Artikolu 234 KE — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali’ — Appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari — Setgħa tal-qorti tal-appell li tħassar din id-deċiżjoni — Libertà ta’ stabbiliment — Artikoli 43 KE u 48 KE ”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Kunċett
(Artikolu 234 KE)
2. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Limiti
(Artikolu 234 KE)
3. Domandi preliminari — Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Obbligu ta’ rinviju
(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE)
4. Domandi preliminari — Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali
(Artikolu 234 KE)
5. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment
(Artikoli 43 KE u 48 KE)
1. Qorti li quddiemha tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li ċaħdet applikazzjoni għall-emenda ta’ indikazzjoni f’dan ir-reġistru għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja l-fatt li la d-deċiżjoni ta’ din il-qorti u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.
Fil-fatt, għalkemm meta taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma tkun mitluba tirrisolvi kawża, qorti inkarigata biż-żamma ta’ reġistru ma tistax titqies li qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja, min-naħa l-oħra, qorti adita b’appell minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri inkarigata biż-żamma ta’ reġistru tal-kumpanniji li tirrifjuta li tilqa’ tali applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u li huwa intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni li allegatament taffettwa ħażin dritt tal-applikant, hija adita b’kawża u teżerċita funzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, il-qorti li tiddeċiedi fl-appell għandha, fil-prinċipju, tkun ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE, li tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
(ara l-punti 57-59, 63 u d-dispożittiv 1)
2. Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha.
Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza mhijiex ikkonfutata mill-fatt li, f’dak li jirrigwarda domanda preliminari dwar il-kwalifika ta’ qorti bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, din il-qorti diġà ressqet id-domanda preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ikun kuntrarju għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk jintalab li qorti nazzjonali għandha l-ewwel tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem biss il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti taqax taħt dawk imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE qabel ma eventwalment tagħmel, sussegwentement u permezz tat-tieni talba għal deċiżjoni preliminari, domandi dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju relatati mal-mertu tal-kawża mressqa quddiemha.
Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza lanqas mhija kkonfutata f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar in-natura ipotetika tal-kwistjoni. Ikun hemm tali inċertezza meta l-provi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sabiex tiddeċiedi fuq l-eventwali inkompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali li tirregola appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari mal-Artikolu 234 KE, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ma kinitx jew ma tistax iktar tkun is-suġġett ta’ appell, u, għalhekk, saret res judicata, f’liema każ il-kwistjoni ta’ din l-inkompatibbiltà tkun effettivament ta’ natura ipotetika.
(ara l-punti 67, 70, 73, 83-86)
3. Qorti li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest ta’ kawża jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, ma tistax tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, inkluż meta s-sistema proċedurali li fil-kuntest tagħha din il-kawża trid tiġi deċiża timponi restrizzjonijiet fir-rigward tan-natura tal-motivi li jistgħu jiġu invokati quddiem tali qorti, li għandhom jallegaw ksur tal-liġi.
Fil-fatt, tali restrizzjonijiet, bħan-nuqqas ta’ effett sospensiv tal-appell fil-kassazzjoni, m’għandhomx bħala effett li jċaħħdu lill-partijiet li dehru quddiem qorti li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal tali appell mill-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jressqu dan l-appell mid-deċiżjoni ta’ din l-aħħar qorti li tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni. Għalhekk, dawn ir-restrizzjonijiet u dan in-nuqqas ta’ effett sospensiv ma jimplikawx li din għandha tkun ikkwalifikata bħala qorti li tagħti deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata.
(ara l-punti 77-79 u d-dispożittiv 2)
4. Fil-preżenza ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun is-suġġett ta’ appell limitat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tagħti lil kull qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-applikazzjoni ta’ tali regoli, li jippermettu lill-qorti adita bl-appell tbiddel id-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.
Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 234 KE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ qorti jew tribunal nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, li jirrinvijaw domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, jibqgħu suġġetti għar-rimedji ġudizzjarji normali previsti mil-liġi nazzjonali, l-eżitu ta’ dan l-appell, madankollu, ma jistax jillimita l-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 234 KE jagħti lil din il-qorti biex tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tikkunsidra li kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu deċiżjoni minn din tal-aħħar.
Barra minn dan, f’sitwazzjoni fejn kawża tinsab għat-tieni darba pendenti quddiem qorti tal-ewwel istanza wara li deċiżjoni mogħtija minnha tkun ġiet annullata minn qorti tal-aħħar istanza, din il-qorti tal-ewwel istanza tibqa’ libera li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE minkejja l-eżistenza ta’ regola fil-liġi nazzjonali li torbot lill-qrati fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ dritt magħmula minn qorti superjuri.
Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun suġġetta għal appell limitat, is-setgħa awtonoma li tirreferi kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 234 KE jagħti lill-ewwel qorti tkun mheddha jekk, billi temenda d-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi twarrabha u billi tordna lill-qorti li tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri sospiżi, il-qorti tal-appell tkun tista’ tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli teżerċita s-setgħa, mogħtija lilha mit-Trattat KE, li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Fil-fatt, skont l-Artikolu 234 KE, l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-bżonn tad-domanda preliminari taqa’, fil-prinċipju, taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, suġġett għall-verifika limitata magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, hija din il-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, li tikkonkludi jew li huwa meħtieġ li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew li temendaha jew li tirtiraha.
Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni fejn jista’ jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tagħmel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, anki fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, iżżomm ma’ din id-deċiżjoni li ordnat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma tkunx ġiet irrevokata jew emendata mill-qorti li tkun tatha, billi din il-qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar tali revoka jew dwar tali emenda.
(ara l-punti 93-98 u d-dispożittiv 3)
5. Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru li tipprekludi lil kumpannija inkorporata skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru milli tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.
Fil-fatt, skont l-Artikolu 48 KE, fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt Komunitarju tal-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 43 KE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu, bħal dik dwar jekk persuna fiżika hijiex ċittadin ta’ Stat Membru li tista’, b’hekk, tibbenefika minn din il-libertà, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk huwa biss jekk jiġi vverifikat li din il-kumpannija tibbenefika effettivament mil-libertà ta’ stabbiliment fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 KE li tqum il-kwistjoni jekk din il-kumpannija tinstabx quddiem restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 43 KE.
Għalhekk, Stat Membru jgawdi l-fakultà li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta mitlub minn kumpannija sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala inkorporata skont id-dritt nazzjonali tiegħu u li tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak mitlub sabiex dan l-istatus jinżamm sussegwentement. Din il-fakultà tinkludi l-possibbiltà, għal dan l-Istat Membru, li ma jippermettix lil kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali tiegħu li żżomm dan l-istatus meta hija jkollha l-intenzjoni terġa’ torganizza ruħha fi Stat Membru ieħor billi tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, u b’hekk tikser l-element ta’ rabta previst mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.
Barra minn hekk, il-liġijiet u l-akkordji fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 44(2)(g) KE u 293 KE għadhom, sal-lum, ma ttrattawx id-differenza fil-liġijiet nazzjonali dwar il-post ta’ rabta tal-kumpanniji u għalhekk għadhom ma temmewhiex. Għalkemm ċerti regolamenti, bħar-Regolament Nru 2137/85, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku, ir-Regolament Nru 2157/2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea, u r-Regolament Nru 1435/2003, dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE, effettivament jipprevedu sistema li tippermetti lill-entitajiet ġuridiċi ġodda li huma jistabbilixxu li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u, għalhekk, anki l-uffiċċju veru tagħhom, li t-tnejn li huma għandhom fil-fatt ikunu jinstabu fl-istess Stat Membru, fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jingħata lok la għax-xoljiment tal-persuna ġuridika oriġinali u lanqas għall-ħolqien ta’ persuna ġuridika ġdida, dan it-trasferiment, madankollu, jinvolvi neċessarjament bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għall-entità li tagħmel tali trasferiment.
Meta kumpannija tkun trid tittrasferixxi biss l-uffiċċju veru tagħha minn Stat Membru għal ieħor filwaqt li tibqa’ kumpannija skont id-dritt nazzjonali, u għalhekk mingħajr bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għaliha, l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ dawn ir-regolamenti fl-ebda każ ma tista’ twassal għar-riżultat mixtieq f’sitwazzjoni tali.
(ara l-punti 109, 110, 114, 115, 117, 119 u d-dispożittiv 4)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ Diċembru 2008 (*)
“Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ġiet inkorporata − Talba għall-emenda tal-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat fir-reġistru tal-kumpanniji − Rifjut − Appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji − Artikolu 234 KE − Rinviju għal deċiżjoni preliminari − Ammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ − Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali’ − Appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari – Setgħa tal-qorti tal-appell li tħassar din id-deċiżjoni – Libertà ta’ stabbiliment − Artikoli 43 KE u 48 KE”
Fil-Kawża C-210/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Szegedi Ítélőtábla (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Mejju 2006, fil-kawża li tirrigwarda lil
Cartesio Oktató és Szolgáltató bt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2007,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Cartesio Oktató és Szolgáltató bt, minn G. Zettwitz u P. Metzinger, ügyvédek,
– għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas u P. Szabó, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC, u minn N. Travers, BL,
– għall-Gvern tal-Olanda, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,
– għall-Gvern Sloven, minn M. Remic, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u V. Kreuschitz, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 48 KE u 234 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Cartesio Oktató és Szolgáltató bt (iktar ’il quddiem “Cartesio”), kumpannija stabbilita f’Baja (l-Ungerija), kontra d-deċiżjoni li rrifjutat it-talba tagħha sabiex tikseb ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Italja.
Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
Id-dritt fil-qasam tal-proċedura ċivili
3 L-Artikolu 10(2) tal-Liġi Nru III tal-1952, dwar il-Kodiċi tal-proċedura ċivili (a Polgári perrendtartásról szóló 1952. évi III. törvény, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-proċedura ċivili”), jiddisponi:
“Fit-tieni istanza jiddeċiedu:
[…]
b) fil-kawżi li huma ta’ kompetenza tal-qrati reġjonali (jew tal-qorti muniċipali), il-qrati tal-appell reġjonali.”
4 L-Artikolu 155/A ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“1) Il-qorti tista’, skont ir-regoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
2) Il-qorti tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet u permezz ta’ dan stess, tissospendi l-proċeduri […].
3) Id-digriet tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’ tkun suġġetta għal appell. L-ebda appell ma jista’ jitressaq kontra d-digriet li jiċħad talba ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.
[…]”
5 Skont l-Artikolu 233(1) tal-istess kodiċi:
“Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-ewwel istanza huma suġġetti għal appell, sakemm il-liġi ma teskludix dan. […]”
6 L-Artikolu 233/A ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“Huma suġġetti għal appell, id-digrieti mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura fit-tieni istanza li għalihom jeżisti dritt ta’ appell skont ir-regoli tal-proċedura tal-ewwel istanza applikabbli […]”
7 L-Artikolu 249/A tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili jistabbilixxi:
“Id-digriet li jiċħad talba ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (Artikolu 155/A) mogħtija matul proċedura fit-tieni istanza huwa suġġett għal appell.”
8 L-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:
“1) Sakemm mhux stabbilit mod ieħor bil-liġi, il-Legfelsőbb Bíróság (Qorti suprema) tista’ sservi bħala qorti ta’ kassazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ġenerali f’dan il-qasam japplikaw mutatis mutandis.
2) Il-partijiet, l-intervenjenti u l-persuni affettwati mid-deċiżjoni jistgħu, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni li tagħmel referenza għalihom, iressqu appell fuq punt ta’ liġi biss quddiem il-Legfelsőbb Bíróság kontra sentenzi u ordnijiet res judicata, fejn jeċepixxu ksur tal-liġi.
[…]”
9 L-Artikolu 271(1) ta’ dan l-istess kodiċi jiddisponi:
“L-ebda appell quddiem qorti ta’ kassazzjoni ma jista’ jitressaq:
a) kontra d-deċiżjonijiet li saru res judicata fl-ewwel istanza, sakemm il-liġi ma tagħtix din il-possibbiltà;
b) jekk il-parti kkonċernata ma eżerċitatx id-dritt tagħha ta’ appell u li l-qorti tat-tieni istanza, meta ddeċidiet fuq l-appell tal-parti l-oħra, ikkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza;
[…]”
10 Skont l-Artikolu 273(3) ta’ dan il-kodiċi:
“L-introduzzjoni ta’ appell m’għandhiex effett sospensiv imma, fejn parti hekk titlob, il-Legfelsőbb Bíróság tista’ eċċezzjonalment tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ sentenza. […]”
Id-dritt tal-kumpanniji
11 L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru CXLIV tal-1997, dwar il-kumpanniji kummerċjali (a gazdasági társaságokról szóló 1997. évi CXLIV. törvény), jiddisponi:
“Din il-liġi tirregola l-istabbiliment, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kumpanniji kummerċjali li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju tal-Ungerija, id-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-fundaturi u tal-membri (azzjonisti) ta’ dawn il-kumpanniji kif ukoll il-konverżjoni, l-għaqdiet u l-qsim […] tal-kumpanniji kummerċjali u x-xoljiment tagħhom.”
12 Skont l-Artikolu 11 ta’ din il-liġi:
“Il-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni (l-istrument ta’ inkorporazzjoni, l-istatuti tal-kumpannija) isemmu:
a) l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija kummerċjali
[…]”
13 L-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru CXLV tal-1997, dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji, reklamar ta’ kumpanniji u proċeduri legali f’materji kummerċjali (a cégnyilvántartásról, a cégnyilvánosságról és a bírósági cégeljárásról szóló 1997. évi CXLV. törvény, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji”), jiddisponi:
“Organizzazzjoni kummerċjali […] jew entità ġuridika oħra ta’ natura kummerċjali […], sakemm mhux stabbilit b’mod ieħor minn liġi jew digriet tal-Gvern, hija inkorporata bir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji sabiex titwettaq attività kummerċjali bi natura ta’ qligħ […]”
14 Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi:
“L-entitajiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jitniżżlu fir-reġistru tal-kumpanniji jekk il-liġi tobbliga jew tagħmel possibbli t-tniżżil tagħhom f’dan ir-reġistru.”
15 L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi tipprovdi:
“1) Kumpannija hija mniżżla fir-reġistru tal-kumpanniji mill-qorti reġjonali (jew muniċipali) li taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ qorti inkarigata biż-żamma ta’ dan ir-reġistru […]
2) […] il-qorti li fit-territorju li fuqu għandha ġurisdizzjoni jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija, hija kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ din il-kumpannija u għat-twettiq ta’ kull proċedura oħra f’din il-liġi li tirrigwarda din il-kumpannija.
[…]”
16 L-Artikolu 12(1) ta’ din l-istess liġi jiddisponi:
“L-informazzjoni dwar il-kumpanniji msemmija f’din il-liġi jitniżżlu fir-reġistru tal-kumpanniji. Għal kull kumpannija, ir-reġistru jinkludi:
[…]
d) l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija […]”
17 Skont l-Artikolu 16(1) tal-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji:
“L-uffiċċju rreġistrat […] għandu jkun il-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-operazzjonijiet […]”
18 L-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi jiddisponi:
“Kull applikazzjoni għal bidla fl-indikazzjoni tar-reġistrazzjoi ta’ kumpannija hija ppreżentata lill-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji fi żmien 30 jum minn dik il-bidla, sakemm il-liġi ma tiddisponix b’mod ieħor.”
19 L-Artikolu 34(1) ta’ din il-liġi jiddisponi:
“Kull trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija għal post li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra li jkollha r-responsabbiltà biex iżżomm ir-reġistru tal-kumpanniji jrid jiġi rreġistrat, bħala bidla, mal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fiż-żona tal-uffiċċju rreġistrat preċedenti. Din tal-aħħar għandha teżamina l-applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bidliet li jseħħu qabel il-bidla tal-uffiċċju rreġistrat u għandha tapprova t-trasferiment.”
Id-dritt internazzjonali privat
20 L-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 13 tal-1979 dwar id-dritt internazzjonali privat (a nemzetközi magánjogról szóló 1979. évi 13. törvényerejű rendelet) jiddisponi:
“1) Il-kapaċità ta’ persuna ġuridika, l-istatus tagħha ta’ kummerċjant, id-drittijiet marbuta mal-personalità legali tagħha u r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-membri tagħha huma rregolati mil-liġi personali tagħha.
2) Il-liġi personali ta’ persuna ġuridika hija l-liġi tal-Istat li fih il-persuna ġuridika hija rreġistrata.
3) Jekk il-persuna ġuridika ġiet irreġistrata skont il-liġijiet ta’ iktar minn Stat wieħed jew jekk ir-reġistrazzjoni […] mhijiex neċessarja skont il-liġi applikabbli fl-Istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna ġuridika, il-liġi personali hija l-liġi tal-Istat tal-uffiċċju rreġistrat.
4) Jekk il-persuna ġuridika m’għandhiex uffiċċju rreġistrat jew jekk hija għandha uffiċċju rreġistrat f’iktar minn Stat wieħed u li l-liġi ta’ wieħed minn dawn l-Istati ma titlobx ir-reġistrazzjoni, il-liġi personali tagħha hija l-liġi tal-Istat fejn jinsab iċ-ċentru tal-operazzjonijiet tagħha.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
21 Cartesio ġiet inkorporata fl-20 ta’ Mejju 2004 taħt il-forma ta’ “betéti társaság” (soċjetà in akkomandita) tad-dritt Ungeriż. L-uffiċċju rreġistrat tagħha ġie stabbilit f’Baja (L-Ungerija). Hija ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji fil-11 ta’ Ġunju 2004.
22 Il-kumpannija għandha bħala soċju limitat − li għandu biss l-obbligu li jipprovdi fondi − u bħala soċju illimitat − li għandu responsabbiltà illimitata għad-dejn tal-kumpannija − żewġ persuni fiżiċi residenti fl-Ungerija u li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru. Hija attiva, b’mod partikolari, fil-qasam tar-riżorsi umani, tas-segretarjat, tat-traduzzjoni, tat-tagħlim u tat-taħriġ.
23 Fil-11 ta’ Novembru 2005, Cartesio ppreżentat applikazzjoni quddiem il-Bács-Kiskun Megyei Bíróság (qorti tar-reġjun ta’ Bács-Kiskun), li qed tiddeċiedi fil-kwalità tagħha ta’ Cégbíróság (qorti kummerċjali), għat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Gallarate (L-Italja) u konsegwentement għall-emenda tal-indikazzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji.
24 Bid-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2006, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħabba li d-dritt Ungeriż fis-seħħ ma jippermettix lil kumpannija inkorporata fl-Ungerija li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha barra mill-pajjiż waqt li tibqa’ tkun suġġetta għal-liġi Ungeriża bħala liġi personali.
25 Cartesio ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Szegedi Ítélőtábla (qorti tal-appell reġjonali ta’ Szeged).
26 Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, SEVIC Systems (C-411/03, Ġabra p. I-10805), Cartesio qieset quddiem il-qorti tar-rinviju li, sa fejn il-liġi Ungeriża tagħmel distinzjoni bejn il-kumpanniji kummerċjali skont l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, din il-liġi tikser l-Artikoli 43 KE u 48 KE. Minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-liġi Ungeriża ma tistax timponi lill-kumpanniji Ungeriżi li jagħżlu l-Ungerija sabiex jistabbilixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom.
27 Cartesio sostniet ukoll li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li tagħmel domanda preliminari fuq dan il-punt, billi hija qorti jew tribunal nazzjonali li d-deċiżjonijiet tiegħu mhumiex suġġetti għal appell.
28 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-proċedura kemm quddiem il-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji kif ukoll quddiem il-qrati li jisimgħu l-appell minn deċiżjonijiet ta’ dawk tal-ewwel mhijiex kontradittorja skont id-dritt Ungeriż. Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk hija tikkwalifikax bħala “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 234 KE.
29 Fil-każ ta’ risposta pożittiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju barra minn dan tqis li għadu mhuwiex ċar jekk, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE, hija għandhiex tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tagħha m’hemmx rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali.
30 F’dan ir-rigward hija tqis li, għalkemm id-dritt Ungeriż jipprovdi li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fl-appell huma res judicata u huma eżegwibbli, dawn jistgħu madankollu jkunu s-suġġett ta’ rimedju straordinarju, jiġifieri appell fil-kassazzjoni quddiem il-Legfelsőbb Bíróság.
31 Madankollu, billi l-għan ta’ appell fil-kassazzjoni huwa li tiġi żgurata konsistenza fil-ġurisprudenza, il-possibbiltajiet li jsir dan l-appell huma limitati, b’mod partikolari mill-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-motivi marbuta mal-obbligu li jiġi invokat ksur tal-liġi.
32 Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fid-duttrina u l-ġurisprudenza nazzjonali, tqajmu kwistjonijiet dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 234 KE tad-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 155/A u 249/A tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili, dwar l-appelli mid-deċiżjonijiet li fihom tressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
33 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jkollhom bħala riżultat li qorti li tiddeċiedi fl-appell tostakola lil qorti li tkun iddeċidiet li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħmel dan, anki meta interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju hija neċessarja sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża quddiem dik il-qorti.
34 Fir-rigward tal-mertu tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tosserva, b’referenza għas-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, Ġabra p. 5483), li l-libertà ta’ stabbiliment prevista mill-Artikoli 43 KE u 48 KE ma tagħtix id-dritt, lil kumpannija inkorporata skont il-liġi ta’ Stat Membru u rreġistrata f’dan, li tittrasferixxi ċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħha, u għalhekk l-istabbiliment prinċipali tagħha, fi Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm il-personalità legali tagħha u n-nazzjonalità tal-oriġini tagħha meta l-awtoritajiet kompetenti jopponu dan.
35 Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat dan il-prinċipju.
36 F’dan ir-rigward, dik il-qorti tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jipprekludu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, filwaqt li b’mod partikolari tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punti 11 u 12).
37 Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tqis li, fis-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-kumpanniji ta’ għaqdiet ta’ żewġ kumpanniji permezz ta’ xoljiment mingħajr stralċ ta’ kumpannija u t-trasferiment tal-patrimonju kollu tagħha lil kumpannija oħra, tiġi rrifjutata b’mod ġenerali meta waħda miż-żewġ kumpanniji jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor, filwaqt li r-reġistrazzjoni tkun tista’ ssir, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, meta l-kumpanniji involuti fl-għaqda jkollhom it-tnejn li huma l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.
38 Jikkostitwixxi wkoll prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt nazzjonali ma jistax jagħmel distinzjoni bejn il-kumpanniji skont in-nazzjonalità tal-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-kumpanniji.
39 Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU L 199, p. 1), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU L 294, p. 1), jipprovdu, għall-forom ta’ impriżi Komunitarji li jistabbilixxu, dispożizzjonijiet iktar flessibbli u inqas għaljin li jippermettulhom jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ stralċ minn qabel.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi s-Szegedi Ítélőtábla kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża, li dwarha għandha tiddeċiedi, hija ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Qorti tat-tieni istanza li jkollha tagħti deċiżjoni fuq appell minn deċiżjoni ta’ qorti kummerċjali (cégbíróság) fi proċeduri biex tiġi emendata reġistrazzjoni [ta’ kumpannija], tista’ tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, fejn la l-kawża quddiem il-qorti [tal-ewwel istanza] u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja?
2) Sa fejn qorti tal-appell hija inkluża fil-kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari’ skont l-Artikolu 234 KE, dik il-qorti għandha titqies bħala qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju, li għandha obbligu, skont l-Artikolu 234 KE, tirreferi domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt komunitarju lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej?
3) Miżura nazzjonali li, inkonformità mal-liġi domestika, tikkonferixxi dritt ta’ appell minn deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari, tillimita s-setgħa tal-qrati Ungeriżi li jirrinvijaw domandi għal deċiżjoni preliminari jew tista’ tillimita dik is-setgħa – li toriġina direttament mill-Artikolu 234 KE – jekk, fil-proċeduri tal-appell il-qorti superjuri nazzjonali tista’ temenda [din] l-ordni tar-rinviju, twarrab it-talba għal deċiżjoni preliminari u tordna lill-qorti li ħarġet [din] l-ordni tar-rinviju sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi?
4) a) Jekk kumpannija, inkorporata fl-Ungerija skont il-liġi tal-kumpanniji Ungeriża u rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji Ungeriż, tkun trid tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni [Ewropea], ir-regolazzjoni ta’ dan il-qasam taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju jew, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ liġijiet, tapplika b’mod esklużiv il-liġi nazzjonali?
b) Tista’ kumpannija Ungeriża titlob it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni billi tinvoka direttament id-dritt Komunitarju (l-Artikoli 43 KE u 48 KE)? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ikun suġġett għal xi tip ta’ kundizzjoni jew awtorizzazzjoni mill-Istat Membru tal-oriġni jew mill-Istat Membru ospitanti?
ċ) Jistgħu l-Artikoli 43 KE u 48 KE jiġu interpretati fis-sens li regoli nazzjonali jew prattiċi nazzjonali li jiddistingwu bejn kumpanniji kummerċjali fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, skont l-Istat Membru fejn ikun l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?
[d)] Jistgħu l-Artikoli 43 KE u 48 KE jiġu interpretati fis-sens li, inkonformità ma’ dawk l-artikoli, regoli jew prattiċi nazzjonali li ma jħallux kumpannija [mill-Istat Membru kkonċernat] tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor […], huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju?”
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
41 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Settembru 2008, l-Irlanda talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, f’dak li jirrigwarda r-raba’ domanda preliminari.
42 Insostenn tat-talba tagħha, l-Irlanda tindika li, kuntrarjament għal dak li kkunsidra l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni tar-rinviju m’għandhiex tinftiehem fis-sens li r-raba’ domanda tikkonċerna t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat, iddefinit fid-dritt Ungeriż bħala l-post fejn kumpannija jkollha ċ-ċentru tal-amministrazzjoni, u għalhekk l-uffiċċju veru, tagħha.
43 Skont l-Irlanda, mit-traduzzjoni bil-lingwa Ingliża tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-kwistjoni tirrigwarda t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat.
44 Għaldaqstant, l-Irlanda essenzjalment issostni li waħda mill-premessi fattwali li fuqha hija bbażata l-analiżi tal-Avukat Ġenerali mhijiex eżatta.
45 Madankollu, l-Irlanda tqis li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża ruħha fuq din l-istess premessa, hija għandha tiftaħ mill-ġdid il-proċedura orali sabiex tagħti opportunità lill-persuni kkonċernati f’din il-kawża li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-bażi ta’ din il-premessa.
46 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li m’għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċittata).
47 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-raba’ domanda ma tirrigwardax it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda t-trasferiment tal-uffiċċju veru tagħha.
48 Għalhekk, kif huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, mil-liġi Ungeriża dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji jirriżulta li, sabiex tiġi applikata din il-liġi, l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija huwa ddefinit bħala l-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħha.
49 Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat il-kawża prinċipali fil-kuntest tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Daily Mail and General Trust, iċċitata iktar ’il fuq, li hija tiddeskrivi bħala li tirrigwarda kumpannija, inkorporata skont il-liġi ta’ Stat Membru u rreġistrata f’dan l-Istat Membru, li tixtieq tittrasferixxi ċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħha, u għalhekk l-istabbiliment prinċipali tagħha, fi Stat Membru ieħor, filwaqt li żżomm il-personalità legali tagħha u n-nazzjonalità tal-oriġini tagħha, meta l-awtoritajiet kompetenti jopponu dan. Hija b’mod partikolari tistaqsi jekk il-prinċipju stabbilit minn din is-sentenza, li l-Artikoli 43 KE u 48 KE ma jagħtux lill-kumpanniji dritt għal dan it-trasferiment taċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħhom biż-żamma tal-personalità legali tagħhom kif mogħtija lilhom f’dan l-Istat skont id-dritt li permezz tiegħu huma inkorporati, ġiex ikkwalifikat mill-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
50 It-tieni nett, l-Irlanda, kif ukoll il-persuni kkonċernati l-oħra, ġew espressament mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiffokaw it-trattazzjoni tagħhom fuq l-ipoteżi li l-problema mqajma fil-kuntest tal-kawża prinċipali tirrigwarda t-trasferiment fi Stat Membru ieħor tal-uffiċċju veru tal-kumpannija kkonċernata, jiġifieri l-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħha.
51 Għalkemm fit-trattazzjoni tagħha l-Irlanda kkonċentrat fuq l-ipoteżi li dan il-każ jirrigwarda t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija, hija xorta waħda, għalkemm fil-qosor, espremiet l-opinjoni tagħha f’dak li jirrigwarda l-ipoteżi li l-kawża prinċipali tirrigwarda t-trasferiment tal-uffiċċju veru tal-kumpannija, opinjoni li hija tenniet fit-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
52 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża m’għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet.
53 Għaldaqstant, m’hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
54 Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment issirilha domanda fuq jekk qorti bħall-qorti tar-rinviju, li quddiehma tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li ċaħdet applikazzjoni għall-emenda ta’ indikazzjoni f’dan ir-reġistru għandhiex tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja l-fatt li la d-deċiżjoni ta’ din il-qorti u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.
55 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina jekk organu ta’ rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 234 KE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll, C-96/04, Ġabra p. I-3561, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
56 Madankollu, fir-rigward tan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 234 KE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja ta’ dik il-proċedura. Min-naħa l-oħra, minn dan l-artikolu jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jirrikorru għall-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk kawża tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura li l-iskop tagħha huwa li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Lutz et, C-182/00, Ġabra p. I-547, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 B’hekk, meta taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr fl-istess ħin ma tkun mitluba tirrisolvi kawża, qorti inkarigata biż-żamma ta’ reġistru ma tistax titqies li qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta tiddeċiedi fuq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija fir-reġistru skont proċedura li m’għandhiex l-għan li jiġi annullat att li huwa allegat li huwa ta’ ħsara għad-dritt tal-applikant (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Lutz et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Min-naħa l-oħra, qorti adita b’appell minn deċiżjoni ta’ qorti inferjuri inkarigata biż-żamma ta’ reġistru li tirrifjuta li tilqa’ tali applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u li huwa intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni li allegatament taffettwa ħażin dritt tal-applikant, hija adita b’kawża u teżerċita funzjoni ġudizzjarja.
59 Għaldaqstant, f’każ bħal dan, il-qorti li tiddeċiedi fl-appell għandha, fil-prinċipju tkun ikkunsidrata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 234 KE, li tista’ tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, għal sitwazzjonijiet simili, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C-300/01, Ġabra p. I-4899; SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tal-11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf et, C-117/06, Ġabra p. I-8361).
60 Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qed tiddeċiedi fl-appell dwar rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha qorti inferjuri inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji rrifjutat l-applikazzjoni ta’ kumpannija sabiex jiġi rreġistrat f’dan ir-reġistru t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, li jeħtieġ emenda tal-informazzjoni li tinsab f’dan ir-reġistru.
61 Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qed tiddeċiedi kawża u qed teżerċita funzjoni ġudizzjarja, minkejja n-nuqqas tan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem dik il-qorti
62 Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha tiġi kkwalifikata bħala “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 234 KE.
63 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, bħala risposta għall-ewwel domanda għandu jingħad li qorti bħall-qorti tar-rinviju, li quddiemha tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li ċaħdet applikazzjoni għall-emenda ta’ indikazzjoni f’dan ir-reġistru għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja l-fatt li la d-deċiżjoni ta’ din il-qorti u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.
Fuq it-tieni domanda
64 Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment issirilha domanda fuq jekk qorti bħall-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu appellati quddiem qorti ta’ kassazzjoni, għandhiex tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.
Fuq l-ammissibbiltà
65 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li din id-domanda mhijiex ammisssibbli għaliex mhijiex manifestament rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali minħabba li t-talba għal deċiżjoni preliminari kienet diġà tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod li m’hemmx interess li ssir domanda dwar in-natura obbligatorja jew le ta’ din it-talba.
66 Din l-oġġezzjoni trid tiġi miċħuda.
67 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 Hekk kif ingħad fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, Cartesio sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li dik il-qorti kellha l-obbligu tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja billi dik il-qorti għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.
69 Billi għandha dubji fuq il-motiv imqajjem quddiemha, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari f’dan ir-rigward.
70 Issa, ikun kuntrarju għall-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun hemm fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll għar-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk jintalab li qorti nazzjonali għandha l-ewwel tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tqajjem biss il-kwistjoni ta’ jekk din il-qorti taqax taħt dawk imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE qabel ma eventwalment tagħmel, sussegwentement u permezz tat-tieni talba għal deċiżjoni preliminari, domandi dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju relatati mal-mertu tal-kawża mressqa quddiemha.
71 Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal domanda dwar in-natura tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE f’kuntest li jixbah il-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma ddaħħlet inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Lyckeskog, C-99/00, Ġabra p. I-4839).
72 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, għall-inqas mhux b’mod manifest, li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.
73 Għaldaqstant, il-preżunzjoni ta’ rilevanza tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mhijiex, f’dak li jirrigwarda din id-domanda preliminari, ikkonfutata mill-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza van der Weerd et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23).
74 Minn dan jirriżulta li t-tieni domanda preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
75 Din id-domanda għalhekk tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda saret fid-dawl tal-fatt, imsemmi fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm id-dritt Ungeriż jipprovdi li d-deċiżjonijiet mogħtija fl-appell minn dik il-qorti jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedju straordinarju, jiġifieri appell fil-kassazzjoni quddiem il-Legfelsőbb Bíróság, fejn l-għan ta’ appell fil-kassazzjoni huwa li tiġi żgurata konsistenza fil-ġurisprudenza, il-possibbiltajiet li jsir dan l-appell huma limitati, b’mod partikolari mill-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-motivi marbuta mal-obbligu li jiġi invokat ksur tal-liġi, kif ukoll fid-dawl tal-fatt, imsemmi wkoll fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, skont id-dritt Ungeriż, appell fil-kassazzjoni, fil-prinċipju, m’għandux effett sospensiv tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fl-appell.
76 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali tal-appell li jistgħu jiġu kkontestati mill-partijiet quddiem Qorti suprema mhumiex deċiżjonijiet ta’ “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 234 KE. Il-fatt li l-eżami tal-mertu ta’ dawn il-kontestazzjonijiet huwa suġġett għal dikjarazzjoni minn qabel ta’ ammissibbiltà mill-Qorti suprema m’għandux l-effett li jċaħħad lill-partijiet minn rimedju (sentenza Lyckeskog, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
77 Dan huwa iktar u iktar minnu fir-rigward ta’ sistema proċedurali bħal dik li fil-kuntest tagħha għandha tiġi deċiża l-kawża prinċipali, billi din ma tipprevedix dikjarazzjoni preliminari ta’ ammissibbiltà ta’ appell mill-Qorti suprema, iżda sempliċement timponi restrizzjonijiet fir-rigward b’mod partikolari tan-natura tal-motivi li jistgħu jiġu invokati quddiem tali qorti, li għandhom jallegaw ksur tal-liġi.
78 Tali restrizzjonijiet, bħan-nuqqas ta’ effett sospensiv tal-appell fil-kassazzjoni quddiem il-Legfelsőbb Bíróság, m’għandhomx bħala effett li jċaħħdu lill-partijiet li dehru quddiem qorti li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għal tali appell mill-possibbiltà li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom li jressqu dan l-appell mid-deċiżjoni ta’ din l-aħħar qorti li ddeċidiet fuq kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Għalhekk, dawn ir-restrizzjonijiet u dan in-nuqqas ta’ effett sospensiv ma jimplikawx li din għandha tkun ikkwalifikata bħala qorti li tagħti deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata.
79 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, bħala risposta għat-tieni domanda għandu jingħad li qorti bħall-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, ma tistax tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.
Fuq it-tielet domanda
Fuq l-ammissibbiltà
80 L-Irlanda tqis li din id-domanda hija waħda ipotetika u li għalhekk hija inammissibbli billi, peress li ma sar ebda appell fuq punt ta’ dritt kontra d-deċiżjoni tar-rinviju, risposta għal din id-domanda mhux ser tkun utli għall-qorti tar-rinviju.
81 Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li m’hemmx lok li tiddeċiedi fuq din id-domanda minħabba li hija ta’ natura ipotetika minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju hija res judicata u waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja.
82 Dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.
83 Huwa minnu li, kif imsemmi fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-preżunzjoni ta’ rilevanza tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi kkonfutata, b’mod partikolari meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-problema hija ta’ natura ipotetika.
84 L-Irlanda u l-Kummissjoni jsostnu li l-problema tal-eventwali inkompatibbiltà tal-liġijiet nazzjonali li jirregolaw appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE, li hija s-suġġett ta’ din id-domanda, hija ta’ natura ipotetika minħabba li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma kinitx is-suġġett ta’ appell u saret res judicata.
85 Madankollu, la din id-deċiżjoni u lanqas il-proċess li ntbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ma kinitx jew ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell.
86 Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni inċerta bħal din, peress li r-responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-eżattezza tad-definizzjoni tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali tad-domanda preliminari hija tal-qorti nazzjonali, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha tibbenefika din id-domanda preliminari ma tistax tinqaleb.
87 Minn dan jirriżulta li t-tielet domanda preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
88 L-Artikolu 234 KE jagħti lill-qrati nazzjonali l-fakultà u, skont il-każ, l-obbligu li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari meta l-qorti tikkonstata, jew ex officio jew fuq talba tal-partijiet, li l-mertu tal-kawża jirrigwarda punt imsemmi fl-ewwel paragrafu tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33, punt 3).
89 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fir-rigward ta’ qorti jew tribunal li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, l-Artikolu 234 KE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ tali qorti li jirrinvijaw domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu suġġetti għar-rimedji normali pprovduti mil-liġi nazzjonali. Madankollu, fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mad-deċiżjoni tar-rinviju, li għandha tibqa’ tipproduċi l-effetti tagħha sakemm dik id-deċiżjoni ma tkunx ġiet imħassra (sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 146/73, Ġabra p. 139, punt 3).
90 Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 234 KE sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 41).
91 Fil-fatt, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu mill-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tal-bżonn ta’ dan ir-rinviju (sentenza Kempter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
92 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont id-dritt Ungeriż, appell separat jista’ jitressaq kontra deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ madankollu pendenti quddiem il-qorti li tieħu din id-deċiżjoni u filwaqt li l-proċedura tkun sospiża sa ma tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont id-dritt Ungeriż, il-qorti tal-appell għandha s-setgħa li temenda din id-deċiżjoni, twarrab ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u tordna lill-ewwel qorti sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.
93 Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 88 u 89 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ qorti jew tribunal nazzjonali li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, l-Artikolu 234 KE ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti li jirrinvijaw domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jibqgħu suġġetti għar-rimedji ġudizzjarji normali previsti mil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-eżitu ta’ dan l-appell ma jistax jillimita l-ġurisdizzjonii li l-Artikolu 234 KE jagħti lil din il-qorti biex tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hija tikkunsidra li kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu deċiżjoni minn din tal-aħħar.
94 Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn kawża tinsab għat-tieni darba pendenti quddiem qorti tal-ewwel istanza wara li deċiżjoni mogħtija minnha tkun ġiet annullata minn qorti tal-aħħar istanza, din il-qorti tal-ewwel istanza tibqa’ libera li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE minkejja l-eżistenza ta’ regola fil-liġi nazzjonali li torbot lill-qrati fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ dritt magħmula minn qorti superjuri (sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, iċċitata iktar ’il fuq).
95 Fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun suġġetta għal appell limitat, is-setgħa awtonoma li tirreferi kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 234 KE jagħti lill-ewwel qorti tkun mheddha jekk, billi temenda d-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi twarrabha u billi tordna lill-qorti li tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri sospiżi, il-qorti tal-appell tkun tista’ tipprekludi lill-qorti tar-rinviju milli teżerċita s-setgħa, mogħtija lilha mit-Trattat KE, li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
96 Fil-fatt, skont l-Artikolu 234 KE, l-evalwazzjoni tar-rilevanza u tal-bżonn tad-domanda preliminari taqa’, fil-prinċipju, taħt ir-responsabbiltà biss tal-qorti li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, suġġett għall-verifika limitata magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi minn sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ appell mid-deċiżjoni li tordna r-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, li tikkonkludi jew li huwa meħtieġ li żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, jew li temendaha jew li tirtiraha.
97 Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, anki fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, iżżomm ma’ din id-deċiżjoni li ordnat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandha tipproduċi l-effetti tagħha sakemm ma tkunx ġiet irrevokata jew emendata mill-qorti li tkun tatha, billi din il-qorti tal-aħħar biss tista’ tiddeċiedi dwar tali revoka jew dwar tali emenda.
98 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, fil-preżenza ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun is-suġġett ta’ appell limitat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tagħti lil kull qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-applikazzjoni ta’ tali regoli, li jippermettu lill-qorti adita bl-appell tbiddel id-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.
Fuq ir-raba’ domanda
99 Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi ta’ Stat Membru li tipprekludi lil kumpannija inkorporata skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru milli tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha lejn Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ġiet inkorporata.
100 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Cartesio, kumpannija inkorporata skont id-dritt Ungeriż u li mill-inkorporazzjoni tagħha kellha l-uffiċċju rreġistrat fl-Ungerija, ittrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Italja, iżda tixtieq iżżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż.
101 Skont il-liġi dwar ir-reġistrazzjoni tal-kumpanniji, l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija tad-dritt Ungeriż għandu jkun il-post fejn jinsab iċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħha.
102 Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-reġistru tal-kumpanniji tal-emenda fl-uffiċċju rreġistrat ta’ Cartesio ppreżentatha minn din tal-aħħar ġiet miċħuda mill-qorti inkarigata biż-żamma ta’ dan ir-reġistru minħabba li, fid-dritt Ungeriż, kumpannija inkorporata fl-Ungerija ma tistax fl-istess ħin tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha, kif iddefinit minn din il-liġi, barra mill-pajjiż u tibqa’ tkun suġġetta għal-liġi Ungeriża bħala l-liġi li tirregola l-istatut tagħha.
103 Dan it-trasferiment jitlob li, l-ewwel nett, il-kumpannija ma tibqax teżisti u tiġi inkorporata mill-ġdid skont id-dritt tal-pajjiż li fuq it-territorju tiegħu hija tixtieq tistabbilixxi l-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha.
104 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 19 tas-sentenza Daily Mail and General Trust, iċċitata iktar ’il fuq, fakkret li kumpannija maħluqa skont sistema legali nazzjonali tista’ teżisti biss permezz tal-liġi nazzjonali li tiddetermina l-istabbiliment u l-funzjonament tagħha.
105 Fil-punt 20 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-liġijiet tal-Istati Membri huma differenti sewwa f’dak li jirrigwarda kemm l-element ta’ rabta mat-territorju nazzjonali mitlub sabiex tiġi inkorporata kumpannija kif ukoll il-possibbiltà, għal kumpannija inkorporata b’mod konformi ma’ din il-liġi, li temenda sussegwentement dan l-element ta’ rabta. Ċerti liġijiet jitolbu li mhux biss l-uffiċċju rreġistrat, iżda wkoll l-uffiċċju veru, jiġifieri ċ-ċentru tal-amministrazzjoni tal-kumpannija, ikunu fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati, b’mod li bidla fiċ-ċentru tal-amministrazzjoni barra minn dan it-territorju tissupponi x-xoljiment tal-kumpannija, bil-konsegwenzi kollha li xoljiment bħal dan jinvolvi fuq il-livell tad-dritt tal-kumpanniji. Liġijiet oħra jirrikonoxxu lill-kumpanniji d-dritt li jittrasferixxu ċ-ċentru tal-amministrazzjoni tagħhom barra mill-pajjiż, iżda xi wħud jissuġġettaw dan id-dritt għal ċerti restrizzjonijiet, u l-konsegwenzi legali ta’ dan it-trasferiment ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.
106 Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 21 ta’ dik l-istess sentenza, li t-Trattat KEE ħa inkunsiderazzjoni din id-differenza fil-liġijiet nazzjonali. Billi ddefinixxa, fl-Artikolu 58 tiegħu (li sar l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, issa l-Artikolu 48 KE), l-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment, it-Trattat KEE qiegħed fuq l-istess livell l-uffiċċju rreġistrat, iċ-ċentru tal-amministrazzjoni u l-istabbiliment prinċipali ta’ kumpannija bħala elementi ta’ rabta.
107 Fis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C-208/00, Ġabra p. I-9919, punt 70), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li kkonfermat dawn il-kunsiderazzjonijiet, ikkunsidrat li l-possibbiltà, għal kumpannija inkorporata skont il-liġi ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha jew l-uffiċċju veru tagħha, fi Stat Membru ieħor mingħajr ma titlef il-personalità legali tagħha li hija għandha taħt is-sistema legali tal-Istat Membru fejn ġiet inkorporata u, skont il-każ, il-metodi ta’ dan it-trasferiment, huma stabbiliti mil-liġi nazzjonali li skontha din il-kumpannija ġiet inkorporata. Minn dan hija kkonkludiet li Stat Membru għandu l-possibbiltà li jimponi fuq kumpannija inkorporata skont is-sistema legali tagħha restrizzjonijiet għat-tibdil fl-uffiċċju veru tagħha barra mit-territorju tiegħu sabiex din il-kumpannija tkun tista’ żżomm il-personalità legali li hija tibbenefika minnha skont id-dritt ta’ dan l-istess Stat Membru.
108 Jeħtieġ li jiġi enfasizzat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni fuq il-bażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 58 tat-Trattat KEE. Fil-fatt, billi f’dan l-artikolu ddefinixxa l-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt ta’ stabbiliment, it-Trattat KEE kkunsidra d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw kemm l-element ta’ rabta mitluba mill-kumpanniji li jirriżultaw minn dawn il-liġijiet kif ukoll il-possibbiltà u, skont il-każ, il-metodi għat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat jew tal-uffiċċju veru, ta’ kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru għal ieħor bħala diffikultajiet li għadhom ma ġewx solvuti permezz tar-regoli fuq id-dritt ta’ stabbiliment, iżda li għandhom jiġu solvuti permezz ta’ liġijiet jew akkordji, li għadhom ma mmaterjalizzawx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust, punti 21 sa 23, u Überseering, punt 69).
109 Għaldaqstant, skont l-Artikolu 48 KE, fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt Komunitarju tal-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 43 KE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu, bħal, barra minn dan, dik dwar jekk persuna fiżika hijiex ċittadin ta’ Stat Membru li tista’, b’hekk, tibbenefika minn din il-libertà, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk, huwa biss jekk jiġi vverifikat li din il-kumpannija tibbenefika effettivament mil-libertà ta’ stabbiliment fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 KE li tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-kumpannija tinstabx quddiem restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 43 KE.
110 Għalhekk, Stat Membru jgawdi l-fakultà li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta mitlub minn kumpannija sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala inkorporata skont id-dritt nazzjonali tiegħu u li tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak mitlub sabiex dan l-istatus jinżamm sussegwentement. Din il-fakultà tinkludi l-possibbiltà, għal dan l-Istat Membru, li ma jippermettix lil kumpannija rregolata mid-dritt nazzjonali tiegħu li żżomm dan l-istatus meta hija jkollha l-intenzjoni terġa’ torganizza ruħha fi Stat Membru ieħor billi tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, u b’hekk tikser l-element ta’ rabta previst mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru fejn ġiet inkorporata.
111 Madankollu, każ bħal dan ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija inkorporata skont id-dritt ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor mingħajr bdil tal-liġi li għaliha hija suġġetta, għandu jkun distint minn dak ta’ trasferiment ta’ kumpannija taħt Stat Membru lejn Stat Membru ieħor bi bdil tad-dritt nazzjonali applikabbli, billi l-kumpannija ssir suġġetta għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn ittrasferiet ruħha.
112 Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-fakultà, imsemmija fil-punt 110 ta’ din is-sentenza, mhux talli ma timplikax l-immunità tal-liġi nazzjonali fil-qasam ta’ inkorporazzjoni u ta’ xoljiment tal-kumpanniji fir-rigward tar-regoli tat-Trattat KE dwar il-libertà tal-istabbiliment, iżda, b’mod partikolari, ma titsax tiġġustifika li l-Istat Membru ta’ fejn ġiet inkorporata, billi jimponi x-xoljiment u l-istralċ ta’ din il-kumpannija, jostakolalha milli ssir kumpannija ta’ dritt nazzjonali tal-Istat Membru l-ieħor sa fejn permess minn din il-liġi.
113 Ostakolu bħal dan għall-bdil effettiv ta’ kumpannija bħal din, mingħajr xoljiment u stralċ minn qabel, f’kumpannija ta’ dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fiha tixtieq tiġi trasferita jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumannija kkonċernata li, sakemm ma tkunx iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, hija pprojbita skont l-Artikolu 43 KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 u 17).
114 Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li, minn wara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust u Überseering, il-liġijiet u l-akkordji fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 44(2)(g) KE u 293 KE għadhom, sal-lum, ma ttrattawx id-differenza fil-liġijiet nazzjonali msemmija f’dawn is-sentenzi u għalhekk għadhom ma temmewhiex.
115 Il-Kummissjoni madankollu ssostni li n-nuqqas ta’ liġi Komunitarja f’dan il-qasam, ikkonstat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza Daily Mail and General Trust, iċċitata iktar ’il fuq, imtela permezz tar-regoli Komunitarji fuq it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru li jinsabu f’regolamenti bħar-Regolamenti Nri 2137/85 u 2157/2001, dwar, rispettivament, il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku u l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea, jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (ĠU L 207, p. 1), kif ukoll mil-liġi Ungeriża adottata b’konsegwenza ta’ dawn ir-regolamenti.
116 Hija tqis li dawn ir-regoli jistgħu, u għandhom, jiġu applikati mutatis mutandis għat-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju veru ta’ kumpannija inkorporata skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru.
117 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn ir-regolamenti, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 308 KE, effettivament jipprevedu sistema li tippermetti lill-entitajiet ġuridiċi ġodda li huma jistabbilixxu li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u, għalhekk, anki l-uffiċċju veru tagħhom, li t-tnejn li huma għandhom fil-fatt ikunu jinstabu fl-istess Stat Membru, fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jingħata lok la għax-xoljiment tal-persuna ġuridika oriġinali u lanqas għall-ħolqien ta’ persuna ġuridika ġdida, dan it-trasferiment, madankollu, jinvolvi neċessarjament bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għall-entità li tagħmel tali trasferiment.
118 Dan jirriżulta, pereżempju, għal Kumpannija Ewropea, mill-Artikoli 7 sa 9(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 2157/2001.
119 Fil-kawża prinċipali, Cartesio tixtieq tittrasferixxi biss l-uffiċċju veru tagħha mill-Ungerija fl-Italja filwaqt li tibqa’ kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, u għalhekk mingħajr bidla f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali applikabbli għaliha.
120 Għaldaqstant, l-applikazzjoni mutatis mutandis tal-liġi Komunitarja li għaliha tirreferi l-Kummissjoni, anki jekk din tapplika fil-każ ta’ trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija rregolat mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, fl-ebda każ ma tista’ twassal għar-riżultat mixtieq f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.
121 Barra minn dan, f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, fuq il-prinċipju stabbilit fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust u Überseering, hemm lok jiġi kkonstatat li dawn is-sentenzi ma jirrigwardawx l-istess problema, b’mod li ma jistax jiġi sostnut li l-ewwel sentenza tippreċiża l-portata tat-tnejn l-oħra.
122 Fil-fatt, il-kawża li ta lok għas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tirrigwarda r-rikonoxximent, fl-Istat Membru fejn ġiet inkorporata kumpannija, ta’ operazzjoni ta’ stabbiliment permezz ta’ għaqda transkonfinali mwettqa minn din il-kumpannija fi Stat Membru ieħor, sitwazzjoni li hija fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Daily Mail and General Trust, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza SEVIC Systems, iċċitata iktar ’il fuq, hija simili għas-sitwazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, Ġabra p. I-1459; Überseering, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155).
123 F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-kwistjoni preliminari li tirriżulta mhijiex dik imsemmija fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, jiġifieri jekk il-kumpannija kkonċernata tistax tiġi kkunsidrata bħala kumpannija li għandha n-nazzjonalità tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu hija ġiet inkorporata, iżda pjuttost il-kwistjoni ta’ jekk din il-kumpannija, li huwa paċifiku li hija kumpannija tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, tinsabx iffaċċjata jew le b’restrizzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor.
124 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, bħala risposta għar-raba’ domanda għandu jingħad li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru li tipprekludi lil kumpannija inkorporata skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru milli tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.
Fuq l-ispejjeż
125 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Qorti bħall-qorti tar-rinviju, li quddieha tressaq appell minn deċiżjoni ta’ qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji li ċaħdet applikazzjoni għall-emenda ta’ indikazzjoni f’dan ir-reġistru għandha tiġi kkwalifikata bħala qorti jew tribunal li jista’ jressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, minkejja l-fatt li la d-deċiżjoni ta’ din il-qorti u lanqas l-eżami ta’ dan l-appell mill-qorti tar-rinviju ma jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja.
2) Qorti bħall-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha mogħtija fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell fil-kassazzjoni, ma tistax tkun ikkwalifikata bħala qorti jew tribunal li kontra d-deċiżjonijiet tiegħu ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE.
3) Fil-preżenza ta’ regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ appell minn deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu li l-kawża prinċipali kollha tibqa’ pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju biss tkun is-suġġett ta’ appell limitat, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni li din id-dispożizzjoni tat-Trattat tagħti lil kull qorti nazzjonali sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-applikazzjoni ta’ tali regoli, li jippermettu lill-qorti adita bl-appell tbiddel id-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat din id-deċiżjoni tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi.
4) Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru li tipprekludi lil kumpannija inkorporata skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru milli tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru ieħor filwaqt li żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu ġiet inkorporata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.