Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

26.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 22/29


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brugge (Il-Belġju) fis-16 ta' Novembru 2007 — S.A. Beleggen, Risicokapitaal, Beheer vs L-Istat tal-Belġju

(Kawża C-499/07)

(2008/C 22/54)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg te Brugge (il-Belġju).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: S.A. Beleggen, Risicokapitall, Beheer.

Konvenuta: L-Istat tal-Belġju.

Domandi preliminari

1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni applikabbli fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (1), b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li Stat Membru japplika l-eżenzjoni tal-profitti mqassma li kumpannija ta' dan l-Istat jiġbor mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, barra minn kull likwidazzjoni tas-sussidjarja, billi jiġu inklużi l-ewwel nett il-profitti kollha mqassma fil-bażi ta' stima sabiex imbagħad jitnaqqsu mill-bażi ta' stima għall-ammont ta' 95 % iżda billi jiġi limitat madankollu dan it-tnaqqis mill-ammont ta' profitti mis-sena fiskali li fih dawn il-profitti tqassmu (wara tnaqqis ta' ċerti affarijiet stabbiliti mil-liġi) (Artikolu 205(2) tal-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul ta' l-1992, moqri flimkien ma' l-Artikolu 77 tas-sentenza rjali ta' eżekuzzjoni tal-Kodiċi tat-taxxi fuq id-dħul ta' l-1992) b'mod li l-ebda telf li jista' jiġi mressaq ma jseħħ jekk il-profitti tas-sena fiskali ikunu inferjuri għall-ammont ta' l-imsemmija profitti mqassma ?

2.

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta' Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni applikabbli fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tobbliga lil dan l-Istat Membru jippermetti li l-profitti mqassma, li kumpannija ta' dan l-Istat tiġbor mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, ikunu totalment deduċibbli mill-ammont ta' profitti tas-sena fiskali u li jippermettu li t-telf li jirriżulta jkun jista' jiġi mressaq fuq sena fiskali oħra ?

3.

Jekk l-imsemmija Direttiva 90/435/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sistema Belġjana tmur kontra l-Artikolu 4(1) għall-profitti mqassma li l-kumpannija prinċipali Belġjana tiġbor minn sussidjarja fl-Unjoni Ewropea, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tad-direttiva tipprekludi wkoll l-applikazzjoni tas-sistema Belġjana għall-profitti mqassma li kumpannija prinċipali Belġjana tiġbor minn sissidjarja Belġjana meta, bħal f'dan il-każ partikolari, il-leġiżlatur Belġjan iddeċieda li jittrasponi d-direttiva fid-dritt Belġjan billi jiġu ttrattati s-sitwazzjonijiet purament interni bl-istess mod bħas-sitwazzjonijiet irregolati mid-direttiva u li b'hekk adatta wkoll il-leġiżlazzjoni Belġjana għad-direttiva għas-sitwazzjonijiet purament interni ?

4.

L-Artikolu 43 tat-Trattat KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tkun trid li, fit-tassazzjoni abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenjoni tal-profitti mqassma li kumpannija tiġbor mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor f'sena fiskali tiġi limitata fl-ewwel Stat Membru għal ammont tal-profitti tal-perijodu taxxabbli li fih il-profitti tqassmu (wara tnaqqis ta' ċertu ħruġ stabbilit skond il-liġi) b'mod li l-profitti mqassma jistgħu jkunu totalment eżenti jekk din il-kumpannija kienet waqqfet stabbiliment stabbli fl-Istat Membru l-ieħor?


(1)  ĠU L 225, p. 6.