Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

12.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/27


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-267/09)

2009/C 220/52

Lingwa tal-kawża: Il-portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u G. Braga da cruz, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li, billi approvat u żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijet legali li jinsabu fl-Artikolu 130 tal-Codigo do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares (CIRS) (il-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-dħul Personali), li jobbligaw lill-persuni taxxabbli li mhumiex residenti fil-Portugall sabiex jaħtru rappreżentant tat-taxxi, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18 u 56 tat-Trattat KE u tal-artikoli korrispondenti tal-Ftehim taż-ŻEE.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 130 tal-Codigo do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Singulares jistabbilixxi obbligu ġenerali impost fuq il-persuni li mhumiex residenti fit-territorju Portugiż sabiex jaħtru rappreżentant tat-taxxi residenti fil-Portugall, liema obbligu mhuwiex kompatibbli mal-Artikoli 18 u 56 KE u mal-artikoli korrispondenti tal-Ftehim taż-ŻEE:

a)

minn naħa, obbligu impost fuq il-persuni li mhumiex residenti fit-territorju Portugiż li jirċievu biss dħul suġġett għat-taxxa fuq id-dħul f’ras il-għajn b’mod definittiv sabiex jantru rappreżentant tat-taxxi residenti fil-Portugall;

b)

min-naħa l-oħra, obbligu impost fuq il-persuni li mhumiex residenti fit-territorju Portugiż li jirċievu dħul li jirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni tat-taxxa sabiex jaħtru rappreżentant tat-taxxi residenti fil-Portugall.

Skont il-Kummissjoni, obbligu ġenerali bħal dak imsemmi fl-Artikolu 130 taċ-CIRS imur kontra l-moviment liberu tal-persuni u tal-kapital, stabbilit fl-Artikoli 18 u 56 KE u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim taż-ŻEE, ġaladarba huwa diskriminatorju (fir-rigward tal-persuni li mhumiex residenti fit-territorju Portugiż) filwaqt li fl-istess ħin mhuwiex proporzjonat fir-rigward tal-għan imfittex.

Huwa diskriminatorju peress li, fil-prattika, dan l-obbligu jirrappreżenta oneru finanzjarju impost fuq persuni li mhumiex residenti, fid-dawl tal-fatt li filmaġġoranza tal-każijiet dawn ir-rappreżentanti tat-taxxi ma joffrux is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas. Barra minn hekk, anki kieku s-servizzi ta’ rappreżentant tat-taxxi kellhom jiġu offerti b’xejn, is-sempliċi fatt li l-ħatra tiegħu hija obbligatorja huwa ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni u tal-kapital, fejn — sabiex dan l-ostakolu ma jeżistix — għandha tkun il-persuna taxxabbli nnifisha li tiddeċiedi jekk għandhiex taħtar rappreżentant tat-taxxi jew le.

Barra minn hekk, anki li kieku r-rappreżentant tat-taxxi ma kellu ebda tip ta’ obbligu jew responsabbiltà għall-ħlas tat-taxxa, iżda kellu sempliċement jissodisfa ċerti doveri ta’ natura formali, is-sempliċi fatt li huwa obbligatorju li jinħatar rappreżentant huwa, fih innifsu, ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni u tal-kapital, fejn — sabiex dan l-ostakolu ma jeżistix — għandha tkun il-persuna taxxabbli nnifisha li tiddeċiedi jekk għandhiex taħtar rappreżentant tat-taxxi jew le.

Dan l-obbligu lanqas ma huwa proporzjonali ġaladarba l-għan imfittex — jiġifieri dak li jiġi żgurat il-kontroll fiskali effiċjenti u l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali — filwaqt li huwa leġittimu, jista’ jinkiseb billi jintużaw metodi inqas restrittivi.

Minn naħa, id-Direttiva tal-Kunsill Nru 2008/55/KE (1), tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra, li jikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE, tal-15 ta’ Marzu 1976, jipprovdi għall-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward taxxi, u għaldaqstant fuq taxxi fuq id-dħul (ara l-Artikolu 2(g)), kif inhu l-każ tas-CIRS (taxxa fuq id-dħul personali). Min-naħa l-oħra, skont id-Direttiva tal-Kunsill Nru 771799/KEE (2), dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ dejjem titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor sabiex tipprovdilha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġġieled l-evażjoni fiskali.


(1)  ĠU 2008 L 150, p. 28.

(2)  ĠU 1977 L 366, p.15.