Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/15


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-21 ta’ Mejju 2010 fil-Kawżi magħquda T-425/04, T-444/04, T-450/04 u T-456/04, Franza et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-401/10 P)

()

2010/C 317/28

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Giolito, D. Grespan u S. Thomas, aġenti)

Appellati: Ir-Repubblika Franċiża, France Télécom SA, Bouygues SA, Bouygues Télécom SA, Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla Estiża) tal-21 ta’ Mejju 2010 fil-Kawżi magħquda T-425/04, T-444/04, T-450/04 u T-456/04, innotifikata lill-Kummissjoni permezz ta’ faks fil-25 ta’ Mejju 2010, sa fejn il-Qorti Ġenerali:

annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (1);

ikkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Franċiża u ta’ France Télécom fil-Kawżi T-425/04 u T-444/04;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid;

tirriżerva l-ispejjeż tal-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fiha motivazzjoni kontradittorja fuq diversi punti. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fis-sentenza appellata, li d-dikjarazzjonijiet, inkluż it-tħabbir ta’ ħlas bil-quddiem minn azzjonist tal-4 ta’ Diċembru 2002, jistgħu jiġu evalwati flimkien meta tkun qiegħda tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ għal France Télécom, filwaqt li, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm separazzjoni kunsiderevoli bejn it-tħabbir tal-ħlas bil-quddiem minn azzjonist u d-diversi dikjarazzjonijiet tal-Istat li saru qabel.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, il-Kummissjoni tinvoka ksur minn diversi aspetti, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 87(1) KE, flimkien mal-Artikolu 230 KE. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx il-kunċett ta’ għajnuna meta eżiġiet konnessjoni mill-qrib bejn il-vantaġġ u l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat (l-ewwel parti), meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat fit-tħabbir u fl-offerta tal-kuntratt ta’ azzjonist mill-Istat Franċiż lil France Télécom (it-tieni parti) u meta ma eżaminatx il-kriterju tal-investitur privat informat sabiex tiddetermina l-eżistenza jew l-assenza ta’ vantaġġ għal France Télécom (it-tielet parti). Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta tagħmel analiżi ekonomiċi kumplessi u meta tiddeċiedi dwar l-opportunità tad-deċiżjoni kkontestata (ir-raba’ parti).

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kkontestata meta kkunsidrat li hija kellha tagħti motivazzjoni iktar fil-fond fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ distint li jirriżulta mill-offerta ta’ kont ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni lil France Télécom u meta kkonstatat separazzjoni kunsiderevoli bejn id-dikjarazzjonijiet magħmula wara Lulju 2002 u t-tħabbir tal-kuntratt ta’ ħlas bil-quddiem minn azzjonist tal-4 ta’ Diċembru 2002.


(1)  ĠU L 257, p. 11.