18.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 179/7 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Baranya Megyei Biróság (l-Ungerija) fit-22 ta’ Frar 2011 — Mahagében Kft. vs Nemzeti Adó és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága
(Kawża C-80/11)
2011/C 179/10
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Baranya Megyei Biróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Mahagében Kft.
Konvenuta: Nemzeti Adó és Vámhivatal Dél-dunántúli Regionális Adó Főigazgatósága
Domandi preliminari
(1) |
Id-Direttiva 2006/112 (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li persuna taxxabbli li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha materjali għat-tnaqqis tal-VAT imposti mill-imsemmija direttiva tista’ tiċċaħħad mid-dritt tagħha għal tnaqqis minn leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tal-VAT imħallsa għax-xiri tal-merkanzija fil-każ fejn il-fattura tikkostitwixxi l-uniku dokument idoneu biex jiċċertifika t-twettiq effettiv tal-provvista tal-merkanzija, iżda fejn il-persuna taxxabbli ma għandhiex dokument mogħti mill-persuna li toħroġ il-fattura li juri li din tal-aħħar kellha l-merkanzija inkwistjoni, li kienet f’pożizzjoni li tikkunsinjaha, u li ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni? L-Istat Membru jista’ jirrikjedi, taħt l-Artikolu 273 tad-direttiva, bil-għan li jiżgura l-ġbir eżatt tal-VAT u jevita l-evażjoni, li d-destinatarju tal-fattura jkollu dokumenti oħra li juru li l-persuna li toħroġ il-fattura kellha l-merkanzija inkwistjoni, u li din il-merkanzija ġiet ikkunsinnata jew ipprovduta lilu? |
(2) |
Il-kunċett ta’ “diliġenza meħtieġa” previst fl-Artikolu 44(5) tal-liġi nazzjonali dwar il-VAT huwa kompatibbli mal-prinċipji ta’ newtralità u ta’ proporzjonalità rikonoxxuti bosta drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-applikazzjoni tad-direttiva, sa fejn dan jimplika, skont l-awtorità tat-taxxa u l-ġurisprudenza stabbilita, li d-destinatarju tal-fattura għandu jiżgura ruħu li l-persuna li toħroġ il-fattura hija persuna taxxabbli, li kienet inkludiet il-merkanzija inkwistjoni fil-kontabbiltà tagħha, li tinsab fil-pussess ta’ fattura ta’ xiri fir-rigward ta’ din il-merkanzija u li ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT? |
(3) |
L-Artikoli 167 u 178(a) tad-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis għall-prova, mid-destinatarju tal-fattura, li l-kumpannija li toħroġ il-fattura kkonformat ruħha mal-obbligi legali tagħha? |
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)