Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2015 (1)

Kawżi magħquda C-10/14, C-14/14 u C-17/14

J. B. G. T. Miljoen (C-10/14),

X (C-14/14),

Société Générale SA (C-17/14)

vs

Staatssecretaris van Financiën

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Tassazzjoni diretta — Artikolu 63 TFUE — Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjoni kkawżata mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru — Taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul minn dividendi ddistribwiti minn kumpannija stabbilita f’dan l-Istat — Differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti — Kriterji ta’ paragun — Teħid inkunsiderazzjoni fil-paragun tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji li fir-rigward tagħha t-taxxa fuq id-dividendi tiġi imputata b’mod sistematiku biss għar-residenti — Elementi li għandhom jiġu inklużi fl-evalwazzjoni tal-piż fiskali reali fuq dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli — Possibbiltà li tiġi nnewtralizzata r-restrizzjoni permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stat Membru ieħor sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja”





I –    Introduzzjoni

1.        It-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) (2) huma relatati mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, fid-dawl tar-rabta bejn il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri li huwa stabbilit b’dan l-artikolu u l-kontenut ta’ dispożizzjonijiet relatati mat-tassazzjoni diretta li ġew adottati minn Stat Membru. L-ostakoli fiskali li jistgħu jeżistu fir-rigward ta’ din il-libertà diġà kienu s-suġġett ta’ ġurisprudenza estiża ħafna tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dawn il-kawżi għandhom natura partikolari minħabba li jikkonċernaw leġiżlazzjoni li skontha dividendi ta’ ħruġ huma suġġetti għal taxxa fl-Istat Membru tal-oriġini mhux biss jekk jiġu mqassma lil azzjonisti residenti fit-territorju tiegħu, iżda wkoll jekk jiġu mqassma lil azzjonisti residenti fi Stat Membru ieħor.

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-amministrazzjoni fiskali tal-Pajjiżi l-Baxxi u tliet persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jiġifieri rispettivament żewġ persuni fiżiċi ta’ nazzjonalità Olandiża li jirrisjedu fil-Belġju u kumpannija taħt id-dritt Franċiż stabbilita fi Franza.

3.        Il-partijiet interessati jilmentaw li din l-amministrazzjoni rrifjutat li tħallashom lura t-taxxa, miżmuma f’ras il-għajn, fuq id-dividendi ta’ portafoll li ġew iddistribwiti lilhom minn kumpanniji Olandiżi. Huma jsostnu li skont id-dritt Olandiż, il-persuni taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi kwalunkwe ċirkustanza, jistgħu jnaqqsu dan l-ammont miżmum mit-taxxa fuq id-dħul jew mit-taxxa fuq il-kumpanniji li kellhom iħallsu, filwaqt li dawk mhux residenti huma mċaħħda minn vantaġġ bħal dan. Fil-fehma tagħhom, minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżulta differenza fit-trattament fiskali li tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

4.        B’risposta għal dan, l-awtoritajiet Olandiżi jqajmu l-oġġezzjonijiet li d-dħul li jirriżulta mid-dividendi huwa ntaxxat fil-Pajjiżi l-Baxxi skont l-istess modalitajiet, ikun liema jkun il-post fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew il-kumpannija li tirċevihom, u li ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni vantaġġi li huma offruti biss lil residenti għal xi ħaġa oħra. Huma jgħidu wkoll li fil-każ fejn restrizzjoni xorta waħda titqies li hija possibbli, il-konsegwenzi negattivi tagħha jistgħu jiġu nnewtralizzati bl-applikazzjoni ta’ ftehim konkluż mal-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna interessata żvantaġġata, li jkun jippermetti kumpens tat-taxxa li hija dovuta, f’dan il-każ, fil-Belġju jew fi Franza.

5.        Biex tkun tista’ tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkawżax restrizzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fl-ewwel lok, liema huma l-elementi rilevanti biex is-sitwazzjoni fiskali ta’ persuni mhux residenti tiġi pparagunata ma’ dik tal-persuni residenti b’dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk applikabbli għall-kawżi prinċipali, jekk wieħed jassumi li dawn is-sitwazzjonijiet huma tassew oġġettivament paragunabbli. Din tistaqsi iktar speċifikament jekk hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà, li hija rriżervata għar-residenti, li tkun tista’ titnaqqas sistematikament it-taxxa fuq id-dividendi, imfassla bħala withholding, jiġifieri bħala pagament minn qabel, biex jitnaqqas l-ammont ta’ taxxa oħra, rispettivament it-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il-kumpanniji, jew inkella li din l-ewwel taxxa tiġi rrimborsata sakemm dawn ma jkunux taxxabbli għat-tieni waħda.

6.        Fil-każ li din il-possibbiltà titqies li hija determinanti mill-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar hija mistiedna sabiex tistabbilixxi, fit-tieni lok, il-mod kif għandu jiġi evalwat jekk il-piż fiskali reali fuq il-persuni mhux residenti, kemm persuni fiżiċi jew kumpanniji, huwiex ikbar minn dak tar-residenti, u b’mod partikolari jekk huwiex xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward data bħall-parti eżentata mit-taxxa li jibbenefikaw minnha r-residenti jew diversi spejjeż relatati mal-azzjonijiet li jirriżultaw minnhom id-dividendi.

7.        Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar il-kundizzjonijiet li taħthom ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, bħal dawk li ġew konklużi bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tal-Belġju jew ir-Repubblika Franċiża rispettivament, jistax joħloq effett korrettiv li jista’ jinnewtralizza l-konsegwenzi ta’ trattament differenti li huwa ta’ żvantaġġ għall-persuni mhux residenti.

8.        B’mod supplimentari, għandu jiġi osservat li la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Olandiż ma jsemmu xi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’, jekk ikun il-każ, tiġġustifika r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li l-impatt negattiv tagħha ma jkunx irrimedjat minn tali ftehimiet bilaterali konformement mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza (3).

II – Il-kuntest legali Olandiż

A –    Id-dispożizzjonijiet interni rilevanti

1.      Il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi

9.        L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tal-1965 dwar it-taxxa fuq id-dividendi (4), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi”), tipprevedi li “taxxa diretta” msejħa “taxxa fuq id-dividendi” tinġabar minn “dawk li – direttament jew permezz ta’ ċertifikati – jiġbru d-dħul minn azzjonijiet maħruġa minn […] kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata, soċjetajiet in akkomanditi u kumpanniji oħrajn stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-kapital tagħhom jitqassam kollu jew parzjalment f’azzjonijiet”.

10.      L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din il-liġi jistabbilixxi l-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi billi jinkludi, b’mod partikolari, id-“distribuzzjoni diretta jew indiretta tal-profitti” kollha “taħt kwalunkwe isem jew fi kwalunkwe forma […]”. Skont l-Artikolu 5 tal-liġi msemmija, ir-rata ta’ din it-taxxa tammonta għal 15 % ta’ dan id-dħul mill-azzjonijiet.

2.      Il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul

11.      Il-Liġi tal-2001 dwar it-taxxa fuq id-dħul (5), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), tistabbilixxi s-sistema tat-taxxa miġbura fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi.

12.      L-Artikolu 2.13 ta’ din il-liġi jistabbilixxi għal 30 % r-rata tat-taxxa applikabbli għad-dħul li jirriżulta mit-tfaddil u mill-investimenti, li taqa’ taħt il-kategorija tad-dħul taxxabbli li normalment huwa kkwalifikat bħala tal-“każ 3” jew bħala “intestatura 3”.

13.      L-Artikolu 5.1 jiddikjara li d-“dħul li jirriżulta mit-tfaddil u minn investimenti” huwa kkostitwit mill-“benefiċċju miksub mit-tfaddil u mill-investimenti mnaqqas bit-tnaqqis personali”.

14.      Skont l-Artikolu 5.2, “il-benefiċċju miksub mit-tfaddil u mill-investimenti” huwa stabbilit b’rata fissa għal 4 % tal-medja bejn “il-bażi ta’ redditu fil-bidu tas-sena kalendarja (data tal-bidu)” u “l-bażi ta’ redditu fit-tmiem tas-sena kalendarja (data tat-tmiem)”, “sakemm din il-medja tkun ogħla mill-parti eżentata tal-patrimonju”.

15.      L-Artikolu 5.3(1) jistabbilixxi l-“bażi ta’ redditu” bħala “l-valur tal-assi mnaqqas bil-valur tad-dejn”. Il-paragrafu 2 tiegħu jinkludi fost l-“assi”, b’mod partikolari, id-drittijiet fuq proprjetajiet immobbli jew mobbli u d-drittijiet li ma jirrigwardawx beni reali, bħal ammont finanzjarju. Il-paragrafu 3 tiegħu jindika li d-“dejn” jikkostitwixxi obbligazzjonijiet b’valur ekonomiku meħud inkunsiderazzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

16.      Skont l-Artikolu 5.5(1), “[i]l-kapital eżentat mit-taxxa jammonta għal EUR 20 014”. Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-artikolu jadattaw din ir-regola fil-każ partikolari ta’ persuna taxxabbli li jkollha “sieħeb”.

17.      L-Artikolu 9.2(1)(b) jiddikjara li l-ġbir tat-taxxa fuq id-dividend riċevut huwa kkwalifikat bħala “withholding”, jiġifieri pagament minn qabel li jista’, b’imputazzjoni, inaqqas it-taxxa fuq id-dħul dovuta fil-Pajjiżi l-Baxxi.

3.      Il-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji

18.      L-Artikolu 3(a) tal-Liġi tal-1969 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (6), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C-17/14 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji”), tipprevedi li l-persuni ġuridiċi mhux stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jiġbru dħul Olandiż huma suġġetti għat-taxxa bħala persuni taxxabbli barranin.

19.      Qabel ġie emendat b’liġi tat-23 ta’ Diċembru 2009 (7), l-Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi kien jiddikjara li l-kwalifika ta’ “withholdings” tinkludi, b’mod partikolari, il-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi li huma parti mill-profitt taxxabbli jew mid-dħul Olandiż tas-sena kkonċernata. Mill-Artikolu 25a jirriżulta li jekk il-kalkolu tat-taxxa ma jwassalx għal ammont pożittiv, l-avviż ta’ taxxa ma jkunx stabbilit, jew ikun iffissat għal żero, u l-imputazzjoni tal-withholding ma sseħħx.

4.      Il-Kodiċi tat-Taxxa

20.      L-Artikolu 15 tal-Kodiċi tat-Taxxa (8) jipprevedi li “l-[…] withholding msemmija fil-liġi b’rabta mat-taxxa hija imputata fuq l-avviż ta’ taxxa jew, jekk ikun hemm bżonn, b’deċiżjoni tal-ispettur li tista’ tiġi appellata”. Jekk l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn persuna taxxabbli ma jkunx biżżejjed biex jikkumpensa t-taxxa fuq id-dividendi miġbura, din it-taxxa tal-aħħar għandha tiġi rrimborsata.

B –    Id-dispożizzjonijiet internazzjonali rilevanti

21.      Iż-żewġ trattati bilaterali konklużi mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li huma applikabbli fil-Kawżi C-14/14 u C-17/14 tfasslu skont mudell ta’ ftehim fiskali mfassal mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (9).

1.      Il-ftehim Belġjan-Olandiż

22.      Il-ftehim konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bl-għan li jiġu evitati t-taxxa doppja u l-evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmat fil-Lussemburgu fil-5 ta’ Ġunju 2001 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Belġjan-Olandiż”) jissemma fil-Kawża C-14/14.

23.      L-Artikolu 10 tiegħu jipprevedi sistema li tqassam it-tassazzjoni tad-dividendi bejn dawn iż-żewġ Stati kontraenti. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li “d-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti fi Stat kontraenti lil resident tal-Istat kontraenti l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar”. Il-paragrafu 2 iżid li “[m]adankollu, [suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 (10)], dawn id-dividendi huma taxxabbli wkoll fl-Istat kontraenti li hija residenti fih il-kumpannija li tħallas id-dividendi, u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda jekk il-benefiċjarju effettiv tad-dividendi huwa resident tal-Istat kontraenti l-ieħor, it-taxxa stabbilita b’dan il-mod ma tistax taqbeż: […] b) 15 [%] tal-ammont gross tad-dividendi […]”.

24.      L-Artikolu 23 ta’ dan il-ftehim jistabbilixxi l-“[m]etodi biex tiġi eliminata t-taxxa doppja”. Il-paragrafu 1(b) jipprevedi, “fir-rigward tal-Belġju”, li “[s]uġġett għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-imputazzjoni fuq it-taxxa Belġjana tat-taxxi mħallsa barra l-pajjiż, meta resident tal-Belġju jirċievi elementi ta’ dħul li huma inklużi fid-dħul globali tiegħu suġġett għat-taxxa Belġjana u li jikkonsistu f’dividendi li ma humiex eżentati mit-taxxa Belġjana skont c) iktar ’il quddiem, […] it-taxxa Olandiża miġbura fuq dan id-dħul hija imputata fit-taxxa Belġjana li tappartjeni għal dan id-dħul”.

2.      Il-ftehim Franco-Olandiż

25.      Il-ftehim konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bl-għan li jiġu evitati t-taxxa doppja u l-evażjoni fiskali fir-rigward ta’ taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital, iffirmat f’Pariġi fis-16 ta’ Marzu 1973 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Franco-Olandiż), jissemma fil-Kawża C-17/14.

26.      L-Artikolu 10(1) tiegħu jistabbilixxi l-prinċipju li “d-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti fi Stat minnhom lil resident tal-Istat l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat tal-aħħar”. Il-paragrafu 2 jistipula eċċezzjoni, kif ġej: “[m]adankollu, dawn id-dividendi jistgħu jiġu ntaxxati fl-Istat fejn tirrisjedi l-kumpannija li tħallas id-dividendi u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda t-taxxa stabbilita b’dan il-mod ma tistax taqbeż: […] b) 15 [%] tal-ammont gross tad-dividendi […]”.

27.      Il-metodu adottat biex “tiġi eliminata t-taxxa doppja” f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar huwa dak tal-imputazzjoni ta’ kreditu ta’ taxxa fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-dividendi, kif previst fl-Artikolu 24 ta’ dan il-ftehim. Il-punt B(b) ta’ dan l-artikolu jiddikjara li “[f]ir-rigward tad-dħul imsemmi [b’mod partikolari fl-Artikolu 10] li kien suġġett għat-taxxa Olandiża b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ [dan l-artikolu], Franza tagħti lill-persuni residenti fi Franza u li jirċievu tali dħul, kreditu ta’ taxxa ta’ ammont ugwali għat-taxxa Olandiża”. Huwa speċifikat li “[d]an il-kreditu ta’ taxxa, li ma jistax jaqbeż l-ammont tat-taxxa miġbura fi Franza fuq id-dħul inkwistjoni, huwa imputabbli fuq it-taxxi msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) [(11)] li fil-bażijiet tagħhom huwa inkluż dan id-dħul”.

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      It-tliet kawżi prinċipali għandhom bħala punti komuni l-fatt li kull wieħed mir-rikorrenti rċieva dividendi ta’ portafoll li ġew iddistribwiti lilu minn kumpanniji Olandiżi, iżda jirrisjedi fi Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Pajjiżi l-Baxxi. Is-somom imħallsa ġew intaxxati f’ras il-għajn, b’rata ta’ 15 %, konformement mal-Liġi Olandiża dwar it-taxxa fuq id-dividendi. L-imsemmija taxxa setgħet eventwalment tkun suġġetta għal imputazzjoni fuq it-taxxi dovuti fl-Istat fejn huma residenti l-persuni kkonċernati, skont ftehimiet applikabbli intiżi li jevitaw it-taxxa doppja.

29.      B’mod iktar preċiż, mill-proċess dwar il-Kawża C-10/14 jirriżulta li J. B. G. T. Miljoen huwa ċittadin Olandiż li jirrisjedi fil-Belġju li kellu azzjonijiet fi tliet fondi kkwotati fil-borża fil-Pajjiżi l-Baxxi li mingħandhom irċieva xi dividendi, li fuqhom ittieħed ammont ta’ EUR 729 bħala taxxa Olandiża fuq id-dividendi dovuti għas-sena 2007.

30.      Skont id-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu fuq id-dħul riċevut fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2007, il-persuna interessata ddikjarat dħul globali ugwali għal żero u ma indikatx taxxa fuq id-dividendi li għandha titnaqqas bħala withholding, billi ma kinitx ser tiġi ntaxxata f’dan l-Istat Membru. L-amministrazzjoni fiskali Olandiża stabbilixxiet avviż ta’ taxxa fuq id-dħul konformement ma’ din id-dikjarazzjoni. Fit-22 ta’ Jannar 2010, J. B. G. T. Miljoen ressaq ilment kontra dan l-avviż u talab, mingħajr suċċess, rimbors parzjali fl-ammont ta’ EUR 438 (12), tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura mingħandu.

31.      Il-kawża tressqet quddiem ir-Rechtbank te Breda, u kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-kwistjoni jekk, kif ġie invokat minn J. B. G. T. Miljoen, id-differenza fit-trattament fiskali bejn l-azzjonisti li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-azzjonisti mhux residenti hemmhekk tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 63 TFUE. B’sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, ir-Rechtbank te Breda ċaħad dan ir-rikors, għar-raġuni li l-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi kkritikat ma kienx jikser id-dritt tal-Unjoni (13). J. B. G. T. Miljoen ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad.

32.      Fil-Kawża C-14/14, X hija ċittadina Olandiża li tirrisjedi l-Belġju u li kellha ċertifikati ta’ azzjonijiet f’kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-2007, id-dividendi tħallsulha f’sitt darbiet, u fuqhom inġabru EUR 16 105.80 bħala taxxa Olandiża fuq id-dividendi. Għal din l-istess sena, X kienet suġġetta, fil-Belġju, għal taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi li kienet tammonta għal 25 % tal-ammont nett tad-dividendi riċevuti (14), jiġifieri għal madwar EUR 22 816. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dritt Belġjan ma jippermettix li t-taxxa fuq id-dividendi mħallsa fil-Pajjiżi l-Baxxi titnaqqas mill-ammont tat-taxxa dovuta fil-Belġju.

33.      L-amministrazzjoni fiskali Olandiża ċaħdet l-ilment imressaq minn X billi sostniet li t-taxxa fuq id-dividendi mħallsa f’ras il-għajn tikser id-dritt tal-Unjoni minħabba li l-persuni taxxabbli residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi biss jistgħu f’kull ċirkustanza jimputaw jew jiġu rrimborsati f’kull ċirkustanza t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi miġbura mingħandhom, filwaqt li din ma tistax tiġi imputata fil-Belġju. Ir-Rechtbank te Breda qies parzjalment fondati d-diversi rikorsi ppreżentati kontra din id-deċiżjoni amministrattiva. Fuq appell, il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch ikkonfermat parzjalment is-sentenza tar-Rechtbank te Breda, b’sentenza tad-29 ta’ Awwissu 2012 (15), li kontriha X u l-amministrazzjoni fiskali Olandiża appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad.

34.      Fil-Kawża C-17/14, Société Générale SA (iktar ’il quddiem “Société Générale”) hija kumpannija rregolata bid-dritt Franċiż stabbilita fi Franza li kellha pakketti ta’ azzjonijiet f’kumpanniji Olandiżi kkwotati fil-borża li, mill-2000 sal-2008, ipprovdewlha dividendi li b’kollox jammontaw għal diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro. Kull sena, dan id-dħul kien suġġett għal ħlas ta’ 15 % bħala taxxa Olandiża fuq id-dividendi (16). Għas-snin 2000 sal-2007, il-kumpannija interessata setgħet tnaqqas mit-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta fi Franza t-taxxa kollha fuq id-dividendi li kienet tħallset fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda tali imputazzjoni ma kinitx possibbli għas-sena 2008, minħabba telf li kienet ġarrbet fi Franza.

35.      L-amministrazzjoni fiskali Olandiża rrifjutat li tilqa’ d-diversi talbiet ta’ Société Générale intiżi sabiex tikseb l-imputazzjoni jew il-ħlas lura tat-taxxi fuq id-dividendi li nġabru mingħandha (17) u li kienu bbażati fuq il-fatt li impriżi stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom id-dritt li jnaqqsu t-taxxa fuq id-dividendi mħallsa f’dan l-Istat mit-taxxa fuq il-kumpanniji li hija wkoll dovuta hemm, filwaqt li din il-possibbiltà ma teżistix b’mod sistematiku għall-azzjonisti mhux residenti.

36.      Ir-Rechtbank te Haarlem iddikjara bħala fondat wieħed biss mill-erba’ rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi. Il-Gerechtshof te Amsterdam, adita bl-appell ippreżentat minn Société Générale u mill-amministrazzjoni fiskali Olandiża, b’sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012 (18), parzjalment annullat u parzjalment ikkonfermat is-sentenzi mogħtija mir-Rechtbank te Haarlem. Société Générale ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad.

37.      F’dan il-kuntest, b’deċiżjonijiet tal-20 ta’ Diċembru 2013, li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Jannar 2014 (C-10/14), fil-15 ta’ Jannar 2014 (C-14/14) u fis-16 ta’ Jannar 2014 (C-17/14) rispettivament, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

–        fil-Kawża C-10/14:

“1)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, il-paragun bejn persuna mhux residenti u persuna residenti f’sitwazzjoni bħal din li fiha taxxa fuq id-dividendi tinġabar mill-Istat tal-oriġini fuq id-distribuzzjoni ta’ dividendi għandu jiġi estiż għat-taxxa fuq id-dħul li tolqot id-dħul li ġej minn dividendi li minnhom titnaqqas it-taxxa fuq id-dividendi għar-residenti?

2)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fatt [jekk] l-oneru fiskali [piż fiskali] reali fuq persuna mhux residenti huwa ogħla mill-oneru fiskali fuq persuna residenti, jeħtieġ li tiġi pparagunata t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi miġbura fuq persuna mhux residenti mat-taxxa Olandiża fuq id-dħul dovut minn persuna residenti stabbilita abbażi ta’ dħul fiss li jista’ jiġi imputat għas-sena ta’ riċeviment tad-dividendi mal-azzjonijiet kollha miżmuma f’kumpanniji Olandiżi, jew id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ element ieħor ta’ paragun?”

–        fil-Kawża C-14/14:

“1)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, il-paragun bejn persuni mhux residenti u persuni residenti f’sitwazzjoni bħal dik preżenti li fiha taxxa fuq id-dividendi hija miġbura mill-Istat tal-oriġini fuq id-distribuzzjoni ta’ dividendi għandu jiġi estiż għat-taxxa fuq id-dħul imposta fuq id-dħul li ġej minn dividendi li minnha, fil-każ ta’ residenti, ikun hemm tnaqqis tat-taxxa fuq id-dividendi?

2)      Jekk tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda, sabiex jiġi ddeterminat [jekk i]l-piż fiskali li għandha persuna mhux residenti huwa ikbar mill-piż fiskali ta’ persuna residenti, għandu jsir paragun bejn it-taxxa Olandiża fuq id-dividendi mħallsa f’ras il-għajn ta’ persuna mhux residenti u t-taxxa Olandiża fuq id-dħul dovuta minn persuna residenti ffissata abbażi ta’ dħul b’rata fissa li, għas-sena li fiha jiġu rċevuti d-dividendi, tiġi attribwita lill-holding kollu miżmum minn kumpanniji Olandiżi, jew id-dritt tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra ta’ paragun? F’dan il-paragun, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kapital eżentat mit-taxxa li jibbenefikaw minnu l-persuni residenti u, jekk ikun il-każ, sa liema punt (sentenza Welte, C-181/12, EU:C:2013:662)?

3)      Jekk tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domanda, sabiex jiġi ddeterminat [jekk] ħlas possibbilment diskriminatorju ta’ taxxa f’ras il-għajn [huwiex i]nnewtralizzat b’mod validu permezz ta’ ftehim intiż li tiġi evitata taxxa doppja konkluż mill-Istat tal-oriġini, huwa suffiċjenti li (i) il-ftehim ikkonċernat jipprevedi tnaqqis tat-taxxa fl-Istat ta’ residenza permezz tat-tpaċija [imputazzjoni] tat-taxxa imħallsa f’ras il-għajn u li minkejja li din il-possibbiltà ma tkunx mingħajr kundizzjonijiet, (ii) b’mod konkret, peress li huwa biss id-dividend nett miksub li huwa ntaxxat, it-tnaqqis tat-taxxa mogħti mill-Istat ta’ residenza jwettaq kumpens komplet tal-parti diskriminatorja tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn?”

–        fil-Kawża C-17/14:

“1)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, il-paragun bejn persuna mhux residenti u persuna residenti f’sitwazzjoni li fiha taxxa fuq id-dividendi tinġabar mill-Istat ta’ oriġini fuq it-tqassim [distribuzzjoni] ta’ dividendi għandha tiġi estiża għat-taxxa fuq il-kumpanniji li magħha tiġi paċuta [imputata] t-taxxa fuq id-dividendi għall-persuni residenti?

2)      a)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-paragun, l-ispejjeż kollha li huma marbuta ekonomikament mal-azzjonijiet li minnhom jirriżultaw id-dividendi?

b)      Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta negattiva, għandhom minflok jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tnaqqis eventwali tad-dividend inkluż fil-prezz tal-akkwist tal-azzjonijiet u l-ispiża eventwali tal-finanzjament li tirriżulta mill-azzjonijiet ikkonċernati?

3)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk ġbir f’ras il-għajn eventwalment diskriminatorju huwiex validament innewtralizzat bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż mill-Istat ta’ oriġini, huwa suffiċjenti li i) tali dispożizzjoni tkun prevista għal dan l-iskop fil-ftehim ikkonċedrnat u, minkejja li din il-possibbiltà ma tkunx inkondizzjonata, ii) fil-każ inkwistjoni timplika li l-piż fiskali Olandiż ma jkunx itqal għal persuna mhux residenti milli għal persuna residenti? Fil-każ ta’ tpaċija [imputazzjoni] insuffiċjenti għas-sena li matulha jitqassmu d-dividendi, hija rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-newtralizzazzjoni, il-possibbiltà li defiċit jiġi ttrasferit għas-snin ta’ wara u li tiġi invokata t-tpaċija f’dawk is-snin?”

38.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 2014, il-Kawżi C-10/14, C-14/14 u C-17/14 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

39.      J. B. G. T. Miljoen, X u Société Générale ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, relatati ma’ kull waħda mill-kawżi li tikkonċernahom rispettivament. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż u tar-Renju Unit kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea kienu jirrigwardaw it-tliet kawżi magħquda, filwaqt li dawk ippreżentati mill-Gvern Svediż huma limitati għall-Kawża C-17/14. Waqt is-seduta tat-18 ta’ Marzu 2015, kienu rrappreżentati J. B. G. T. Miljoen, X, Société Générale, il-gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ġermanja u tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

40.      Mill-bidu nett, nenfasizza li l-motivazzjoni tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari magħmula f’dawn il-kawżi hija qasira ħafna, sal-punt li l-implikazzjoni tagħhom, bl-istess mod bħall-kontenut tad-dritt nazzjonali u s-suġġett tal-kawżi prinċipali, tista’ tittieħed azzjoni dwarhom kultant biss fid-dawl tad-dokumenti li huma annessi mad-deċiżjonijiet tar-rinviju. Għaldaqstant, dawn it-talbiet jinsabu fil-limitu tal-inammissibbiltà skont ir-rekwiżiti fformulati fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (19). Minn dan jirriżulta li hawnhekk ser ikun neċessarju li jsir riferiment fir-rigward ta’ diversi aspetti għall-konklużjonijiet li ġew ippreżentati mill-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad fit-tliet kawżi prinċipali, iżda madankollu mingħajr ma dan ikun jippermetti li jiġi ggarantit li tali proċess jirrimedja bis-sħiħ il-lakuni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tar-rinviju.

41.      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, ċerti persuni taxxabbli barranin mhux residenti jistgħu jkunu responsabbli għat-taxxa fuq id-dħul jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji u, b’hekk, jibbenefikaw fil-Pajjiżi l-Baxxi minn possibbiltajiet ta’ imputazzjoni ta’ withholdings fiskali jew ta’ rimbors li huma simili għad-drittijiet mogħtija lill-persuni taxxabbli residenti. Madankollu, huwa stabbilit li l-ebda wieħed mit-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jaqa’ f’din il-kategorija għas-snin fiskali inkwistjoni (20). Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni li huma speċifiċi għal dawn il-persuni taxxabbli barranin mhux residenti, li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari b’rabta mal-persuni taxxabbli mhux residenti b’mod ġenerali, ma humiex ser ikunu indirizzati f’dawn il-konklużjonijiet.

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar madankollu għandhom jeżerċitawha fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni. Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw miżuri li huma pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital minħabba li huma ta’ natura li jiddisswadu lil dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tal-intaxxar tad-dividendi ta’ oriġini nazzjonali (21).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod ripetut li “sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali [li twassal għal trattament mhux ugwali bejn ir-residenti u dawk li ma humiex residenti] tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali” (22).

44.      Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi saru speċifikament minħabba l-problema tal-paragun oġġettiv eventwali tas-sitwazzjonijiet fiskali rispettivi tal-azzjonisti residenti u l-azzjonisti mhux residenti fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawżi prinċipali.

B –    Fuq l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun tat-trattament fiskali ta’ azzjonist mhux residenti u dak ta’ azzjonist residenti (l-ewwel domandi magħmula fit-tliet kawżi)

1.      Fuq is-suġġett tal-ewwel domandi preliminari

45.      F’dawn it-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju qabel kollox tixtieq tkun taf jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ġbir tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji Olandiżi jikkawżax restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE, il-paragun bejn is-sitwazzjoni fiskali tar-residenti u dik tal-persuni mhux residenti għandux jieħu inkunsiderazzjoni biss din it-taxxa fuq id-dividendi jew anki t-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il-kumpanniji li tolqot id-dividendi mħallsa lir-residenti.

46.      Il-fatt li r-residenti u l-persuni mhux residenti huma suġġetti għal sistema li prima facie hija identika fir-rigward tal-metodu tal-ġbir kif ukoll ir-rata tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi ma huwiex ikkontestat. Fil-fatt, id-dħul kollu minn azzjonijiet iddistribwiti minn kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa suġġett għal din it-taxxa miġbura permezz ta’ ħlas f’ras il-għajn ta’ 15 %, indipendentement mill-post tar-residenza jew fejn hija stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li jkollha dawn l-azzjonijiet (23).

47.      Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kawżi prinċipali ma jaqblux dwar jekk tirriżultax differenza fit-trattament ipprojbita mill-fatt li t-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi withholding, jiġifieri pagament minn qabel għar-residenti, filwaqt li din ġeneralment tkun tinvolvi taxxa definittiva għal dawk li ma humiex residenti. Fil-fatt, ir-residenti biss għandhom id-dritt li jiksbu ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi li nġabret mingħandhom fi kwalunkwe ċirkustanza, jew billi titnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji li huma għandhom iħallsu xi mkien ieħor, jew billi jintalab ir-rimbors tagħha jekk huma ma jkunux suffiċjentement taxxabbli abbażi tat-taxxa fuq id-dħul jew abbażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji biex ikun jista’ jsir tali tnaqqis.

48.      Il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-possibbiltà ta’ ħlas lura sabiex jiġi evalwat sa liema punt il-moviment liberu tal-kapital huwa ristrett minn tali leġiżlazzjoni. Il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet iqisu li l-paragun bejn is-sitwazzjoni fiskali tar-residenti u dik tal-persuni mhux residenti suġġetti għat-taxxa fuq id-dividendi ma għandux jiġi estiż għall-eżami tat-taxxa fuq id-dħul jew tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mir-residenti, filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jsostnu l-argument kuntrarju.

49.      Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija biss dwar il-fatturi ta’ paragun li huma rilevanti meta jkun hemm leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux fuq il-konsegwenzi konkreti li mbagħad ser twassal għalihom l-implementazzjoni ta’ dan il-paragun fir-rigward tad-data fattwali tat-tliet kawżi prinċipali, billi din l-analiżi tal-aħħar hija kompitu tal-qorti tar-rinviju.

50.      Minkejja l-aspetti simili ppreżentati mill-ewwel domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn it-tliet kawżi magħquda, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li dawk magħmula fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14 jiġu eżaminati b’mod separat minn dik magħmula fil-Kawża C-17/14, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn ir-regoli nazzjonali applikabbli, minn naħa, għall-persuni fiżiċi, u min-naħa l-oħra, għall-kumpanniji li jirċievu dividendi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

51.      Qabel kull analiżi oħra, hemm lok li jiġi eżaminat, fid-dawl tal-fatt li din hija problema preliminari, sa liema punt l-azzjonisti residenti u l-azzjonisti mhux residenti jinsabu f’sitwazzjonijiet effettivament paragunabbli f’dan il-każ.

2.      Fuq il-paragunabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjoni fiskali tal-azzjonisti residenti u dik tal-azzjonisti mhux residenti

52.      Kif tinnota l-qorti tar-rinviju, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-residenti u l-persuni mhux residenti mhux neċessarjament jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-intaxxar dirett u li, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-persuni mhux residenti hija differenti sa fejn il-parti essenzjali tad-dħul tagħhom ħafna drabi tkun ikkonċentrata fl-Istat tar-residenza tagħhom u mhux fl-Istat tal-oriġini (24). Madankollu, mill-mument li Stat Membru jimponi l-istess taxxa mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija stabbilita f’dan l-Istat, kif inhu l-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi, is-sitwazzjonijiet rispettivi f’dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli joqorbu għal xulxin u b’hekk għandhom ikunu suġġetti għal trattament fiskali ekwivalenti konformement mal-Artikolu 63 TFUE (25).

53.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Truck Center qieset li l-applikazzjoni fir-rigward tal-persuni mhux residenti ta’ metodu differenti ta’ ntaxxar minn dak applikat għar-residenti (26) ma kinitx kuntrarja fiha nnifisha għall-moviment liberu tal-kapital, billi ppreċiżat li s-sitwazzjonijiet taż-żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli ma kinux oġġettivament paragunabbli f’dan il-każ, meta jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat kien jinsab f’pożizzjonijiet differenti skont jekk jiġborx it-taxxa bħala Stat ta’ residenza jew bħala Stat tal-oriġini, kif ukoll il-fatt li t-taxxi differenti inkwistjoni huma bbażati fuq sistemi legali differenti (27). Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din il-kawża kienet tirrigwarda l-paragunabbiltà oġġettiva fir-rigward tal-metodu tal-ġbir tat-taxxa, dibattitu li issa ngħalaq, filwaqt li l-kwistjoni tal-eventwali paragunabbiltà mqajma f’dawn il-kawżi tinsab f’livell ulterjuri, jiġifieri fil-livell tad-differenza tas-sitwazzjonijiet fiskali tar-residenti u tal-persuni mhux residenti fir-rigward tat-taxxa stess li tinġabar fuq element partikolari tal-kapital bħalma huma d-dividendi, liema ħaġa tikkostitwixxi problema tassew differenti.

54.      Fil-kawżi preżenti, il-leġiżlazzjoni applikabbli tissuġġetta kemm lill-persuni taxxabbli residenti kif ukoll lill-persuni taxxabbli mhux residenti għall-istess modalitajiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dividendi, jiġifieri permezz ta’ ħlas f’ras il-għajn, li ma kienx il-każ fil-kawża Truck Center, peress li t-taxxa f’ras il-għajn fuq dħul minn beni mobbli inkwistjoni kienet tinġabar biss fuq l-interessi mħallsa lill-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti. Barra minn hekk, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-analiżi tagħha fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-kumpanniji benefiċjarji residenti ma kinux suġġetti għal trattament sistematikament iktar favorevoli mill-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti (28). Għaldaqstant, din is-sentenza ma tistax tikkorrobora l-argument tal-Gvern Olandiż li jgħid li ma humiex oġġettivament paragunabbli s-sitwazzjonijiet fejn kemm ir-residenti kif ukoll il-persuni mhux residenti jintlaqtu minn taxxa miġbura f’ras il-għajn fuq l-istess tip ta’ dħul iżda fejn dawn tal-ewwel jistgħu jimputaw din it-taxxa fuq taxxa oħra filwaqt li din tikkostitwixxi piż finali għal dawn tal-aħħar.

55.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-element li jidhirli li huwa determinanti biex jiġu pparagunati s-sitwazzjonijiet hekk paragunabbli tal-persuni taxxabbli residenti u mhux residenti għall-finijiet li tiġi identifikata restrizzjoni possibbli pprojbita fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital ma huwiex daqshekk l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (29), kif isostnu l-Gvern Olandiż u dak Svediż, iżda pjuttost il-fatt li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma għandhiex tistabbilixxi differenza fit-trattament bl-effett prattiku li finalment dawk li ma humiex residenti jġarrbu piż fiskali ikbar u li jkun ukoll ta’ natura li jiddiswadi l-użu ta’ din il-libertà (30). Ser nerġa’ lura għal dawn il-kunsiderazzjonijiet iktar tard (31).

56.      Għaldaqstant inqis li J. B. G. T. Miljoen, X u Société Générale jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-azzjonisti residenti fir-rigward tal-modalitajiet tal-ġbir tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi u li huwa xieraq li jiġi eżaminat l-effett possibbilment diskriminatorju prodott mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti meqjusa flimkien fid-dawl tar-rekwiżiti relatati mal-moviment liberu tal-kapital.

3.      Fuq il-paragun tas-sitwazzjonijiet fiskali fir-rigward tal-persuni fiżiċi suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi (l-ewwel domandi magħmula fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14)

57.      Meta l-benefiċjarju ta’ dividendi ġġenerati minn azzjonijiet li huwa għandu f’kumpanniji Olandiżi jkun persuna fiżika li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa suġġett mhux biss għat-taxxa fuq id-dividendi bħala dħul minn dawn l-azzjonijiet, iżda wkoll għat-taxxa fuq id-dħul minħabba ż-żamma ta’ dawn l-istess azzjonijiet ikkwalifikata bħala tal-“intestatura 3”. Din it-taxxa tal-aħħar, li r-rata tagħha hija ta’ 30 %, hija dovuta sa ammont ekwivalenti għall-valur medju ta’ dawn l-azzjonijiet, li kull sena huma magħrufa li jipproduċu dħul b’rata fissa ta’ 4 % tal-valur nett tagħhom, miksub wara t-tnaqqis tal-obbligazzjonijiet finanzjarji. Minkejja l-fatt li l-Hoge Raad legalment tikkwalifikaha bħala taxxa fuq id-dħul, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ftehimiet fiskali (32), din it-taxxa msejħa tal-“intestatura 3” pjuttost tikkostitwixxi, mill-perspettiva ekonomika, taxxa fuq il-patrimonju, li tinġabar fuq il-valur b’rata fissa tal-bażi ta’ redditu b’rata sa 1.2 %, jiġifieri 30 % ta’ 4 %. Resident dejjem jista’ jikseb ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa minnu, jew billi din il-withholding tiġi imputata fuq it-taxxa fuq id-dħul dovuta minnu xi mkien ieħor, jew billi jikseb ir-rimbors ta’ din l-ewwel taxxa jekk huwa jkun responsabbli għall-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul li tkun inqas minn dik jew ugwali għal żero.

58.      Min-naħa l-oħra, meta tali benefiċjarju jkun persuna fiżika li ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġeneralment dan ikun suġġett biss għat-taxxa fuq id-dividendi, li tinġabar b’rata ta’ 15 % fuq l-ammont gross tad-dividendi riċevuti fir-realtà, mingħajr il-possibbiltà li jitnaqqsu spejjeż ta’ kwalunkwe tip. Sa fejn ma tkunx responsabbli għat-taxxa fuq id-dħul mill-azzjonijiet li hija jkollha f’kumpanniji Olandiżi, persuna mhux residenti ma tistax tibbenefika minn imputazzjoni tat-taxxa fuq id-dividendi miżmuma, b’tali mod li din it-taxxa hija definittiva, billi tinġabar b’mod definittiv meta jkunu kkonċernati persuni taxxabbli mhux residenti (33).

59.      Kif jindika l-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawżi prinċipali fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14 (34), mil-leġiżlazzjoni Olandiża jirriżulta li, minn naħa, l-intaxxar applikat fiż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa differenti kemm fil-livell tal-bażi kif ukoll fil-livell tar-rata effettiva (35) u, min-naħa l-oħra, il-persuni li ma humiex residenti jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni iktar żvantaġġuża minn dik tar-residenti, billi l-ewwel nett, dawn tal-aħħar biss għandhom proporzjon mill-patrimonju eżentat, u t-tieni nett, huma ntaxxati fuq bażi taxxabbli netta u, it-tielet nett, għandhom id-dritt għal tnaqqis.

60.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni Olandiża tista’ tidher direttament diskriminatorja peress li r-residenti biss huma de facto eżentati mit-taxxa fuq id-dividendi fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, il-ġbir f’ras il-għajn ta’ din it-taxxa dejjem jiġi nnewtralizzat wara, kemm permezz tal-imputazzjoni bħala withholding tat-taxxa fuq id-dħul, kif ukoll permezz ta’ rimbors. Fi kliem ieħor, għal dawn il-persuni taxxabbli, it-taxxa Olandiża fuq id-dividendi fil-verità ma għandhiex funzjoni ta’ taxxa iżda pjuttost hija pagament minn qabel ta’ taxxi oħrajn. Barra minn hekk, il-bażi tat-taxxa fuq id-dħul ma tinkludix id-dividendi riċevuti fir-realtà, li b’hekk ma humiex intaxxati bħala tali (36). B’hekk, żewġ azzjonisti residenti li jkollhom l-istess valur nett ta’ investimenti jħallsu l-istess ammont ta’ taxxa fuq id-dħul indipendentement mill-fatt jekk irċevewx jew le d-dividendi mingħand kumpanniji Olandiżi.

61.      Fil-fatt, teżisti tali differenza fit-trattament fiskali bejn il-persuni fiżiċi residenti u dawk mhux residenti, mhux biss fir-rigward tal-metodi tal-intaxxar applikati iżda wkoll fir-rigward tal-piżijiet imġarrba, u din fil-fehma tiegħi tagħmel kważi impossibbli l-paragun jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni biss id-dividendi għal dan il-għan. Barra minn hekk, l-għan invokat mill-Gvern Olandiż, li skontu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tkun intiża sabiex tevita taxxa doppja legali tar-residenti, ma huwiex totalment konvinċenti. Fil-fatt, peress li l-bażijiet tat-taxxa fuq id-dividendi u tat-taxxa fuq id-dħul huma differenti, huwa impossibbli li tissemma taxxa li taffettwa b’mod doppju l-istess dħul min-naħa tal-istess persuna taxxabbli, għalkemm ikun konċepibbli li dan l-għan kien ta’ ispirazzjoni għal-leġiżlatur Olandiż mill-perspettiva tal-politika fiskali.

62.      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital, fil-fehma tiegħi, la huwa utli u lanqas suffiċjenti li tittieħed inkunsiderazzjoni biss it-taxxa Olandiża tad-dividendi bħala tali. Għall-kuntrarju jeħtieġ li fl-analiżi tiġi inkluża t-taxxa kollha fuq id-dħul miksub miż-żamma ta’ azzjonijiet f’kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, ninnota li l-azzjonist residenti huwa ntaxxat, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, fuq il-bażi ta’ rata fissa li topera bħala speċi ta’ “sostitut” għall-forom kollha ta’ dħul kapitali, bħad-dividendi, l-interessi u l-gwadanji kapitali. Għall-kuntrarju, l-azzjonist mhux residenti huwa suġġett għat-taxxa fuq id-dividendi miġbura f’ras il-għajn li għalih tikkostitwixxi taxxa finali, iżda ma huwiex intaxxat fuq il-gwadanji kapitali jew fuq elementi oħra tad-dħul kapitali li jistgħu jikkontribwixxu għalih l-azzjonijiet tiegħu.

63.      Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-proposta ta’ J. B. G. T. Miljoen li għandha t-tendenza li taqsam it-taxxa fuq id-dħul imposta fuq iż-żamma ta’ azzjonijiet f’żewġ partijiet, fejn waħda tikkorrispondi għad-dividendi u l-oħra għall-gwadanji kapitali (37), ma hijiex iġġustifikata, minkejja l-eleganza teoretika tagħha. Minħabba li l-fatt li azzjonist residenti jista’ jevita biss it-taxxa fuq id-dħul ibbażata fuq iż-żamma ta’ azzjonijiet Olandiżi jinkludi wkoll il-gwadanji kapitali jew il-qligħ kapitali mhux realizzat, fil-fehma tiegħi jkun inadegwat li fil-paragun tiġi inkluża biss il-parti ta’ din it-taxxa li fit-teorija tista’ tiġi attribwita għad-dividendi.

64.      Inqis li l-aspett rilevanti biex is-sitwazzjoni tar-residenti tiġi pparagunata ma’ dik tal-persuni mhux residenti huwa l-piż fiskali finali fuq dawn iż-żewġ kategoriji ta’ azzjonisti rispettivament, u li b’hekk jista’ jagħmel l-investimenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-għamla ta’ portafolli ta’ azzjonijiet, li jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital transkonfinali, ftit jew wisq attraenti bħall-investimenti paragunabbli fi Stati Membri oħrajn. Dan l-argument huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà msemmija (38), li skontha l-kriterju determinanti f’dan ir-rigward huwa dak tal-piż fiskali effettiv li fir-realtà twassal għalih il-leġiżlazzjoni inkwistjoni (39). Il-paragun dwar l-effetti li tipproduċi ż-żamma ta’ azzjonijiet Olandiżi fil-livell fiskali fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-fehma tiegħi jista’ jiġi raġonevolment applikat minkejja l-fatt li d-dividendi mħallsa lill-azzjonisti residenti ma humiex intaxxati bħala tali.

65.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nipproponi li tingħata risposta fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, f’sitwazzjoni fejn taxxa fuq id-dividendi tinġabar mill-Istat tal-oriġini fuq id-distribuzzjoni ta’ dividendi, il-paragun bejn it-trattament fiskali ta’ persuna fiżika mhux residenti u dak ta’ persuna fiżika residenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq id-dħul li tolqot l-azzjonijiet miżmuma mir-residenti u li fir-rigward tagħha t-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi withholding.

4.      Fuq il-paragun tas-sitwazzjonijiet fiskali fir-rigward ta’ kumpanniji suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi (l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-17/14)

66.      Fil-Kawża C-17/14, il-qorti tar-rinviju tindika li d-differenza fit-trattament invokata minn Société Générale tirriżulta mill-fatt li, f’sitwazzjoni domestika, l-azzjonisti jistgħu jimputaw it-taxxa Olandiża fuq id-dividendi f’forma ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa fuq it-taxxa tal-kumpanniji li huma suġġetti għaliha fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li t-taxxa fuq id-dividendi ma tistax tiġi imputata bħala ħlas bil-quddiem tat-taxxa f’sitwazzjonijiet esterni bħal dik tal-parti interessata (40).

67.      Fir-rigward tar-rilevanza eventwali tas-sentenza Truck Center f’dan ir-rigward, inqis li l-fatt li t-taxxa fuq id-dividendi tinġabar kemm fir-rigward tal-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fir-rigward tal-kumpanniji benefiċjarji li ma humiex stabbiliti hemmhekk huwa element li juri, kif diġà nnotajt (41), differenza essenzjali bejn il-kawża preżenti u dik li wasslet għal dik is-sentenza (42).

68.      Barra minn hekk, ninnota li d-dispożizzjonijiet tad-dritt b’rabta mat-taxxa fuq il-kumpanniji, li huma rilevanti fil-Kawża C-17/14, huma sinjifikattivament distinti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt b’rabta mat-taxxa fuq id-dħul, li huma rilevanti fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14, fis-sens li d-dividendi riċevuti mill-kumpanniji residenti bħala tali jikkontribwixxu għall-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li ma huwiex il-każ fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi.

69.      Minkejja dan, il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq dwar il-Kawżi C-10/14 u C-14/14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fihom fil-fehma tiegħi, u anki a fortiori, huma validi fir-rigward tal-Kawża C-17/14.

70.      Konsegwentement, nipproponi li tingħata risposta fis-sens li għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, f’sitwazzjoni fejn tinġabar taxxa fuq id-dividendi mill-Istat tal-oriġini fuq id-distribuzzjoni tad-dividendi, il-paragun bejn it-trattament fiskali ta’ kumpannija mhux residenti u dak ta’ kumpanniji residenti għandu jiġi estiż għat-taxxa fuq il-kumpanniji li tolqot l-azzjonijiet miżmuma mir-residenti u li fir-rigward tagħhom it-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi withholding (43).

C –    Fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-piż fiskali reali fuq azzjonist mhux residenti meta mqabbel ma’ dak ta’ azzjonist residenti (it-tieni domanda magħmula fit-tliet kawżi)

1.      Fuq is-suġġett tat-tieni domandi preliminari

71.      It-tieni domandi magħmula f’dawn il-kawżi magħquda huma sussidjarji, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, kif nirrakkomanda, li biex tiġi pparagunata s-sitwazzjoni fiskali tal-persuni taxxabbli li ma humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ dawk li huma residenti, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa finali mġarrba minn dawn tal-aħħar, jiġifieri, skont il-każ, it-taxxa fuq id-dħul (Kawżi C-10/14 u C-14/14) jew it-taxxa fuq il-kumpanniji (Kawża C-17/14).

72.      F’dawn it-tliet kawżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-tipi ta’ kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-piż fiskali reali relatat mad-dividendi li jolqot lil persuna mhux residenti huwiex ikbar minn dak li jolqot lil persuna residenti, billi jimmiraw lejn diversi fatturi li eventwalment jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward.

73.      Minkejja l-punti komuni tagħhom, il-mod kif ser jiġu ttrattati d-domandi magħmula fl-ewwel żewġ kawżi u l-mod kif ser tiġi ttrattata d-domanda magħmula fit-tielet kawża fil-fehma tiegħi għandhom jiġu sseparati, minn naħa, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tad-dispożizzjonijiet fiskali nazzjonali li jirregolaw il-persuni fiżiċi u l-kumpanniji li jirċievu dividendi fil-Pajjiżi l-Baxxi rispettivament, u min-naħa l-oħra, minħabba differenzi ta’ natura li jeżistu bejn il-kriterji ta’ paragun iċċitati mill-qorti tar-rinviju.

2.      Fuq l-evalwazzjoni tal-piż fiskali reali, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi (it-tieni domanda magħmula fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14)

74.      Kemm fil-Kawża C-10/14 kif ukoll fil-Kawża C-14/14, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li jiġu evalwati l-piżijiet fiskali reali tar-residenti u tal-persuni mhux residenti billi t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi mġarrba minn persuna mhux residenti tiġi pparagunata mat-taxxa Olandiża fuq id-dħul dovuta minn persuna residenti, fir-rigward tal-fatt li din it-taxxa tal-aħħar għandha l-karatteristika partikolari li hija “stabbilita abbażi ta’ dħul fiss li jista’ jiġi imputat għas-sena ta’ riċeviment tad-dividendi mal-azzjonijiet kollha miżmuma f’kumpanniji Olandiżi”. Fil-Kawża C-14/14, hija żżid element ta’ paragun ieħor possibbli, jiġifieri l-kapital eżentat mit-taxxa li jibbenefikaw minnu r-residenti, billi tirreferi espressament għas-sentenza Welte (44).

75.      Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddefinixxi sa liema punt, biex jiġu bbilanċjati dawn il-piżijiet fiskali reali, jistgħu jittieħdu bħala bażi jew il-modalitajiet li skonthom resident huwa ntaxxat fir-rigward tad-dħul miksub minn azzjonijiet li huwa jżomm f’kumpanniji Olandiżi, jew fuq kriterji oħra. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jarmonizzaw il-modalitajiet tal-intaxxar tad-dividendi, inqis li l-kriterji li għandhom jinżammu f’din il-perspettiva komparattiva għandhom ikunu wkoll qrib kemm jista’ jkun għal elementi tas-sistema implementata għall-benefiċċju tal-azzjonisti residenti mil-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni, peress li l-vantaġġ eventwalment mogħti lil resident minħabba piż fiskali inqas huwa ddeterminat minn regoli applikabbli għal din il-kategorija ta’ azzjonisti.

76.      Dan l-approċċ li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-piż fiskali effettiv, fil-fehma tiegħi huwa kkonfermat mis-sentenza Bouanich, li l-kuntest tagħha fih aspetti simili għal dak tal-Kawżi C-10/14 u C-14/14 (45). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti tar-rinviju li “għandha tivverifika, fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha, jekk it-tnaqqis tal-valur nominali u l-applikazzjoni tar-rata ta’ taxxa ta’ 15 % fil-każ ta’ azzjonisti li mhumiex residenti jirriżultax fi trattament tagħhom li mhuwiex inqas favorevoli minn dak tar-residenti li għandhom dritt għal tnaqqis ta’ l-ispejjeż ta’ l-akkwist u l-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa ta’ 30 %” (46). Għaldaqstant, huwa r-riżultat effettiv li finalment “jirriżulta” mill-applikazzjoni globali tal-leġiżlazzjoni li tqies li huwa determinanti biex jiġi evalwat jekk il-persuni taxxabbli residenti humiex ittrattati b’mod iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli mhux residenti.

77.      Mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju dwar il-Kawżi C-10/14 u C-14/14 jirriżulta li l-ewwel fattur ta’ paragun li qed tistaqsi fir-rigward tiegħu l-Hoge Raad huwa dak dwar ir-rata fissa li abbażi tagħha hija kkalkolata t-taxxa Olandiża fuq id-dħul tar-residenti (47). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex possibbli li din it-taxxa, li hija kkalkolata b’mod fittizju abbażi tal-medja miksuba mill-valur nett tal-investimenti (48), tiġi pparagunata mat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi miġbura għal persuna mhux residenti, li, fir-rigward tagħha, tiġi kkalkolata mill-ammont ta’ dividendi riċevuti realment.

78.      Minħabba r-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq (49), inqis li l-paragun għandu jsir bejn, minn naħa, it-taxxa fuq id-dividendi dovuta minn azzjonist mhux residenti u, min-naħa l-oħra, it-taxxa fuq id-dħul dovuta minn azzjonist residenti fuq il-bażi taż-żamma ta’ portafoll ta’ azzjonijiet simili.

79.      It-tieni fattur ta’ paragun enfasizzat mill-qorti tar-rinviju huwa dak dwar il-perijodu ta’ referenza rilevanti. Hija tistaqsi jekk jaqbilx li tiġi pparagunata t-taxxa fuq id-dividendi li tinġabar mingħand persuna mhux residenti mat-taxxa fuq id-dħul dovuta minn resident esklużivament skont is-sena li matulha nkisbu d-dividendi jew skont diversi snin u, jekk ikun il-każ, liema għadd ta’ snin (50).

80.      Billi d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul li huma applikabbli għall-persuna taxxabbli Olandiża jieħdu bħala punt ta’ referenza d-dħul miksub matul is-“sena kalendarja” (51), jien tal-fehma li dan iż-żmien huwa l-uniku kriterju xieraq, kif jipproponu wkoll sussidjarjament J. B. G. T. Miljoen u X kif ukoll il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni.

81.      Fir-rigward tat-tielet fattur ta’ paragun, jidher li l-qorti tar-rinviju tesprimi inċertezza dwar jekk għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dividendi Olandiżi miksuba minn persuna mhux residenti matul il-perijodu ta’ referenza kollha f’daqqa, billi jiġu inklużi l-azzjonijiet kollha li l-persuna interessata jkollha fil-kumpanniji Olandiżi, jew b’mod separat, billi d-dividendi jitqiesu separatament skont kull kumpannija Olandiża li tkun iddistribwixxiet id-dividendi lill-persuna interessata matul dan il-perijodu.

82.      Jien inqis, bħall-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, li l-ewwel approċċ huwa l-iktar wieħed korrett biex jiġu pparagunati l-piżijiet fiskali reali, peress li t-tassazzjoni tar-residenti ssir fuq il-bażi ta’ redditu fiss attribwibbli għall-azzjonijiet kollha miżmuma f’kumpanniji Olandiżi.

83.      Finalment, ir-raba’ fattur ta’ paragun, imsemmi biss fil-Kawża C-14/14, huwa relatat mal-benefiċċju tal-kapital eżentat mit-taxxa fuq id-dħul li jibbenefikaw minnu l-persuni taxxabbli residenti (52). Sa fejn tali eżenzjoni ta’ proporzjon mill-patrimonju tbiddel il-bażi taxxabbli tad-dħul miksub mir-residenti, u b’hekk il-piż fiskali li huma jġarrbu fl-aħħar mill-aħħar, fil-fehma tiegħi huwa meħtieġ li din tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun inkwistjoni, kif isostnu wkoll X u l-Kummissjoni, li din tal-aħħar tibbaża ruħha ġustament fuq l-għan imfittex minn din ir-regola (53).

84.      Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-parti eżentata mit-taxxa tagħti karattru progressiv lit-tassazzjoni b’rata fissa, li l-azzjonisti residenti jibbenefikaw minnu (54). Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Welte, li tagħmel riferiment espliċitu għaliha d-domanda preliminari, tippermetti effettivament li l-korrettezza tal-inklużjoni ta’ eżenzjoni bħal din tiġi kkonfermata b’analoġija, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza aċċettat li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni allowance li taffettwa l-bażi taxxabbli b’mod differenti skont jekk il-persuni kkonċernati jkunux residenti jew le (55).

85.      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kontribut tas-sentenza Schumacker (56) f’dan ir-rigward, li ġiet diskussa fil-kawżi preżenti (57), ma nistax nistabbilixxi sew sa liema punt din is-sentenza tkun tipprovdi elementi utli f’dan il-każ, billi kienet tirrigwarda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ ħaddiem mhux residenti li s-sitwazzjoni personali u tal-familja tiegħu ma ttieħditx inkunsiderazzjoni fil-livell fiskali la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat tal-impjieg (58). Madankollu, f’dan il-każ, il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul tipprevedi li l-eżenzjoni ta’ porzjon mill-kapital taxxabbli ma hijiex ibbażata fuq is-sitwazzjoni individwali tal-persuna taxxabbli jew fuq il-kapaċità tagħha li tħallas it-taxxi, iżda fuq l-ammont tal-kapital li hija żżomm biss (59).

86.      Jien inqis li fil-prattika, paragun mal-piż fiskali reali fuq persuna mhux residenti minħabba t-taxxa fuq id-dividendi miġbura fuq il-bażi ta’ portafoll ta’ azzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi jeħtieġ, qabel kollox, li jitnaqqas it-tnaqqis kollu tad-dejn (60), l-allowances jew l-eżenzjonijiet ta’ kull tip li r-residenti jistgħu jibbenefikaw minnhom għall-intaxxar tad-dħul tagħhom, imbagħad jikkalkola r-redditu fiss ta’ 4 % tal-valur medju nett tal-assi u, finalment, japplika r-rata tal-intaxxar ta’ 30 % għad-dħul mill-kapital, biex jinkiseb il-piż fiskali reali finalment imġarrab minn resident fuq il-bażi taż-żamma ta’ portafoll ta’ azzjonijiet simili.

3.      Fuq l-evalwazzjoni tal-piż fiskali reali fir-rigward ta’ kumpanniji suġġetti għat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi [it-tieni domanda, punti a) u b), magħmula fil-Kawża C-17/14]

87.      Bit-tieni domanda tagħha li tinkludi żewġ partijiet li tagħmel fil-Kawża C-17/14, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-kriterji li huma rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk, f’sitwazzjoni interna ipotetika (61) li tippermetti l-paragun, il-piż reali tat-taxxa tal-kumpanniji li tolqot lid-dividendi jkunx inqas mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi f’dan il-każ. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk f’dan ir-rigward għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni “l-ispejjeż kollha li huma marbuta ekonomikament mal-azzjonijiet li minnhom jirriżultaw id-dividendi” [it-tieni domanda (a)], u jekk dan ma huwiex il-każ, kemm it-“tnaqqis eventwali tad-dividend inkluż fil-prezz tal-akkwist tal-azzjonijiet” jew “l-ispiża eventwali tal-finanzjament li tirriżulta mill-azzjonijiet ikkonċernati” [it-tieni domanda (b)].

88.      Fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda hija fformulata b’dan il-mod minħabba li Société Générale ppretendiet li, fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali tagħha stess, hemm lok li jiġu inklużi, fil-fatturi ta’ paragun mal-piż fiskali ta’ kumpannija residenti paragunabbli, mhux biss l-ispejjeż direttament imputabbli għad-dividendi, kif ikkonċeda r-Rechtsbank te Haarlem, iżda anki r-riżultati negattivi tar-rati tal-kambju u tat-tranżazzjonijiet fuq azzjonijiet jew standings oħrajn minbarra dawk li jirriżultaw minnhom id-dividendi iżda li xorta huma relatati. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Société Générale ssostni li d-dividendi huma relatati b’mod inseparabbli ma’ elementi oħrajn tar-riżultat ta’ tranżazzjoni, bħall-“piż mill-interessi, il-prezz ta’ akkwist u d-dħul mill-bejgħ tal-azzjonijiet” (62).

89.      Għall-kuntrarju ta’ din l-idea wiesgħa, il-qorti tar-rinviju toġġezzjona li dan iġib miegħu għadd ta’ komplikazzjonijiet prattiċi li kieku, sabiex jiġi evalwat sa liema punt il-piż fiskali mġarrab minn kumpannija mhux residenti huwa ikbar milli kien ikun f’sitwazzjoni purament interna, ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet kollha tal-każ inkwistjoni. Hija ssemmi bħala eżempju “l-ispejjeż tal-finanzjament tal-azzjonijiet, kif ukoll l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u dividend eventwali inkluż fil-prezz ta’ akkwist ta’ azzjoni”, billi tiżviluppa l-analiżi tagħha fir-rigward tal-ġurisprudenza nazzjonali li tikkonċerna dan l-aħħar element (63).

90.      Bħall-Gvern Olandiż, dak Ġermaniż u Svediż kif ukoll bħall-Kummissjoni, u kuntrarjament għad-dubji li jidher li għandha l-qorti tar-rinviju (64), jiena tal-fehma li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja toffri elementi ta’ risposta li jistgħu jiġu trasposti għal din il-problema.

91.      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fir-rigward tal-ispejjeż marbuta direttament ma’ attività li tkun iġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, bħal spejjeż professjonali (65), ir-residenti u l-persuni mhux residenti ta’ dan l-Istat jitqiegħdu f’sitwazzjoni paragunabbli u li għaldaqstant għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tal-għoti ta’ possibbiltà li jitnaqqsu dawn l-ispejjeż fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni.

92.      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun kuntrarja għall-Artikolu 63 TFUE jekk, minn naħa, spejjeż bħal dawk imsemmija minn Société Générale għandhom jitqiesu li huma spejjeż b’rabta diretta ma’ attività ta’ dan it-tip u, min-naħa l-oħra, jekk il-kumpanniji residenti biss ikunu eliġibbli għat-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż (66).

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżistenza ta’ rabta diretta fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li l-ispiża hija inseparabbli mill-attività li tiġġenera d-dħul taxxabbli kkonċernat, bħalma huwa l-każ tal-ispejjeż neċessarji għall-eżerċizzju tal-attività li tiġġenera dan tal-aħħar (67). Hija diġà qieset, b’mod partikolari, li huwa possibbli li tali rabta diretta teżisti fir-rigward ta’ dħul riċevut fil-forma ta’ dividendi (68), billi ppreċiżat b’mod partikolari li għalkemm l-ispejjeż inkwistjoni, jekk ikun il-każ, jistgħu jiġu direttament marbuta ma’ ammont imħallas waqt tranżazzjoni ta’ titoli, dawn għandhom ikunu marbuta wkoll direttament mad-dividendi riċevuti (69).

94.      Nosserva li Société Générale topera fi strumenti finanzjarji, u b’mod partikolari fi prodotti dderivati. It-tranżazzjonijiet fin-negozju ta’ titoli rilevanti saru fi Franza, fejn il-profitti magħmula b’dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali huma ntaxxati. Ir-rabta mat-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tirriżulta mill-fatt li, minħabba ż-żamma ta’ azzjonijiet f’kumpanniji Olandiżi, akkwistati biex ikopru riskji relatati ma’ dawn l-istrumenti u tranżazzjonijiet, Société Générale tista’ tirċievi dividendi li fuqhom tinġabar taxxa Olandiża f’ras il-għajn, li tammonta għal 15 %.

95.      Fil-każ ta’ kumpannija azzjonista li tkun stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, iż-żewġ forom ta’ dħul imsemmija iktar ’il fuq jikkontribwixxu simultanjament għall-benefiċċji taxxabbli f’dan l-Istat Membru u b’hekk ma jkunx neċessarju li ssir distinzjoni stretta bejn l-ispejjeż direttament relatati mad-dividendi riċevuti u dawk relatati mat-tranżazzjonijiet ikkunsidrati f’daqqa. Għall-kuntrarju, f’sitwazzjoni transkonfinali bħal dik ta’ Société Générale, jeħtieġ li tiġi identifikata s-sitwazzjoni interna ipotetika li hija oġġettivament paragunabbli.

96.      F’dan ir-rigward, ninnota, bħall-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad li ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża prinċipali, li l-kompetenza fiskali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi hija fondata biss fir-rigward tal-ammont tad-dividendi riċevuti, u mhux għal kwalunkwe entrata oħra ta’ benefiċċji jew ta’ prodott kummerċjali ta’ Société Générale (70). Jien inqis li s-sitwazzjoni tal-persuna interessata tista’ tiġi pparagunata ma’ dik ta’ residenti biss fir-rigward ta’ dawn id-dividendi, u mhux fir-rigward ta’ attivitajiet oħra ekonomikament relatati maż-żamma ta’ azzjonijiet, li ma jaqgħux taħt din il-kompetenza.

97.      Fil-fehma tiegħi huwa xieraq li jiġi ddeterminat l-ammont nett tad-dividendi, li huwa l-uniku wieħed rilevanti biex dan il-paragun isir b’mod validu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-finanzjament taż-żamma temporanja ta’ azzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni u taż-żamma relatati ma’ dawn l-azzjonijiet, sakemm u sa fejn azzjonist residenti jkun jista’ jnaqqashom mill-ammont gross tad-dividendi, u billi jinjora l-profitti li jirriżultaw minn atti ta’ xiri jew ta’ bejgħ mill-ġdid tal-azzjonijiet ikkonċernati.

98.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali għandha tistabbilixxi jekk, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali (71), spejjeż bħal dawk li Société Générale tisħaq li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala spejjeż li huma marbuta direttament, u mhux biss ekonomikament, maż-żamma ta’ azzjonijiet li ġġeneraw id-dividendi inkwistjoni u jekk tali spejjeż humiex ser jittieħdu inkunsiderazzjoni effettivament fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, fir-rigward tal-intaxxar ta’ dividendi mħallsa lil kumpannija residenti.

D –    Fuq in-newtralizzazzjoni tal-effetti tad-differenza fit-trattament fiskali permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stat Membru ieħor intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja (it-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C-14/14 u C-17/14)

1.      Fuq is-suġġett tat-tielet domandi preliminari

99.      It-tielet domandi fil-Kawżi C-14/14 u C-17/14 huma magħmula b’mod kundizzjonali peress li l-qorti tar-rinviju tagħmilhom biss lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li l-ewwel domandi magħmula rispettivament f’dawn il-kawżi jingħataw risposta affermattiva (72), kif għandu jkun fil-fehma tiegħi.

100. Essenzjalment, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt li x’aktarx ikollu ftehim li jkun ġie konkluż bejn l-Istat Membru fejn ġew riċevuti dawn id-dividendi (imsejjaħ l-“Istat tal-oriġini”) u l-Istat Membru fejn jirrisjedi l-azzjonist ippreġudikat (imsejjaħ l-“Istat ta’ residenza”) bl-għan li tiġi evitata taxxa doppja legali internazzjonali, permezz tat-tqassim bejniethom tal-kompetenzi fiskali rispettivi tagħhom. B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi f’liema kundizzjonijiet ikun possibbli li jitqies li tali ftehim jippermetti li tiġi rrimedjata b’mod suffiċjenti d-differenza fit-trattament fiskali li tista’ teżisti bejn residenti u mhux residenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali mad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta minn din id-differenza.

101. Minkejja l-fatt li l-problema fformulata b’dan il-mod hija komuni għat-tielet domanda magħmula kemm fil-Kawżi C-14/14 kif ukoll fil-Kawża C-17/14, l-elementi rilevanti biex tingħata risposta għalihom huma parzjalment differenti, minħabba differenzi li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet applikabbli fiż-żewġ kawżi prinċipali li ġew iffirmati, minn naħa, bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika Franċiża rispettivament. Barra minn hekk, jista’ jiġi nnotat li d-domanda magħmula fil-Kawża C-17/14 fir-realtà għandha għan doppju, hekk kif jindikaw is-sentenzi interrogattivi inklużi fiha.

2.      Fuq l-acquis ġurisprudenzjali

102. Hekk kif tinnota mill-ewwel il-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li nuqqas ta’ kompatibbiltà eventwali bejn il-leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru u d-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi rrimedjata biss bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li Stat Membru ieħor adotta unilateralment (73). B’mod partikolari, il-ħsara għall-moviment liberu tal-kapital ikkawżata mill-fatt li l-Istat tal-oriġini jittratta b’mod iktar favorevoli lil persuna taxxabbli residenti fit-territorju tiegħu milli lil persuna taxxabbli mhux residenti hemmhekk ma tistax tiġi kkumpensata b’mod validu mis-sempliċi ċirkustanza li l-Istat Membru l-ieħor fejn din tal-aħħar tirrisjedi jkun stabbilixxa miżuri interni li jagħtuha vantaġġ (74).

103. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet diversi drabi li ma jistax jiġi eskluż il-fatt li Stat Membru jirnexxilu jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-trattat permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stat Membru ieħor għall-finijiet li tiġi evitata t-taxxa doppja (75), iżda madankollu bil-kundizzjoni li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, sa fejn jagħmlu parti mill-kuntest ġuridiku applikabbli għall-kawża prinċipali (76), tippermetti li l-effetti negattivi tad-differenza fit-trattament li toriġina mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat jiġu kkumpensati bis-sħiħ.

104. Konformement mal-ġurisprudenza, huwa biss fil-każ fejn it-taxxa f’ras il-għajn tkun tista’ tiġi imputata fuq it-taxxa dovuta fl-Istat Membru l-ieħor b’mod suffiċjenti, jiġifieri f’ammont li jkun ekwivalenti għad-differenza fit-trattament li teżisti bejn id-dividendi ddistribwiti lill-persuni taxxabbli residenti u d-dividendi ddistribwiti lill-persuni taxxabbli stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, li din id-differenza tisparixxi totalment. Sabiex jintlaħaq dan l-għan tan-newtralizzazzjoni, jidher li huwa neċessarju li l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ tnaqqis jew ta’ imputazzjoni previst f’tali ftehim jippermetti li t-taxxa fuq id-dividendi miġbura mill-Istat tal-oriġini tiġi mnaqqsa jew imputata kompletament fuq it-taxxa dovuta fl-Istat fejn huwa residenti l-azzjonist benefiċjarju (77).

105. Nenfasizza li l-ftehimiet internazzjonali intiżi sabiex jipprevjenu t-taxxa doppja normalment jipprevedu li l-Istat ta’ residenza jagħti imputazzjoni ordinarja, u mhux imputazzjoni sħiħa, tat-taxxa mħallsa fl-Istat tal-oriġini (78). Sa fejn tali ftehimiet jipprevedu li l-ammont ta’ din it-taxxa tal-aħħar li tista’ titnaqqas mit-taxxa dovuta fl-Istat ta’ residenza jew imputata fuqha, ma jkunx jista’ jaqbeż it-taxxa li għandha titħallas f’dan l-istess Stat, dawn ma jippermettux li jiġu nnewtralizzati sistematikament id-differenzi kollha fit-trattament li jeżistu fl-Istat tal-oriġini li jistgħu joħolqu ostakoli pprojbiti għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fehma tiegħi, din hija waħda mil-lezzjonijiet tal-ġurisprudenza fil-kuntest ta’ diversi rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwardaw din il-problema (79).

106. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 63 TFUE mwettaq mill-Istat Membru tal-oriġini jekk ikunu jeżistu każijiet fejn persuna taxxabbli mhux residenti tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna taxxabbli residenti. Madankollu, jidhirli li din il-ġurisprudenza ma timplikax li l-Istat Membru tal-oriġini jkun obbligat jagħti rimbors tat-taxxa żejda li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni diskriminatorja tiegħu meta l-applikazzjoni ta’ tali ftehim fiskali tkun diġà ppermettiet li konkretament jiġu nnewtralizzati l-effetti negattivi ta’ din il-leġiżlazzjoni, permezz ta’ kreditu ta’ taxxa jew ta’ imputazzjoni fir-rigward tat-taxxa miġbura fl-Istat Membru ta’ residenza (80). Jidhirli li fil-każ inkwistjoni, id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jimponi fuq l-Istati Membri kkonċernati obbligu li ma japplikax, minħabba l-eżistenza ta’ fattur ta’ diskriminazzjoni fi ħdan l-Istat Membru tal-oriġini, it-tqassim tal-kompetenzi fiskali li jkunu laħqu ftehim dwaru. Jekk le, ir-rekwiżit ta’ newtralizzazzjoni sħiħa fl-Istat Membru ta’ residenza li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, ma jkunx jagħmel sens.

3.      Fuq l-effett ta’ newtralizzazzjoni ta’ trattat bilaterali bħall-ftehim Belġjan-Olandiż (it-tielet domanda fil-Kawża C-14/14)

107. L-Artikolu 23(1)(b) tal-ftehim Belġjan-Olandiż, applikabbli fil-Kawża C-14/14, jipprevedi li meta persuna residenti fil-Belġju tirċievi dividendi li ma jkunux eżentati mit-taxxa Belġjana, kif kien il-każ ta’ X, it-taxxa Olandiża miġbura f’ras il-għajn fuq dan id-dħul (81) għandha tiġi imputata fit-taxxa Belġjana relatata ma’ dan id-dħul “suġġett għal dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar l-imputazzjoni fuq it-taxxa Belġjana ta’ taxxi mħallsa barra mill-pajjiż”.

108. Hekk kif tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, mill-kummentarju uffiċjali ta’ dan il-ftehim (82) jirriżulta li dan tal-aħħar imur lura għall-metodu ta’ imputazzjoni previst fl-Artikoli 285 et seq tal-Kodiċi Belġjan dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992. Dawn l-artikoli jippermettu li “kwota fissa ta’ taxxa barranija” tiġi imputata fuq it-taxxa dovuta fil-Belġju, iżda, fir-rigward tad-dividendi, dan isir biss jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni (83).

109. Biex issostni li ma saritx newtralizzazzjoni f’dan il-każ, X tgħid li l-imputazzjoni, fuq it-taxxa Belġjana fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, tat-taxxa Olandiża miġbura fuq id-dividendi, hija impossibbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fatt li ma huwiex ikkontestat (84). Hija tgħid li l-leġiżlazzjoni Belġjana tippermetti biss li din it-taxxa titnaqqas mill-bażi taxxabbli ta’ dan id-dħul bħala spejjeż, qabel tiġi applikata rata ta’ taxxa ta’ 25 % għall-ammont nett tad-dividendi miksuba b’dan il-mod (85), u li tali tnaqqis ma jikkumpensax il-parti diskriminatorja tat-taxxa Olandiża.

110. Il-Gvern Olandiż jiddefendi l-argument kuntrarju, billi jargumenta li l-iżvantaġġ imġarrab prima facie minn persuna taxxabbli li ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa nnewtralizzat b’mod validu ladarba, minn naħa, ftehim dwar it-taxxa doppja jipprevedi possibbiltà kundizzjonali ta’ imputazzjoni, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż permess fl-Istat fejn tirrisjedi l-persuna taxxabbli, u, min-naħa l-oħra, ladarba fil-każ speċifiku din il-possibbiltà twassal sabiex jiġi kkumpensat kompletament u saħansitra iktar milli kompletament dan l-iżvantaġġ (86).

111. Jien inqis li ma huwiex suffiċjenti, biex jiġu nnewtralizzati kompletament l-effetti ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li teżisti fl-Istat tal-oriġini, li tali ftehim ikun jista’ jwassal, jekk ikun meħtieġ billi jmur lura għad-dritt intern tal-Istat ta’ residenza, għal tnaqqis tat-taxxa f’dan l-aħħar Stat li fil-fatt ma jitwettaqx ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet. Madankollu, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, “il-ftehim [Belġjan-Olandiż] ma jipprevedix kreditu komplut inkundizzjonat, b’tali mod li imputazzjoni kompluta ma hijiex iggarantita fil-każijiet kollha” (87), u dan jimplika li l-iżvantaġġ imġarrab minn persuni taxxabbli li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi ma huwiex ikkumpensat fiċ-ċirkustanzi kollha.

112. Bħall-Kummissjoni, jien inqis li tali konfigurazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-Trattat FUE hekk kif ġew stabbiliti preċedentement mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex korrezzjoni taħdem b’mod validu b’applikazzjoni ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja, l-imputazzjoni tat-taxxa mħallsa fl-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu tippreġudika l-moviment liberu tal-kapital, fuq it-taxxa dovuta fi Stat Membru kontraenti ieħor, għandha tippermetti li tiġi nnewtralizzata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha (88).

113. Sabiex ikun iggarantit legalment kumpens komplut tal-parti diskriminatorja tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn permezz ta’ ftehim bħal dan, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament tiġi nnewtralizzata b’mod inkundizzjonat, permezz ta’ metodu ta’ imputazzjoni jew ta’ tnaqqis applikabbli fil-każijiet kollha inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi, il-ħtieġa li jiġi miġġieled l-effett dissważiv li tista’ tipproduċi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital timplika neċessarjament li jkunu stabbiliti mekkaniżmi ta’ korrezzjoni minn qabel. Ma jkunx irrimedjat b’mod validu l-ostakolu li jista’ jinħoloq mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jekk tassew jingħata kumpens permezz ta’ ftehim, iżda mingħajr iċ-ċertezza li dan jagħti benefiċċju korrettiv b’mod sistematiku, u b’hekk b’mod effettiv f’kull każ. Fil-fatt, id-differenza fit-trattament ikkonstatata għad-detriment tal-persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra tista’ tkun element dissważiv għal investimenti f’dan l-Istat.

114. Għalkemm huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk l-effett diskriminatorju eventwali ta’ taxxa miġbura fl-Istat tal-oriġini huwiex kompletament innewtralizzat b’kumpens mogħti fl-Istat ta’ residenza b’applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali, min-naħa tiegħi nqis li dan ma huwiex il-każ fis-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli residenti fil-Belġju li tkun ħallset taxxa fuq id-dividendi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, ir-Renju tal-Belġju ma jippermettix imputazzjoni reali ta’ din it-taxxa Olandiża fuq it-taxxa dovuta fil-Belġju iżda japplika tassazzjoni fuq l-ammont nett tad-dividendi riċevuti, jiġifieri l-ammont gross ta’ dawn id-dividendi bit-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’rata ta’ 25 %. Taxxa żejda mħallsa fil-Pajjiżi l-Baxxi b’hekk ma hijiex innewtralizzata ħlief sa limitu ta’ 25 %, peress li t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi hija mnaqqsa mill-bażi taxxabbli fil-Belġju u mhux mit-taxxa dovuta f’dan l-Istat. Madankollu, tali metodu ma jwassalx għal newtralizzazzjoni kompluta minħabba li, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża prinċipali, “25 % qatt ma jista’ jkun suffiċjenti biex jikkumpensa 100 %” (89).

115. Għaldaqstant, nipproponi li t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-14/14 tingħata risposta fis-sens li, sabiex Stat Membru li jiġbor taxxa fuq id-dividendi f’ras il-għajn b’mod diskriminatorju jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat FUE permezz tal-applikazzjoni ta’ ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja konkluż mal-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna taxxabbli kkonċernata, ma huwiex biżżejjed li dan il-ftehim jipprevedi tnaqqis tat-taxxa dovuta fl-Istat ta’ residenza permezz ta’ imputazzjoni tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn li ma hijiex inkundizzjonata. Min-naħa l-oħra, meta fil-każ speċifiku mressaq quddiem il-qorti nazzjonali, l-effetti diskriminatorji tal-leġiżlazzjoni applikata fl-Istat Membru tal-oriġini jkunu ġew ikkoreġuti kompletament mill-possibbiltà ta’ imputazzjoni offruta, skont tali ftehim bilaterali, fl-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna taxxabbli kkonċernata, ma huwiex neċessarju li jingħata rimbors tal-parti diskriminatorja tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn fl-ewwel Stat.

4.      Fuq l-effett li jinnewtralizza ta’ trattat bilaterali bħall-ftehim Franco-Olandiż (it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-17/14)

116. It-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-17/14 hija maqsuma f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna, b’mod simili għall-Kawża C-14/14, il-kwistjoni jekk, fil-każ fejn paragun bejn is-sitwazzjoni fiskali tar-residenti u dik tal-persuni mhux residenti, għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa fuq il-kumpanniji u, fejn ikun jidher li kumpannija mhux residenti ġġarrab piż fiskali ikbar, il-ftehim Franco-Olandiż li huwa intiż sabiex jevita t-taxxi doppji jippermettix li tiġi nnewtralizzata tali differenza fit-trattament.

117. Mill-Artikolu 24B(b) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li d-dividendi mħallsa lil persuna residenti fi Franza li kienu suġġetti għal taxxa Olandiża (90) jagħtu lok, f’dan l-Istat, għal kreditu tat-taxxa. L-ammont tiegħu huwa ugwali għal dik it-taxxa iżda ma jistax jaqbeż l-ammont ta’ taxxa fi Franza fuq id-dħul inkwistjoni. Dan il-kreditu huwa imputat, b’mod partikolari, fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji li fil-bażi tagħha huma inklużi tali dividendi.

118. Société Générale titlob il-ħlas lura tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura mill-awtoritajiet fiskali Olandiżi, li jopponu għalih minħabba li din il-kumpannija bbenefikat minn kreditu ta’ taxxa fi Franza skont l-imsemmi Artikolu 24. Hija ssostni li d-dritt intern Olandiż jostakola l-moviment liberu tal-kapital u li l-ftehim Franco-Olandiż ma jippermettix rimedju għal dan, minħabba li ma joffrix garanzija bil-quddiem li t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi tista’ dejjem twassal għal imputazzjoni fi Franza, b’tali mod li l-piż fiskali ta’ kumpannija stabbilita f’dan l-Istat fl-ebda każ ma jaqbeż lil dak imġarrab minn kumpannija paragunabbli stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi (91).

119. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li ma huwiex ikkontestat li Société Générale kisbet l-imputazzjoni, fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji Franċiża, tat-taxxa fuq id-dividendi Olandiża kollha li nġabret għas-snin 2000 u 2007, iżda li t-taxxa Olandiża fuq id-dividendi mħallsa għas-sena 2008, għall-kuntrarju, ma setgħetx tiġi imputata fuq it-taxxa Franċiża fuq il-kumpanniji minħabba d-defiċit li ġarrbet din il-kumpannija fi Franza f’dik is-sena.

120. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf dwar l-importanza li għandhom jingħataw il-fatti li, minn naħa, il-ftehim Franco-Olandiż ma jiggarantixxix imputazzjoni kompluta lill-persuni mhux residenti fil-każijiet kollha, iżda li, min-naħa l-oħra, minkejja dan, fil-każ preżenti l-persuna taxxabbli kkonċernata approfittat minn din il-possibbiltà, mill-inqas matul diversi snin. Kif diġà indikajt iktar ’il fuq (92), id-dritt tal-Unjoni fil-fehma tiegħi ma jeżiġix li t-tassazzjoni eventwalment diskriminatorja mġarrba fl-Istat Membru tal-oriġini tiġi rrimedjata minn dan l-Istat favur il-persuna kkonċernata f’ċirkustanzi bħal dawn.

121. Kemm il-Gvern Olandiż, kif ukoll dak Svediż — sussidjarjament fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (93) — iqisu li huwa suffiċjenti, sabiex żvantaġġ eventwalment imġarrab minn azzjonist mhux residenti jiġi nnewtralizzat b’mod validu, li ftehim relatat mat-taxxa doppja jipprevedi possibbiltà ta’ imputazzjoni fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa, anki jekk din il-possibbiltà tkun ikkundizzjonata, u li tali dispożizzjoni tippermetti speċifikament li dan l-iżvantaġġ jiġi kkumpensat kompletament fl-Istat ta’ residenza ta’ dan l-azzjonist.

122. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (94), jidhirli li huwa neċessarju, sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 63 TFUE, li dispożizzjoni inkundizzjonata u li tippermetti kumpens totali tkun prevista għal dan l-għan fil-ftehim ikkonċernat, b’tali mod li din timplika li l-piż fiskali mġarrab fi Stat Membru qatt ma jkun ikbar għal kumpannija mhux residenti milli jkun għal kumpannija residenti li tkun tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli. B’hekk, tali ftehim għandu jipprevedi imputazzjoni valida jkunu liema jkunu ċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ inkwistjoni.

123. Madankollu, bħalma tinnota l-Kummissjoni, għalkemm l-Artikolu 24 tal-ftehim Franco-Olandiż jipprevedi tassew kreditu ta’ taxxa inkundizzjonat, fis-sens li dan ma jiddependix minn riferiment għal kundizzjonijiet eventwali previsti mid-dritt intern Franċiż (95), din id-dispożizzjoni minkejja dan ma tiggarantixxix li t-taxxa fuq id-dividendi miġbura fil-Pajjiżi l-Baxxi tista’ fiċ-ċirkustanzi kollha tiġi imputata fuq it-taxxa dovuta fi Franza f’ammont li jkun ekwivalenti għad-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Olandiża, bħalma tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (96). Fil-fatt, meta l-azzjonist li ma jkunx jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi jġarrab taxxa fuq id-dividendi iżda jkun suġġett għal tassazzjoni insuffiċjenti fi Franza, dan ma jistax jibbenefika minn kreditu ta’ taxxa f’dan l-aħħar Stat, li jkun jippermetti li tiġi rrimedjata dik id-differenza, li b’hekk ma tiġix sistematikament innewtralizzata. L-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni miftiehma għaldaqstant ma tippermettix lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jissodisfa bis-sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 63 TFUE.

124. Fit-tieni parti tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex rilevanti, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk l-effetti ta’ restrizzjoni eventwali għall-moviment liberu tal-kapital humiex suffiċjentement innewtralizzati minn ftehim bilaterali, li tkun teżisti, meta l-kumpens tal-iżvantaġġ ta’ persuna mhux residenti jkun insuffiċjenti għas-sena li matulha d-dividendi ġew riċevuti, possibbiltà li defiċit imġarrab fl-Istat ta’ residenza jiġi ddifferit u li t-taxxa miġbura mill-Istat tal-oriġini tiġi imputata b’mod utli matul is-snin ta’ wara. Il-Gvern Olandiż isostni li din il-possibbiltà hija tassew determinanti f’dan ir-rigward.

125. Fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-possibbiltà li tiġi ddifferita l-imputazzjoni fuq it-taxxa dovuta fi Franza għal sena fiskali differenti minn dik li għaliha l-persuna mhux residenti tkun ħallset it-taxxa fuq id-dividendi Olandiża, li hija invokata mill-qorti tar-rinviju, bl-ebda mod ma hija element ċert f’dan il-każ, fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja (97). B’mod partikolari, ninnota li l-ftehim applikabbli hawnhekk ma jipprevedi l-ebda obbligu li tiġi stabbilita possibbiltà ta’ dan it-tip li tkun ta’ piż fuq ir-Repubblika Franċiża. Fi kwalunkwe każ inqis, bħall-Kummissjoni, li biex jiġi evalwat l-effett newtralizzanti ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja, l-unika ħaġa li tgħodd hija r-riżultat li l-applikazzjoni tiegħu tippermetti konklużjoni sodisfaċenti għal persuna mhux residenti, fil-perspettiva ta’ kumpens suffiċjenti jew le, meta mqabbel mal-vantaġġi li tibbenefika minnhom persuna residenti tal-Istat Membru tal-oriġini li tkun tinsab f’sitwazzjoni ekwivalenti (98).

126. Għaldaqstant nipproponi li t-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jingħataw risposta fin-negattiv, skont it-termini żviluppati iktar ’il quddiem.

V –    Konklużjoni

127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

1)      B’risposta għall-ewwel domandi magħmula fil-Kawżi C-10/14, C-14/14 u C-17/14:

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, meta taxxa fuq id-dividendi tinġabar f’ras il-għajn minn Stat Membru fuq id-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji stabbiliti f’dan l-Istat, il-paragun bejn it-trattament fiskali ta’ persuna mhux residenti u dak ta’ persuna residenti għandu jiġi estiż għat-taxxa fuq id-dħul jew għat-taxxa fuq il-kumpanniji li taffettwa l-azzjonijiet miżmuma mir-residenti u li fir-rigward tagħhom it-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi withholding.

2)      B’risposta għat-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C-10/14 u C-14/14

Għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-piż fiskali reali fuq persuna fiżika mhux residenti huwiex ikbar minn dak ta’ persuna fiżika residenti, jeħtieġ li jsir paragun bejn it-taxxa Olandiża fuq id-dividendi miġbura mingħand persuna mhux residenti u t-taxxa Olandiża fuq id-dħul dovuta minn persuna residenti ffissata abbażi ta’ dħul b’rata fissa li, għas-sena li fiha jiġu riċevuti d-dividendi, tista’ tiġi imputata mal-azzjonijiet kollha miżmuma f’kumpanniji Olandiżi, kif ukoll li f’dan il-paragun jittieħed inkunsiderazzjoni l-kapital eżentat mit-taxxa li jibbenefikaw minnu r-residenti.

3)      B’risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-17/14:

Għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk il-piż fiskali reali fuq kumpannija mhux residenti huwiex ikbar minn dak ta’ kumpannija residenti, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż marbuta direttament maż-żamma tal-azzjonijiet li ġġeneraw id-dividendi li huma ntaxxati f’ras il-għajn, sakemm tali spejjeż jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-intaxxar ta’ dawn id-dividendi mħallsa lil kumpannija residenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-1969 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali fil-Kawża C-17/14, fatt li għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali.

4)      B’risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-14/14:

Sabiex jiġi evalwat jekk in-natura possibbilment diskriminatorja ta’ ħlas ta’ taxxa fl-Istat Membru tal-oriġini tad-dħul hijiex innewtralizzata b’mod validu bl-applikazzjoni ta’ ftehim sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja konkluż mal-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna taxxabbli kkonċernata, ma huwiex suffiċjenti li dan il-ftehim ikun jipprevedi tnaqqis tat-taxxa dovuta fl-Istat ta’ residenza permezz ta’ imputazzjoni tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn, li madankollu ma tkunx iggarantita fil-każijiet kollha fl-ammont li jkun ekwivalenti għad-differenza fit-trattament. Għall-kuntrarju, meta fil-każ speċifiku, l-effetti diskriminatorji tal-leġiżlazzjoni applikata fl-Istat Membru tal-oriġini jkunu ġew irrimedjati bis-sħiħ b’imputazzjoni jew bi kreditu ta’ taxxa fl-Istat Membru tar-residenza, skont tali ftehim bilaterali, ma huwiex neċessarju li jingħata rimbors tal-parti diskriminatorja tat-taxxa miġbura f’ras il-għajn fl-ewwel Stat.

5)      B’risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C-17/14:

Sabiex jiġi evalwat jekk in-natura possibbilment diskriminatorja ta’ ġbir ta’ taxxa fl-Istat Membru tal-oriġini tad-dħul hijiex innewtralizzata b’mod validu bl-applikazzjoni ta’ ftehim intiż sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja konkluż mal-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna taxxabbli kkonċernata, ma huwiex suffiċjenti li dan il-ftehim jipprevedi imputazzjoni ta’ kreditu ta’ taxxa ta’ ammont ugwali għat-taxxa miġbura f’ras il-għajn li madankollu ma tkunx iggarantita fil-każijiet kollha f’ammont li jkun ekwivalenti għad-differenza fit-trattament ladarba jkun previst li l-kreditu ta’ taxxa mogħti fl-Istat Membru ta’ residenza ma jistax jaqbeż l-ammont tat-taxxa dovuta hemmhekk.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Hoge Raad”.


3 – Ara, b’mod partikolari, id-Digriet Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463, punt 45) u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670, punt 74).


4 – Wet op de dividendbelasting 1965 (jew, fil-forma mqassra, “Wet DB 1965”).


5 – Wet inkomstenbelasting 2001 (jew, fil-forma mqassra, il-“Wet IB 2001”).


6 – Wet op de vennootschapsbelasting 1969 (jew, fil-forma mqassra, il-“Wet Vpb 1969”).


7 – Wet van 23 december 2009 tot wijziging van enkele belastingwetten en enige andere wetten (Fiscale vereenvoudigingswet 2010).


8 – Jirriżulta mil-Liġi Ġenerali dwar it-Taxxi tal-Istat (Algemene wet inzake rijksbelastingen jew l-“AWR”).


9 – Mudell tal-OECD tal-ftehim fiskali dwar id-dħul u l-kapital tal-2010, li hemm disponibbli verżjonijiet differenti tiegħu fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://www.oecd.org/fr/ctp/conventions/modeleocdedifferentesversions.htm. Ara, b’mod speċjali, il-“kummentarji dwar l-Artikoli 23A u 23B [ta’ dan il-mudell] dwar il-metodi biex tiġi eliminata t-taxxa doppja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


10 – Skont l-imsemmi paragrafu 3, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma jaffettwawx it-tassazzjoni tal-kumpannija fir-rigward ta’ profitti li jservu għall-pagament ta’ dividendi”.


11 – Skont din id-dispożizzjoni, “[i]t-taxxi li għalihom japplika l-ftehim huma […] [f]ir-rigward ta’ Franza: it-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-kumpanniji; […], inkluż kull taxxa miġbura f’ras il-għajn, kull withholding jew avvanzi maħduma fuq it-taxxi msemmija iktar ’il fuq”.


12 – Il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ dan l-ammont huma spjegati fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ J. B. G. T. Miljoen (punt 5.2.1) kif ukoll, b’mod kritiku, fil-konklużjonijiet dwar il-kawża prinċipali li ġew ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Wattel f’isem il-Prosekutur Ġenerali tal-Hoge Raad (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad”, fid-9 ta’ Jannar 2013, li huma annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-10/14 (punti 1.1, 1.5 u 2.3).


13 – Il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija spjegata fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju b’rabta mal-Kawża C-10/14 (ara l-punt 3.2) u l-verżjoni sħiħa tagħha hija annessa ma’ dik id-deċiżjoni.


14 – Dan l-ammont nett kien stabbilit għal EUR 91 266.20, jiġifieri l-ammont totali tad-dividendi ddistribwiti fil-Pajjiżi l-Baxxi (EUR 107 372) bit-taxxa Olandiża fuq id-dividendi li nġabret f’ras il-għajn imnaqqsa (EUR 16 105.80).


15 – Il-motivazzjoni għal din is-sentenza hija spjegata fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-14/14 (ara l-punti 3.6.1 u 3.6.2) u l-verżjoni sħiħa tagħha hija annessa ma’ dik id-deċiżjoni.


16 – Iċ-ċifri eżatti huma indikati fil-konklużjonijiet b’rabta mal-kawża prinċipali li ġew ippreżentati mill-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad, fit-12 ta’ Frar 2013, li huma annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-17/14 (punt 2.3)


17 – Dawn it-talbiet huma mfakkra fid-dettall fid-deċiżjoni tar-rinviju b’rabta mal-Kawża C-17/14 (ara l-punti 1.1 et seq).


18 – Il-motivazzjoni ta’ din is-sentenza hija spjegata fil-qosor fid-deċiżjoni tar-rinviju b’rabta mal-Kawża C-17/14 (ara l-punti 1.4 kif ukoll 3.2.2 et seq) u l-verżjoni sħiħa tagħha hija annessa ma’ dik id-deċiżjoni.


19 – F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa essenzjali li l-indikazzjonijiet kollha utli jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju stess, u mhux f’annessi, peress li dan huwa l-uniku element tal-fajl li huwa tradott għall-finijiet tan-notifika lill-persuni interessati kollha li huma awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea [ara r-rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU C 338, p. 1, punti 20 et seq)].


20 – Fil-fatt, mill-fatti mressqa fil-fajls jirriżulta, minn naħa, li J. B. G. T. Miljoen kien iddikjara pensjoni u sehem kbir fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma dan wassal għal intaxxar f’dan l-Istat Membru fl-2007 u min-naħa l-oħra, X ma għażlitx is-sistema tar-resident għall-pensjoni li hija rċeviet fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2007, u finalment, li d-dividendi inkwistjoni, li nġabru mis-Société Générale fis-snin 2000 sa 2008 ma humiex attribwibbli għall-bank li hija tuża bħala stabbiliment stabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda għall-Fond ta’ Investiment li għandha fi Franza.


21 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463, punti 18 u 21) kif ukoll is-sentenza Emerging Markets Series of DFA Investment Trust Company (C-190/12, EU:C:2014:249, punti 38 u 39).


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bouanich (C-265/04, EU:C:2006:51, punt 38) u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670, punt 45).


23 – F’dan ir-rigward, dawn il-kawżi huma differenti, partikolarment mill-Kawża Pensioenfonds Metaal en Techniek (C-252/14), li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE jipprekludix li d-dividendi riċevuti minn fond tal-pensjoni residenti u dawk riċevuti minn fondi tal-pensjoni mhux residenti humiex intaxxati skont modalitajiet differenti fl-Isvezja, jew jekk humiex dawn tal-aħħar biss li huma suġġetti għall-ħlas f’ras il-għajn.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Grünewald (C-559/13, EU:C:2015:109, punt 25).


25 – Ara s-sentenza Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655, punti 38 u 39) kif ukoll id-digriet Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26 – C-282/07, EU:C:2008:762. F’din il-kawża, il-persuni mhux residenti kienu suġġetti għal ħlas f’ras il-għajn filwaqt li r-residenti kienu ntaxxati wara dikjarazzjoni magħmula mill-persuna taxxabbli.


27 – Ibidem (punti 41 sa 52). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “meta kumpannija li tqassam l-interessi u l-kumpannija li tibbenefika minn dawn l-interessi hija residenti fil-Belġju, il-pożizzjoni tal-Istat Belġjan hija differenti mill-pożizzjoni li jadotta meta kumpannija residenti f’dan l-Istat tħallas l-interessi lil kumpannija mhux residenti peress li, fl-ewwel każ, l-Istat Belġjan jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala Stat ta’ residenza tal-kumpanniji kkonċernati u peress li, fit-tieni każ, jaġixxi bħala l-Istat li minnu joħorġu l-interessi” u li “il-ħlas tal-interessi minn kumpannija residenti lil kumpannija residenti oħra u l-ħlas tal-interessi minn kumpannija residenti lil kumpannija mhux residenti jagħtu lok għal taxxi differenti, ibbażati fuq sistemi legali differenti”.


28 – Ibidem (punt 49). Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-differenza fit-trattament innotata li tikkonċerna l-modalitajiet tal-ġbir tat-taxxa mhux neċessarjament tagħti vantaġġ lir-residenti.


29 – Fil-fehma tiegħi, dan l-element pjuttost għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-livell tal-ġustifikazzjoni eventwali ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.


30 – B’hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punti 32 u 33), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “id-dividendi riċevuti mill-fondi ta’ pensjoni residenti huma […] prattikament eżenti jew kważi eżenti mit-taxxa fuq id-dħul minħabba […] dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoniu li “tali trattament żvantaġġuż tad-dividendi mqassma lill-fondi ta’ pensjoni barranin […] jista’ jiddiswadi[hom] […] milli jinvestu [fil-Finlandja], u konsegwentement, jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 63 TFUE” (enfasi magħmula minni). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi Gerritse (C-234/01, EU:C:2003:340, punt 54) u Bouanich (C-265/04, EU:C:2006:51, punti 33 sa 35 u 55).


31 – Ara l-punti 62 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 – F’sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2006 (Nru°42211, LJN AV5017), il-Hoge Raad innotat, minn naħa, li “[i]l-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul minn fuq id-dħul taxxabbli tat-tfaddil u tal-investimenti fis-sens tal-Artikolu 2.3(c) tal-liġi [dwar it-taxxa fuq id-dħul], kif spjegat fl-Artikoli 5.1 et seq ta’ din il-liġi għandu […] karatteristiċi ta’ taxxa fuq il-patrimonju u għalhekk jista’ jitqies f’ċerti aspetti bħala konsegwenza tat-taxxa fuq il-patrimonju kif kienet tinġabar sal-1 ta’ Jannar 2001 […] fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan il-ġbir […] madankollu huwa wkoll konsegwenza tat-taxxa fuq id-dħul kif kienet tinġabar sal-1 ta’ Jannar 2001”.,Din irrilevat li “t-taxxa fuq id-dħul taxxabbli tat-tfaddil u tal-investimenti hija inkorporata fit-taxxa fuq l-elementi l-oħrajn li jikkostitwixxu d-dħul. Din iċ-ċirkustanza għandha tipprevali. Għaldaqstant it-taxxa msemmija għandha titqies bħala taxxa fuq id-dħul għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ftehim” (iċċitat, b’mod partikolari, fil-punt 7.16 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad dwar il-kawża prinċipali fil-Kawża C-10/14).


33 – Dawn l-elementi li jispjegaw fil-qosor il-kontenut tal-leġiżlazzjoni Olandiża jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad dwar il-kawżi prinċipali fil-Kawża C-10/14 (punti 6.1 sa 6.8) u l-Kawża C-14/14 (punti 5.1 sa 5.8) rispettivament, fejn huma ċċitati xogħlijiet parlamentari li jikkonfermaw li s-sistema stabbilita għar-residenti għandha t-tendenza li “tippermetti l-kumpens sħiħ tat-taxxa fuq id-dividendi li tinġabar bit-taxxa li finalment hija dovuta bħala taxxa fuq ir-redditu mill-patrimonju” (Kamerstukken II 1998/99, 26 727, Nru 3 [Memorie van Toelichting], p. 43).


34 – Idem.


35 – Il-bażi taxxabbli hija differenti fis-sens li l-bażi tat-taxxa fuq id-dħul dovuta mir-residenti hija kkostitwita mill-valur patrimonjali medju tad-dħul tagħhom li l-azzjonijiet jagħmlu parti minnu, filwaqt li l-bażi tat-taxxa fuq id-dividendi miġbura għall-persuni residenti hija kkostitwita mid-dħul tal-azzjonijiet riċevut fir-realtà. Ir-rata ta’ taxxa wkoll hija differenti billi teoretikament tasal sa 30 % għat-taxxa fuq id-dħul dovuta fuq bażi ta’ rata fissa għar-residenti, filwaqt li din hija ta’ 15 % għat-taxxa fuq id-dividendi miġbura fir-rigward tal-persuni mhux residenti.


36 – Id-dividendi jaqgħu taħt il-bażi tat-taxxa fuq id-dħul biss fl-għamla ta’ sostituzzjoni, bħala ammonti finanzjarji li jidhru fil-kontijiet bankarji li huma inklużi fil-bażi taxxabbli. Fil-prattika, azzjonist li juża l-assi miksuba mid-dividendi qabel tintemm is-sena jew li jinvestihom f’akkwist ta’ beni li ma humiex suġġetti għall-intaxxar ma jiġix intaxxat fuq il-bażi ta’ dawn l-assi.


37 – Skont J. B. G. T. Miljoen, “ir-rata fissa li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għal residenti għandha tinqasam f’redditu minn dividendi u redditu mit-tkabbir tal-kapital” biex fil-paragun tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-parti tar-redditu li tikkorrispondi għad-dividendi effettivament riċevuti [punt 3.3.3(i) tad-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-10/14].


38 – Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39 – F’dan ir-rigward, ara l-paragun rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Gerritse (C-234/01, EU:C:2003:340, punt 54) u Bouanich (C-265/04, EU:C:2006:51, punt 55).


40 – Punt 3.4.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju li tikkonċerna din il-kawża.


41 – Ara l-punti 53 u 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – C-282/07, EU:C:2008:762.


43 – Bħala withholding, it-taxxa fuq id-dividendi, fil-każ tar-residenti, taffettwa biss il-flussi tal-flus li jeżistu bejn l-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi u l-persuna taxxabbli kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-piż fiskali effettiv li jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni biex isir dan il-paragun jiddependi biss minn dak ikkawżat mit-taxxa fuq id-dħul jew it-taxxa fuq il-kumpannija dovuta mill-persuna taxxabbli. Din hija r-raġuni għalfejn nagħżel, biex nirrispondi għall-ewwel domandi magħmula f’dawn it-tliet kawżi, l-espressjoni “li fir-rigward tagħha t-taxxa fuq id-dividendi tikkostitwixxi withholding”, minflok il-kliem “li minnha titnaqqas it-taxxa fuq id-dividendi għar-residenti”, li hija dik li ntgħażlet mill-qorti tar-rinviju.


44 – C-181/12, EU:C:2013:662.


45 – C-265/04, EU:C:2006:51. Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprovdi li, f’każ ta’ tnaqqis fil-kapital azzjonarju, l-ammont tal-fidi ta’ azzjonijiet imħallas lil azzjonist mhux residenti kien intaxxat bħala distribuzzjoni ta’ dividendi b’rata ta’ 15 %, mingħajr dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż ta’ akkwist ta’ dawn l-azzjonijiet iżda bi dritt għal tnaqqis tal-valur nominali tal-azzjonijiet. Għall-kuntrarju, tali ammont imħallas lil azzjonist residenti kien intaxxat bħala gwadann kapitali b’rata ta’ 30 % u bi dritt għal tnaqqis tal-ispejjeż ta’ akkwist.


46 –      Ibidem (punti 22 u 52 sa 55, enfasi magħmula minni).


47 – Infakkar li skont l-Artikolu 5.2 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, il-bażi taxxabbli tad-dħul miksub minn operazzjonijiet ta’ investiment minn persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi hija stabbilita b’rata fissa għal 4 % ta’ medja bejn il-bażi ta’ redditu fl-1 ta’ Jannar imbagħad fil-31 ta’ Diċembru tas-sena li għaliha hija dovuta din it-taxxa.


48 – L-Artikolu 5.3 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jindika li l-“bażi ta’ redditu” hija “l-valur tal-assi mnaqqas bil-valur tad-dejn”.


49 – Ara l-punti 62 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Din il-mistoqsija hija bbażata fuq il-konstatazzjoni, magħmula mill-qorti tar-rinviju, li “l-proporzjon bejn id-dħul effettiv li jirriżulta minn dividendi u l-bażi taxxabbli b’rata fissa jista’ jvarja ħafna matul sena”.


51 – Ara l-Artikoli 5.2 u 7.1 ta’ dik il-liġi.


52 – Konformement mal-Artikoli 5.2 u 5.5 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, il-medja fissa li tiddetermina l-bażi taxxabbli tinżamm biss sakemm din tkun “ogħla mill-parti eżentata tal-patrimonju” u li “l-kapital eżentat mit-taxxa jammonta għal EUR 20 014”.


53 – Il-Kummissjoni tinnota li l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jindika li l-għan tal-għoti ta’ kapital eżentat mit-taxxa huwa li jsir iktar effettiv il-ġbir tat-taxxa taħt l-intestatura 3, jiġifieri ġbir b’rata fissa tat-taxxa fuq id-dħul mit-tfaddil u l-investimenti għar-residenti, peress li dan jippermetti lill-persuni taxxabbli li għandhom ftit assi li ma jħallsux din it-taxxa. Hija ssostni, ġustament, li dan l-għan għandu japplika wkoll għall-persuni mhux residenti.


54 – L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni juru kif parti eżentata mit-taxxa tista’ taffettwa l-piż fiskali effettiv.


55 – F’din is-sentenza Welte (C-181/12, EU:C:2013:662), mogħtija fil-kuntest ta’ suċċessjoni ta’ proprjetà immobbli li kienet tikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tagħti allowance li tbiddel il-bażi taxxabbli li kienet ikbar meta l-mejjet jew il-benefiċjarju tas-suċċessjoni kien jirrisjedi f’dan l-Istat kienet tikkawża restrizzjoni għal din il-libertà (punti 21 et seq). Barra minn hekk, għall-ġustifikazzjoni eventwali ta’ din ir-restrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni billi eżaminat il-kriterji tal-għoti ta’ din l-allowance (punti 45 et seq).


56 – C-279/93, EU:C:1995:31, punt 38.


57 – Id-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-Kawża C-14/14 issemmi (fil-punt 3.6.1) li fuq appell, “il-Hof ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapital eżentat mit-taxxa u lanqas it-tnaqqis ta’ taxxa, minħabba li dan ma ġiex iddikjarat u ma jidhirx li l-kriterju msemmi fis-sentenza Schumacker (C-279/93 […]) huwa sodisfatt.”


58 – F’din il-kawża, il-problema miġjuba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat liema Stat Membru, bejn dak ta’ residenza tal-persuna kkonċernata jew dak fejn din taħdem u tirċievi kważi d-dħul kollu tagħha, kellu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna interessata fit-tassazzjoni.


59 – Ara l-Artikoli 5.1 u 5.2 ta’ din il-liġi.


60 – Sakemm il-persuna taxxabbli mhux residenti tkun tista’, jekk ikun il-każ, tipprova li ffinanzjat il-portafoll ta’ azzjonijiet tagħha permezz ta’ kapital misluf.


61 – Mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad dwar il-kawża prinċipali fil-Kawża C-17/14 (punt 2.7) jirriżulta li Société Générale ddeskriviet, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll f’appell, “sitwazzjonijiet interni” differenti li fil-fehma tagħha huma paragunabbli ma’ tagħha u li fihom, fl-opinjoni tagħha, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġabar inqas taxxa milli għamel fir-rigward tagħha.


62 – Société Générale ssostni li l-argument tagħha, li jgħid li dawk l-elementi finanzjarji li għandhom rabta funzjonali stretta għandhom jiġu ttrattati bħala ħaġa sħiħa, huwa kkonfermat mill-Artikolu 28 tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB), [COM(2011) 121 finali], kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Hoge Raad dwar id-dritt fiskali nazzjonali.


63 – Ara l-punt 3.4.3.2 tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-17/14.


64 – Filwaqt li tirreferi, fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688), il-qorti tar-rinviju tibda billi topponi dan il-każ għal dak tas-“sentenza Schröder (C-450/09, EU:C:2011:198, punt 40)”, minħabba li, fil-fehma tagħha, “għandu jkun hemm distinzjoni bejn id-dividendi ta’ portafoll u d-dħul mix-xogħol, b’tali mod li jkun jista’ jiġi sostnut li, kuntrarjament għall-infiq bħall-ispejjeż professjonali, anki l-ispejjeż li huma direttament imputabbli għad-dividendi ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk teżistix diskriminazzjoni” (enfasi magħmula minni).


65 – Il-kelma “bħal” f’din il-ġurisprudenza fil-fehma tiegħi turi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex il-ħsieb li tillimita l-portata tal-analiżi tagħha għall-każ partikolari tal-ispejjeż professjonali, għall-kuntrarju tal-opinjoni li jidher li qed tesprimi l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża (ara n-nota preċedenti f’dawn il-konklużjonijiet).


66 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Schröder (C-450/09, EU:C:2011:198, punti 40 et seq) u Grünewald (C-559/13, EU:C:2015:109, punti 29 u 30).


67 – Ibidem. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża Schröder (C-450/09, EU:C:2010:761, punt 60), li jgħid li nefqa “għandha titqies bħala spiża direttament marbuta mad-dħul jekk l-avveniment li ta lok għaliha huwa l-attività li ppermettiet li jinkiseb l-imsemmi dħul u mhux is-sitwazzjoni personali tal-persuna taxxabbli”.


68 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punti 37 et seq), li minnha jirriżulta li l-fatt li tiġi adottata jew li tinżamm fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħti biss lill-fondi tal-pensjoni residenti d-dritt li jiġu ttrattati bħala spejjeż li jistgħu jitnaqqsu d-dividendi riċevuti u pprovduti minn dan il-fond sabiex ikopru l-impenji tagħhom fil-qasam tal-pensjonijiet, jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 63 TFUE.


69 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-600/10, EU:C:2012:737, punti 20, 22 u 24).


70 – Ara l-punti 7.2 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet, annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-17/14.


71 – B’hekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li rabta diretta bejn spejjeż u dħul taxxabbli kienet tirriżulta mit-teknika ta’ assimilazzjoni stess magħżula mil-leġiżlatur Finlandiż.


72 – B’mod konkret, l-ipoteżi meħuda mill-qorti tar-rinviju hija dik fejn il-paragun bejn is-sitwazzjoni fiskali ta’ persuna mhux residenti u dik ta’ persuna residenti li t-tnejn li huma rċevew dividendi suġġetti għal taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi għandu jestendi għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-taxxa finali — taxxa fuq id-dħul jew taxxa fuq il-kumpanniji — li fuqha t-taxxa fuq id-dividendi hija sistematikament imputabbli għar-residenti, għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk persuna mhux residenti hijiex effettivament ippreġudikata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


73 – Fit-termini tas-sentenza Amurta (C-379/05, EU:C:2007:655, punt 78), Stat Membru “ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti unilateralment minn Stat Membru ieħor sabiex jevita l-obbligi tiegħu skond it-Trattat” (enfasi magħmula minni).


74 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Arens-Sikken (C-43/07, EU:C:2008:490, punti 66 u 67).


75 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


76 – Sentenza Bouanich (C-265/04, EU:C:2006:51, punt 51).


77 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, EU:C:2010:310, punti 59 u 60); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punti 63 u 67), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670, punt 55), kif ukoll id-digriet Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463, punt 37).


78 – Kif jispjega l-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad, b’mod partikolari fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża prinċipali fil-Kawża C-17/14 (punt 6.10), l-imputazzjoni ordinarja (jew “ordinary credit”) timplika li l-ammont imputat fl-Istat ta’ residenza ma jistax ikun ogħla mit-taxxa fuq id-dividendi miġbura minn dan l-Istat bħala t-taxxa finali proprja tiegħu, filwaqt li imputazzjoni sħiħa (jew “full credit”) ikollha l-konsegwenza li, jekk it-taxxa dovuta fl-Istat ta’ residenza tkun inqas mit-taxxa miġbura fl-Istat tal-oriġini, l-Istat ta’ residenza minkejja dan ikollu jħallas lura (billi konsegwentement jieħu minn dħul fiskali ieħor), il-bilanċ tat-taxxa tal-Istat tal-oriġini, li huwa impossibbli li jiġi permess. Fuq dawn iż-żewġ aspetti tal-imputazzjoni, li tikkostitwixxi wieħed mill-metodi għall-eliminazzjoni tat-taxxi doppji ġuridiċi flimkien mal-eżenzjoni, ara l-kummentarju dwar l-Artikoli 23A u 23B tal-mudell tal-OECD tal-Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital, imsemmija iktar ’il fuq (punti 1, 13 u 16).


79 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-540/07, EU:C:2009:717, punt 39); Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, EU:C:2010:310, punt 64); Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 70); Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670, punt 57), u Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-342/10, EU:C:2012:688, punt 34).


80 – F’dan ir-rigward ara, a contrario, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-fiha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li f’dan il-każ, in-newtralizzazzjoni ma twettqitx b’mod validu bl-applikazzjoni ta’ ftehim intiż li jevita t-taxxa doppja ladarba, “jekk […] dividendi ma jiġux intaxxati jew jekk ma jiġux intaxxati biżżejjed [fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna taxxabbli], l-ammont tat-taxxa miġbur [fl-Istat tal-oriġini ta’ dawn id-dividendi] jew parti minnu ma tistax tiġi imputata” (enfasi magħmula minni).


81 – B’mod konsistenti mal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) ta’ dan il-ftehim.


82 – Ara l-kummentarju tal-artikolu ta’ dan il-ftehim, komuni għaż-żewġ Stati kontraenti, li huwa anness mal-“memorandum ta’ spjegazzjoni” kemm tal-proposta għal Liġi Olandiża għall-approvazzjoni tal-ftehim Belġjan-Olandiż (dwar dan is-suġġett, il-qorti tar-rinviju tiċċita d-“Dokumenti parlamentari Olandiżi, it-tieni kamra, sena 2001-2002, 28 259, Nru 3, p. 54”), kif ukoll tad-dritt Belġjan li japprova dan il-ftehim (ara d-dokumenti tas-Senat Belġjan, sessjoni tal-2001-2002, 2-1293/2, p. 56).


83 – Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li “l-punt 4.13 tad-deċiżjoni [kkontestata] tal-Hof tinkludi l-kunsiderazzjoni mhux ikkontestata fl-appell ta’ kassazzjoni li skontha, fis-sitwazzjoni tal-persuna interessata, la l-Artikolu 285 u lanqas l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet sussegwenti tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 ma tagħti d-dritt li tiġi imputata fit-taxxa Belġjana t-taxxa miġbura fuq id-dividendi fil-Pajjiżi l-Baxxi”.


84 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85 – Fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li huwa l-ammont nett tad-dividendi li ttieħed inkunsiderazzjoni fil-Belġju biex tiġi kkalkolata t-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi dovuta minn X, wara tnaqqis tat-taxxa Olandiża miġbura fuq id-dividendi (ara wkoll il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


86 – Fis-sens tad-deċiżjoni tar-rinviju, fil-każ ta’ X, “it-tnaqqis tat-taxxa Olandiża fuq id-dividendi bir-rata Belġjana jwassal għal tnaqqis fit-taxxa [miksub fil-Belġju] iktar għoli mill-ammont tad-dannu […] li jammonta għal EUR 526.86”.


87 – Punt 4.1.3 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


88 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


89 – Ara l-punti 1.5 u 7.10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C-14/14.


90 – Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) ta’ dan il-ftehim.


91 – Waqt is-seduta, Société Générale sostniet li n-newtralizzazzjoni ma tkunx reali ħlief meta investitur mhux residenti jkollu ċ-ċertezza, fil-mument li fih jiddeċiedi li jixtri azzjoni fi Stat Membru, li fir-rigward tad-dividendi eventwali, mhux ser isib ruħu f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn investitur residenti.


92 – Ara l-punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93 – Prinċipalment, il-Gvern Svediż isostni li “l-modalitajiet, previsti fi ftehim fiskali, li skonthom l-Istat ta’ residenza jieħu inkunsiderazzjoni t-taxxa miġbura mill-Istat tal-oriġini, ma humiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-intaxxar imwettaq mill-Istat tal-oriġini hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


94 – Ara, b’mod speċjali, il-punti 103, 105 u 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


95 – Kuntrarjament għall-Artikolu 23 tal-ftehim Belġjan-Olandiż.


96 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, EU:C:2010:310, punti 59 u 64).


97 – B’mod partikolari, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li “[ma] ġiex eżaminat quddiem il-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu jekk id-dritt għall-imputazzjoni tal-persuna kkonċernata għas-sena 2008 ġiex iddifferit fi Franza u setax jiġi invokat utilment” (punt 3.4.5.2). Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż jindika li “ma huwiex stabbilit li d-dritt ta’ imputazzjoni għas-sena 2008 ġie ddifferit [għal Société Générale] fuq sena oħra jew li sar użu minnu”.


98 – F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva korrettament li kuntrarjament għal azzjonist mhux residenti, azzjonist residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jista’ jibbenefika minn kreditu ta’ taxxa totali u, f’sitwazzjoni ta’ telf, minn rimbors tat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa f’ras il-għajn, mingħajr ma jkollu jistenna l-mument — li fih innifsu huwa inċert — meta jerġa’ jsir benefiċjarju.