Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

2.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Tributário de Lisboa (il-Portugall) fit-8 ta’ Ottubru 2014 – SECIL – Companhia Geral de Cal e Cimento SA vs Fazenda Pública

(Kawża C-464/14)

(2015/C 034/02)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Tributário de Lisboa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SECIL – Companhia Geral de Cal e Cimento SA

Konvenuta: Fazenda Pública

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 31 tal-Ftehim mat-Tuneżija (1) jikkostitwixxi regola ċara, preċiża u inkundizzjonata u għalhekk applikabbli immedjatament, li minnha għandha tinsilet l-applikazzjoni għall-każ tad-dritt ta’ stabbiliment?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, id-dritt ta’ stabbiliment imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu l-konsegwenza mistennija mir-rikorrenti, li jimplika, taħt piena tal-ksur tiegħu, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis sħiħ previst fl-Artikolu 46(1) taċ-CIRC [Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Coletivas – Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi] għad-dividendi li rċeviet mis-sussidjarja tagħha fit-Tuneżija?

3)

L-Artikolu 34 tal-Ftehim mat-Tuneżija jikkostitwixxi regola ċara, preċiża u inkundizzjonata u għalhekk applikabbli immedjatament, li minnha għandha tinsilet l-applikazzjoni għall-każ tal-moviment liberu tal-kapital, fejn l-investiment magħmul mir-rikorrenti għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-moviment liberu tal-kapital imsemmi f’din id-dispożizzjoni għandu l-implikazzjonijiet allegati mir-rikorrenti, jiġifieri li jimponi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis sħiħ previst fl-Artikolu 46(1) taċ-CIRC fuq id-dividendi li r-rikorrenti rċeviet mis-sussidjarja tagħha fit-Tuneżija?

5)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 89 tal-Ftehim mat-Tuneżija tikkundizzjona r-risposta fl-affermattiv tad-domandi magħmula preċedentement?

6)

Għandu jiġi ġustifikat trattament restrittiv tad-dividendi mqassma minn Société des Ciments de Gabés, fid-dawl tal-fatt li mat-Tuneżija ma jeżistix il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE (2), tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta?

7)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 31 u 33(2) tal-Ftehim mal-Libanu jikkostitwixxu regola ċara, preċiża u inkundizzjonata u għalhekk applikabbli immedjatament, li minnha għandha tinsilet l-applikazzjoni għall-każ tal-moviment liberu tal-kapital?

8)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-moviment liberu tal-kapital f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-implikazzjonijiet allegati mir-rikorrenti, jiġifieri li jimponi l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis sħiħ previst fl-Artikolu 46(1) taċ-CIRC fuq id-dividendi li r-rikorrenti rċeviet mis-sussidjarja tagħha fil-Libanu?

9)

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 85 tal-Ftehim mal-Libanu (3) tikkundizzjona r-risposta fl-affermattiv tad-domandi magħmula preċedentement?

10)

Għandu jiġi ġustifikat trattament restrittiv tad-dividendi mqassma minn Ciments de Sibline, S.A.L., fid-dawl tal-fatt li mal-Libanu ma jeżistix il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta?

11)

Għandu jiġi applikat mal-każ inkwistjoni l-Artikolu 56 KE (enumerat mill-ġdid bħala 63 TFUE) u fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, mill-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-imsemmi artikolu għandu jiġi applikat għad-dividendi mqassma fis-sena ta’ taxxa 2009 minn Société des Ciments de Gabés, S.A. u minn Ciments de Sibline, S.A.L., lir-rikorrenti, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis sħiħ previst fl-Artikolu 46(1) taċ-CIRC, jew, alternattivament, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali msemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu?

12)

Jekk jitqies li l-moviment liberu tal-kapital huwa applikabbli għall-każ inkwistjoni, in-nuqqas ta’ applikazzjoni għad-dividendi inkwistjoni tal-mekkaniżmi ta’ ħelsien/tnaqqis mit-taxxa doppja ekonomika llum stabbiliti fil-liġi Portugiża huwa ġġustifikat bil-fatt li mat-Tuneżija u mal-Libanu ma jeżistix il-qafas ta’ kooperazzjoni stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta?

13)

Id-dispożizzjoni fil-klawżola ta’ salvagwardja stabbilita fl-Artikolu 57(1) KE (Artikolu 64 TFUE) tipprekludi l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, bil-konsegwenzi allegati mir-rikorrenti?

14)

Il-klawżola ta’ salvagwardja stabbilita fl-Artikolu 57(1) KE (Artikolu 64 TFUE) ma għandhiex tiġi applikata ġaladarba ġiet introdotta l-iskema tal-benefiċċji fiskali għall-investiment ta’ natura kuntrattwali stabbilit fl-Artikolu 41(5)(b) tal-EBF [Estatuto dos Benefícios Fiscais – Liġi dwar il-benefiċċji fiskali] u l-iskema prevista fl-Artikolu 42 tal-EBF għad-dividendi li joriġinaw fil-PALOP [pajjiżi Afrikani li għandhom il-Portugiż bħala lingwa uffiċjali tagħhom] u fit-Timor Leste?


(1)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 97, p. 2).

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63.

(3)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 143, p. 2).