Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

9.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit) fid-29 ta’ Diċembru 2014 – Bookit Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-607/14)

(2015/C 081/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bookit Ltd

Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

1.

Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006 (1), dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-2/95, SDC (EU:C:1997:278), liema huma l-prinċipji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk “servizz ta’ ipproċessar ta’ ħlas permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu” (bħas-servizz ipprovdut f’dan il-każ) għandux “l-effett li jittrasferixxi fondi u li jwassal għal tibdil legali u finanzjarju” fis-sens tal-punt 66 ta’ din is-sentenza?

2.

Fil-prinċipju, liema huma l-elementi li jiddistingwu bejn a) servizz li jikkonsisti fil-komunikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja li fl-assenza tagħha ma jkunx jista’ jsir ħlas iżda li ma jaqax taħt l-eżenzjoni [bħal fis-sentenza Nordea Pankki Suomi (EU:C:2011:532)] u b) servizz ta’ ipproċessar tad-data li għandu, fil-prattika, l-effett li jittasferixxi u li l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk identifikat bħala li jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni (bħal fis-sentenza SDC, fil-punt 66)?

3.

B’mod partikolari, u fil-kuntest ta’ servizzi ta’ ipproċessar ta’ ħlas permezz ta’ karta ta’ debitu u karta ta’ kreditu:

a)

l-eżenzjoni tapplika għal tali servizzi meta dawn tal-aħħar jagħtu lok għal trasferiment ta’ fondi iżda ma jinkludux il-kompitu li jsir debitu f’kont u kreditu f’ammont korrispondenti f’kont ieħor?

b)

id-dritt għall-eżenzjoni jiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ servizz jiksibx huwa stess il-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni direttament mill-bank tad-detentur tal-karta jew jekk dan jiksibhomx permezz tal-bank akkwirenti tiegħu?


(1)  ĠU L 347, p. 1.