Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ppreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C-448/15

Belgische Staat

vs

Wereldhave Belgium Comm. VA,

Wereldhave International NV,

Wereldhave NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju)]

“Kumpanniji omm u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti — Sistema fiskali komuni applikabbli — Taxxa fuq il-kumpanniji — Applikazzjoni tad-Direttiva 90/435/KEE — Eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji — Moviment liberu tal-kapital”





1.        Għal darb’oħra tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sitwazzjoni fejn id-dividendi mħallsa minn sussidjarja (f’dan il-każ, Belġjana) lill-kumpannija omm tagħha (stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi) kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, bħala taxxa fuq id-dħul minn investiment kapitali, stabbilita mill-awtoritajiet fiskali tar-Renju tal-Belġju.

2.        L-ewwel dubju li l-qorti a quo għandha jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 90/435/KEE (2). Minħabba l-istatus partikolari tal-kumpannija omm fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi deċiż, l-ewwel nett, jekk din tistax tiġi inkluża mal-“kumpanniji ta’ Stat Membru” li għalihom tapplika din id-direttiva (Artikolu 2).

3.        Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, tinqala’ l-kwistjoni dwar il-konformità tat-taxxa f’ras il-għajn mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, li, bħala prinċipju, jeżenta minn din it-taxxa l-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha.

4.        Fl-ipoteżi li, għall-kuntrarju, id-Direttiva 90/435 ma tapplikax għal dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni Belġjana li timponi taxxa fuq id-dividendi inkwistjoni tosservax l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 90/435/KEE

5.        Skont l-ewwel premessa:

“Billi r-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat il-mod kif jiġi stabbilit u jiffunzjona b’mod effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri; billi huwa għalhekk meħtieġ li rigward dan ir-raggruppament ta’ kumpanniji fl-Istati Membri differenti jiddaħħlu regoli tat-taxxa li jkunu newtri mill-lat tal-kompetizzjoni, sabiex l-intrapriżi jitħallew jaddattaw lilhom infushom għall-ħtiġiet tas-suq komuni, biex iżidu l-produttività tagħhom u sabiex itejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fil-livell internazzjonali;”

6.        It-tielet premessa tipprovdi li:

“Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;”

7.        L-Artikolu 2 jipprovdi kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘kumpannija minn Stat Membru’ għandha tfisser kull kumpannija li:

(a)      tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness ta’ ma’ hawn;

(b)      skond il-liġijiet tat-taxxi ta’ Stat Membru hija kkunsidrata bħala residenti f’dan l-Istat għall-għanijiet tat-taxxa u, skond it-termini ta’ ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż ma’ Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità għall-għanijiet tat-taxxa;

(ċ)      barra minn hekk, tkun bla ħsara [suġġetta] għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom:

[...]

–        vennootschapsbelasting fl-Olanda,

[...]”.

8.        Skont l-Artikolu 3(1):

“Għall-għanijiet sabiex tiġi applikata din id-Direttiva:

(a)      l-istatus tal-kumpannija ġenitur għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 u li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li twettaq l-istess kondizzjonijiet;

(b)      ‘(kumpannija) sussidjarja’ għandha tfisser dik il-kumpannija li l-kapital tagħha jinkludi s-sehem riferit fil-(a)”.

9.        L-Artikolu 5(1) jistipula:

“Il-profitti li kumpannija sussidjarja tkun qassmet lill-kumpannija ġenitur tagħha għandhom, għall-inqas fejn din ta’ l-aħħar iżżomm minimu ta’ 25 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, jiġu eżentati mit-taxxa mnaqqsa.”

10.      L-Anness: Il-lista tal-kumpanniji riferita fl-Artikolu 2(a).

“a)      il-kumpanniji skond il-liġijiet Belġjani magħrufa bħala ‘société anonyme’‘naamloze vennootschap’, ‘société en commandite par actions’‘commanditaire vennootschap op aandelen’, ‘société privée à responsabilité limitée’‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’ u dawk il-korpi tal-liġi pubblika li jaħdmu skond il-liġi privata;

[...]

j)      il-kumpanniji skond il-liġijiet Olandiżi magħrufa bħala: ‘naamloze vennootschap’, ‘besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid’;

[...]”.

B –    Id-dritt Belġjan

 Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (3)

11.      Skont l-Artikolu 266:

“Taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti minn digriet irjali, id-dħul mill-kapital u minn beni mobbli jista’ jiġi eżentat mill-withholding tax, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarji li jirċevuh ikunu jistgħu jiġu identifikati jew ikunu organi barranin ta’ investiment kollettiv li għandhom patrimonju indiviż amministrat f’isem l-azzjonisti tagħhom minn kumpannija ta’ amministrazzjoni meta l-ishma tagħhom ma jkunux suġġetti għal rilaxx pubbliku fil-Belġju u ma jiġux ikkummerċjalizzati fil-Belġju, jew ukoll it-titoli ta’ possessjoni li d-dħul minnhom jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:

1.      dħul legalment eżentat mit-taxxa fuq titoli trasferibbli jew minn taxxi reali, jew suġġett għal taxxa b’rata iktar baxxa minn 15 %, li jirriżulta minn titoli maħruġa qabel l-1 ta’ Diċembru 1962;

2.      dħul minn ċertifikati ta’ organi ta’ investiment kollettiv Belġjani;

3.      primjums ta’ ħruġ relattivi għal bonds, ċertifikati ta’ depożitu u titoli oħra li jirrappreżentaw self maħruġa mill-1 ta’ Diċembru 1962.

Fl-ebda każ ma jista’ jiġi rrinunċjat il-ġbir tal-withholding tax fuq id-dħul mit-titoli li jirrappreżentaw self li l-interessi tiegħu huma kkapitalizzati [...], jew mit-titoli li ma jagħtux lok għal ħlas perjodiku ta’ interessi u li jkunu nħarġu [...] bi skont li jikkorrispondi għall-interessi kkapitalizzat sad-data ta’ maturità ta’ dak it-titolu [...].

It-tieni paragrafu ma għandux japplika għat-titoli li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ bonds lineari maħruġa mill-Istat Belġjan.”

 Koninklijk Besluit van 27 augustus 1993 tot uitvoering van het Wetboek van de inkomstenbelastingen 1992 (4)

12.      L-Artikolu 106(5) jipprovdi:

“Id-dividendi, li d-debitriċi tagħhom tkun sussidjarja Belġjana u li benefiċjarju tagħhom tkun kumpannija omm ta’ Stat Membru ieħor tal-Komunità Ekonomika Ewropea għandhom ikunu eżentati fl-intier tagħhom mill-withholding tax.

Madankollu, din ir-rinunzja [għall-withholding tax] ma għandhiex tapplika jekk is-sehem tal-kumpannija omm li abbażi tiegħu jitħallsu d-dividendi ma jirrappreżentax sehem ta’ mill-inqas 25 % tal-kapital tas-sussidjarja u ma jinżammx jew ma jkunx inżamm is-sehem minimu ta’ 25 % għal perijodu mhux interrott ta’ mill-inqas sena.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel u tat-tieni paragrafu, sussidjarja u kumpannija omm ifissru s-sussidjarji u l-kumpanniji omm iddefiniti fid-Direttiva tal-Kunsill  90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti.”

C –    Ftehim bejn il-Gvern tal-Belġju u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi intiż li tiġi evitata t-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-patrimonju u sabiex jiġu rregolati kwistjonijiet oħra fil-qasam fiskali (5)

13.      L-Artikolu 10 jipprevedi:

“1.º      Id-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti ta’ Stat lil oħra residenti fl-Istat l-ieħor huma taxxabbli f’dan l-Istat l-ieħor.

2.º      Madankollu, dawk id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati wkoll fl-Istat li l-kumpannija li tħallas id-dividendi tkun residenti fih u skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat, iżda t-taxxa stabbilita b’dak il-mod ma għandhiex tkun iżjed [...] minn 5 % tal-ammont gross tad-dividendi, jekk il-benefiċjarju tad-dividendi tkun kumpannija b’responsabbiltà limitata li jkollha direttament mill-inqas 25 % tal-kapital tal-kumpannija li tħallas id-dividendi [...]”.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14.      Wereldhave Belgium hija kumpannija in akkomandita b’responsabbiltà limitata, irregolata mid-dritt Belġjan, miżmuma mill-kumpanniji rregolati mid-dritt Olandiż Wereldhave International u Wereldhave (b’perċentwali ta’ 35 % u 45 %, rispettivament), li l-ewwel waħda minnhom hija sussidjarja.

15.      Wereldhave International u Wereldhave huma istituzzjonijiet ta’ investiment kollettiv (6), f’forma ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata (7), li jqassmu direttament il-profitti tagħhom bejn l-azzjonisti tagħhom u li, taħt id-dritt Olandiż, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji (vennootschapsbelasting, fil-Pajjiżi l-Baxxi), iżda huma intaxxati bir-“rata żero”.

16.      Fl-1999 u fl-2000 Wereldhave Belgium qassmet profitti lil Wereldhave International u lil Wereldhave, filwaqt li żammet il-withholding tax, bir-rata ta’ 5 % (8).

17.      Il-kumpanniji msemmija ressqu talba kull wieħed quddiem l-awtorità tat-taxxa Belġjana, u talbu eżenzjoni mit-taxxa li kienet ġiet applikata lilhom fuq id-dividendi mħallsa. Huma invokaw, għal dan il-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 90/435 u l-Artikolu 106(5) tar-RD/CIR 1992, li jittrasponiha fid-dritt Belġjan.

18.      Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-awtorità Belġjana fis-sitt xhur ta’ wara, Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave ippreżentaw rikors quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, il-Belġju).

19.      Fl-20 ta’ Novembru 2012, ir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell) tat żewġ sentenzi fejn iddikjarat li d-dividendi mħallsa, fis-snin 1999 u 2000, minn Wereldhave Belgium lill-kumpanniji Olandiżi Wereldhave International u Wereldhave ma kellhomx ikunu suġġetti għal withholding tax, u kkundannat lill-Istat Belġjan iħallas lura l-ammonti mħallsa, flimkien mal-interessi.

20.      L-awtorità Belġjana appellat iż-żewġ sentenzi quddiem il-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), fejn sostniet, essenzjalment, li l-benefiċjarji tad-dividendi kienu CIU Olandiżi u ma setgħux jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mill-withholding tax, peress li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-Artikolu 106(5) tar-RD/CIR 1992, peress li huma kienu intaxxati b’rata żero fil-Pajjiżi l-Baxxi.

21.      Quddiem il-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell), Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave jargumentaw li ċ-CIU bil-forma ġuridika ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata huma suġġetti, bħala prinċipju, għat-taxxa fuq il-kumpanniji Olandiżi (Artikolu 1 tal-liġi Olandiża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969), li huwa biżżejjed, fil-fehma tagħhom, sabiex tiġi eskluża t-taxxa f’ras il-għajn kontenzjuża. Huma jinvokaw l-Artikolu 266 taċ-CIR 1992, l-Artikolu 106(5) tar-RD/CIR 1992, kif ukoll l-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, u jargumentaw li l-issuġġettar li jsir riferiment għalih f’dan l-aħħar artikolu ma jeħtieġx ġbir effettiv tat-taxxa.

22.      Sussidjarjament, fil-każ li d-Direttiva 90/435 ma tkunx applikabbli, huma jsostnu li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu d-dispożizzjonijiet legali Belġjani li ġew applikati għalihom, kif jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463).

23.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE , tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tirrinunzjax għall-withholding tax Belġjana fuq dividendi mħallsa minn sussidjarja Belġjana lil kumpannija parent [omm] stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ sehem minimu u taż-żamma tiegħu, fuq il-bażi li l-kumpannija parent Olandiża hija impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li hija marbuta li tħallas il-profitti kollha tagħha lill-azzjonisti tagħha u, taħt din il-kundizzjoni, tista’ tibbenefika mir-rata żero tat-taxxa fuq il-kumpanniji?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, l-Artikoli 49 (ex Artikolu 43) u 63 (ex Artikolu 56) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (fil-verżjoni fis-seħħ sa mill-emenda u r-renumerazzjoni mit-Trattat ta’ Lisbona) għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tirrinunzjax għall-withholding tax Belġjana fuq id-dividendi mħallsa minn sussidjarja Belġjana lil kumpannija parent stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ sehem minimu u taż-żamma tiegħu, fuq il-bażi li l-kumpannija parent Olandiża hija impriża ta’ investiment kollettiv ta’ natura fiskali li hija marbuta li tħallas il-profitti kollha tagħha lill-azzjonisti tagħha u, taħt din il-kundizzjoni, tista’ tibbenefika mir-rata żero tat-taxxa fuq il-kumpanniji?”

III – Sommarju tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

24.      Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave isostnu li l-entitajiet Olandiżi huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, minkejja li huma intaxxati bir-rata żero minħabba li huma CIU li jqassmu d-dividendi tagħhom bejn l-azzjonisti, huma jissodisfaw ir-rekwiżit ipprovdut fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435. Insostenn tat-teorija tagħhom huma jirreferu għal diversi kwotazzjonijiet mid-duttrina (9) li minnhom jiddeduċu li l-issuġġettar ma jeħtieġx ġbir effettiv tat-taxxa. Din hija kundizzjoni suġġettiva marbuta mal-kumpannija u mhux mal-profitti miksuba jew mat-trattament fiskali tagħha, b’tali mod li l-issuġġettar ma huwiex affettwat minn eżenzjoni sħiħa jew parzjali mit-taxxa. Huma jżidu li, skont id-duttrina Olandiża, iċ-CUI ma humiex eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda huma kompletament suġġetti għaliha, imma b’rata żero (10).

25.      Għall-kumpanniji msemmija iktar ’il fuq ma huwiex rilevanti, skont ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 90/435, li ċ-CUI Olandiżi jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha: id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill ma għandhom ebda valur legali jekk ma jkunux ġew inkorporati fid-dispożizzjonijiet legali approvati, bħal f’dan il-każ (11).

26.      Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave iqisu, għalhekk, li d-Direttiva 90/435 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħal dik kontenzjuża.

27.      Il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, jaqblu, essenzjalment, li d-Direttiva 90/435 ma hijiex applikabbli għal dan il-każ, peress li:

–        L-Artikolu 2(ċ) tagħha jeżiġi mhux biss li l-kumpannija tkun suġġetta għat-taxxa, iżda wkoll li tkun is-suġġett ta’ tassazzjoni effettiva, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Aberdeen Property Fininvest Alpha (12).

–        L-għan tad-Direttiva 90/435 huwa li telimina t-taxxa doppja, li neċessarjament jimplika li kien hemm tassazzjoni effettiva. L-aċċettazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn, meta ma jkunx hemm ġbir reali tat-taxxa fil-pajjiż ta’ residenza, ma sservix dak l-iskop u tista’ tkun mezz sabiex jiġu evitati t-taxxi kollha. Id-Direttiva 90/435 ma għandhiex l-għan li tiġi applikata għal kull tqassim ta’ dividendi bejn kumpanniji omm u sussidjarji, iżda biss għall-każijiet imsemmijin fiha, li ma jinkludux is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ taxxa doppja.

28.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jenfasizzaw, barra minn hekk, li n-nuqqas ta’ eżenzjoni (mit-taxxa fuq il-kumpanniji) imsemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 għandu jkun permanenti u ma għandux ikun limitat għal sena speċifika jew għal avveniment partikolari li jiddetermina li ma jitnissilx l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa.

29.      Fir-rigward tar-rekwiżit, inkluż fl-istess dispożizzjoni, li l-issuġġettar iseħħ “mingħajr il-possibbilità tal-għażla”, il-Gvern Taljan jenfasizza li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax jekk l-applikazzjoni tal-rata żero għaż-żewġ CIU Olandiżi tirriżultax minn għażla tal-organi ta’ dawn il-kumpanniji jew mill-istatuti tagħhom stess. Fiż-żewġ każijiet, huwa jafferma, li r-riżultat ikun l-istess, minħabba li ma hemmx diskrepanzi bejn l-eżenzjoni u t-tassazzjoni b’rata żero. Il-Kummissjoni temmen li t-twaqqif ta’ CIU jinvolvi għażla speċifika li jsir użu minn din is-sistema legali u li jiġu osservati l-kundizzjonijiet tagħha.

30.      Il-Kummissjoni tenfasizza, ukoll, li x-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 90/435 jinkludu dikjarazzjoni li teskludi ċ-CIU Olandiżi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għalkemm din id-dikjarazzjoni ma għandha ebda valur legali intrinsiku, hija turi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni: din mhux biss teskludi ċ-CIU, espressament, iżda kwalunkwe kumpannija oħra suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji li, madankollu, kienet eżentata mill-ħlas tagħha b’mod permanenti. In-nuqqas ta’ riferiment espliċitu għaċ-CIU fit-test finali, minkejja li dawn huma inklużi fix-xogħlijiet preparatorji, jista’ jiġi spjegat, minħabba li, ladarba huma jgawdu minn eżenzjoni, huma diġà esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435, bis-saħħa tal-Artikolu 2(ċ) tagħha.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

31.      Il-Gvern Franċiż ma ppreżenta ebda osservazzjoni dwar din il-parti tar-rinviju. Il-Gvern Taljan, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, madankollu għamlu dan u jipproponu li tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà tat-tieni domanda, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix il-kuntest ġuridiku nazzjonali u lanqas f’xiex tikkonsisti d-differenza fit-trattament bejn iċ-CIU residenti fil-Belġju u dawk li ma humiex residenti.

32.      Wereldhave Belgium, Wereldhave International u Wereldhave, għall-kuntrarju, jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq l-analiżi tal-liġi Belġjana sabiex jiddikjaraw li hemm differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji residenti u dawk li ma humiex residenti, bir-riżultat li dawn tal-aħħar ma jistgħux jevitaw l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi. It-trattament sfavorevoli mogħti lill-kumpanniji mhux residenti jikser id-dritt għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment.

33.      Il-Gvern Belġjan jargumenta kontra l-possibbiltà li jiġu applikati għal dan il-każ id-digriet Tate & Lyle Investments (13), li jissemma fir-rinviju preliminari, u s-sentenza Aberdeen Property Fininvest Alpha (14). L-analiżi tiegħu tal-leġiżlazzjoni fiskali tiegħu twasslu jsostni li, fil-Belġju, il-kumpanniji mhux residenti ma humiex ittrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk residenti. It-tqabbil tat-taxxi applikabbli għall-kumpanniji Belġjani u Olandiżi għandu jsir fir-rigward tas-sistema fiskali taċ-CIU Belġjani, li jibbenefikaw minn trattament eżorbitanti, u mhux fir-rigward ta’ dik tal-kumpanniji Belġjani b’sistema fiskali komuni.

34.      Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni huma tal-fehma, b’mod sussidjarju, li, jekk tiġi murija l-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli għaċ-CIU mhux residenti fil-Belġju, tkun applikabbli l-ġurisprudenza msemmija fid-digriet Tate & Lyle Investments (15). F’dik l-ipoteżi, ikun hemm ksur tal-moviment liberu tal-kapital, għalkemm ikollu jiġi evalwat jekk ir-restrizzjonijiet imposti jistgħux jiġu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u, anki f’dan il-każ, jekk dawn humiex adatti sabiex jiżguraw l-għan maħsub u ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb.

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.      Id-digriet tar-rinviju ġie ddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2015.

36.      Wereldhave Belgium, Wereldhave International, Wereldhave, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ċek, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Ma nżammet ebda seduta.

V –    Evalwazzjoni

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

37.      Id-Direttiva 90/435 għandha l-għan li tevita t-taxxa doppja fuq it-tqassim ta’ dividendi bejn sussidjarji u kumpanniji omm iddomiċiljati f’diversi Stati Membri, li titqies bħala ostakolu għat-twaqqif ta’ impriżi jew ta’ gruppi ta’ kumpanniji ta’ dimensjoni Komunitarja. Skont l-ewwel u t-tielet premessi tagħha (16), moqrija flimkien, sabiex tiġi ffaċilitata l-formazzjoni ta’ dawn il-gruppi ta’ kumpanniji ma għandhomx jinżammu r-“restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi tal-Istati Membri” li jiddiskriminaw jew iqiegħdu fi “żvantaġġ” ir-relazzjonijiet bejn kumpanniji omm u dawk sussidjarji li ma jkunux iddomiċiljati fl-istess Stat.

38.      Id-Direttiva 90/435 tadotta żewġ tipi ta’ miżuri singulari għal dan l-iskop. Minn naħa, din tipprevedi li l-Istat fejn hija residenti l-kumpannija omm għandu jastjeni milli jintaxxa l-profitti riċevuti mis-sussidjarja, jew jintaxxahom “filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [omm] li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjoni mħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti” (17). Min-naħa l-oħra, hija tiddikjara l-profitti jew id-dividendi mħallsa mis-sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn, sakemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet (18). Id-dibattitu fil-kawża prinċipali jirrigwarda din it-tieni dispożizzjoni.

39.      Madankollu, din “is-sistema komuni” (19) mhux dejjem tapplika u lanqas ma tapplika għal kwalunkwe relazzjoni bejn sussidjarji u kumpanniji omm. Id-Direttiva 90/435 tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha billi tiddefinixxi (fl-Artikolu 2) liema “kumpannij[i] ta’ Stat Membru” din tirrigwarda. B’mod konkret, din tistipula sensiela ta’ kundizzjonijiet li ma humiex skużabbli sabiex kumpannija tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala tali, fosthom dik li “tkun bla ħsara [suġġetta] għal waħda mit-taxxi li ġejjin, mingħajr il-possibbilità tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom [...] vennootschapsbelasting fl-Olanda [...]” [l-Artikolu 2(ċ)].

40.      Il-kontroversja tirriżulta mill-fatt li l-kumpanniji omm tal-kawża prinċipali huma intaxxati mill-vennootschapsbelasting b’rata żero fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan il-fatt jimplika li huma “eżentati” milli jħallsu din it-taxxa fl-Istat ta’ residenza tagħhom? Jekk iva, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 jkollha bħala konsegwenza li s-sistema ta’ din id-direttiva ma tkunx applikabbli għal dan il-każ, peress li dik id-dispożizzjoni teħtieġ mhux biss li l-kumpannija tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda wkoll, li ma tkunx eżentata minnha (20).

41.      L-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa li s-sempliċi fatt li jkunu suġġetti b’mod passiv għat-taxxa jissodisfa r-rekwiżit kontenzjuż. L-issuġġettar mhux bilfors jeħtieġ il-ġbir effettiv tat-taxxa u jeżisti anki meta jkun akkumpanjat minn eżenzjoni jew minn tassazzjoni b’rata mnaqqsa.

42.      L-approċċ tal-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali seta’ jkun validu kieku l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435 kien jitkellem biss dwar issuġġettar. Iżda dan ma huwiex il-każ: dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi kundizzjoni pożittiva (li persuna tkun suġġetta għat-taxxa) u kundizzjoni negattiva (li l-persuna ma tibbenefikax minn ebda eżenzjoni), it-tnejn li huma imperattivi u kumulattivi. B’mod sinjifikattiv, l-argumenti ta’ dawk il-kumpanniji jiffokaw fuq l-issuġġettar, bl-ommissjoni kważi totali tal-eżenzjoni (21). Din tal-aħħar timplika li, minkejja li jkun seħħ l-avveniment taxxabbli (jiġifieri, tal-issuġġettar), ma jkun hemm ebda obbligu li titħallas it-taxxa korrispondenti, minħabba li l-leġiżlatur ikkunsidra li kien opportun li kategorija speċifika ta’ kumpanniji tkun eżentata mill-piż fiskali.

43.      Fil-fehma tiegħi, meta l-liġi tat-taxxa Olandiża, tissuġġetta lil ċerti entitajiet (f’dan il-każ, iċ-CIU) għat-taxxa fuq il-kumpanniji u, minnufih wara, tipprevedi, b’mod astratt, li jiġu intaxxati b’rata żero, hija tirrikonoxxilhom, fir-realtà, eżenzjoni mill-piż fiksali. Bl-istess mod, hija teskludihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435.

44.      Ma naħsibx li din l-evalwazzjoni tista’ tiġi opposta b’argumenti sodi. Bħala definizzjoni, “rata żero” tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija ekwivalenti għan-nuqqas assolut ta’ tassazzjoni, jiġifieri, eżenzjoni kompluta minnha. Meta dan ir-riżultat jintlaħaq permezz ta’ dispożizzjoni legali espliċita, li tistabbilixxi dan ex ante u b’mod permanenti għal ċerta kategorija ta’ entitajiet, ikunu xi jkunu l-profitti li jkunu rċevew, ma narax kif wieħed jista’ jiċħad li din hija verament eżenzjoni minn din it-taxxa, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 90/435.

45.      Raġunament addizzjonali jikkonferma li l-kumpanniji Olandiżi inkwistjoni f’dan il-każ jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435. Din, hekk kif diġà ntqal qabel, hija intiża li tevita l-ġbir doppju, minn żewġ Stati Membri, tal-istess tip ta’ taxxa (dik imposta fuq il-profitti tal-kumpanniji) fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn kumpanniji omm u dawk sussidjarji. Għalhekk, u kif argumentaw l-intervenjenti l-oħra, huwa preċiżament sabiex jintlaħaq dan l-għan li d-Direttiva 90/435 ma tapplikax għall-entitajiet mhux suġġetti, jew eżenti, mit-taxxa msemmija. Kemm in-nuqqas ta’ issuġġettar kif ukoll l-eżenzjoni totali tad-dħul tagħhom (f’dan il-każ, titoli trasferibbli) jinnewtralizzaw ir-riskju li l-kumpannija li tinstab f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tiġi intaxxata darbtejn b’taxxa fuq il-kumpanniji u, b’dan il-mod, ma huwiex iktar neċessarju li tiġi applikata s-sistema komuni prevista mid-Direttiva (22).

46.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi kif, fil-laqgħa tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 1990, li ppreċediet l-adozzjoni tad-Direttiva 90/435, fuq talba ta’ diversi gvernijiet, saru diversi dikjarazzjonijiet intiżi li jiġu inklużi fil-minuti, li permezz tagħhom, b’mod espliċitu, tħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva ċerti kategoriji ta’ entitajiet (inklużi, iċ-CIU Olandiżi) (23). Għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet ma għandhomx valur vinkolanti, dawn għandhom interess ermenewtiku. Jekk il-proposti ma ġewx finalment inkorporati fit-test, dan ma kienx minħabba ċaħda tal-kontenut tagħhom, iżda minħabba ċ-ċertezza li t-termini tal-Artikolu 2(ċ), sa fejn dawn jirrigwardaw l-eżenzjoni mit-taxxa, kienu jinkludu fihom stess dawk l-esklużjonijiet.

47.      Fil-qosor, id-Direttiva 90/435 ma tapplikax għal każ bħal dak li jinsab fil-kawża prinċipali, peress li kumpanniji omm ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “kumpanniji ta’ Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tagħha. Għalhekk, ma hemmx għalfejn jiġi evalwat il-kunflitt bejn id-Direttiva u l-liġijiet Belġjani li japplikaw taxxa f’ras il-għajn tat-taxxa fuq il-kumpanniji (bir-rata ta’ 5 %) għad-dividendi tas-sussidjarja mħallsa lill-kumpanniji omm tagħha.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

48.      Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ma tantiċipax, madankollu, is-soluzzjoni għat-tieni waħda. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, fis-sentenza Aberdeen Property Fininvest Alpha (24), f’sitwazzjonijiet li ma humiex koperti mid-Direttiva 90/435 (li fihom “huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u sa fejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jdaħħlu, għal dan il-għan, unilateralment jew permezz ta’ ftehim konkluż ma’ Stati Membri oħrajn proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu jew inaqqsu din it-taxxa doppja ekonomika”) ma jistgħux jiġu stabbiliti miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat. Id-domanda sussegwenti tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda, preċiżament, din il-kwistjoni.

49.      Il-Gvern Taljan, il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni jsostnu li t-tieni domanda preliminari tista’ tkun inammissibbli, peress li fiha l-qorti tar-rinviju ma ddeskrivietx b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi fattwali u l-kuntest ġuridiku tat-tilwima. Il-Gvern Franċiż lanqas ippreżenta osservazzjonijet fuq din id-domanda.

50.      Huwa minnu li d-digriet tar-rinviju tad-domanda preliminari huwa vvizzjat b’dan id-difett. Minn naħa, dan ma jispjegax b’liema mod il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana twassal għal trattament sfavorevoli tal-kumpanniji mhux residenti meta mqabbla ma’ dawk residenti, b’mod li waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-TFUE tiġi miksura. Min-naħa l-oħra, fuq kollox, dan ma jesponix ir-regoli, nazzjonali u konvenzjonali, f’ċertu dettall, li huma rilevanti sabiex jiġi ġġudikat il-ksur possibbli ta’ dawn il-libertajiet.

51.      Dawn l-ommissjonijiet huma partikolarment rilevanti fid-dawl tal-metodu li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq, sistematikament, l-analiżi tad-domandi preliminari mressqa f’każijiet simili għal dan, li jirrigwardaw il-qasam tat-tassazzjoni diretta. Il-mod ta’ kif taħdem, f’fażijiet jew stadji, ifittex li jidentifika, l-ewwel nett, il-libertà applikabbli u r-restrizzjoni eventwali fir-rigward tagħha. It-tieni nett, dan iqabbel is-sitwazzjonijiet inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn kinux suġġetti għal trattament differenti, fatt li jeħtieġ eżami ddettaljat tal-leġiżlazzjoni interna li tkun stabbilita. Fl-aħħar nett, dan jinvestiga l-ġustifikazzjonijiet eventwali, ibbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, u l-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertà inkwistjoni.

52.      Madankollu, għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-istadji, huwa essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed informazzjoni, ipprovduta mill-qorti tar-rinviju, dwar id-dritt nazzjonali applikabbli, fatt li f’dan il-każ ma jseħħx. Għalhekk, pereżempju, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk, fil-kawża prinċipali, jistax jiġi kkonstatat trattament mhux ugwali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-paragun ma għandux isir bejn il-kumpanniji residenti fil-Belġju u dawk mhux residenti, b’mod ġenerali, imma bejn iċ-CIU Olandiżi u l-kontropartijiet tagħhom (il-kumpanniji ta’ investiment) Belġjani, li s-sistema ġuridika tagħhom ma hijiex imsemmija b’mod konkret fid-digriet tar-rinviju.

53.      F’dan id-digriet lanqas ma nsibu riferimenti għal leġiżlazzjoni, b’mod jew ieħor, li minnhom jista’ jiġi dedott, b’mod ċar, li l-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana tipprevedi mekkaniżmi li jippermettu biss lill-kumpanniji tat-tip CIU residenti fil-Belġju, u mhux lill-oħrajn, inaqsu l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew jittrasferixxu l-piż fiskali. Il-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-Ftehim intiż li tiġi evitata t-taxxa doppja konkluż bejn il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi, li l-kontenut tiegħu (25) jista’, jekk ikun meħtieġ, jinnewtralizza jew itaffi l-effetti sfavorevoli għall-kumpanniji Olandiżi preżumibbilment ikkawżati mir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 56 TFUE) ikkawżata mil-liġijiet fiskali Belġjani (26). U, fl-aħħar nett, ma hemm ebda riferiment fid-digriet tar-rinviju għall-ġustifikazzjonijiet possibbli, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jew għan-nuqqas ta’ proporzjonalità ta’ dik ir-restrizzjoni allegata.

54.      Tispikka partikolarment l-insuffiċjenza ta’ informazzjoni fir-rinviju, li ma tistax tiġi ssostitwita bis-sempliċi allegazzjonijiet tal-partijiet, dwar is-sistema fiskali applikabbli, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, lill-kumpanniji ta’ investiment Belġjani meta mqabbla ma’ dik taċ-CIU Olandiżi, minkejja li dan huwa l-fattur ewlieni tal-kwistjoni. Fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan u tal-kumpanniji rikorrenti jintwerew perspettivi differenti ħafna f’dan ir-rigward, mingħajr ma din il-kwistjoni tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-identifikazzjoni, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern jaqgħu esklużivament taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali.

55.      B’mod konkret, il-Gvern Belġjan isostni li, taħt is-sistema fiskali tal-pajjiż tiegħu li tapplika għall-kumpanniji ta’ investiment residenti (sistema eżorbitanti tad-dritt komuni), it-taxxa f’ras il-għajn kienet tikkostitwixxi “taxxa finali, peress li ma setgħetx titnaqqas mit-taxxa li għandha titħallas minn dawk il-kumpanniji u lanqas ma setgħet tiġi rrimborsata” (27). Huwa jiddefendi dan l-argument billi jirreferi għall-Artikolu 123 tar-RD/CIR 1992, moqri flimkien mal-Artikolu 143(1) u (2) tal-Liġi tal-4 ta’ Diċembru 1990. Huwa jżid li, filwaqt li l-problema mqajma hija simili għal dik li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (28), is-sistema fiskali li fuqha ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrigwarda l-kumpanniji ta’ investiment mingħajr stabbiliment fiss fil-Belġju, kienet differenti minn dik applikata għad-dividendi mħallsa minn Wereldhave Belgium lill-kumpannija omm tagħha, peress li dik tal-ewwel kienet tippermetti li jitnaqqas jew li jiġi rrimborsat l-ammont miżmum, fatt li t-tieni waħda ma tippermettix.

56.      Jekk dawn l-affermazzjonijiet tal-Gvern tal-Belġju jikkorrispondu mar-realtà (fatt li għandu jiġi ddeterminat mill-qorti a quo), dan jipprova li l-kumpanniji ta’ investiment residenti f’dak il-pajjiż ma setgħux, fir-rigward tad-dħul minn investiment kapitali li jirċievu, jinnewtralizzaw il-piż fiskali li jirriżulta fir-rigward tagħhom mill-applikazzjoni tal-withholding tax fuq dak id-dħul. Fi kliem ieħor, ikun intwera li ċ-CIU Olandiżi u l-kumpanniji ta’ investiment Belġjani jgawdu, f’dan il-pajjiż tal-aħħar, mill-istess trattament fiskali fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn bħala taxxa fuq il-kumpanniji. La waħda u lanqas l-oħra ma jkunu eżenti mit-taxxa, minħabba n-natura finali u mhux irrimborsabbli tagħha, fatt li jeskludi d-diskriminazzjoni kontra dawk tal-ewwel.

57.      Jekk wieħed jassumi li dan huwa minnu, ninsisti li, ma jkunx hemm dubju dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw it-taxxa f’ras il-għajn għall-kumpanniji ta’ investiment. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, speċifikament fir-rigward tar-Renju tal-Belġju (29), li ma jistax jiġi meħtieġ li l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija “jiżgura li l-profitti mqassma lil azzjonist mhux residenti ma jkunux suġġetti għal sensiela ta’ taxxi jew għal taxxa doppja ekonomika, kemm jekk billi jeżenta dawn il-profitti mit-taxxa fir-rigward tal-kumpannija distributriċi jew billi jagħti lill-imsemmi azzjonist benefiċċju fiskali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa fuq l-imsemmija profitti mill-kumpannija distributriċi”. Hija żżid li tali rekwiżit ikun ifisser li: “dan l-Istat għandu jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa dħul iġġenerat minn attività ekonomika eżerċitata fit-territorju tiegħu” (30).

58.      Jista’ jiġri, madankollu, li l-leġiżlazzjoni applikata f’dan il-każ għall-kumpanniji ta’ investiment ma taqbilx eżattament mal-verżjoni li jagħti tagħha r-Renju tal-Belġju fl-osservazzjonijiet tiegħu. Kieku l-qorti tar-rinviju kienet ħadet inkunsiderazzjoni dik il-leġiżlazzjoni, l-analiżi tal-kontenut tagħha setgħet, ipotetikament, wasslitha sabiex tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fis-snin 2009 u 2010 ma kinux differenti minn dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (31) jew fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (32) żewġ deċiżjonijiet li ttieħdu qabel id-data tar-rinviju u li speċifikament jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni fiskali Belġjana li tirregola t-taxxa fuq il-kumpanniji.

59.      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tintalab issolvi l-kwistjoni (bejn Wereldahve u l-Gvern tal-Belġju) dwar liema huwa, fir-realtà, il-kuntest ġuridiku intern li fir-rigward tiegħu għandha titqabbel is-sistema fiskali applikabbli għaċ-CIU Olandiżi u għall-kumpanniji ta’ investiment Belġjani. Dan huwa d-dmir tal-qorti li tressaq id-domanda preliminari, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħdilha postha f’dan il-kompitu jew tibbaża ruħha fuq konġetturi sabiex tagħti risposta preliminari sodisfaċenti.

60.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jiena nemmen li ma hemm ebda għażla ħlief li t-tieni domanda preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tiddeċiedi li tidħol fil-mertu tad-domanda u tevalwa li t-trattament fiskali mogħti liċ-CIU Olandiżi kien iktar sfavorevoli, fir-rigward tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, minn dak mogħti lill-kumpanniji ta’ investiment Belġjani, wisq nibża’ li ma tistax tagħmel wisq iktar milli ttenni f’termini ġenerali ħafna l-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar din il-kwistjoni, jew tirreferi, speċifikament, għad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463) (33), filwaqt li tadatta l-kontenut tiegħu għall-każ ikkunsidrat hawnhekk.

62.      Fil-fatt, kif ġara fil-kawża Tate & Lyle Investments (34), il-Gvern Belġjan kien għażel li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fuq id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji residenti tiegħu lil kumpanniji residenti fi Stati Membri oħra. Għalhekk, il-kumpanniji benefiċjarji mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik tar-residenti fir-rigward tar-riskju ta’ impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi mħallsa, b’tali mod li għandhom jibbenefikaw f’dan ir-rigward mill-istess trattament mogħti lill-kumpanniji mhux residenti (35).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istess sens, għandha twissi lill-qorti tar-rinviju li trattament sfavorevoli jkun suxxettibbli li jiddisswadi lill-kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor milli jagħmlu investimenti fil-Belġju u, għalhekk, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE (36).

64.      Madankollu, peress li ma għandux jiġi eskluż li Stat Membru jista’ jiżgura l-osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat billi jikkonkludi ftehim ma’ Stat Membru ieħor, intiża sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, li l-applikazzjoni tiegħu tippermetti li jiġu kkumpensati l-effetti tad-differenza fit-trattament mogħti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali  (37) il-qorti a quo għandha tevalwa l-impatt tal-Ftehim dwar it-taxxa doppja bejn il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi, li diġà sar riferiment għalih, u tiddeċiedi jekk dan jiggarantixxix li l-kumpanniji li ma humiex residenti jirċievu l-istess trattament bħal dawk residenti skont id-dritt Belġjan.

65.      B’mod konformi mad-deċiżjonijiet li diġà ngħataw fuq dan is-suġġett, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fl-aħħar nett, tfakkar lill-qorti tar-rinviju li, jekk, minkejja li t-tassazzjoni titnaqqas bl-applikazzjoni tal-Ftehim dwar it-taxxa doppja, hija tqis li jibqa’ jkun hemm trattament sfavorevoli tal-kumpanniji mhux residenti, hija jkollha tevalwa jekk jeżistux raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw din is-sistema  (38). Anki fil-preżenza ta’ dawk ir-raġunijiet, hija finalment għandha tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-libertà tal-moviment tal-kapital humiex adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jridu jilħqu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq, f’termini simili għal dawk tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (39).

VI – Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-tieni domanda preliminari magħmula mill-Hof van beroep te Brussel (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju) inammissibbli u tirrispondi għall-ewwel waħda kif ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, ma tapplikax għal tilwima li tirrigwarda t-taxxa f’ras il-għajn applikata fil-Belġju fuq il-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha, meta din tal-aħħar tkun organu Olandiż ta’ investiment kollettiv li jibbenefika mir-rata żero fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2–      Direttiva tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [omm] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p 147), issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 345, p. 8).


3–      Kodiċi tat-taxxi fuq id-dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem iċ-“CIR 1992”).


4–      Digriet irjali tas-27 ta’ Awwissu 1993, li jimplementa l-kodiċi tat-taxxi fuq id-dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem ir-“RD/CIR 1992”).


5–      Iffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 1970 (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar it-taxxa doppja”).


6–      Iktar ’il quddiem “CIU”.


7–      “Naamloze vennootschap”.


8–      Ir-rata applikata hija dik tal-ftehim dwar it-taxxa doppja bejn il-Belġju u l-Pajjiżi l-Baxxi.


9–      De Broe, L. u De Boeck, R.: “De moeder-dochterriichtlijn: Europese fiscale piecemeal engineering op weg naar harmonie” f’Europees Belastingrecht, Peeters, B. (ed.), Larcier, Gante, 2005, p. 362; Jansen, T. u De Vos, P., Handboek internationaal en Europees belastingrecht, Intersentia, Amberes, 2008, p. 269; Lagae, J.P., “Les revenus d’actions et de parts de sociétés belges et étrangères”, f’Le régime fiscal des sociétés en Belgique, Ed. du Jeune Barreau, Bruselas, 1990, p. 116; Van Crombrugge, S., Beginselen van de vennootschapsbelasting, Kluwer, Amberes, 2008, p. 54 ; u Van Crombrugge, S., Beginselen van de vennootschapsbelasting, Kluwer, Amberes, 1997, p. 48.


10–      Marres, O.C.R. u Wattel, P.J., Dividendbelasting, Kluwer, Deventer, 2011, p. 216 u 217.


11–      Huma jinvokaw is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit et (C-283/94, C-291/94 u C-292/94, EU:C:1996:387), punt 29.


12–      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009 (C-303/07, EU:C:2009:377).


13–      Digriet tat-12 ta’ Lulju 2012 (C-384/11, EU:C:2012:463).


14–      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009 (C-303/07, EU:C:2009:377).


15–      Digriet tat-12 ta’ Lulju 2012 (C-384/11, EU:C:2012:463).


16–      Riprodotti fil-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17–      Artikolu 4.


18–      Artikolu 5. Fil-każ preżenti ma hemmx dubju li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti.


19–      Hekk hija msejħa fl-aħħar parti tat-tielet premessa tad-Direttiva 90/435.


20–      Id-differenza bejn “issuġġettar għall-” u “eżenzjoni mill-” obbligu fiskali prinċipali (jiġifieri, dik tal-ħlas tat-taxxa dovuta), fil-qosor, tikkonsisti fil-fatt li, fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ issuġġettar, ma jseħħx l-avveniment taxxabbli, filwaqt li fil-każijiet ta’ eżenzjoni, dan iseħħ. F’dawn l-aħħar każijiet, fit-teorija, jitnissel l-obbligu fiskali prinċipali, iżda l-persuna taxxabbli tkun eżentata bil-liġi, kompletament jew parzjalment, milli tħallsu, li, finalment, ma huwiex infurzabbli fir-rigward tagħha. Għalkemm f’xi liġijiet nazzjonali r-rikonoxximent ta’ din id-distinzjoni ma toħloqx problemi terminoloġiċi jew ta’ duttrina legali, f’oħrajn ma hemmx l-istess ċarezza kunċettwali. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, uħud mill-partijiet jirreferu għall-issuġġettar bħala “suġġettar suġġettiv” u għan-nuqqas ta’ eżenzjoni bħala “suġġettar oġġettiv”. Oħrajn jirreferu għall-espressjonijiet “issuġġettar astratt” u “issuġġettar konkret”. Jew jgħaqqdu, finalment, “in-nuqqas ta’ eżenzjoni” mal-idea ta’ “effettività”, billi jużaw frażijiet bħal “tassazzjoni effettiva” jew “suġġetta b’mod effettiv”.


21–      Huma jenfasizzaw li, bl-applikazzjoni, matul sena fiskali partikolari, tar-regoli għall-kalkolu tat-taxxa, inkluż it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli jew it-tnaqqis tar-rata, l-ammont tal-ħlas jista’ jiġi żero (jew negattiv), mingħajr ma dan jaffettwa l-issuġġettar. Madankollu, ma naħsibx li d-Direttiva, meta ssemmi l-eżenzjoni, tirreferi għad-determinazzjoni tad-dejn fiskali f’kull sena, iżda għar-regoli ġenerali li jirregolaw dan il-kunċett fil-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji.


22–      Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka esprima dan b’mod grafiku fl-osservazzjonijiet tiegħu: l-eżistenza ta’ tassazzjoni effettiva hija kundizzjoni essenzjali sabiex ikun hemm taxxa doppja. Il-fatt li tiġi aċċettata l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn jekk ma jkunx hemm tassazzjoni effettiva fil-pajjiż tar-residenza ma jikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi evitata t-taxxa doppja.


23–      It-test tad-dikjarazzjoni dwar il-kumpanniji tal-Pajjiżi l-Baxxi, kien li ġej: “Il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li l-kumpanniji ta’ investiment Olandiżi, fis-sens tal-Artikolu 28 tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva”. Dikjarazzjonijiet simili mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jinsabu fil-minuti: a) għal ċerti kumpanniji ta’ investiment Ġermaniżi; b) għall-kumpanniji Spanjoli li jaqgħu taħt is-sistema ta’ “trasparenza fiskali”, u c) għall-kumpanniji Portugiżi li “bħala prinċipju huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, iżda li fl-istess ħin huma eżenti minnha u li huma l-azzjonisti tagħhom li huma intaxxati fir-rigward tal-profitti tagħhom”.


24–      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009 (C-303/07, EU:C:2009:377), punt 28.


25–      Il-Gvern Belġjan invoka, fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar it-taxxa doppja, li l-kontenut tiegħu huwa riprodott fil-punt 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bis-saħħa ta’ din ir-regola tal-ftehim, it-taxxa doppja kkawżata mit-taxxa f’ras il-għajn ipprattikata fil-Belġju hija mnaqqsa, peress li din tistabbilixxi limitu sa 5 % tal-“ammont gross tad-dividendi, jekk il-benefiċjarju tad-dividendi tkun kumpannija b’responsabbiltà limitata li żżomm direttament mill-inqas 25 % tal-kapital tal-kumpannija li tħallas id-dividendi”. Il-kumpanniji rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, madankollu, li l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tippermetti li tiġi kkumpensata d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Belġjana, peress li l-ammont miżmum f’ras il-għajn (il-5 % msemmi) isir ħlas finali, li ma jitnaqqasx fil-Pajjiżi l-Baxxi għaċ-CIU.


26–      Għalkemm il-qorti a quo (li, f’dan ir-rigward, segwiet il-proposta għal domanda preliminari magħmula mill-partijiet, mingħajr ma żżid ir-raġunament tagħha stess) tirreferi kemm għall-Artikolu 49 TFUE kif ukoll għal 56 TFUE, jiena nemmen li l-kuntest adatt għall-analiżi għandu jkun dak tal-libertà tal-moviment tal-kapital. Madankollu, ma neskludix, li l-libertà ta’ stabbiliment, ipotetikament, tista’ tkun affettwata, sa fejn ir-restrizzjoni taffettwa l-kapaċità tal-azzjonist sabiex jeżerċita influwenza effettiva fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u sabiex jiddetermina l-attivitajiet tagħha. Jekk ma kellux din il-kapaċità (li f’dan il-każ ma jidhirx li huwa l-każ, għaliex Wereldhave Belgium hija miżmuma minn Wereldhave International u Wereldhave b’perċentwali ta’ 35 % u 45 %, rispettivament), ikun japplika biss l-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, EU:C:2006:774, punt 38).


27–      Punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


28–      Kawża C-387/11, EU:C:2012:670. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “billi żamm fis-seħħ regoli differenti dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn kapital u minn beni mobbli skont jekk dawn jiġux irċevuti minn kumpanniji ta’ investiment residenti jew minn kumpanniji ta’ investiment mhux residenti li ma għandhomx stabbiliment fiss fil-Belġju, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 TFUE”.


29–      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-387/11, EU:C:2012:670), punt 78, li jiċċita s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, EU:C:2006:773), punt 59; tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, EU:C:2011:670), punt 83, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-284/09, EU:C:2011:670), punt 80.


30–      L-istess raġunament jinsab fid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463), punt 30, għal darb’oħra inkonnessjoni mad-dispożizzjonijet fiskali dwar it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa minn sussidjarja residenti fil-Belġju lill-kumpannija omm tagħha, li ma hijiex residenti f’dak il-pajjiż..


31–      Digriet tat-12 ta’ Lulju 2012, Tate & Lyle Investments (C-384/11, EU:C:2012:463), punti 3 sa 9.


32–      Kawża C-387/11, EU:C:2012:670.


33–      Inċidentalment, nixtieq inżid li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għaldaqstant irrispondiet b’digriet, u mhux b’sentenza, lill-qorti tar-rinviju, peress li hija kienet qieset li din kienet “domanda preliminari [...] identika għal oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet dwarha, jew [li] r-risposta għal tali domanda setgħet tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza” (punt 17 tad-digriet imsemmi).


34–      Digriet tat-12 ta’ Lulju 2012 (C-384/11, EU:C:2012:463).


35–      Ibidem, punt 33.


36–      Ibidem, punt 36.


37–      Ibidem, punti 36 u 37.


38–      Ibidem, punt 45.


39–      Kawża C-387/11, EU:C:2012:670, punt 74.