Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2020 (1)

Kawża C-181/19

Jobcenter Krefeld - Widerspruchsstelle

vs

JD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadin tal-Unjoni li tilef il-kwalità ta’ ħaddiem – Dritt ta’ residenza – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Dritt għal benefiċċju tal-assistenza soċjali – Vantaġġi soċjali – Ex ħaddiem migrant responsabbli minn tfal li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti – Dritt ta’ aċċess għat-tagħlim – Effettività – Benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus”






Werrej


I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 2004/38/KE

2. Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3. Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011

B. Id-dritt Ġermaniż

II. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

III. Analiżi

A. Rimarki preliminari dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni

B. Fuq id-domandi preliminari

1. Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

2. Fuq il-portata tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011

a) L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

b) Dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u dritt għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ aċċess għall-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika: is-segwitu loġiku

1) L-ewwel ipoteżi: l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 bħala bażi tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament ta’ JD

2) It-tieni ipoteżi: id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim bħala bażi tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għall-assistenza soċjali

3. Rimarki addizzjonali

IV. Konklużjoni


1.        Meta ktibt dawn il-konklużjonijiet, l-Unjoni Ewropea kienet għaddejja minn kriżi tas-saħħa pubblika mingħajr preċedent li għaliha l-Istati Membri rrispondew billi taw prova ta’ solidarjetà sanitarja wkoll mingħajr preċedent. F’din il-kawża, huma l-limiti tas-solidarjetà soċjali li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża billi hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-portata tal-għajnuna soċjali li Stat Membru ospitanti għandu jipprovdi fir-rigward ta’ ex ħaddiem migrant fit-tfittxija ta’ impjieg u li jeżerċita l-kustodja taż-żewġt itfal tiegħu li jattendu l-iskola f’dan l-Istat.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2004/38/KE

2.        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (2), huwa intitolat “Trattament ugwali”. Huwa fformulat kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

2.      Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

3.        L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (3), jipprevedi li dan ir-regolament “għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70”.

4.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jiddisponi li “[s]akemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

5.        Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 huma fformulati kif ġej:

“1.      Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.      Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

(a)      huma maħsuba biex jagħtu […]:

(i)      protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

[…]

u

(b)      meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju […];

u

(ċ)      huma elenkati fl-Anness X”.

6.        L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 jiddisponi, għal dak li jirrigwarda l-Ġermanja, “benefiċċji li jkopru spejjeż ta’ sussistenza taħt id-dispożizzjoni bażika għal min ikun qed ifittex impjieg sakemm, fir-rigward ta’ dawn il-benefiċċji, il-ħtiġiet ta’ eliġibbiltà għal suppliment temporanju wara li jkunu rċivew il-benefiċċju tal-qgħad (l-Artikolu 24(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Soċjali) ma jkunux ġew sodisfatti”.

3.      Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011

7.        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (4) huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali”.

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprevedi li “[t]-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu”. It-tieni paragrafu jkompli billi jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

9.        L-Artikolu 7 tal-Ktieb II tas-Sozialgesetzbuch Zweites Buch (il-Kodiċi Soċjali), fil-verżjoni tiegħu tat-22 ta’ Diċembru 2016 (BGBl. I, p. 3155, iktar ’il quddiem is-“SGB II”), jiddisponi:

“1)      1 Il-benefiċċji previsti f’dan il-ktieb jingħataw lill-persuni li:

1.      laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.      huma kapaċi jaħdmu,

3.      jinsabu fil-bżonn u

4.      jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu).

2 Dawn li ġejjin huma esklużi:

[…]

2.      iċ-ċittadini barranin

a)      li ma għandhomx dritt ta’ residenza,

b)      li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta biss mill-għan li jfittxu xogħol jew

c)      li jisiltu d-dritt ta’ residenza tagħhom – waħdu jew b’mod parallel ma’ dritt ta’ residenza skont il-punt b – mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011,

kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom,

[…]

2)      Jirċievu wkoll benefiċċji il-persuni li jgħixu f’komunità ta’ bżonn mal-benefiċjarji li kapaċi jaħdmu. […]

3)      Jagħmlu parti mill-komunità ta’ bżonn.

1.      il-benefiċjarji li kapaċi jaħdmu,

[…]

4.      it-tfal mhux miżżewġin li jagħmlu parti mid-dar tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 3, meta jkunu għadhom ma laħqux l-età ta’ 25 sena, sakemm huma ma jkunux jistgħu jiksbu, permezz tad-dħul jew tal-patrimonju tagħhom stess, il-benefiċċji li jippermettulhom jiżguraw l-għajxien tagħhom.”

10.      L-Artikolu 2 tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni, iktar ’il quddiem il-“FreizügG”) (5) huwa fformulat kif ġej:

“1)      Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw mill-moviment liberu u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fit-territorju federali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

2)      Għandhom jibbenefikaw mill-moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni:

1.      iċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jirrisjedu bħala ħaddiema jew li jsegwu taħriġ professjonali,

1a.      iċ-ċittadini tal-Unjoni li qed ifittxu impjieg, għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur, u lil hinn biss sa fejn jistgħu jipprovdu prova li qegħdin ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh,

[…]

6.      il-membri tal-familja, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 4,

[…]

3)      […] Id-dritt ibbażat fuq il-paragrafu 1 jinżamm għal sitt xhur f’każ ta’ qgħad involontarju kkonfermat mill-awtorità tax-xogħol kompetenti wara perijodu ta’ xogħol ta’ inqas minn sena”.

11.      L-Artikolu 3 tal-FreizügG jipprevedi:

“1)      Il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni msemmija fil-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 2(2) jibbenefikaw mid-dritt abbażi tal-Artikolu 2(1) meta jakkumpanjaw l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jew meta jingħaqdu miegħu. […]

2)      Membri tal-familja tfisser

1.      il-konjuġi, is-sieħeb u l-ġenituri fil-linja dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li għadhom ma laħqux il-21 sena […],

2.      il-ġenituri fil-linja axxendenti jew dixxendenti tal-persuni msemmija fil-punti 1 sa 5 u 7 tal-Artikolu 2(2), jew tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom, li l-għajxien tagħhom huwa żgurat minn dawn il-persuni jew mill-konjuġi jew mis-sieħeb tagħhom.

[…]

4)      It-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mil-libertà ta’ moviment u dak tal-ġenituri li effettivament jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri fuq it-tfal iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom sakemm ikunu lestew taħriġ anki wara l-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni li minnu huma jgawdu d-dritt ta’ residenza tagħhom, meta t-tfal jirrisjedu fit-territorju federali u jattendu stabbiliment ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ”.

II.    Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.      JD huwa ċittadin Pollakk missier ta’ żewġt itfal imwielda fl-2005 u fl-2010. Huwa jgħix separat minn martu, ukoll Pollakka, sa mis-sena 2012 jew 2013 – data tal-wasla tiegħu fil-Ġermanja wara residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi – u ddivorzja fix-xahar ta’ Jannar 2019. Martu, li fl-istess ħin kienet telqet mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja, irritornat fil-Polonja fix-xahar ta’ April 2016. Mix-xahar ta’ Settembru 2015, il-missier u ż-żewġ uliedu ġew iddikjarati flimkien fl-istess indirizz fil-Ġermanja. Iż-żewġt ulied ilhom jattendu l-iskola fil-Ġermanja tal-inqas mix-xahar ta’ Awwissu 2016. Fl-2016 u fl-2017, JD irċieva allowances tal-familja mingħajr interruzzjoni għaż-żewġ uliedu kif ukoll pensjoni tal-manteniment mogħtija mill-belt ta’ residenza tal-familja (6).

13.      Għal dak li jirrigwarda l-attività professjonali ta’ JD, dan tal-aħħar eżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-2009 sal-2011. Mix-xahar ta’ Jannar 2013 sax-xahar ta’ Marzu 2015, huwa kien qiegħed. Mis-6 ta’ Marzu 2015 sal-1 ta’ Settembru 2015, huwa eżerċita attività bħala persuna impjegata fil-Ġermanja. Mill-1 ta’ Settembru 2015 sas-17 ta’ Jannar 2016, huwa reġa’ għadda minn perijodu ta’ inattività professjonali. Fit-18 ta’ Jannar 2016, huwa beda xogħol full-time li kellu jintemm fil-31 ta’ Ottubru 2016. Huwa tqiegħed f’inkapaċità għax-xogħol mill-4 ta’ Ottubru 2016 sas-7 ta’ Diċembru 2016, biż-żamma tas-salarju tiegħu sad-29 ta’ Ottubru 2016, u sussegwentement tħallas benefiċċji għal leave tal-mard mis-sigurtà soċjali sas-7 ta’ Diċembru 2016. Fil-31 ta’ Marzu 2017, il-pagament ta’ benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad ingħata lil JD għall-perijodu ta’ bejn it-23 ta’ Frar 2017 u l-24 ta’ Awwissu 2017. Fit-13 ta’ April 2017, l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji ġie rrevokat minħabba l-iskadenza tar-reġistrazzjoni ta’ JD bħala persuna qiegħda. Fit-13 ta’ Ġunju 2017, ġie deċiż li JD jingħata dawn l-allowances għall-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Ġunju 2017 u t-23 ta’ Ottubru 2017.

14.      Sa mit-2 ta’ Jannar 2018, JD qiegħed f’impjieg full-time.

15.      Bejn l-1 ta’ Settembru 2016 u s-7 ta’ Ġunju 2017, JD u wliedu rċevew benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika skont is-SGB II. Fix-xahar ta’ Ġunju 2017, JD talab iż-żamma ta’ dawn il-benefiċċji għalih u għall-uliedu. Fit-13 ta’ Ġunju 2017, il-Jobcenter Krefeld ċaħad, permezz ta’ avviż, din it-talba billi kkunsidra li l-esklużjoni prevista mill-punt 2(b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II kienet applikabbli peress li JD kien residenti fil-Ġermanja sabiex ifittex impjieg biss. Il-Jobcenter Krefeld ċaħad ukoll l-ilment imressaq minn JD u wliedu kontra dan l-avviż permezz ta’ avviż dwar ilment adottat fis-27 ta’ Lulju 2017. Għalhekk, fil-31 ta’ Lulju 2017, JD u wliedu ppreżentaw rikors għal annullament kontra l-avviż tat-13 ta’ Ġunju 2017 kif ikkonfermat mill-avviż tas-27 ta’ Lulju 2017 u talbu l-kundanna tal-Jobcenter Krefeld għall-ħlas tal-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika għall-perijodu ta’ bejn it-8 ta’ Ġunju 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kontenzjuż”).

16.      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, is-Sozialgericht Düsseldorf (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) laqgħet ir-rikors u kkundannat lill-Jobcenter Krefeld sabiex jagħti lil JD u lill-uliedu l-benefiċċji mitluba għall-perijodu kontenzjuż. Ċertament, mis-7 ta’ Lulju 2017, JD ma setax jinvoka iktar dritt ta’ residenza li jirriżulta minn impjieg preċedenti abbażi tal-punt 2 jew tat-tieni sentenza tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(3) tal-FreizügG. Madankollu, huwa bbaża d-dritt ta’ residenza tiegħu fuq dak irrikonoxxut lill-uliedu abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Tali dritt ta’ residenza ġie deċiż mis-Sozialgericht Düsseldorf (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Düsseldorf) awtonomu u indipendenti mid-drittijiet ta’ residenza rregolati mid-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, id-deroga mill-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tapplika biss jekk jeżisti dritt ta’ residenza li jirriżulta mid-Direttiva 2004/38 biss. Għall-kuntrarju, l-imsemmija deroga ma tapplikax meta l-persuna kkonċernata tikseb id-dritt ta’ residenza tagħha mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Għalhekk, fit-tmiem ta’ din l-analiżi, il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li l-esklużjoni prevista mill-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II kellha titqies li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

17.      Fl-4 ta’ Lulju 2018, il-Jobcenter Krefeld appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika huma benefiċċji ta’ assistenza soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 (7) u jistgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004 (8) peress li l-funzjoni tagħhom hija li jiżguraw l-għajxien tat-tfal u tal-ġenituri tagħhom. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-benefiċċji huma wkoll vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, kieku kellha tapplika d-dritt nazzjonali tagħha, kien ikollha tilqa’ l-appell ippreżentat mill-Jobcenter Krefeld. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-esklużjoni prevista fil-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II. Hija tfakkar li JD, għalkemm mingħajr attività professjonali u mingħajr mezzi ta’ għajxien suffiċjenti għall-perijodu kontenzjuż, u għalkemm ma setax jinvoka la dritt ta’ residenza permanenti u lanqas il-kwalità ta’ ħaddiem, kien jibbenefika, matul l-imsemmi perijodu, minn dritt ta’ residenza dderivat minn dak ta’ uliedu bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Issa, il-kwistjoni dwar jekk, f’każ bħal dan, l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tistax tiġi applikata hija diskussa fuq livell nazzjonali.

20.      Skont il-leġiżlatur nazzjonali, l-esklużjoni prevista fil-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II hija konformi mad-dritt tal-Unjoni għaliex inkella r-regoli tad-Direttiva 2004/38 jitilfu s-sustanza tagħhom. Fil-mument tal-introduzzjoni tal-imsemmija esklużjoni fid-dritt nazzjonali, dan il-leġiżlatur insista b’mod partikolari fuq il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri fuq l-għan imfittex mid-direttiva li jiġi evitat li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom isiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti, kif ukoll fuq l-għan, imfakkar diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, li jiġi osservat l-ekwilibriju finanzjarju tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali (9). Għal din ir-raġuni, l-esklużjoni setgħet tiġi estiża għaċ-ċittadini tal-Unjoni li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 mingħajr ma l-leġiżlatur nazzjonali jara li hemm sors ta’ kunflitt mad-dritt tal-Unjoni. Teżisti linja ta’ ġurisprudenza li ssegwi din il-loġika billi tikkunsidra li l-kamp ta’ azzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex limitat għal din tal-aħħar u li dan l-artikolu jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 18 TFUE anki fil-każ fejn id-dritt ta’ residenza huwa bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Il-konferma tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din tal-aħħar ma segwietx il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tagħha fil-kawża Alimanovic (10) u ma wettqitx eżami differenti minħabba l-fatt li minbarra d-Direttiva 2004/38 f’dak iż-żmien kienet teżisti bażi oħra għad-dritt ta’ residenza.

21.      Madankollu jidher li dan il-kunċett ma huwiex kondiviż mill-qrati nazzjonali kollha, li wħud minnhom jinterpretaw is-sentenza Alimanovic (11) b’mod differenti billi jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 biss fil-kuntest ta’ dritt ta’ residenza bbażat fuq l-imsemmija direttiva. Għalhekk, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva għal ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn permess ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma hijiex deċiża. Barra minn hekk, dawn il-qrati huma tal-fehma li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat strettament, fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva biss.

22.      Il-qorti tar-rinviju taqbel ma’ din it-tieni linja ta’ analiżi li hija kkonfermata, fil-fehma tagħha, mill-fatt li d-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma huwiex suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, il-benefiċċji mitluba minn JD għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, anki jekk l-imsemmija benefiċċji jidhru li ma humiex relatati mal-edukazzjoni jew mat-taħriġ bħala tali. Issa, l-ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi żgurata fil-qasam tal-vantaġġi soċjali skont l-imsemmi artikolu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma setax jiġi ristrett mid-Direttiva 2004/38 (12). Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, filwaqt li kellu l-okkażjoni jagħmel dan waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 492/2011, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma introduċiex dispożizzjoni fl-imsemmi regolament li kellha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex temenda l-ġurisprudenza tagħha mogħtija abbażi tar-regolament preċedenti sabiex teskludi b’mod espliċitu mill-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament iċ-ċittadini li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa bbażat biss fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

23.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u permezz ta’ deċiżjoni li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2019, għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lil din tal-aħħar:

“1.      Huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 7 tar-Regolament Nru 492/2011, li jiġu esklużi mill-benefiċċji ta’ assistenza soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva [2004/38] iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011?

a)      Benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011?

b)      Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 tapplika għar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikoli [7 u 10] tar-Regolament Nru 492/2011?

2.      Huwa kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, li jiġu esklużi mill-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fis-sens tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u li huma affiljati ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ sistema ta’ benefiċċji tal-familja fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004?”

24.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Jobcenter Krefeld, mill-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li nstemgħu wkoll waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2020.

III. Analiżi

A.      Rimarki preliminari dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni

25.      Kif fakkret il-qorti tar-rinviju, ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji previsti fil-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kklassifikat dawn il-benefiċċji fid-dawl tar-regoli differenti tad-dritt sekondarju li jistgħu jirriżultaw rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża tagħna.

26.      Għalhekk, infakkar li l-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004 u huma, barra minn hekk, bħala tali msemmija fl-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004 (13).

27.      Il-benefiċċji inkwistjoni jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, peress li dan il-kunċett jirreferi għall-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li għalhekk, minħabba dan, jirriskja li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-funzjoni predominanti tal-benefiċċji inkwistjoni hija “li jiggarantixxu l-minimu tal-mezzi tal-għajxien neċessarji sabiex jgħixu ħajja konformi mad-dinjità umana” (15).

28.      Tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li “vantaġġi soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jfissru “l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni […] u, għalhekk, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti” (16). Skont il-qorti tar-rinviju, il-benefiċċji inkwistjoni intiżi sabiex jiżguraw l-għajxien ta’ wild u dak tal-ġenituri tiegħu li għandhom il-kustodja effettiva tiegħu matul taħriġ edukattiv jew professjonali jikkostitwixxu tali vantaġġi (17).

29.      Kif irrilevat ġustament fil-fehma tiegħi l-Kummissjoni, il-protezzjoni soċjali bażika offruta mill-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II, sa fejn din tippreżupponi l-kapaċità għax-xogħol, kienet relatata mal-fatt li l-benefiċjarju kien ħaddiem, huwa ħaddiem bi dħul insuffiċjenti jew ser ikun ħaddiem. Tal-inqas fl-ewwel żewġ każijiet li għadni kif semmejt, l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni kien jidher marbut mal-kwalità ta’ ħaddiem, anki jekk mitlufa, tal-persuna li titolbu. Finalment, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kklassifikat bħala vantaġġ soċjali fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 (18) – li ppreċeda r-Regolament Nru 492/2011 – benefiċċju soċjali li jiżgura, b’mod ġenerali, minimu ta’ mezzi ta’ għajxien (19). Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi aċċettat li l-benefiċċji inkwistjoni jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ “vantaġġi soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, b’mod partikolari jekk wieħed jqis, kif għamlet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-funzjoni inklużiva ta’ din il-protezzjoni li ser nerġa’ nirreferi għaliha iktar tard (20).

30.      Ladarba dan ġie ppreċiżat, niġu għall-analiżi taż-żewġ domandi preliminari li ġew magħmula.

B.      Fuq id-domandi preliminari

31.      L-esklużjoni ta’ JD u ta’ uliedu mill-benefiċċji għall-għajxien tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Permezz ta’ dawn id-domandi preliminari, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina b’mod suċċessiv, jekk ikun il-każ, il-bażijiet differenti possibbli għall-għoti tal-benefiċċji għall-għajxien għall-perijodu kontenzjuż lil JD u liż-żewġ uliedu, jiġifieri għar-rikonoxximent, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ta’ dritt għal ugwaljanza fit-trattament.

32.      Madankollu, tali analiżi ma tkunx utli jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’, fi kwalunkwe każ, taħt l-eċċezzjoni għall-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, għandi nispjega mill-ewwel ir-raġunijiet li għalihom, fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni ma tapplikax hawnhekk qabel ma neżamina jekk il-portata tad-dritt ta’ residenza rrikonoxxut skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 hijiex tali li tkopri wkoll id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-benefiċċji inkwistjoni. Fid-dawl, tal-konklużjonijiet li ser niġbed mill-analiżi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, eżami speċifiku tar-Regolament Nru 883/2004 ma għandux jidher neċessarju.

1.      Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

33.      Il-partijiet jaqblu li JD kien jibbenefika, fil-mument tal-perijodu kontenzjuż, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 idderivat minn dak taż-żewġ uliedu li jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti. Jaqblu wkoll li waqt dan il-perijodu kontenzjuż, JD kien tilef il-kwalità ta’ ħaddiem u kien qiegħed ifittex impjieg.

34.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 huwa ddedikat għall-ugwaljanza fit-trattament. L-ewwel paragrafu tiegħu jistabbilixxi l-benefiċċju ta’ tali ugwaljanza għaċ-“ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond [l-imsemmija] Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti” iżda “[b]la ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja”. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi espliċitament deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Istat Membru ospitanti ma huwiex obbligat jagħti d-dritt għal benefiċċju ta’ assistenza soċjali fit-termini stabbiliti “lil persuni, apparti minn persuni impjegati, ħaddiema li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu dak l-istatus jew membri tal-familja tagħhom”.

35.      Il-Gvern Ġermaniż, li fl-argumenti tiegħu ngħaqad parzjalment mal-Jobcenter Krefeld, isostni, essenzjalment, li, indipendentement mill-fatt dwar jekk id-dritt ta’ residenza ta’ JD fil-Ġermanja kienx ibbażat ukoll fuq id-Direttiva 2004/38 (21), peress li dan irrisjeda fil-Ġermanja matul il-perijodu kontenzjuż sabiex ifittex impjieg hemmhekk biss, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva japplika bħala dispożizzjoni trażversali, li jirregola b’mod eżawrjenti l-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-benefiċċji ta’ assistenza soċjali u b’hekk imur lil hinn mill-kuntest normattiv tad-Direttiva 2004/38 biss. Għaldaqstant ftit jimporta li l-bażi legali tad-dritt ta’ residenza ta’ JD huwa l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 peress li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jeskludi, fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx iktar il-kwalità ta’ ħaddiem mill-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-benefiċċju ta’ assistenza soċjali. L-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 f’każ bħal dak ta’ JD iċċaħħad mis-sustanza tagħha l-limitazzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi u l-marġni ta’ manuvra li d-Direttiva tirrikonoxxi neċessarjament lill-Istati Membri li għandhom jipproteġu ruħhom kontra t-turiżmu soċjali billi jiġi evitat li ċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Fil-fatt, ikun biżżejjed għall-imsemmija ċittadini li jinvokaw l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipperikolaw il-mekkaniżmu ta’ difiża tal-imsemmija sistemi li tikkostitwixxi l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Finalment, skont il-Gvern Ġermaniż, il-kwistjoni kienet diġà ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alimanovic (22). Issa, fil-kuntest ta’ din is-sentenza, li l-kuntest fattwali u ġuridiku tagħha huwa f’kull punt paragunabbli ma’ dak ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 minkejja li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, li ma għandhomx il-kwalità ta’ ħaddiema migranti, igawdu wkoll minn dritt ta’ residenza fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

36.      Jiena ma nistax naqbel ma’ dawn l-argumenti.

37.      L-ewwel nett, minn perspettiva letterali, l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti “[b]la ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja”. Għalhekk, huwa dejjem f’dawn il-limiti li topera d-deroga mill-imsemmi prinċipju fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, tali riferiment tal-Artikolu 24 għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt primarju jew sekondarju ma huwiex konċiljabbli mat-teżi ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti u trażversali tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament.

38.      Sussegwentement, minn perspettiva kuntestwali, fl-ebda mument ma huwa possibbli li jiġi identifikat kwalunkwe indizju ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 lil hinn minn din id-direttiva biss. Jekk wieħed jerġa’ jirritorna mill-ġdid, għat-test tal-Artikolu 24(2) tal-imsemmija direttiva, dan tal-aħħar jillimita, bir-referenzi li jagħmel għal dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, id-deroga li jinkludi għall-kamp ta’ azzjoni tad-direttiva stess. Iż-żamma, fir-Regolament Nru 492/2011, ta’ dispożizzjoni ddedikata għall-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema fil-qasam tal-vantaġġi soċjali tikkontradixxi wkoll it-teżi tal-armonizzazzjoni eżawrjenti u trażversali tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament li wettqet id-Direttiva 2004/38.

39.      Finalment, minn perspettiva teleoloġika, mill-ġdid jidhirli li l-għan leġittimu mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni u sussegwentement invokat mil-leġiżlatur u mill-Gvern Ġermaniż ma jistax jiġġustifika, waħdu, l-esportazzjoni ta’ regola ta’ dritt sekondarju f’kuntest normattiv ieħor. Barra minn hekk, l-inkapaċità tal-Gvern Ġermaniż – kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta kien preċiżament mistoqsi fuq dan il-punt – li jipprovdi ċifri preċiżi li jistgħu juru t-theddida li tirrappreżenta, għas-sistema Ġermaniża ta’ sigurtà soċjali, interpretazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 fis-sens li ma huwiex applikabbli meta ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat igawdi minn dritt ta’ residenza fuq bażi differenti minn dik tal-imsemmija direttiva, u filwaqt li l-Gvern Ġermaniż neħħa l-ispettru ta’ turiżmu soċjali, huwa dgħajjef kunsiderevolment il-portata tal-argument tiegħu.

40.      Ser inżid ukoll tliet sensiliet ta’ rimarki.

41.      Minn naħa, l-argument li jipprovdi li ma jistax jeżisti dritt ta’ residenza skont ir-Regolament Nru 492/2011 mingħajr ma jkun ġie neċessarjament ippreċedut dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 ma huwiex ta’ natura li jċaħħad l-imsemmi regolament mill-awtonomija leġiżlattiva tiegħu. Għal dan huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif ser infakkar iktar ’il quddiem, li d-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 huwa eskluż mill-osservanza tal-kundizzjonijiet klassikament meħtieġa mid-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi.

42.      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-raġunijiet kollha preċedenti jimmilitaw, fihom innifishom, sabiex tiġi limitata l-portata tad-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għal din id-direttiva biss, inżid, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, li kull dispożizzjoni derogatorja tirċievi, fid-dritt tal-Unjoni, interpretazzjoni restrittiva. Barra minn hekk, dan il-prinċipju interpretattiv diġà ntuża mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 stess, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, “[b]ħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 18 TFUE u li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat b’mod strett” (23).

43.      Finalment, għal dak li jirrigwarda l-valur tal-preċedent tas-sentenza Alimanovic (24), din tal-aħħar għandha tinqara fid-dawl tal-punt 40 tagħha li jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-qorti tar-rinviju li kienet adita biha kkunsidrat “li d-dritt ta’ residenza ta’ N. Alimanovic u ta’ bintha Sonita [kien] jirriżulta mill-kwalità tagħhom ta’ persuni li qegħdin ifittxu impjieg u li hija kienet marbuta bil-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-qorti tal-mertu f’dan ir-rigward”. Bl-adozzjoni ta’ qari formalistiku ħafna tas-sentenza, wieħed jista’ joġġezzjona li dan il-punt 40, madankollu, qiegħed fl-introduzzjoni tal-parti tas-sentenza ddedikata għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni – l-istess li għandna quddiemna llum. Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li l-preċiżazzjoni li tinsab fil-punt 40 hija, fid-dritt, mingħajr effett fuq it-twettiq ta’ klassifikazzjoni tal-benefiċċji nnifisha, b’tali mod li t-tagħlim li għandu jinsilet minn dan il-punt ma huwiex limitat biss għal din il-parti tas-sentenza (25).

44.      Fis-sentenza Alimanovic (26), il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma titbiegħed mill-premessa magħmula fil-punt 40 tal-imsemmija sentenza. Għalhekk, qatt ma tinvoka l-ipoteżi madankollu indirizzata, għalkemm biss sussidjarjament, mill-Avukat Ġenerali tagħha (27), li d-dritt ta’ residenza ta’ N. Alimanovic u ta’ bintha seta’ jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

45.      Għalhekk, il-punt 40 tas-sentenza Alimanovic (28), għandu l-effett li jillimita l-portata ta’ din is-sentenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza abbażi biss tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-każ partikolari li tressaq illum peress li dan sempliċement ma kienx is-suġġett tad-domandi li kienu indirizzati lilha (29).

46.      Fi kwalunkwe każ, huwa interessanti li jiġi rrilevat li fis-sentenza tagħha Alimanovic (30), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod ċar ħafna rabta bejn l-applikazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 u t-tgawdija ta’ dritt ta’ residenza – minbarra dak ibbażat fuq l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38 (31) – ibbażata fuq id-Direttiva 2004/38 (32).

47.      Għaldaqstant, jekk wieħed kellu sempliċement jikkunsidra li JD għandu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38, huwa ma jistax jinvoka l-ugwaljanza fit-trattament. Madankollu u kif stajt nuri sa issa, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex intiż sabiex jirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 (33).

2.      Fuq il-portata tad-dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011

48.      Ladarba l-applikazzjoni tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 ġiet eskluża fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibqa’ li jiġi eżaminat jekk JD u wliedu jistgħux jinvokaw dritt għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għall-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika. Peress li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, għandu jiġi ddeterminat jekk tali ugwaljanza fit-trattament tistax tirriżulta mir-Regolament innifsu, jekk ikun il-każ moqri flimkien ma’ regoli oħra.

49.      Wara li nfakkar il-portata li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, ser nipproponi żewġ rimedji possibbli li jwasslu għall-konstatazzjoni li, f’dan il-każ, għandu jiġi rrikonoxxut dritt għal ugwaljanza fit-trattament.

a)      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

50.      Infakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 huwa identiku għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 b’tali mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija għall-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tapplika mutatis mutandis għall-interpretazzjoni tal-ewwel waħda (34).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tar-Regolament Nru 1612/68, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, kien jeżiġi, “sabiex dan […] jkun assigurat filwaqt li jkunu mħarsa l-libertà u d-dinjità, kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Komunitarju fi ħdan l-Istat Membru ospitanti” (35) u kkunsidrat bħala sostanzjali r-rabta bejn is-suċċess ta’ tali integrazzjoni u l-possibbiltà għal wild ta’ ħaddiem migrant li jieħu l-edukazzjoni u l-istudji tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (36).

52.      Għal dan il-għan ukoll, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 huma ddefiniti b’mod wiesa’, peress li t-tfal jistgħu ma jkunux huma stess ċittadini tal-Unjoni u jistgħu ma jkunux l-ulied komuni tal-ħaddiem migrant u tal-konjuġi tiegħu (37). Il-fatt li jkun hemm divorzju bejn il-ħaddiem migrant u l-konjuġi tiegħu, li jkun akkumpanjat minn ritorn tal-imsemmi ħaddiem fl-Istat ta’ oriġini tiegħu filwaqt li l-konjuġi tiegħu tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti mat-tfal, ma għandux l-effett li jikkontesta d-dritt ta’ aċċess tal-imsemmija tfal għat-tagħlim f’dan l-aħħar Stat (38). Bl-istess mod, it-telf tal-kwalità ta’ ħaddiem tal-ġenitur li minnu l-ulied inizjalment kisbu d-dritt tagħhom ta’ aċċess għat-tagħlim ma għandux effett fuq it-tgawdija tal-imsemmi dritt (39).

53.      Sabiex tkun żgurata l-effettività tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, dan id-dritt għandu neċessarjament ikun akkumpanjat minn dritt ta’ residenza korrelattiv mogħti lit-tfal (40).

54.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa l-pussess tal-kwalità ta’ ħaddiem li jagħti lok, fir-rigward tat-tfal tiegħu, għad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim u għalhekk għad-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Iżda ladarba l-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti sabiex dan id-dritt jiġi rrikonoxxut, dan “ikun awtonomu” sabiex joffri protezzjoni msaħħa tas-sitwazzjoni legali tat-tfal li fir-rigward tagħhom ma jkunx għadu meħtieġ li huma jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti u li jkunu jattendu l-iskola hemmhekk (41).

55.      Din il-protezzjoni legali msaħħa tas-sitwazzjoni tat-tfal għandha, indirettament, effetti fuq is-sitwazzjoni tal-ġenitur li jkollu l-kustodja tagħhom. Għalhekk, filwaqt li d-dritt ta’ residenza tat-tfal skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jitnissel mill-pussess, f’mument partikolari, tal-kwalità ta’ ħaddiem ta’ wieħed mill-ġenituri, id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jiżgura l-kustodja ser ikun jista’ jestendi lil hinn mit-telf tal-kwalità ta’ ħaddiem jew fl-assenza ta’ din il-kwalità sakemm it-tfal ikunu jattendu l-iskola. Jekk tiġi ffriżata metafora ta’ natura grammatikali, il-ġenitur li kien il-proposta prinċipali jsir subordinat u l-wild, li oriġinarjament kien jagħmel il-proposta subordinata, isir il-proposta prinċipali. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’każ fejn it-tfal kienu jgawdu, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, mid-dritt li jkomplu jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti, “li jekk [il-ġenituri] jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jibqgħu f’dan l-Istat Membru ospitanti matul l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, dan jista’ jwassal sabiex dawn it-tfal jiġu mċaħħda minn dritt li l-leġiżlatur [tal-Unjoni] jirrikonoxxi fir-rigward tagħhom” (42). Wara li fakkret li r-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżit tar-rispett tal-ħajja tal-familja previst fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (43), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]d-dritt rikonoxxut mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tat-tifel ta’ ħaddiem migrant li jsegwi, fl-aħjar kundizzjonijiet, l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jimplika neċessarjament li dan it-tifel għandu jkollu d-dritt li jkun akkumpanjat mill-persuna li effettivament tkun responsabbli għall-kura tiegħu u, għalhekk, li din il-persuna tkun tista’ tgħix miegħu fl-imsemmi Stat Membru matul l-istudji tiegħu. Jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza jiġi rrifjutat lill-ġenitur effettivament responsabbli għall-kura tat-tifel li jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu li jsegwi l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, dan ikun ta’ preġudizzju għal dan id-dritt” (44). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, li fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet li jrid jilħaq ir-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 12 tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv u fi kwalunkwe każ, ma għandux jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu (45). Il-ġenitur li għandu l-kustodja ta’ wild li jattendi l-iskola li għandu dritt ta’ aċċess għat-tagħlim skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jibbenefika għalhekk minn dritt ta’ residenza dderivat minn dak tal-wild tiegħu, u dan anki, kif diġà fakkart, jekk l-imsemmi ġenitur ma għandux il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ma għandux jew ma fadallux il-kwalità ta’ ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti (46).

56.      Finalment, fl-okkażjoni ta’ żvilupp ulterjuri tal-ġurisprudenza tagħha relattiva għall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “t-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jaħdem jew li kien jaħdem fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll il-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja tagħhom, jistgħu jinvokaw, f’dan l-Istat tal-aħħar, dritt ta’ residenza fuq il-bażi biss tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr mhuma meħtieġa jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/38” (47). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-test tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma kienx jissuġġetta d-dritt ta’ residenza tat-tfal u tal-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom għall-awtonomija ekonomika tagħhom – jiġifieri għall-pussess ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti – u li tali rekwiżit lanqas ma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (48).

57.      Għalhekk, il-kostruzzjoni ġurisprudenzjali li għadni kif iddeskrivejt żviluppat fi tliet stadji: l-ewwel nett, kellha tiġi stabbilita l-idea li d-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kellu neċessarjament ikun akkumpanjat mir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza awtonomu tat-tfal. Sussegwentement, ir-rekwiżit tal-effettività tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim iġġustifika d-dikjarazzjoni ta’ dritt ta’ residenza dderivat tal-ġenituri li jiżguraw il-kustodja ta’ dawn it-tfal. Finalment, il-protezzjoni tas-sitwazzjoni legali tat-tfal li jattendu l-iskola kienet teħtieġ li la d-dritt ta’ residenza awtonomu tat-tfal u lanqas d-dritt ta’ residenza dderivat tal-ġenituri ma jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ awtonomija ekonomika.

58.      Din il-kawża toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi stadju ġdid fil-kostruzzjoni tal-istatus ġuridiku marbut mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 4992/2011.

b)      Dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 u dritt għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam ta’ aċċess għall-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika: is-segwitu loġiku

59.      Kif iddikjarat, fil-fehma tiegħi, jeżistu żewġ linji ta’ analiżi possibbli, skont jekk jiġix ikkunsidrat li JD huwa d-detentur tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament (l-ewwel ipoteżi) jew skont jekk jiġix ikkunsidrat li huma ż-żewġ uliedu li huma d-detenturi tiegħu (it-tieni ipoteżi).

1)      L-ewwel ipoteżi: l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 bħala bażi tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament ta’ JD

60.      Kif intqal b’mod suffiċjenti, JD għandu dritt ta’ residenza dderivat minn dak ta’ uliedu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

61.      Ir-Regolament Nru 492/2011 jinkludi espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, fl-Artikolu 7 tiegħu, li fil-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali.

62.      Madankollu, wieħed ma jistax jinjora li dan l-Artikolu 7 jiftaħ it-Taqsima 2 tar-Regolament Nru 492/2011, intitolata “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”. Wieħed lanqas ma jista’ jinjora li l-formulazzjoni tiegħu ssemmi espressament “[il]-ħaddiem”, ħaġa li JD ma għadux.

63.      Madankollu, interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi eskluża. Ċertament, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 ma jirreferix, kif jagħmel l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għal ċittadin ta’ Stat Membru li huwa jew li kien ħaddiem; madankollu, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 wieħed jiddeduċi li l-protezzjoni offruta tmur lil hinn mill-perijodu ta’ impjieg tal-imsemmi ħaddiem biss, u forsi anki mill-perijodu li matulu huwa għandu preċiżament din il-kwalità. Infakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jistabbilixxi d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament “partikolarment fir-rigward […] ta’ […] tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol [ta’] impjieg mill-ġdid” (49).

64.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu biss sabiex ifittxu impjieg ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mill-ugwaljanza fit-trattament kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dawk li diġà daħlu fis-suq tax-xogħol jistgħu, għall-kuntrarju, jipprevalixxu ruħhom minnu (50).

65.      F’dan il-każ, ir-rikonoxximent ta’ dritt għal ugwaljanza fit-trattament ibbażat fuq il-fatt li l-applikant huwa ex ħaddiem – u mhux ċittadin li ċċaqlaq fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex ifittex impjieg hemmhekk biss mingħajr qatt ma jkun daħal effettivament fis-suq tax-xogħol – jippermetti li l-benefiċċju tal-assistenza soċjali ma jiġix estiż għal kull ċittadin li jkun jista’ jikkuntenta ruħu li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fi Stat Membru ieħor, mingħajr qatt ma jfittex li jaħdem hemmhekk, imbagħad li jibgħat immedjatament lit-tfal tiegħu l-iskola hemmhekk sabiex ikun jista’ jibbenefika, sat-tmiem tal-edukazzjoni tagħhom, minn dritt ta’ residenza u mill-għajnuna soċjali offruta fl-Istat Membru ospitanti (51).

66.      Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 ċertament tobbliga lill-Istati Membri jagħtu assistenza lil ex ħaddiema li jbatu l-inattività ekonomika tagħhom, filwaqt li jżommu, madankollu, id-dritt tagħhom li jirrifjutaw tali assistenza liċ-ċittadini tal-Unjoni li jagħmlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom billi jagħżlu li jibqgħu inattivi, u li, għalhekk, ma jistgħux jinvokaw il-protezzjoni offruta minn din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni, hija possibbli wkoll skont l-awtonomija leġiżlattiva bejn ir-Regolament Nru 492/2011 u d-Direttiva 2004/38.

67.      Għandu jiġi żgurat ukoll li d-diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata (52). F’dan ir-rigward, jekk ma jkunx hemm dubju dwar il-leġittimità tal-għan imfittex mil-leġiżlatur Ġermaniż, peress li jingħaqad ma’ dak imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, l-imsemmija diskriminazzjoni ma taffettwax it-test ta’ proporzjonalità, peress li l-punt 2(c) tas-SGB II iwassal għal esklużjoni sistematiku ta’ kull ċittadin li għandu dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, mingħajr ebda kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-imsemmi ċittadin u b’mod partikolari tar-rabtiet li għandu mas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, kif ukoll tan-natura u l-intensità tar-rabtiet li għandu mas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

68.      Għalhekk, minn tali analiżi jirriżulta li l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt għal ugwaljanza fit-trattament, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-vantaġġi soċjali bħal benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika, għandu jiġi rrikonoxxut lil ex ħaddiem migrant li t-tfal tiegħu jmorru l-iskola fl-Istat Membru ospitanti u li jibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

2)      It-tieni ipoteżi: id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim bħala bażi tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-aċċess għall-assistenza soċjali

69.      Fil-fehma tiegħi, huwa possibbli wkoll li wieħed jasal għall-istess konklużjoni – dik ta’ dritt ta’ aċċess ta’ JD u taż-żewġ uliedu għall-benefiċċji kontenzjużi – b’konċentrazzjoni din id-darba fuq id-drittijiet tat-tfal.

70.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra preċedentement, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma jistax jiġi interpretat strettament u l-effett utli tiegħu għandu jiġi żgurat; ir-regolament għandu, min-naħa tiegħu, jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżit tar-rispett tal-ħajja tal-familja previst fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

71.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, x’jifdal mid-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim, li kulħadd jaqbel li jirrikonoxxi li jgawdu ż-żewġ ulied ta’ JD, jekk dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji inkwistjoni, għalihom u għal missierhom, kellu jiġi miċħud?

72.      Nista’ naċċetta sew, minn perspettiva kunċettwali, li d-dritt ta’ residenza ma jitħawwadx neċessarjament mad-dritt ta’ aċċess għal dawn il-benefiċċji. Iżda finalment, minn perspettiva funzjonali, x’portata reali – effettiva – ser tingħata lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tingħata attenzjoni għall-futur tat-tfal tal-ħaddiema migranti, u meta d-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jiżgura l-kustodja tagħhom ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti jew assigurazzjoni għall-mard kompleta, jekk din l-istess Qorti tal-Ġustizzja kellha llum tiddeċiedi li dan il-ġenitur, indispensabbli sabiex dawn t-tfal ikunu akkumpanjati fl-edukazzjoni tagħhom, ma jkollux dritt jitlob l-għajnuna soċjali tal-Istat?

73.      Tkun illużjoni, finzjoni legali li jiġi kkunsidrat li d-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim ikun effettiv billi jingħata biss id-dritt ta’ residenza lill-ġenitur li għandu l-kustodja tat-tfal mingħajr ma dan id-dritt ikun akkumpanjat ukoll minn għajnuna soċjali. Għalhekk nistieden preċiżament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu dan il-pass.

74.      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi dritt ta’ aċċess għat-tagħlim “taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat” (53). Jekk il-ġenituri fqar ta’ wild li jattendi l-iskola ċittadini tal-Istat Membru ospitanti għandhom dritt ta’ aċċess għall-assistenza soċjali sabiex jiżguraw kundizzjonijiet tal-ħajja u tal-edukazzjoni li jixirqu lil dan il-wild, u indirettament, għaċ-ċellula familjari tagħhom, u sa fejn il-faqar huwa manifestament ostakolu għall-aċċess għat-tagħlim ta’ kull wild, id-dritt għall-assistenza soċjali għandu jiġi interpretat bħala li jifforma parti mill-“kundizzjonijiet” imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, taħt piena li jċaħħad lill-wild minn dritt li kien irrikonoxxut lilu mil-leġiżlatur (54).

75.      Tali interpretazzjoni tiżgura għalhekk l-effett utli tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, din tidher kompletament koerenti mal-għan inizjali ta’ dan ir-regolament li huwa li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, liema ħaddiem jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jagħmel sforz sabiex jintegra ruħu bl-aħjar mod, inkluż ekonomikament, fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti u jibgħat it-tfal tiegħu fi skola hemmhekk, jekk ikun jaf li peress li s-sitwazzjoni ser issir inqas konvinċenti, mingħajr ma jkun jista’ jistrieħ fuq is-solidarjetà tal-Istati Membru li laqgħu, huwa għandu neċessarjament imur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u jneħħi lit-tfal tiegħu mis-sistema pedagoġika u lingwistika li fiha kienu integrati sal-lum? Għalhekk, jidher li huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt ta’ residenza tat-tfal u tal-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom jiġi eżentat mill-osservanza tal-kundizzjoni ta’ awtonomija ekonomika (55).

76.      Għall-istess raġunijiet invokati preċedentement (56), id-diskriminazzjoni introdotta mill-punt 2(c) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(1) tas-SBG II ma jidhirlix li hija ġġustifikata.

77.      Għalhekk, f’dan l-istadju tal-analiżi, jien naħseb li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li dritt għall-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika għandu jiġi rrikonoxxut lit-tfal li għandhom dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 kif ukoll lill-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ dawn it-tfal.

3.      Rimarki addizzjonali

78.      L-analiżi preċedenti, li tieħu l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 bħala ċentru ta’ gravità tar-raġunament magħmul sabiex tiġi riżolta din il-kawża, tikkostitwixxi għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-mezz prinċipali għal dan il-għan. Madankollu, għall-kompletezza, nixtieq inżid ukoll xi elementi ta’ riflessjoni relatati, fl-ewwel lok, mar-Regolament Nru 883/2004 u sussegwentement, fit-tieni lok, mal-Artikolu 18 TFUE. Madankollu, sa fejn dawn l-elementi huma pprovduti biss b’mod sussidjarju, l-analiżi ser tkun neċessarjament iktar rapida.

79.      Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 883/2004, diġà rajna li l-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika inkwistjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament u li l-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi dritt għal ugwaljanza fit-trattament għall-persuni li għalihom japplika r-Regolament u sakemm ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor. Mill-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari jirriżulta li JD għandu jiġi kkunsidrat li huwa affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti jew mas-sistema ta’ benefiċċji tal-familja tiegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Għalkemm id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet sostantivi relattivi għall-għoti ta’ benefiċċji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru (57), l-Istati Membri għandhom madankollu, f’dan l-eżerċizzju, josservaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu li jagħtu l-benefiċċji soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni biss li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 (58) u li dawn l-Istati setgħu jeskludu mill-benefiċċju tal-benefiċċji ċ-ċittadini tal-Unjoni matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jew iċ-ċittadini li r-residenza tagħhom kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38. Jekk wieħed jassumi li minn din il-ġurisprudenza tista’ tiġi dedotta xewqa li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jkun koerenti mal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, fis-sens li l-effettività tat-tieni tkun teħtieġ li jiġi limitat l-ewwel wieħed, tali interpretazzjoni fformulata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tkunx, fi kwalunkwe każ, rilevanti f’każ bħal dak ta’ JD fejn id-dritt ta’ residenza ma jkunx għadu bbażat fuq id-Direttiva 2004/38, jew ma jkunx ibbażat biss fuq din tal-aħħar, iżda huwa bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. L-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-aċċess għal benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus bħalma huma l-benefiċċji soċjali bażiċi tista’ għalhekk tkun ibbażata wkoll, għal ċittadin tal-Unjoni bħal JD li jibbenefika, barra minn hekk, minn dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011, fuq l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004.

80.      Finalment, sa fejn ikkunsidrajt li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju setgħu jiġu riżolti billi jiġi interpretat ir-Regolament Nru 492/2011, li jinkludi varjazzjoni speċifika tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE, ma jidhirlix li analiżi awtonoma ta’ dan tal-aħħar hija neċessarja (59).

IV.    Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja):

1)      Benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

2)      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ma huwiex intiż sabiex jirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal ċittadin tal-Unjoni li jgawdi minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011.

3)      L-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt għal ugwaljanza fit-trattament, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-vantaġġi soċjali bħal benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika, għandu jiġi rrikonoxxut lil ex ħaddiem migrant li t-tfal tiegħu jattendu l-iskola fl-Istat Membru ospitanti u li jibbenefika minn dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

4)      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji ta’ protezzjoni soċjali bażika għandu jiġi rrikonoxxut lit-tfal li għandhom dritt ta’ residenza abbażi ta’ dan l-Artikolu 10 kif ukoll lill-ġenitur li għandu l-kustodja effettiva ta’ dawn it-tfal.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.


3      Iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”.


4      ĠU 2011 L 141, p. 1.


5      Fil-verżjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2014 (BGBl. I, p. 1922).


6      Mill-fajl jirriżulta li din il-pensjoni tal-manteniment titħallas lil JD għal uliedu sa mill-1 ta’ Ottubru 2015 sakemm it-tfal tiegħu jagħlqu 12-il sena.


7      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358); tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597) kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C-299/14, EU:C:2016:114).


8      Il-qorti tar-rinviju ssemmi f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358); tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597), kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C-299/14, EU:C:2016:114).


9      Kif imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358); tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597), kif ukoll tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C-299/14, EU:C:2016:114).


10      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


11      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


12      Hawnhekk il-qorti tar-rinviju ssemmi s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80), u Teixeira (C-480/08, EU:C:2010:83).


13      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 43).


14      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 45).


16      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C-447/18, EU:C:2019:1098, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Il-Gvern Ġermaniż ma ddikjarax ruħu dwar il-kwistjoni, mingħajr madankollu ma eskluda tali klassifikazzjoni.


18      Regolament tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


19      Ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1985, Hoeckx (249/83, EU:C:1985:139) sostnuta fil-punt 27 tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, EU:C:2001:458).


20      Ara, għall-klassifikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ miżuri differenti bħala vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 li tenfasizza b’mod partikolari l-funzjoni inklużiva tagħhom, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2019, Generálny riaditeľ Sociálnej poisťovne Bratislava et (C-447/18, EU:C:2019:1098, punt 48).


21      Skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.


22      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


23      Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-75/11, EU:C:2012:605, punt 54).


24      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


25      Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mill-punt 41, li huwa biss tfakkira tat-tieni u tat-tielet domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u li għalhekk, bħala tali, ma hijiex relatata mal-klassifikazzjoni tal-benefiċċji li l-Qorti tal-Ġustizzja ser twettaq fil-punti 42 sa 46 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597).


26      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


27      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:210, punti 117 sa 122).


28      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


29      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 38).


30      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015 (C-67/14, EU:C:2015:597).


31      Peress li huwa s-suġġett ta’ esklużjoni espressa mill-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.


32      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597, punt 49). Ara wkoll il-punt 53 ta’ din is-sentenza.


33      F’dan ir-rigward ninnota wkoll li, fil-punt 49 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic (C-67/14, EU:C:2015:597), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, ċittadin tal-Unjoni jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38” (korsiv miżjud minni). Peress li d-dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011 ma jaqax preċiżament taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex id-dispożizzjoni li fid-dawl tagħha għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ eventwali ugwaljanza fit-trattament li minnha jibbenefika JD.


34      Barra minn hekk, fl-analiżi li ser issegwi, ser nagħmel riferiment irrispettivament mir-riferimenti għal xi wieħed mir-regolamenti.


35      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 50).


36      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 51), u tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80, punt 43).


37      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punti 56 u 57).


38      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 63).


39      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-13/99, EU:C:2002:493, punt 63).


40      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 63).


41      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C-480/08, EU:C:2010:83, punt 49). Dwar in-natura awtonoma tad-dritt ta’ residenza, ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80, punti 35, 40 u 41), u tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C-480/08, EU:C:2010:83, punt 46).


42      Sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 71), u tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80, punt 30).


43      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


44      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 73).


45      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 74).


46      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, EU:C:2002:493, punt 75).


47      Sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80, punt 50). Korsiv miżjud minni.


48      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80, punti 52 u 53). Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tat-tfal, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-istatus ta’ wild ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68 jimplika “b’mod partikolari r-rikonoxximent, mid-dritt tal-Unjoni, tal-ħtieġa li jibbenefikaw mill-benefiċċji Statali għall-istudji fid-dawl tal-integrazzjoni ta’ dawn it-tfal fil-ħajja soċjali tal-Istat Membru ospitanti, liema rekwiżit huwa meħtieġ iktar u iktar fil-każijiet fejn il-persuni li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma studenti li waslu f’dan l-Istat saħansitra qabel laħqu l-età li fiha jibdew l-iskola” (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 35) riprodotta fil-punt 54 tas-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim u Secretary of State for the Home Department (C-310/08, EU:C:2010:80)).


49      Ninnota li t-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jillimitax b’mod espliċitu l-benefiċċju tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda t-tul tal-perijodu ta’ qgħad.


50      Ara b’mod partikolari s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C-138/02, EU:C:2004:172, punt 31).


51      F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza hawnhekk li s-sitwazzjoni ta’ JD u taż-żewġ uliedu hija differenti minn dik tar-rikorrenti fil-kawża Dano (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014 (C-333/13, EU:C:2014:2358)), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’ jirrifjuta, abbażi tad-Direttiva 2004/38, “l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-uniku skop li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali minn Stat Membru filwaqt li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti biex jippretendu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza” (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358, punt 78); korsiv miżjud minni. Kif enfasizzat il-Kummissjoni f’din il-kawża, ebda akkuża ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt ma tista’ ssir kontra JD, li lanqas ma għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu bil-għan li jikseb il-benefiċċju tal-benefiċċji inkwistjoni.


52      Ara b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2016, Bragança Linares Verruga et (C-238/15, EU:C:2016:949).


53      Korsiv miżjud minni.


54      Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      Fil-fatt, deċiżjoni differenti twassal impliċitament sabiex tiġi stabbilita kundizzjoni ta’ awtonomija ekonomika għat-tgawdija effettiva tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim.


56      Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey (C-140/12, EU:C:2013:565, punt 41), u tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358, punt 83).


58      Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2014, Dano (C-333/13, EU:C:2014:2358, punt 83), u tal-25 ta’ Frar 2016, García-Nieto et (C-299/14, EU:C:2016:114, punt 52).


59      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domandi marbuta biss mal-Artikolu 18 TFUE. Tali analiżi hija neċessarja biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li JD ma jaqax fil-kamp tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, u lanqas ma jista’ jibbenefika mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 minħabba n-nuqqas ta’ kwalità ta’ ħaddiem, u lanqas ma jibbenefika minn protezzjoni, diretta jew indiretta, kontra kull diskriminazzjoni fl-aċċess għall-benefiċċji soċjali bażiċi li tirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 492/2011. Jibqa’ biss li JD jinvoka l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv, f’residenza regolari fl-Istat Membru ospitanti u li jitlob li jibbenefika minn benefiċċju soċjali bażiku. Każ bħal dan ikun simili għal dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, EU:C:2004:488).