Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta’ Lulju 2002 (*)

“Ċittadinanza ta’ l-Unjoni – Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt għal benefiċċji sakemm jinstab impjieg liċ-ċittadini nazzjonali bil-kundizzjoni li jkunu temmew l-istudji sekondarji tagħhom fi stabbiliment ta’ edukazzjoni fl-Istat Membru tagħhom – Ċittadin nazzjonali li jkun qed ifittex l-ewwel impjieg u li jkun temm l-istudji sekondarji tiegħu fi stabbiliment ta’ edukazzjoni fi Stat Membru ieħor”

Fil-kawża C-224/98,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), mit-Tribunal du travail de Liège (il-Belġju) u intiża sabiex, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Marie-Nathalie D’Hoop

u

Office national de l’emploi,

tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) u ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann (Relatur), F. Macken u S. von Bahr, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, R. Schintgen, V. Skouris, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal M.-N. D’Hoop, minn N. Simar u M. Strongylos, avocats,

–        għall-Office national de l’emploi, minn J.-E. Derwael, avocat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J. Devadder, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wolfcarius u P. J. Kuijper, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjonijiet ta’ M.-N D’Hoop, irrappreżentata minn M. Strongylos u R. Capart, avocat, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn D. Wyatt, QC, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn M. Wolfcarius u D. Martin, bħala aġent, fis-seduta ta’ l-20 ta’ Novembru 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Frar 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 1998, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju ta’ wara, it-Tribunal du travaile de Liège għamel, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) u ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn M.-N D’Hoop u l-Office national de l’emploi (aktar ’il quddiem l-“ONEM”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan ta’ l-aħħar li jirrifjuta fil-konfront tagħha l-benefiċċju, previst mil-leġiżlazzjoni Belġjana, mogħti lil persuni li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3        Il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprovdi għall-għoti ta’ benefiċċji tal-qgħad, imsejħa “benefiċċji sakemm jinstab impjieg”, liż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom u li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom.

4        Permezz ta’ dawn il-benefiċċji, il-benefiċjarji jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “persuni qiegħda kompletament li jirċievu allowance” fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg u l-qgħad u b’hekk ikollhom aċċess għal programmi speċjali sabiex jinstabilhom impjieg.

5        L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, li jirregola l-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1991, p. 29888), jipprovdi li:

“Sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ l-għoti ta’ flus bħala għajnuna sakemm ma jsib xogħol, iż-żagħżugħ ħaddiem għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

1º ma jkunx suġġett għall-obbligu edukattiv;

2º a)  ikun spiċċa l-istudji sekondarji għolja jew l-istudji sekondarji inferjuri ta’ taħriġ tekniku jew professjonali fi stabbiliment ta’ edukazzjoni organizzat, sussidjat jew rikonoxxut minn Komunità;

[...]”

6        F’sentenza tat-12 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-278/94, Ġabra p. I-4307), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi jeżiġi, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-benefiċċju sakemm ma jinstab impjieg, li l-ulied dipendenti ta’ ħaddiema migranti Komunitarji residenti fil-Belġju jkunu temmew l-istudji sekondarji tagħhom fi stabbiliment sussidjat jew rikonoxxut mill-Istat Belġjan jew minn waħda mill-komunitajiet tiegħu, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68.

7        Sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tinġieb in konformità mad-dritt Komunitarju, Digriet Irjali tat-13 ta’ Diċembru 1996 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1996, p. 32265) introduċa, bħala inċiż (h), dispożizzjoni ġdida fil-punt 2 ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 36(1). Din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997, hija fformulata kif ġej:

“Sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta’ l-għoti ta’ flus bħala għajnuna sakemm ma jsib xogħol, iż-żagħżugħ ħaddiem għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

[...]

2°      [...]

h)      ikun segwa l-istudji jew taħriġ fi Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea, jekk il-kundizzjonijiet segwenti huma ssodisfati simultanjament:

–        iż-żagħżugħ jippreżenta dokumenti li minnhom jirriżulta li l-istudji jew it-taħriġ huma ta’ l-istess livell u ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-ittri preċedenti;

–        fil-mument tat-talba għall-benefiċċji, iż-żagħżugħ huwa, bħala wild, dipendenti ta’ ħaddiema migranti fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, li huma residenti fil-Belġju;

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        M.-N. D’Hoop, ta’ nazzjonalità Belġjana, temmet l-istudji sekondarji tagħha fi Franza, fejn fl-1991 hija kisbet id-diploma tal-baccalauréat. Din id-diploma hija rikonoxxuta fil-Belġju bħala ekwivalenti għal ċertifikat approvat ta’ edukazzjoni sekondarja superjuri, flimkien mad-diploma approvata tal-kapaċità li tagħti aċċess għal edukazzjoni superjuri.

9        Sussegwentement, M.-N. D’Hoop segwiet studji universitarji fil-Belġju sa l-1995.

10      Fl-1996, M.-N. D’Hoop talbet lill-ONEM sabiex tibbenefika mill-benefiċċju sakemm jinstab impjieg.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 1996, l-ONEM irrifjuta li jagħtiha l-benefiċċji mitluba għar-raġuni li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 2(a) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991.

12      M.-N. D’Hoop ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal du travail de Liège, li ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Safejn mill-interpretazzjoni diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Artikolu 48 tat-Trattat KE u lill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jirriżulta li l-Artikolu 36 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 ma jistax jipprekludi l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg lil student dipendenti ta’ ħaddiem migrant Komunitarju, li jkun temm l-istudji sekondarji tiegħu fi stabbiliment ta’ Stat Membru ieħor minbarra l-Belġju, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu wkoll li dan l-Artikolu 36 tad-Digriet Irjali tal-5 ta’ Novembru 1991 jipprekludi l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg lil student Beljġan li jkun qiegħed ifittex l-ewwel impjieg tiegħu u li, bl-istess mod, ikun temm l-istudji sekondarji tiegħu fi stabbiliment ta’ Stat Membru ieħor minbarra l-Belġju?”

13      Permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Lulju u tal-11 ta’ Settembru 1998, it-Tribunal du travail de Liège informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien tressaq appell kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Cour du travail de Liège (il-Belġju) u talab, minħabba li dan l-appell jimplika s-sospensjoni tad-deċiżjoni appellata, li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi sospiża.

14      Fit-23 ta’ Marzu 2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata li l-imsemmija qorti ta’ appell kienet, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2001, ikkonfermat id-deċiżjoni tar-rinviju. Għaldaqstant, il-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tkompliet fis-26 ta’ Marzu 2001.

15      Mis-sentenza mogħtija mill-Cour du travail de Liège jirriżulta li, quddiem dik il-qorti, l-ONEM sostna li M.-N D’Hoop ma tissodisfax it-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 2(h) ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 36(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, kif emendat mid-Digriet Irjali tat-13 ta’ Diċembru 1996. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti ddeċidiet li, għalkemm id-dispożizzjoni l-ġdida tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 ma daħlitx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 1997, jiġifieri wara li saret it-talba għall-benefiċċji sakemm jinstab impjieg, hija kellha “fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-[Qorti tal-Ġustizzja] […] tiġi applikata fil-każ in eżami, b’ebda kontestazzjoni min-naħa tal-partijiet f’dan ir-rigward”.

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, student li jkun qed ifittex l-ewwel impjieg tiegħu, l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg għas-sempliċi raġuni li dan l-istudent ikun temm l-istudji sekondarji tiegħu fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat u tar-Regolament Nru 1612/68

17      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-benefiċċji sakemm jinstab impjieg previsti favur iż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg jikkostitwixxu benefiċċju soċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 1985, Deak, 94/84, Ġabra p. 1873, punt 27, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 25).

18      Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-assigurazzjoni kontra l-qgħad teżiġi, mill-persuna li tinvokaha, li din tkun diġà tagħmel parti mis-suq tax-xogħol permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ attività professjonali reali u effettiva li tagħtiha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens Komunitarju (ara, fir-rigward ta’ l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 40). Issa, b’mod ċar, dan mhuwiex il-każ fejn jidħlu ż-żgħażagħ li jkunu qegħdin ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 40).

19      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula matul is-seduta, M.-N. D’Hoop iddikjarat li l-ġenituri tagħha kienu baqgħu jgħixu fil-Belġju matul iż-żmien li hija kienet qiegħda tistudja, u fil-fatt temmet l-istudji sekondarji tagħha, fi Franza.

20      Minn dan isegwi li M.-N. D’Hoop la tista’ tinvoka d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 48 tat-Trattat u mir-Regolament Nru 1612/68 lill-ħaddiema migratorji u lanqas id-drittijiet derivati li dan ir-regolament jistabbilixxi favur il-membri tal-familja ta’ tali ħaddiema.

 Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni

 Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

21      Matul is-seduta, M.-N. D’Hoop u l-Kummissjoni eżaminaw id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Huma jsostnu li, bħala ċittadina ta’ Stat Membru li għexet legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex tistudja hemmhekk, M.-N. D’Hoop taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, skondhom, M.-N. D’Hoop tibbenefika mid-drittijiet li l-Artikolu 8 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 17 KE) jorbot ma’ l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, fosthom id-dritt, previst fl-Artikolu 6 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 12 KE), li ma tkunx suġġetta għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat.

22      Il-Gvern tar-Renju Unit ikkontesta din l-analiżi. Huwa jqis li ċittadin Komunitarju ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni abbażi tas-sempliċi fatt li jgħix legalment fi Stat Membru ieħor. Huwa meħtieġ ukoll li l-attività eżerċitata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Dan kien ikun il-każ li kieku M.-N. D’Hoop għexet fi Franza sabiex hemmhekk issegwi formazzjoni vokazzjonali. Għall-kuntrarju, dan mhuwiex il-każ fir-rigward ta’ l-istudji ġenerali li M.-N. D’Hoop għamlet fi Franza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione tempore tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni

23      L-ONEM immotiva r-rifjut tiegħu li jagħti lil M.-N. D’Hoop il-benefiċċji sakemm jinstab impjieg, li hija kienet talbet fl-1996, abbażi tal-fatt li din ta’ l-aħħar kienet temmet l-istudji sekondarji tagħha fi Franza. Safejn dan il-fatt seħħ fl-1991, għandu jiġi eżaminat jekk id-diskriminazzjoni allegata minn M.-N. D’Hoop tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni, li daħlu fis-seħħ aktar tard.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax ir-rikonoxximent ta’ drittijiet b’oriġini Komunitarja allegatament miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni iżda tikkonċerna allegazzjoni ta’ trattament diskriminatorju attwali ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni.

25      Issa, id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni japplikaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li għandhom jiġu applikati għall-effetti attwali ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-195/98, Ġabra p. I-10497, punti 54 u 55, kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C-290/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 43 u 44).

26      Minn dan isegwi li d-diskriminazzjoni allegata minn M.-N. D’Hoop tista’ tiġi evalwata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

–       Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni

27      L-Artikolu 8 tat-Trattat jikkonferixxi lil kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni. M.-N. D’Hoop, peress li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, tgawdi minn dan l-istatus.

28      Dan l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li permezz tiegħu dawk fosthom li jinsabu fl-istess sitwazzjoni jistgħu jiksbu l-istess trattament ġuridiku fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward (sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31).

29      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 8A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 18 KE) (sentenzi ta’ l-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C-274/96, Ġabra p. I-7637, punti 15 u 16, kif ukoll Grzelczyk, iċċitata aktar ’il fuq, punt 33).

30      Safejn lil ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jiġi rikonoxxut, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun is-suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, ta’ trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu.

31      Fil-fatt, dawn l-opportunitajiet ma jkunux jistgħu jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba l-ostakli magħmula, fil-konfront tar-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minn leġiżlazzjoni li tippenalizza l-fatt li huwa kien eżerċithom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 23).

32      Din il-kunsiderazzjoni hija partikolarment importanti fil-qasam ta’ l-edukazzjoni. Fil-fatt, fost l-għanijiet stabbiliti għall-attivitajiet tal-Komunità jinsab, fl-Artikolu 3(p) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 3(1)(q) KE], l-għan li ssir kontribuzzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità. Din il-kontribuzzjoni għandha, skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 126(2) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 149(2) KE), tkun immirata lejn l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti u l-għalliema.

33      Issa, f’sitwazzjonijiet bħal dik fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tintroduċi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini Belġjani li jkunu għamlu l-istudji sekondarji tagħhom kollha fil-Belġju u dawk li, billi għamlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom, ikunu kisbu d-diploma ta’ edukazzjoni sekondarja tagħhom fi Stat Membru ieħor.

34      Billi torbot l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg mal-kundizzjoni li d-diploma meħtieġa tkun inkisbet fil-Belġju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li huma kienu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom sabiex marru jistudjaw fi Stat Membru ieħor.

35      Tali inugwaljanza fit-trattament tmur kontra l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jiġifieri l-garanzija ta’ l-istess trattament ġuridiku fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment.

36      Il-kundizzjoni in kwistjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u proporzjonali għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenza Bickel u Franz, iċċitata aktar ’il fuq, punt 27).

37      F’dan ir-rigward, la l-Gvern Belġjan u lanqas l-ONEM ma ppreżentaw osservazzjonijiet.

38      Il-benefiċċji sakemm jinstab impjieg previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana, li jagħtu aċċess lill-benefiċjarji tagħhom għal programmi speċjali sabiex jinstabilhom impjieg, għandhom bħala l-għan tagħhom li jiffaċilitaw, għaż-żgħażagħ, il-bidla mit-tagħlim għas-suq tax-xogħol. F’tali kuntest, huwa leġittimu għal-leġiżlatur nazzjonali li jkun jixtieq jassigura l-eżistenza ta’ rabta reali bejn min jitlob l-imsemmija benefiċċji u s-suq ġeografiku tax-xogħol ikkonċernat.

39      Madankollu, kundizzjoni waħdanija marbuta mal-post fejn inkisbet id-diploma ta’ tmiem l-istudji sekondarji hija ta’ natura wisq ġenerali u esklużiva. Fil-fatt, din il-kundizzjoni tiffavorixxi indebitament element li mhuwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta bejn min jitlob il-benefiċċji sakemm jinstab impjieg u s-suq ġeografiku tax-xogħol, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor. Għalhekk, din il-kundizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

40      Għalhekk, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt Komunitarju jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, student li jkun qiegħed ifittex l-ewwel impjieg, l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg għas-sempliċi raġuni li dan l-istudent temm l-istudji sekondarji tiegħu fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

41      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Belġjan u mir-Renj Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

b’risposta għad-domanda magħmula lilha mit-Tribunal du travail de Liège, b’deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 1998, taqta' u tiddeċiedi li:

Id-dritt Komunitarju jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu, student li jkun qiegħed ifittex l-ewwel impjieg, l-għoti tal-benefiċċji sakemm jinstab impjieg għas-sempliċi raġuni li dan l-istudent temm l-istudji sekondarji tiegħu fi Stat Membru ieħor.

Rodríguez Iglesias

Jann

Macken

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Schintgen

Skouris

Cunha Rodrigues

 

      Timmermans

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Lulju 2002.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.