Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

15 ta’ Jannar 2002(*)

“Rinviju għal domanda preliminari ─ Artikoli 12 KE u 39(2) KE ─ Benefiċċji ta’ l-anzjanità ─ Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Żvizzera ─ Nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Iżvizzera minn ċittadin Franċiż”

Fil-kawża C-55/00

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn

Elide Gottardo

u

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE u 39(2) KE,

Il-Qorti tal-Ġustizzja,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, F. Macken u S. von Bahr, Presidenti ta’ l-Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward (Relatur), A. La Pergola, L. Sevón, M. Wathelet, V. Skouris, J. N. Cunha Rodrigues u C. W. A. Timmermans, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal E. Gottardo, minn R. Ciancaglini u M. Rossi, avvocatesse,

–        għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn C. De Angelis u M. Di Lullo, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Hillenkamp, E. Traversa u N. Yerrel, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ E. Gottardo, ta’ l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2001,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ April 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ digriet ta’ l-1 ta’ Frar 2000, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2000, it-Tribunale ordinario di Roma għamel, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE u 39(2) KE.

2        Din il-kwistjoni tqajmet fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn E. Gottardo, ċittadina Franċiża, u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (iktar ’il quddiem l-“INPS”) dwar id-dritt ta’ E. Gottardo għal pensjoni ta’ l-anzjanità Taljana.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 12 KE jipprovdi:

“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, jista’ jadotta regoli intiżi biex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.”

4        Skond l-Artikolu 39 (1) u (2) KE:

“1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.”

5        Il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali taqa’ taħt il-kuntest tal-moviment liberu tal-persuni u hija s-suġġett tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3096/95 tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 335, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1.       Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta’ dan l-Istat.

2.      [...]

3.      Għajr kif provdut fl-Anness III, il-konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali li jibqgħu fis-seħħ b’mod konformi ma’ l-Artikolu 7(2)(ċ) u l-konvenzjonijiet konklużi b’mod konformi ma’ l-Artikolu 8(1), għandhom japplikaw għall-persuni kollha li għalihom japplika dan ir-Regolament”

7        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(j) u l-Artikolu 1(k) tar-Regolment Nru 1408/71 jipprovdu:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[...]

j)      "leġislazzjoni" tfisser il-liġijiet kollha, ir-regolamenti kollha u d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha flimkien mal-miżuri kollha ta’ implimentazzjoni eżistenti jew futuri ta’ kull Stat Membru li għandhom x’jaqsmu mal-friegħi u l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti mill-Artikolu 4(1) u (2) jew il-benefiċċji speċjali ta’ natura non-kontributtiva koperti mill-Artikolu 2(2a)

[...]

(k) "konvenzjoni ta’ sigurtà soċjali" tfisser kull strument bilaterali jew multilaterali li jorbot jew għad jorbot esklussivament żewġ Stati Membri jew iktar, u kull strument ieħor multilaterali li jorbot jew għad jorbot mill-inqas żewġ Stati Membri u Stat wieħed ieħor jew iktar fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għall-friegħi u l-iskemi fl-intier kollu tagħhom jew f’parti minnu dikjarati fl-Artikolu 4(1) u (2), flimkien mal-ftehim, ta’ kull xorta u kwalità, konklużi b’mod konformi ma’ l-istrumenti msemmija;”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Ir-Repubblika Taljana u l-Konfederazzjoni Żvizzera ffirmaw f’Ruma, fl-14 ta’ Diċembru 1962, konvenzjoni bilaterali dwar is-sigurtà soċjali, kif ukoll il-protokoll finali tagħha u dikjarazzjonijiet komuni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Italo-Żvizzera”). Fil-każ tar-Repubblika Taljana, din il-konvenzjoni kienet ġiet irratifikata permezz tal-Liġi Nru 1781, tal-31 ta’ Ottubru 1963, (GURI Nru 326, tas-17 ta’ Diċembru 1963), u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1964.

9        L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika:

a)      Fl-Iżvizzera;

[...]

b)      Fl-Italja:

i)      għal-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-invalidità, għall-anzjanità u għas-superstiti, inklużi l-iskemi li jissostitwixxu l-iskema ġenerali għal kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema;

[…]”

10      Skond l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera, “iċ-ċittadini Żvizzeri u Taljani jgawdu minn trattament ugwali f’dak illi jikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni mniżżla fl-Artikolu 1”.

11      L-Artikolu 9, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Assigurazzjoni għall-invalidità, għall-anzjanità u għas-superstiti, tat-tielet parti tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera, jistabbilixxi dak illi jista’ jiġi ddefinit bħala “prinċipju ta’ aggregazzjoni”. L-Artikolu 9(1) jipprovdi:

“Meta abbażi biss ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ perijodi ekwivalenti mwettqa skond il-leġiżlazzjoni Taljana, assigurat ma’ jistax jinforza dritt għal benefiċċju ta’ l-invalidità, ta’ l-anzjanità jew tas-superstiti skond din il-leġiżlazzjoni, il-perijodi mwettqa fl-assigurazzjoni għall-anzjanità u għas-superstiti Żvizzera (perijodi ta’ kontribuzzjoni u perijodi ekwivalenti) għandhom ikunu aggregati flimkien mal-perijodi mwettqa fl-assigurazzjoni Taljana għall-finijiet tad-dritt għal dawn il-benefiċċji, in kwantu dawn il-perijodi ma jikkoinċidux.”

12      Fit-2 ta’ April 1980, iż-żewġ Stati Kontraenti ffirmaw ftehim aġġuntiv għall-Konvenzjoni Italo-Żvizzera, illi r-Repubblika Taljana rratifikat permezz tal-Liġi Nru 668, tas-7 ta’ Ottubru 1981 (GURI Nru 324, tal-25 ta’ Novembru 1981), u daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Frar 1982. L-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim aġġuntiv għandu bħala għan illi jestendi l-portata tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni, kif definit fil-punt preċedenti, billi jżid fl-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera s-subparagrafu segwenti:

Meta assigurat ma jistax jinforza dritt għal benefiċċji anke meta jittieħed in kunsiderazzjoni s-sub-paragrafu preċedenti, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiżi terzi marbuta kemm ma’ l-Iżvizzera kif ukoll ma’ l-Italja permezz ta’ konvenzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali li jikkonċernaw l-assigurazzjonijiet għall-anzjanità, għas-superstiti u għall-invalidità għandhom jiġu aggregati wkoll.”

13      Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim aġġuntiv, il-pajjiżi li magħhom kienet possibbli l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kienu s-segwenti: ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Griega, ir-Renju ta’ Spanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Renju ta’ l-Iżvezja, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, l-Istati Uniti ta’ l-Amerka u r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja. Peress illi r-Repubblika Franċiża ma kinitx ikkonkludiet konvenzjoni mal-Konfederazzjoni Żvizzera, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Franza ma setgħux, fil-kuntest tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera, jiġu meħuda in kunsiderazzjoni għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità, tas-superstiti jew ta’ l-invalidità.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14      E. Gottardo, ċittadina Taljana bit-twelid, irrinunzjat għal din iċ-ċittadinanza favur iċ-ċittadinanza Franċiża wara ż-żwieġ tagħha fi Franza, fis-7 ta’ Frar 1953, ma’ ċittadin Franċiż. Skond l-informazzjoni li tinsab fil-proċess, E. Gottardo kienet obbligata, f’dak iż-żmien, tadotta ċ-ċittadinanza tar-raġel tagħha.

15      Suċċessivament E. Gottardo ħadmet fl-Italja, fl-Iżvizzera u fi Franza, pajjiżi li fihom hija ħallset kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jiġifieri, fl-Italja, 100 kontribuzzjoni fil-ġimgħa, fl-Iżvizzera, 252 kontribuzzjoni fil-ġimgħa u, fi Franza, 429 kontribuzzjoni fil-ġimgħa. Hija tirċievi pensjoni ta’ l-anzjanità Żvizzera u pensjoni ta’ l-anzjanità Franċiża li ġew mogħtija lilha mingħajr ma kellha tirrikorri għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni.

16      Mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li E. Gottardo tixtieq tikseb, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar is-sigurtà soċjali, pensjoni ta’ l-anzjanità Taljana. Madankollu, anke jekk l-awtoritajiet Taljani jieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Franza, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, l-aggregazzjoni tal-perijodi Taljani u Franċiżi ma jippermettulhiex tilħaq il-perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Taljana għal dritt għal pensjoni Taljana. E. Gottardo jkollha dritt għall-pensjoni ta’ l-anzjanità biss jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Iżvizzera, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Italo-Żvizzera.

17      L-applikazzjoni għal pensjoni ta’ l-anzjanità magħmula fit-3 ta’ Settembru 1996 minn E. Gottardo kienet ġiet miċħuda mill-INPS permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Novembru 1997 għar-raġuni li hija kienet ċittadina Franċiża u li, konsegwentement, il-Konvenzjoni Italo-Żvizzera ma kinitx applikabbli fir-rigward tagħha. Ir-rikors amministrattiv imressaq minn E. Gottardo kontra din id-deċiżjoni kien ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-INPS tad-9 ta’ Ġunju 1998 għall-istess raġuni.

18      Għaldaqstant E. Gottardo ressqet il-każ quddiem it-Tribunale Ordinario di Roma, fejn sostniet illi, peress illi hija kienet ċittadina ta’ Stat Membru, l-INPS kien obbligat jagħrfilha dritt għal pensjoni taħt l-istess kundizzjonijiet illi huwa japplika għaċ-ċittadini Taljani.

19      Peress illi ma kienx żgur jekk iċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni ta’ E. Gottardo mill-INPS, ibbażata esklużivament fuq in-nazzjonalità Franċiża tagħha, kinitx kuntrarja għall-Artikolu 12 KE jew għall-Artikolu 39 KE, it-Tribunale Ordinario di Roma ddeċieda li jissospendi il-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“[Il-]ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru li jista’ jinvoka l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali quddiem l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ieħor [...] għandu jew le d-dritt li l-pensjoni ta’ l-anzjanità tiegħu tiġi llikwidata permezz ta’ l-aggregazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-istituzzjoni ta’ pajjiż ieħor barrani għall-Unjoni bis-saħħa ta’ konvenzjoni li l-imsemmi Stat Membru kkonkluda ma’ din ta’ l-aħħar, u li dan japplika favur iċ-ċittadini tiegħu [?]”

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kompetenti ta’ Stat Membru wieħed (fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Taljana) humiex obbligati, skond l-obbligi Komunitarji li huma għandhom taħt l-Artikolu 12 KE jew l-Artikolu 39 KE, jieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiż terz (fil-kawża prinċipali, il-Konfederazzjonji Żvizzera) minn ċittadin ta’ tieni Stat Membru (fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Franċiża) meta, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u l-pajjiż terz, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess.

21      Għandu jiġi msemmi li, skond l-Artikolu 12 KE, il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni japplika “[f]il-kamp ta’ l-applikazzjoni [tat]-Trattat” u “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali”. Permezz ta’ din l-aħħar espressjoni, l-Artikolu 12 KE jirreferi b’mod partikolari għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat li fihom l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li huwa jistabbilixxi hija kkonkretizzata għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Dan huwa l-każ, inter alia, tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan, 186/87, Ġabra p.195, punt 14).

 Fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali previst fit-Trattat

22      Peress illi għalmet, bħala ħaddiema bi ħlas, f’żewġ Stati Membri differenti, E. Gottardo eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu. L-applikazzjoni tagħha intiża għall-għoti ta’ pensjoni ta’ l-anzjanità permezz ta’ l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija wettqet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae ta’ Artikolu 39 KE.

23      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrikonoxxu liċ-ċittadini tagħhom illi ħallsu kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kemm lis- sistema Taljana kif ukoll lis-sistema Żvizzera tas-sigurtà soċjali, u li jinsabu f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ E. Gottardo, il-possibbiltà li jiksbu l-likwidazzjoni tal-pensjoni tagħhom ta’ l-anzjanità permezz ta’ l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni Taljani u Żvizzeri.

24      Kif ammetta l-INPS fl-osservazzjonijiet tiegħu, kieku E. Gottardo kienet żammet iċ-ċittadinanza Taljana, hija kienet tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dritt għall-pensjoni ta’ l-anzjanità Taljana. L-INPS ma jikkontestax illi ċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni kienet ibbażata biss fuq iċ-ċittadinanza Franċiża ta’ E. Gottardo. Għalhekk huwa ċar illi l-kwistjoni tikkonċerna differenza fi trattament magħmula biss abbażi tan-nazjonalità.

25      Madankollu, skond il-Gvern Taljan u l-INPS, iċ-ċaħda, minn dan ta’ l-aħħar, illi jagħti lil E. Gottardo pensjoni ta’ l-anzjanità permezz ta’ l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija wettqet kemm fl-Italja u fi Franza kif ukoll fl-Iżvizzera hija ġġustifikata mill-fatt illi l-konklużjoni minn Stat Membru wieħed, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali ma’ pajjiż terz, f’dan il-każ il-Konfederazzjoni Żvizzera, ma taqax taħt l-isfera ta’ kompetenza Komunitarja.

26      Il-Gvern Taljan jirreferi, f’dan ir-rigward, għall-kliem ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri fid-dawl tad-definizzjonijiet illi jinsabu fl-Artikolu 1(j) u (k) ta’ l-istess regolament, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Grana Novoa (C-23/92, Ġabra p.I-4505).

27      Hemm lok illi jiġi mfakkar illi fil-kawża Grana Novoa, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, ċittadina Spanjola, kienet eżerċitat attività professjonali suġġetta għall-assigurazzjoni soċjali obbligatorja, l-ewwel fl-Iżvizzera, u wara fil-Ġermanja. L-awtoritajiet Ġermaniżi kienu rrifjutawlha l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ l-invalidità Ġermaniża minħabba li n-numru tas-snin ta’ xogħol tagħha fil-Ġermanja ma kienx suffiċjenti. M. Grana Novoa, bħal E. Gottardo fil-kawża prinċipali, riedet tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni konkluża bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Konfederazzjoni Żvizzera u li l-applikazzjoni tagħha kienet limitata għaċ-ċittadini Ġermaniżi u Żvizzeri, sabiex ikunu kkunsidrati l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija kienet wettqet fl-Iżvizzera.

28      Permezz ta’ l-ewwel domanda magħmula mill-Bundessozialgericht, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ «leġiżlazzjoni» li jinsab fl-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi konvenzjoni konkluża bejn Stat Membru wieħed u pajjiz terz jew aktar ma taqax taħt il-kunċett ta’ leġiżlazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. It-tieni domanda tal-Bundessozialgericht, illi kienet tikkonċerna l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kienet magħmula biss f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, b’mod illi l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminathiex.

29      Peress illi d-domanda magħmula f’din il-kawża hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirriżultaw direttament mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jeħtieġ illi tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar konvenzjonjiet internazzjonali bilaterali.

30      Fir-rigward ta’ ftehim kulturali konkluż bejn żewġ Stati Membri u li jirriżerva l-benefiċċju ta’ boroż ta’ studju għaċ-ċittadini biss ta’ dawn iż-żewġ Stati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p.2), kien jimponi lill-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri jestendu l-benefiċċju ta’ għajnuna għat-taħriġ, prevista mill-ftehim bilaterali, għall-ħaddiema Komunitarji stabbiliti fit-territorju tagħhom (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, Ġabra p. 5589, punt 16).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi, jekk l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ tiġi ostakolata minn miżura adottata fil-kuntest ta’ l- implementazzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali, anki jekk konkluża barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, kull Stat Membru huwa obbligat jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u jgħin, għal dan il-għan, lil kull Stat Membru ieħor, illi għandu obbligu taħt id-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Matteucci, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

32      Fir-rigward ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret illi, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux madankollu jonqsu milli jirrispettaw ir-regoli Komunitarji, iżda għandhom jeżerċitaw is-setgħa tagħhom fir-rispett tad-dritt Komunitarju. Hija għaldaqstant iddeċidiet illi l-prinċipju tat-trattament nazzjonali jimponi lill-Istat Membru parti kontraenti ta’ tali konvenzjoni jagħti lill-istabbilimenti fissi ta’ kumpanniji residenti fi Stat Membru ieħor il-vantaġġi previsti mill-konvenzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-kumpanniji residenti fl-Istat Membru parti kontraenti tal-konvenzjoni (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punti 57 sa 59).

33      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fit-twettiq ta’ l-impenji assunti bis-saħħa ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, kemm jekk tkun konvenzjoni bejn Stati Membri jew konvenzjoni bejn Stat Membru u pajjiż terz jew aktar, l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 307 KE, josservaw l-obbligi li huma għandhom taħt id-dritt Komunitarju. Il-fatt illi l-pajjiżi terzi, min- naħa tagħhom, mhuma obbligati josservaw ebda obbligu taħt id-dritt Komunitarju, f’dan il-każ, mhuwiex rilevanti.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, meta Stat Membru jikkonkludi ma’ pajjiż terz konvenzjoni internazzjonali bilaterali dwar is-sigurtà soċjali, illi tipprevedi t-teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-imsemmi pajjiż terz għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità, il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali jimponi lil dan l-Istat Membru jagħti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra l-istess vantaġġi li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tiegħu stess bis-saħħa ta’ l-imsemmija konvenzjoni, sakemm ma jistax jipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tiegħu.

35      Minn dan jirriżulta wkoll illi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 1(j), tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax ikollha bħala effett li teffettwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru li josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali previst mill-Artikolu 39 KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

36      Ċertament, it-tqegħid in kwistjoni ta’ l-ekwilibriju u tar-reċiproċità ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut ta’ l-Istat Membru parti kontraenti ta’ din il-konvenzjoni li jestendi għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra l-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu stess igawdu minn din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Saint-Gobain ZN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

37      Madankollu, l-INPS u l-Gvern Taljan ma stabbilixxewx illi, fil-kawża prinċipali, l-obbligi li d-dritt Komunitarju jimponilhom jikkompromettu dawk illi jirriżultaw mill-impenji meħuda mir-Repubblika Taljana fir-rigward tal-Konfederazzjoni Żvizzera. Fil-fatt, l-estensjoni għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-benefiċċju tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Iżvizzera għall-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità Taljani, applikata b’mod unilaterali mir-Repubblika Taljana, bl-ebda mod ma tikkomprometti d-drittijiet li jirriżultaw għall-Konfederazzjoni Żvizzera mill-konvenzjoni Italo-Żvizzera u lanqas ma timponi fuq din obbligi ġodda.

38      L-uniċi oġġezzjonijiet invokati mill-INPS u l-Gvern Taljan sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut tagħhom li jaċċettaw l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minn E. Gottardo jikkonċernaw iż-żieda eventwali tal-piżijiet finanzjarji tagħhom u d-diffikultajiet amministrattivi konnessi mal-kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Konfederazzjoni Żvizzera. Dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika Taljana ta’ l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat.

39      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kompetenti ta’ Stat Membru wieħed huma obbligati, skond l-obbligi Komunitarji li huma għandhom taħt l-Artikolu 39 KE, jieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiż terz minn ċittadin ta’ tieni Stat Membru meta, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u l-pajjiż terz, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess.

 Fuq l-ispejjeż

40      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja,

b’risposta għad-domanda magħmula lilha mit-Tribunale di Roma, permezz ta’ digriet ta’ l-1 ta’ Frar 2000, taqta’ u tiddeċiedi li:

L-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali kompetenti ta’ Stat Membru wieħed huma obbligati, skond l-obbligi Komunitarji li huma għandhom taħt l-Artikolu 39 KE, jieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-akkwist tad-dritt għal benefiċċji ta’ l-anzjanità, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’pajjiż terz minn ċittadin ta’ tieni Stat Membru meta, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni, l-imsemmija awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu, b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali bilaterali konkluża bejn l-ewwel Stat Membru u l-pajjiż terz, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dawn il-perijodi mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess.

Rodríguez Iglesias

Macken

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola

Sevón

Wathelet

Skouris

Cunha Rodrigues

 

      Timmermans

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Jannar 2002.

R. Grass

 

       G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan