Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta' Lulju 2004 (*)

"Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul mill-kapital – Dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka: rata ta' tassazzjoni finali ta' 25% jew rata ekwivalenti għal nofs ir-rata ta' tassazzjoni medja applikabbli għad-dħul kollu – Dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor: rata normali ta' tassazzjoni"

Fil-kawża C-315/02,

li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu 234 KE, mill-Verwaltungsgerichtshof (Awstrija) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Anneliese Lenz

u

Finanzlandesdirektion für Tirol,

deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 73b u 73d tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 56 KE u 58 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas u S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A . Tizzano,

Reġistratur:  M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

· għal A. Lenz, minn C. Huber u R. Leitner, Wirtschaftsprüfer u Steuerberater,

·għall-Gvern Awstrijaku, minn H. Dossi, bħala aġent,

·għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent,

·għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u P. Boussaroque, bħala aġenti,

·għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Hoskins, barrister,

·għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali ta' A. Lenz, irrappreżentata minn R. Leitner u G. Toifl, Steuerberater, tal-Gvern Awstrijaku, irrappreżentat minn J. Bauer, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn M. Hoskins, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn  K. Gross u R. Lyal, fis-seduta tad-29 ta' Jannar 2004,

wara li semghet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Marzu 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       B'digriet tas-27 ta' Awwissu 2002, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Settembru 2002, il-Verwaltungsgerichtshof ressaq, skond l-Artikolu 234 KE, tliet domandi preliminari dwar l-interpetazzjoni ta' l-Artikoli 73b u 73d tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 56 KE u 58 KE, rispettivament).

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' proċeduri mressqa quddiem l-imsemmija qorti mis-Sinjura Lenz, li fihom hija kkontestat il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka dwar it-tassazzjoni tad-dħul mill-kapital.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Is-sistema fiskali Awstrijaka tipprovdi għal tassazzjoni fuq id-dħul tal-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija fuq żewġ livelli: dik tal-kumpannija, fuq il-profitti li hija tagħmel, b'rata fissa ta' 34%, u dik ta' l-azzjonist, fuq id-dħul mill-kapital, jiġifieri id-dividendi u l-profitti l-oħra mqassma mill-kumpannija.

4       Għal dak li jikkonċerna t-tassazzjoni ta' l-azzjonisti, is-sistema applikabbli tvarja skond jekk din tirrigwarda dħul ta' oriġini Awstrijaka jew ta' oriġini barranija.

 It-tassazzjoni tad-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka

5       Skond l-Artikolu 93(2) ta' l-Einkommensteuergesetz 1988 (liġi ta' l-1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul, BGBl. 1988/400, iktar 'il quddiem l-"EStG"): "ikun hemm dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka meta l-persuna li tkun obbligata tħallas id-dħul mill-kapital hija residenti fl-Awstrija jew meta l-amministrazzjoni kummerċjali jew l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab fl-Awstrija jew meta hija fergħa fl-Awstrija ta' istituzzjoni ta' kreditu […]" (verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 1996/201).

6       L-Artikolu 93(1) ta' l-EStG (verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 1996/201) jipprovdi li, "fir-rigward ta' dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka […], it-taxxa fuq id-dħul tinġabar permezz ta' tnaqqis mid-dħul mill-kapital ('Kapitalertragsteuer')" li jammonta, skond l-Artikolu 95(1) ta' l-EStG, għal 25%.

7       L-Artikolu 97(1) ta' l-EStG (verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 1996/797) jipprovdi li t-taxxa fuq id-dħul mill-kapital "hija kkunsidrata bħala li ġiet imħallsa b'mod definittiv bil-fatt tat-tnaqqis tat-taxxa". Id-dħul mill-kapital b'hekk mhuwiex aktar suġġett għat-taxxa fuq id-dħul.

8       Fil-każ fejn it-taxxa ta' natura finali ma tistax tinġabar permezz ta' tnaqqis minn ras il-għajn (jiġifieri mill-kumpanniji), l-Artikolu 97(2) ta' l-EStG jipprovdi li t-taxxa tinġabar permezz ta' "ħlas volontarju, fil-post fejn isir il-ħlas, ta' ammont li jikkorrispondi għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital" (verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 1996/797).

9       Jekk il-persuna taxxabbli tiddeċiedi li ma tagħżilx it-taxxa finali ta' 25% fuq id-dħul tagħha minn kapital ta' oriġini Awstrijaka, hija tibbenefika, skond l-Artikolu 37(1) u (4) ta' l-EStG (verżjoni ppubblikata fil-BGBl. 1996/797), mis-sistema msejħa "tar-rata mnaqqsa bin-nofs" ("Halbsatzverfahren").

10     F'dan il-każ, id-dħul mill-kapital jikkontribwixxi sabiex jiddetermina d-dħul totali taxxabbli, bil-konsegwenza li tista' tiżdied ir-rata applikabbli. Madankollu, bħala kumpens għal din iż-żieda, l-imsemmi dħul mill-kapital huwa suġġett għal rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għal nofs it-taxxa medja applikabbli għad-dħul totali.

  It-tassazzjoni tad-dħul mill-kapital ta' oriġini barranija

11     Id-dħul mill-kapital ta' oriġini barranija mħallas lil persuna taxxabbli residenti fl-Awstrija huwa suġġett għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul. B'hekk huwa jikkontribwixxi sabiex jiġi ddeterminat id-dħul totali taxxabbli u huwa regolarment suġġett għat-taxxa fuq id-dħul li l-ogħla rata tagħha hija ta' 50%.

12     Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ġiet emendata permezz ta' liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2002. Din il-liġi hija sussegwenti għall-kawża prinċipali u b'hekk ma tapplikax għaliha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Is-Sinjura Lenz, ċittadina Ġermaniża suġġetta għat-taxxa fl-Awstrija b'mod illimitat, fis-sena 1996 iddikjarat dħul mill-kapital fil-forma ta' dividendi li rċeviet minn kumpanniji b'responsabbiltà limitata stabbiliti fil-Ġermanja. L-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka issuġġettat dan id-dħul għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul. Ir-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa bin-nofs prevista fl-Artikolu 37 ta' l-EStG u t-tassazzjoni finali prevista fl-Artikolu 97 moqri flimkien ma' l-Artikolu 93 ta' l-EStG (iktar 'il quddiem il-"vantaġġi fiskali in kwistjoni") fil-fatt japplikaw biss għad-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka.

14     Billi kkunsidrat li l-applikazzjoni tar-rata progressiva ordinarja tat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital ta' oriġini Ġermaniż tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 73b(1) tat-Trattat, is-Sinjura Lenz ressqet ilment quddiem il-Finanzlandesdirektion für Tirol. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' April 1999, li kontra tagħha s-Sinjura Lenz ressqet appell quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Id-dispożizzjonijiet meħudin flimkien ta' l-Artikoli 73b(1) u 73d(1)(a) u (b) u (3) tat-Trattat KE [li saru l-Artikolu 56(1) KE u l-Artikolu 58(1)(a) u (b) u (3) KE] jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 97(1) u (4) ta' l-EStG flimkien ma' l-Artikolu 37(1) u (4) ta' l-EStG, li skontha, għad-dividendi ta' ishma nazzjonali, il-persuna taxxabbli tista' tagħżel li dawn jiġu ntaxxati bir-rata fissa u finali ta' 25% jew b'rata mnaqqsa għal nofs ir-rata ta' tassazzjoni medja applikabbli għad-dħul totali, filwaqt li d-dividendi ta' ishma barranin huma dejjem intaxxati bir-rata normali tat-taxxa fuq id-dħul?

2)      L-ammont tat-tassazzjoni tad-dħul tal-kumpannija li minnha huma meħudin l-ishma u li għandha l-uffiċċju reġistrat u l-amminstrazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?

3)      F'każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda: jista' wieħed jasal għal sitwazzjoni konformi ma' l-Artikolu 73b(1) tat-Trattat billi titnaqqas proporzjonalment mit-taxxa fuq id-dħul Awstrijaka tal-persuna li tirċievi dividendi t-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa f'pajjiżhom minn kumpanniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat u l-amministrazzjoni tagħhom fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi?"

 Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari

16     Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk l-Artikoli 73b(1) u 73d(1) u (3) tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tirriżerva l-applikazzjoni ta' rata ta' tassazzjoni finali ta' 25% jew ta' rata ta' tassazzjoni mnaqqsa bin-nofs għad-dħul mill-kapital imħallas minn kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru, bl-esklużjoni ta' dawk ta' oriġini barranija, u jekk, skond il-każ, l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà ta' tali leġiżlazzjoni ma' l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat tiddependix mil-livell ta' taxxa fuq il-kumpanniji imposta fuq il-profitti tal-kumpanniji fl-Istat fejn dawn huma stabbiliti.

17     Peress illi l-kawża prinċipali tikkonċerna r-rifjut mill-awtoritajiet fiskali ta' Stat Membru li jagħtu l-vantaġġi fiskali in kwistjoni lil persuna taxxabbli f'dan l-Istat Membru b'mod illimitat u li tkun irċeviet dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, id-domandi mressqa ma jitolbux risposta ħlief safejn jikkonċernaw il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri.

18     L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma jsostnu s-Sinjura Lenz u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, leġiżlazzjoni fiskali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrestrinġix il-moviment liberu tal-kapital fis-sens ta' l-Artikolu 73b(1) tat-Trattat.

19     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jħaddmuha f'konformità mad-dritt Komunitajru (sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16; tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 32, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

20     Issa għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni għandha bħala effett li tiskoraġġixxi l-persuni taxxabbli residenti fl-Awstrija milli jinvestu l-kapital tagħhom f'kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti fl-Awstrija li tagħżel, għat-tassazzjoni tad-dħul tagħha mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka, bejn it-taxxa finali bir-rata fissa ta' 25% u t-taxxa ordinarja fuq id-dħul b'rata mnaqqsa bin-nofs, filwaqt li d-dħul tagħha mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-applikazzjoni tat-taxxa ordinarja li r-rata tagħha tista' tilħaq 50%.

21     Din il-leġiżlazzjoni tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra safejn, fil-konfront tagħhom, hija tikkostitwixxi ostaklu għall-ġbir ta' kapital fl-Awstrija. Fil-fatt, safejn id-dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor huwa ttrattat fiskalment b'mod inqas favorevoli mid-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka, ix-xiri ta' ishma ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra huwa, għall-investituri residenti fl-Awstrija, inqas attraenti minn dak ta' ishma ta' kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat Membru (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35, u l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

22     Jirriżulta minn dan kollu li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li, bħala regola, hija pprojbita mill-Artikolu 73b(1) tat-Trattat.

23     Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 73d(1) tat-Trattat, "id-dispożiżżjonijiet ta' l-Artikolu 73b m'għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta' l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward […] il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit" u lanqas id-dritt tagħhom "li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali".

25     Skond il-Gvernijiet ta' l-Awstrija, tad-Danimarka, ta' Franza u tar-Renju Unit, jirriżulta ċar minn din id-dispożizzjoni li l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirriżervaw il-vantaġġi fiskali in kwistjoni biss għad-dħul mill-kapital imħallas mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorju tagħhom.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 73d(1) tat-Trattat, li, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skond il-post fejn huma jinvestu l-kapital tagħhom ikun awtomatikament kompatibbli mat-Trattat. Fil-fatt, id-deroga ta' l-Artikolu 73d(1) tat-Trattat hija limitata mill-Artikolu 73d(3) tat-Trattat, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu (1) ta' dan l-Artikolu "m'għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta' kapital u ħlasijiet kif definit[…] fl-Artikolu 73b".

27     Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn it-trattament mhux ugwali permess skond l-Artikolu 73d(1) tat-Trattat u d-diskriminazzjoni arbitrarja pprojbita mill-Artikolu 73d(3) tiegħu. Issa jirriżulta mill-ġurisprudenza li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik in kwistjoni, li tapplika distinzjoni bejn id-dħul mill-kapital imħallas minn kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat u dak li joriġina minn Stat Membru ieħor, tista' tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, bħalma huma l-ħtieġa li tkun salvagwardata l-koerenza tas-sistema fiskali, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-effikaċità tal-kontrolli fiskali (sentenzi Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43; tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punti 49 u 72, u l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27), Minbarra dan, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament bejn kategoriji differenti ta' dħul mill-kapital m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

28     Il-Gvernijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet f'din il-kawża jsostnu, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet Awstrijaki jiġbru parti mit-taxxa relattiva għall-profitti li l-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija jqassmu lill-azzjonisti tagħhom mill-kumpanniji u parti mill-azzjonisti. Għal dak li jikkonċerna l-kumpanniji stabbiliti barra t-territorju tagħhom, l-awtoritajiet Awstrijaki mhumiex f'pożizzjoni li jiġbru t-taxxa fuq id-dħul mill-kumpanniji bl-istess mod. Il-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni hija għalhekk iġġustifikata minn differenza fis-sitwazzjoni oġġettiva li fuqha tista' tiġi bbażata differenza fit-trattament fiskali, skond l-Artikolu 73d(1)(a) tat-Trattat (sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punti 30 sa 34 u 37, kif ukoll Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

29     Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, skond l-Artikolu 73d(1)(a) tat-Trattat, id-differenza fit-trattament ta' persuna taxxabbli fl-Awstrija b'mod illimitat skond jekk din tirċevix dħul mill-kapital minn kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat Membru jew dħul minn kapital minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra tirrigwardax sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli.

30     Jirriżulta mill-proċess li l-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka hija intiża sabiex timmitiga l-effetti fuq il-livell ekonomiku ta' tassazzjoni doppja tal-profitti mill-kumpanniji, li tirriżulta mit-tassazzjoni tal-profitti magħmula mill-kumpannija skond it-taxxa fuq il-kumpanniji u mit-tassazzjoni ta' l-azzjonist taxxabbli skond it-taxxa fuq id-dħul, ta' l-istess profitti mqassma fil-forma ta' dividendi.

31     Issa kemm id-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka kif ukoll dak li joriġina minn Stat Membru ieħor jistgħu jkunu s-suġġett ta' tassazzjoni doppja. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, id-dħul huwa, bħala regola, l-ewwel suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji, imbagħad – safejn dan jitqassam fil-forma ta' dividendi – għat-taxxa fuq id-dħul.

32     Fir-rigward ta' regola fiskali li hija intiża sabiex tnaqqas l-effetti ta' tassazzjoni doppja tal-profitti mqassma mill-kumpannija li fiha jsir l-investiment, l-azzjonisti taxxabbli fl-Awstrija b'mod illimitat, li jirċievu dħul mill-kapital ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor b'hekk isibu ruħhom f'sitwazzjoni paragunabbli ma' dik ta' azzjonisti li wkoll huma taxxabbli fl-Awstrija b'mod illimitat, imma li jirċievu dħul mill-kapital ta' kumpannija stabbilita f'dan l-Istat Membru ta' l-aħħar.

33     Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka, li tissuġġetta l-applikazzjoni tar-rata ta' tassazzjoni finali ta' 25% jew tar-rata mnaqqsa bin-nofs fuq id-dħul mill-kapital għall-kundizzjoni li dan id-dħul ikun ta' oriġini Awstijaka, ma tirrigwardax differenza fis-sitwazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 73d(1)(a) tat-Trattat bejn id-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka u dak li joriġina minn Stat Membru ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Ġunju 1996, Asscher, C-107/94, Ġabra p. I-3089, punti 41 sa 49, u tat-12 ta' Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punti 47 sa 54).

34     Il-Gvernijiet li ressqu sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu, fit-tieni lok, li l-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka hija oġġettivament iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali (sentenzi tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, u l-Kummissjoni vs il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305). F'dan ir-rigward, huma jsostnu li l-vantaġġi fiskali in kwistjoni huma intiżi sabiex inaqqsu l-effetti ta' tassazzjoni doppja tal-profitti tal-kumpanniji. Fil-fatt, teżisti konnessjoni ekonomika diretta bejn it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpannija u dawn il-vantaġġi fiskali. Konsegwentement, peress li huma biss il-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji f'dan l-Istat Membru, huwa ġġustifikat il-fatt li l-imsemmija vantaġġi fiskali jiġu riżervati biss lill-persuni li jirċievu dħul minn kapital ta' oriġini Awstijaka.

35     Għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 28 tas-sentenza Bachmann, iċċitata iktar 'il fuq, u fil-punt 21 tas-sentenza l-Kummissjoni vs Belġju, iċċitata iktar 'il fuq, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ħtieġa li tkun salvagwardata l-koerenza ta' sistema fiskali tista' tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat, kienet teżisti konnessjoni diretta bejn it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest tal-kuntratti ta' assigurazzjoni kontra x-xjuħija u l-mewt, minn naħa, u t-tassazzjoni tas-somom dovuti mill-assiguraturi fl-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija kuntratti, min-naħa l-oħra, konnessjoni li kienet meħtieġa li tinżamm bil-għan li tkun salvagwardata l-koerenza tas-sistema fiskali in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra p. I-7641, punt 24, kif ukoll X u Y, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

36     Fil-kawża prinċipali, barra l-fatt li t-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi u t-taxxa fuq il-kumpanniji huma żewġ taxxi distinti li jolqtu lil persuni taxxabbli distinti (ara s-sentenzi tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 40; Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punti 57 u 58, u tat-18 ta' Setttembru 2003, Bosal, C-168/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30), għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka ma tagħmilx il-kisba tal-vantaġġi fiskali in kwistjoni li minnhom jibbenefikaw il-persuni taxxabbli residenti fl-Awstrija fuq id-dħul tagħhom mill-kapital ta' oriġini Awstrijak, tiddependi mit-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji skond it-taxxa fuq il-kumpanniji.

37     Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-argument ibbażat fuq il-ħtieġa li tkun salvagwardata l-koerenza ta' sistema fiskali għandu jiġi vverifikat fid-dawl ta' l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni (ara s-sentenza tal-11 ta' Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C-9/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67).

38     Issa l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, jiġifieri l-mitigazzjoni ta' tassazzjoni doppja, ma jiġi b'ebda mod affettwat li kieku l-persuni li jirċievu dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor kellhom jibbenefikaw ukoll mil-leġiżlazzjoni fiskali Awstijaka. Għall-kuntrarju, il-fatt li r-rata ta' tassazzjoni finali ta' 25% u r-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa bin-nofs tiġi riżervata biss għall-persuni li jirċievu dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka għandu bħala konsegwenza li tiżdied id-differenza bejn il-piż fiskali globali fuq il-profitti tal-kumpanniji Awstrijaċi u dak fuq il-profitti tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

39     Għaldaqstant, argument ibbażat fuq il-ħtieġa li tkun salvagwardata l-koerenza tas-sistema fiskali Awstrijaka ma tistax tiġi milqugħa.

40     Żgur li għandu jiġi osservat li l-għoti tal-vantaġġ fiskali in kwistjoni wkoll lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor iwassal, għall-Istat Membru kkonċernat, għal tnaqqis fid-dħul fiskali tiegħu. Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li t-tnaqqis fid-dħul fiskali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala raġuni imperattiva ta' interess ġenerali li tista' tiġi invokata sabiex tiġġustifika miżura li fil-prinċipju tmur kontra libertà fundamentali (sentenzi Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59, tat-3 ta' Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 56, kif ukoll X u Y, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

41     Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvernijiet ta' l-Awstrija u tad-Danimarka, il-livell ta' tassazzjoni tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka għall-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà ta' leġiżlazjoni nazzjonali ma' l-Artikoli 73b u 73d(1) u (3) tat-Trattat.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għad-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka, il-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni ma tistabbilixxi ebda konnessjoni diretta bejn it-tassazzjoni tal-profitti tal-kumpanniji skond it-taxxa fuq il-kumpanniji u l-vantaġġi fiskali li minnhom jibbenefikaw il-persuni taxxabbli residenti fl-Awstrija skond it-taxxa fuq id-dħul. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-livell ta' tassazzjoni tal-kumpanniji stabbiliti barra t-territorju Awstrijaku ma jistax jiġġustifika rifjut li jingħataw dawn l-istess vantaġġi fiskali lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital imħallas minn dawn il-kumpanniji ta' l-aħħar.

43     Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali in kwistjoni għad-dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor jista' jirrendi vantaġġjuż, għall-investituri residenti fl-Awstrija, ix-xiri ta' ishma ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, fejn il-livell tat-taxxa fuq il-kumpanniji jkun inqas għoli milli huwa fl-Awstrija. Madankollu, din il-possibbiltà ma tista' b'ebda mod tiġġustifika leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fir-rigward ta' argument ibbażat fuq eventwali vantaġġ fiskali għall-persuni taxxabbli li jirċievu, fil-pajjiż ta' residenza tagħhom, dħul mill-kapital ta' kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huwa biżżejjed li jiġi osservat li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li trattament fiskali żvantaġġjuż li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jiġi ġġustifikat mill-eżistenza ta' vantaġġi fiskali oħra, dejjem jekk jeżistu tali vantaġġi (sentenza Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

44     Minbarra dan, il-Gvern Franċiż isostni li l-leġiżlazzjoni fiskali Awstrijaka hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

45     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta b'mod partikolari mill-Artikolu 73d(1)(b) tat-Trattat li l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tista' tiġi invokata sabiex tiġġustifika restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-8 ta' Lulju 1999, Baxter et, C-254/97, Ġabra p. I-4809, punt 18, u tas-26 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 39).

46     Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-vantaġġ fiskali li jirriżulta mit-tassazzjoni b'rata mnaqqsa tad-dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka, xejn ma juri li l-applikazzjoni ta' rati ta' tassazzjoni differenti skond l-oriġini tad-dħul mill-kapital tista' tagħmel il-kontrolli fiskali iktar effikaċi.

47     Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, it-taxxa finali ta' 25%, għandu jiġi mfakkar li din titnaqqas direttament minn ras il-għajn mill-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 33 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, taxxa finali ma tippresupponix neċessarjament li tkun taxxa mnaqqsa minn ras il-għajn. Għaldaqstant, l-Artikolu 97(2) ta' l-EStG jipprovdi li, fil-każ fejn it-tnaqqis minn ras il-għajn mhuwiex possibbli, it-taxxa finali tista' titħallas permezz ta' "ħlas volontarju, fil-post fejn titħallas it-taxxa, ta' ammont li jikkorrispondi għat-taxxa fuq id-dħul mill-kapital". Għad-dħul li jkun ġej minn kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, tista' għalhekk tiġi pprovduta proċedura simili ta' "ħlas volontarju" lill-amministrazzjoni fiskali.

48     Ċertament, it-tnaqqis minn ras il-għajn, li jsir direttament mill-kumpanniji stabbiliti fl-Awstrija, jikkostitwixxi operazzjoni iktar faċli għall-amministrazzjoni fiskali minn "ħlas volontarju". Madankollu, sempliċi inkonvenjenzi amministrattivi ma jistgħux jiġġustifikaw ostaklu għal libertà fundamentali tat-Trattat, bħalma huwa l-moviment liberu tal-kapital (sentenza il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 30).

49     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 73b u 73d(1) u (3) tat-Trattat jipprekludu leġiżlazzjoni li tippermetti biss lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka li jagħżlu bejn it-taxxa finali bir-rata ta' 25% u t-taxxa ordinarja fuq id-dħul bl-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa bin-nofs, filwaqt li tipprovdi li d-dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor ikun suġġett b'mod obbligatorju għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul mingħajr tnaqqis tar-rata. Ir-rifjut li jingħataw lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor il-vantaġġi fiskali mogħtija lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka ma jistax jiġi ġġustifikat miċ-ċirkustanza li d-dħul mill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għal tassazzjoni baxxa f'dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

50     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob jekk l-Artikolu 73b(1) tat-Trattat jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti fl-Awstrija u li tirċievi dħul mill-kaptial li joriġina minn Stat Membru ieħor, li tnaqqas, proporzjonalment mit-taxxa tagħha fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa mill-kumpannija li fiha hija għandha sehem.

51     Is-Sinjura Lenz u l-Kummissjoni jiddubitaw kemm hija ammissibbli din id-domanda. Huma jsostnu li din id-domanda hija irrilevanti għad-determinazzjoni tal-kawża prinċipali peress li tirrigwarda sistema fiskali li mhijiex fis-seħħ fl-Awstrija.

52     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari mressqa minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b'mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m'għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema hija ta' natura ipotetika (sentenzi tas-16 ta' Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 25; tat-13 ta' Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20, u tal-5 ta' Frar 2004, Schneider, C-380/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).

53     Issa d-dispożizzjonijiet imsemmija fid-digriet tar-rinviju ma jipprovdux il-possibbiltà li fl-Awstrija titnaqqas it-taxxa fuq il-kumpanniji li tkun ġiet imħallsa fi Stat Membru ieħor. Mistieden mill-Qorti sabiex jagħti dettalji fuq dan il-punt, il-Gvern Awstrijak kkonferma li l-leġiżlazzjoni fiskali fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali ma kinitx tippermetti li jiġi identifikat tnaqqis bħal dak indikat mill-qorti tar-rinviju, anki jekk tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-liġi.

54     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda mressqa.

 Fuq l-ispejjeż

55     L-ispejjeż sostnuti mill-Gvernijiet ta' l-Awstrija, tad-Danimarka, ta' Franza u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

fuq id-domandi li tressqu quddiemha mill-Verwaltungsgerichtshof permezz ta' digriet tas-27 ta' Awwissu 2002, taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 73b u 73d(1) u (3) tat-Trattat (li saru l-Artikoli 56 KE u 58(1) u (3) KE, rispettivament) jipprekludu leġiżlazzjoni li tippermetti biss lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka li jagħżlu bejn it-taxxa finali bir-rata ta' 25% u t-taxxa ordinarja fuq id-dħul bl-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa bin-nofs, filwaqt li tipprovdi li d-dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor ikun suġġett b'mod obbligatorju għat-taxxa ordinarja fuq id-dħul mingħajr tnaqqis tar-rata.

2)      Ir-rifjut li jingħataw lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital li joriġina minn Stat Membru ieħor il-vantaġġi fiskali mogħtija lill-persuni li jirċievu dħul mill-kapital ta' oriġini Awstrijaka ma jistax jiġi ġġustifikat miċ-ċirkustanza li d-dħul mill-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għal tassazzjoni baxxa f'dan l-Istat Membru.

Jann

Rosas

von Bahr

Silva de Lapuerta

 

Lenaerts

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-15 ta' Lulju 2004.

Registratur

 

Il-President ta' l-Ewwel Awla

R. Grass

 

P. Jann


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.