Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62002J0378



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-378/02

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa minn le Hoge Raad (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ottubru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Ottubru 2002, fil-proċedimenti

Waterschap Zeeuws Vlaanderen

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI (it-Tielet Awla),

magħmula minn A. Rosas, President ta' Awla J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), J. Malenovsk u U. Lhmus, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għal Waterschap Zeeuws Vlaanderen, minn H. de Kat, bħala aġent, assistit minn R. Brouwen, advocaat,

- għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u H. van Vliet u D. W. V. Zijlstra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari trrigwarda l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, minn hawn 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Waterschap Zeeuws Vlaanderen (minn hawn 'il quddiem "WZV") u Staatssecretaris van Financiën dwar it-talba għal aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem "VAT") imħallsa minn WZV fil-kuntest tal-kostruzzjoni u tal-provvista ta' tagħmir industrijali.

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3. L-Artikolu 2(1), tas-Sitt Direttiva li jinsab taħt it-Titolu II, intitolat "Applikazzjoni", jgħid hekk:

"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1. il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali".

4. L-Artikolu 4(1) (2) (3) u (5), ta' l-imsemmija Direttiva, jipprovdu:

"1. "Persuna taxxabbli" tfisser kull persuna li b'mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post, attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività.

2. L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta' produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizz], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. [...]

3. L-Istati Membri jistgħu wkoll iqisu bħala persuna taxxabbli lil kull min jagħmel attività kultant li jkollha x'taqsam ma' l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 u partikolarment waħda minn dawn li ġejjin:

a) il-provvista ta' immobbli jew parti minn immobbli qabel l-ewwel okkupazzjoni u ta' l-art li jkunu fuqha; Stati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kondizzjonijiet kif dan il-kriterju għandu jkun applikat għal alterazzjonijiet f'immobbli u fl-art li jkunu fuqha.

[...]

b) il-provvista ta' art għall-bini.

[...]

5. Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m'għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta' l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma' dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

[...]

Stati Membri jistgħu iqisu attivitajiet ta' dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi."

5. L-Artikolu 20(1) u (2), tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

"1. It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b'mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b'mod partikolari:

a) fejn it-tnaqqis ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli hi intitolata;

b) fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi wżati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, b'mod partikolari fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew roħs fil-prezz hu miksub; madanakollu, aġġustamenti m'għandhomx isiru fil-każijiet ta' transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u distrutti, telf jew serq tal-proprjetà verament ippruvati jew ikkonfermati, lanqas fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-iskopijiet ta' għoti ta' regali ta' valur żgħir u ta' l-għoti ta' kampjuni speċifikati fl-Artikolu 5 (6). Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fil-każijiet ta' transazzjonjiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u ta' serq.

2. Fil-każ ta' oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dak meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta' wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsegwenti b'relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.

Permezz ta' deroga mis-sub-paragrafu preċedenti, Stati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perijodu ta' ħames snin sħaħ li jibdew jiddekorru miż-żmien meta l-oġġetti huma wżati għall-ewwel darba.

Fil-każ ta' propjetà immobbli akkwistata bħala oġġetti kapitali, il-perijodu ta' l-aġġustament jista' jkun estiż sa 10 snin."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-liġi tat-28 ta' Ġunju 1968

6. Bis-saħħa tal-liġi tat-28 ta' Ġunju 1968 dwar il-VAT (Wet van 28 juni 1968, houdende vervanging van de bestaande omzetbelasting door een omzetbelasting volgens het stelsel van heffing over de toegevoegde waarde, Stbl. 1968, p. 329 , minn hawn 'il quddiem "il-liġi"), ir-Renju ta' l-Olanda impona taxxa fuq id-dħul min-negozju bbażata fuq sistema tal-VAT.

7. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 7 tal-liġi, huwa kkunsidrat bħala "imprenditur" kull minn jeżerċita attività ekonomika għal rasu. Dan l-Artikolu jinkludi wkoll dispożizzjoni dwar korpi regolati taħt id-dritt pubbliku li jeżerċitaw dan fi kwalità differenti minn dik ta' imprenditur ta' servizzi jew provvisti li min-natura tagħhom għandhom it-tendenza li jitwettqu minn imprendituri. Skond din id-dispożizzjoni, ordni ministerjali tista' tistabbilixxi li dawk il-korpi jkunu kkunsidrati bħala imprendituri meta huma jwettqu dawk is-servizzi jew dawk il-provvisti.

8. L-Artikolu 11(1)(a) u (b), tal-liġi jipprovdi li l-provvista kif ukoll il-kiri ta' proprjetà immobbli huma fil-prinċipju eżenti mill-VAT, iżda jipprovdi ċerti eċċezzjonijiet, taħt il-kundizzjoni li tiġi depożitata talba konġuntivament, skond il-każ, mill-imprenditur li jwettaq il-provvista u d-destinatarju tagħha jew mis-sid tal-kera u l-kerrej.

Id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni

9. Permezz ta' l-ordni ministerjali tat-30 ta' Awwissu 1968, l-awtoritajiet Olandiżi adottaw id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul min-negozju (Uitvoeringsbeschikking omzetbelasting 1968, aktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni").

10. L-Artikolu 3(a), tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni jipprovdi li l-korpi regolati mid-dritt pubbliku huma kkunsidrati bħala imprendituri għal dak li jikkonċerna il-provvista ta' proprjetà immobbli u ċ-ċessjoni jew il-konċessjoni ta' drittijiet fuq dik il-proprjetà.

11. L-Artikolu 13 u 13a ta' l-imsemmija deċiżjoni, intiżi b'mod partikolari sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta' l-aġġustament tad-dritt għal-tnaqqis.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12. WZV huwa korp regolat mid-dritt pubbliku li għandu r-responsabilità tat-tmexxija pubblika ta' l-ilma fit-territorju li jaqa' taħtu fl-Olanda. Fl-eżerċizzju ta' dik l-attività, WZV jaġixxi bħala awtorità pubblika skond l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u għalhekk m'għandux il-kwalità sabiex ikun suġġett għall-VAT.

13. Sabiex jwettaq sew ir-responsabilitajiet tiegħu, WZV bena impjant tat-trattament tad-dranaġġ (iktar 'il quddiem "l-impjant"), li għalieh ħallas is-somma ta' ċirka 7,2 miljun NLG bħala VAT. L-impjant beda jaħdem fl-1990.

14. WZV u żewġ awtoritajiet pubbliċi oħra ta' l-ilma ftehmu li jużaw l-impjant għall-ipproċessar ċentraliżżat tal-ħama li jiġi prodott mal-purifikazzjoni tad-dranaġġ. Dawn iż-żewġ awtoritajiet ikkontribwixxew finanzjarjament għall-investiment żejjed meħtieġ għall-użu ta' l-impjant mit-tliet korpi kkonċernati. Sa mill-1993, WZV għadda liż-żewġ korpi l-oħra l-parti rispettiva ta' l-ispejjeż tat-trattament ċentraliżżat tal-ħama li kien jaqa' fuq kull wieħed minnhom, iżda mingħajr ma żammilhom il-VAT. F'dak ir-rigward, l-ispettur tat-taxxi, fi ftehim ma' WZV, ippermetta li dan ma jiġix iffatturat liż-żewġ korpi bil-kundizzjoni li WZV jirrinunzja għad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa ta' l- input VAT imħallsa.

15. F'Diċembru 1994, WZV waqqaf fondazzjoni għall-promozzjoni ta' l-ambjent f'Flandre néerlandaise (iktar 'il quddiem "il-fondazzjoni") u biegħ lilu l-impjant għal ċirka 18-il miljun NLG, VAT mhux inkluż.

16. Wara li wieħed jikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom dan seħħ, dik iċ-ċessjoni ta' proprjetà għandha tiġi kkunsidrata, skond il-Qorti tar-rinviju, bħala provvista skond l-Artikolu 5(1), tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 3(1) tal-liġi, li hija bbażata fuq l-istess Artikolu 5. Fil-ġurnata tal-bejgħ, WZV kera l-impjant lill-fondazzjoni, għal terminu ta' disa' snin u jumejn.

17. WZV u l-fondazzjoni ippreżentaw żewġ rikorsi konġuntivi quddiem l-ispettur tat-taxxi, sabiex jiġu eżentati mill-eżenzjoni applikabbli għall-bejgħ kif ukoll għall-kirja ta' l-impjant, konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(1) (a) u (b) tal-liġi intiżi sabiex jittrasponu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13 C tas-Sitt Direttiva dwar id-dritt ta' l-għażla dwar l-applikazzjoni tal-VAT għall-bejgħ u l-kiri ta' proprjetà immobbli.

18. Fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 13 u 13a tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni, WZV ikkalkula l-parti ta' l-ammont tal-VAT fatturat għall-kostruzzjoni ta' l-impjant, li skond hu għandu jiġi aġġustat, għal ċirka 3,6 miljun NLG, li jammonta għal 5/10 ta' dan l-ammont. Din il-porzjoni kienet ġustifikata mill-fatt li kienu ddekorrew ħames snin mix-xiri ta' l-impjant u li kien għad baqa' jiddekorri perijodu identiku.

19. Fid-dikjarazzjoni tiegħu rigward ir-raba' trimestru tas-sena 1994, WZV talab lill-ispettur tat-taxxi għall-ħlas lura ta' ċirka 3,6 miljun NLG.

20. Din it-talba ġiet rifjutata peress li fil-ħin li saret il-provvista ta' l-impjant, WZV ma kellux dritt għal ebda aġġustament skond id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta' implimentazzjoni intiżi sabiex jittrasponu l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva.

21. WZV ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta' rifjut ta' l-ispettur tat-taxxi. Wara l-għoti tas-sentenza mgħotija fl-appell mill-Gerechtshof te Amsterdam, il-kawża tressqet għall-appell fuq punt ta' liġi quddiem il-Hoge Raad.

22. Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li, sa fejn WZV wettaq il-bejgħ bħala persuna taxxabbli u talab, konġuntivament max-xerrej ta' l-impjant, sabiex ikun eżentat mill-eżenzjoni applikabbli għal tali transazzjoni, aġġustament tal-VAT imħallas minn WZV in konnessjoni mal-kostruzzjoni ta' l-immobbli għandu fil-prinċipju jiġi konċess. Minkejja dan, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti, il-Hoge Raad uriet dubju f'dan ir-rigward.

23. Skond il-Hoge Raad, tinqala l-kwsitjoni jekk korp regolat mid-dritt pubbliku li uża oġġetti bħala awtorità pubblika u li bħala konsegwenza ma naqqasx il-VAT imħallsa fil-mument ta' l-akkwist tagħhom, għandux dritt, bħal persuna taxxabbli li użat oġġetti għall-provvista ta' servizzi eżentati, għall-aġġustament previst fl-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, fil-każ, fejn hu sussegwentement iwettaq provvista ta' dawk l-oġġetti bħala persuna taxxabbli u dik il-provvista hija taxxabbli.

24. Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li diffikultà oħra tirriżulta mill-fatt li WZV irrinunzja għad-dritt li jnaqqas l- input tax minħabba l-ftehim milħuq ma' l-ispettur tat-taxxi. Minħabba dan il-fatt, WZV ser ikun ikkunsidrat bħala li rrinunzja milli jinkludi parzjalment l-impjant fl-assi ta' l-intrapriża.

25. L-imsemmija Qorti ssaqsi jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti dwar l-allokar ta' oġġetti kapitali, skond l-għażla tal-persuna taxxabbli, bħala assi privati ta' dan ta' l-aħħar jew bħala assi ta' negozju huwiex applikabbli mutatis mutandis għall-korpi regolati mid-dritt pubbliku.

26. Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad iddeċida li jissospendi l-proċedimenti u li jirreferi 'il Qorti d-domandi preliminari segwenti:

"1) Jista' korp regolat mid-dritt pubbliku li akkwista oġġett kapitali u li huwa s-suġġett ta' provvista taħt ħlas lil terz, għal liema provvista l-korp irid jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli, jibbenefika mill-aġġustament tat-taxxa fuq id-dħul min-negozju imħallsa għal akkwist ta' l-oġġett, skond l-Artikolu 20 (partikolarment il-paragrafi 2 u 3) tas-Sitt Direttiva, fil-miżura sa fejn huwa uża dan l-oġġett fil-kuntest ta' attivitajiet imwettqa bħala awtorità pubblika skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva?

2) Jista' korp regolat mid-dritt pubbliku, skond is-Sitt Direttiva, jibbenefika mid-dritt li jeskludi kompletament mill-assi ta' l-impriża tiegħu oġġett kapitali wżat in parti bħala persuna taxxabbli, u in parti bħala awtorità pubblika, bħalma ddeċidiet il-Qorti fil-każ ta' persuni naturali taxxabbli?"

Rimarki preliminari

27. Skond l-informazzjoni mgħotija mill-Qorti tar-rinviju u ppreżentata fil-punti [12 u 13] tas-sentenza preżenti, WZV akkwista l-impjant sabiex iwettaq b'mod xieraq ir-responsabbilità tiegħu tat-tmexxija pubblika ta' l-ilma fit-territorju assenjat lilu, u li f'dak il-kuntest aġixxa bħala awtorità pubblika.

28. Għalhekk l-ewwel domanda għandha tinftiehem li tfisser li qed tistaqsi jekk korp regolat mid-dritt pubbliku li jakkwista oġġett kapitali bħala awtorità pubblika skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u li sussegwentement ibiegħ dan l-oġġett bħala persuna taxxabbli, jistax fil-kuntest ta' dak il-bejgħ, jibbenefika minn aġġustament skond l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, sabiex inaqqas il-VAT imħallsa in konnessjoni max-xiri ta' dak l-oġġett.

Fuq l-ewwel domanda

29. Wieħed għandu jinnota li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT għall-attivitajiet ta' provvista ta' oġġetti jew ta' servizzi fit-territorju ta' pajjiż, li jinkludu r-regoli dwar id-dritt għal tnaqqis, tiddependi fuq jekk persuna li twettaq l-attività ħijiex persuna taxxabbli.

30. Persuna taxxabbli tista' tnaqqas mill-VAT dovuta minnha, it-taxxa li hija diġà ħallset jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva.

31. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 17(1), id-dritt għal tnaqqis jattwa ruħhu fil-mument meta t-taxxa li tista' titnaqqas tkun dovuta. Skond l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva, dak il-mument jikkorrispondi għal mument meta sseħħ il-kunsinna ta' l-oġġett. Bl-istess mod, f'każ ta' xiri ta' oġġetti, id-dritt għal tnaqqis jattwa ruħhu fil-mument tal-provvista ta' dak l-oġġetti. L-Artikolu 17(2) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li persuna taxxabbli hija awtorizzata li tnaqqas il-VAT li hija ħallset fuq oġġetti fornuti lilha minn persuna taxxabbli oħra, safejn dawk l-oġġetti huma wżati għall-ħtiġijiet ta' l-attivitajiet taxabbli li hija twettaq.

32. Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Artikoli 2 u 17 li persuna li għandha l-kwalità ta' persuna taxxabbli u li taġixxi bħala tali fil-mument meta hija akkwistat oġġetti, biss, għandha d-dritt għal tnaqqis fir-rigward ta' dak l-oġġett u tista' tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa jekk hija tuża l-oġġett għall-ħtiġijiet ta' l-attivitajiet taxxabbli tagħha (ara, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1991, Lennartz, C-97/90, Ġabra p. I-3795, punt 8).

33. Min-naħa l-oħra, persuna mhux taxxabbli m'għandiex dritt li tnaqqas il-VAT li hija setgħet ħallset max-xiri ta' oġġetti. L-attività ta' dik il-persuna - il-provvista tagħha ta' oġġetti jew servizzi - ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT kif definiti fl-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva.

34. Wieħed għandu jinnota li, skond l-Artikolu 4(5) ta' l-imsemmija Direttiva, il-korpi regolati mid-dritt pubbliku m'humiex ikkunsidrati bħala persuni taxxabbli għall-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi.

35. Minn dan isegwi li meta dawn il-korpi, li jinkludu WZV, jaġixxu fil-kwalità tagħhom ta' awtorità pubblika fil-mument tax-xiri ta' oġġetti kapitali, bħala prinċipju m'għandhom l-ebda dritt għal tnaqqis fir-rigward ta' dawk l-oġġetti.

36. Minkejja dan, jeħtieġ li jiġi mistoqsi jekk tibdil li jseħħ fis-sitwazzjoni tal-korp ikkonċernat fir-rigward ta' jekk huwiex soġġett li jħallas il-VAT jistgħax ikollha konsegwenzi fuq id-dritt għal tnaqqis. Għalhekk, hemm lok li wieħed jistaqsi b'mod partikolari jekk il-fatt li, sussegwentement, il-korp akkwista l-kwalità ta' persuna taxxabbli fil-kuntest ta' ċerti transazzjonijiet rigward oġġett li huwa xtara bħala persuna mhux taxxabbli jistax jagħtih dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallas fuq dak l-oġġett u jagħti lok għal aġġustament fuq il-bażi ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva.

37. Fil-każ li wassal għas-sentenza Lennartz, ċitata, fil-każ in kwistjoni kien dwar individwu li kien suġġett għall-VAT, li xtara u uża vettura għal finijiet privati u li, wara li użaha wkoll għall-finijiet professjonali, ipprova jnaqqas il-VAT imħallas max-xiri tagħha.

38. Wara li ġie nnotat li l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi l-mument meta jattwa ruħu d-dritt għal tnaqqis u jgħid li hija biss il-kwalità li fiha l-individwu kkonċernat aġixxa fil-mument tax-xiri ta' l-oġġett li tista' tistabbilixxi l-eżistenza ta' dritt għal tnaqqis, il-Qorti rrilevat li l-Artikolu 20 intitolat "Aġġustamenti tat-tnaqqis" ma jinkludi ebda dispożizzjoni dwar il-mument li fih jattwa ruħu d-dritt għal tnaqqis. Hija ddeċidiet li l-Artikolu 20 jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi l-proċedura għall-kalkolu ta' l-aġġustamenti tat-tnaqqis inizjali u għalhekk ma tistax tagħti lok għal dritt ta' tnaqqis, u lanqas għat-trasformazzjoni tat-taxxa mħallsa minn persuna taxxabbli fir-rigward ta' transazzjonijiet mhux taxxabbli f'taxxa li tista' titnaqqas skond l-Artikolu 17 (ara s-sentenza Lennartz, ċitata, punti 11 u 12).

39. Hemm lok sabiex dan ir-raġunament jiġi applikat għal korp regolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika fil-mument tax-xiri ta' oġġett kapitali. Fil-fatt, peress li dak il-korp ma aġixxiex fil-kwalità ta' persuna taxxabbli, m'għandux, bħal fil-każ ta' individwu li jaġixxi skond il-ħtiġijiet personali tiegħu, ebda dritt li jnaqqas il-VAT li huwa ħallas fuq dak l-oġġett.

40. Iċ-ċirkostanza fejn sussegwentement, l-imsemmi korp aġixxa bħala persuna taxxabbli allura ma jkollhiex, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, konsegwenza li twassal sabiex, skond l-Artikolu 17 ta' l-imsemmija Direttiva, tkun tista' titnaqqas it-taxxa mħallsa mill-imsemmi korp għal transazzjonijiet li huwa wettaq bħala awtorità pubblika, u għal din ir-raġuni mhux taxxabbli.

41. Kuntrarjament għat-teżi imressqa minn WZV, korp tali ma jistgħax jiġi mqabbel ma' persuna taxxabbli li twettaq ċerti attivitajiet taxxabbli u oħrajn eżentati. Kif imsemmi aktar 'il fuq, il-kwalità ta' persuna taxxabbli huwa fattur determinanti u dan huwa stabbilit fil-mument ta' l-akkwist ta' l-oġġett ikkonċernat mill-imsemmi korp.

42. WZV isostni li minn barra dan, l-impossibilità li titnaqqas il-VAT imħallsa twassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni li tiġġustifika, skond hu, l-applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni prevista fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li bis-saħħa tagħha, il-korpi regolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli. Sabiex juri l-eżistenza ta' distorzjoni tal-kompetizzjoni, WZV jikkompara s-sitwazzjoni ta' imprenditur fis-suq, ma' dik ta' korp regolat mid-dritt pubbliku, u jsostni li f'ċirkustanzi simili, l-imprenditur fis-suq jista' jnaqqas l- input VAT imħallsa mill- output VAT dovuta.

43. Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, id-distorzjoni tal-kompetizzjoni, f'ċirkustanzi tali bħal dawk tal-każ fil-kawża prinċipali, għandu iktar l-oriġini tiegħu fl-eżerċizzju, mill-korp regolat mid-dritt pubbliku tad-dritt li jagħżel it-tassazzjoni fuq il-bejgħ u tal-kiri tal-proprjetà immobbli kkonċernata milli mill-applikazzjoni tas-sistema li l-korpi regolati mid-dritt pubbliku m'humiex ikkunsidrati bħala persuni taxxabbli għat-transazzjonijiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet publiċi. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-Konklużjonijiet tiegħu, jekk din is-sistema tista' fiha nfisha tikkomprometti sa' ċertu punt l-applikazzjoni tal-prinċipji tan-newtralità u tat-trattament ugwali, dan l-effett huwa inerenti għall-eżistenza ta' eċċezzjonijiet għas-sistema tal-VAT.

44. Għalhekk, hemm lok sabiex it-tweġiba għall-ewwel domanda għandha tkun li korp regolat mid-dritt pubbliku li jakkwista oġġett kapitali bħala awtorità pubblika skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva u b'konsegwenza ta' dan fil-kwalità tiegħu ta' persuna mhux taxxabbli, u li, sussegwentement, ibiegħ dan l-oġġett kapitali fil-kwalità tiegħu ta' persuna taxxabbli, ma jibbenefikax fil-kuntest ta' dan il-bejgħ, minn dritt ta' aġġustament fuq l-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva, għall-fini li jsir tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta' dak l-oġġett.

Fuq it-tieni domanda

45. Din id-domanda hija impliċitament imressqa għall-każ fejn korp regolat mid-dritt pubbliku, bħalma hu WZV, ikun ikkunsidrat, fil-mument tax-xiri ta' oġġett kapitali, bħala li wettaq attivitajiet ekonomiċi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva kif ukoll attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4 (5). Fid-dawl ta' l-argumenti żviluppati fit-tweġiba għal ewwel domanda, fejn jirriżulta li tali korp ma aġixxiex fil-kwalità ta' persuna taxxabbli fil-mument meta seħħ ix-xiri, m'hemmx lok li tingħata tweġiba għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

46. Peress illi dawn il-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżultat ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Korp regolat mid-dritt pubbliku li jakkwista oġġett kapitali bħala awtorità pubblika, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, u b'konsegwenza ta' dan fil-kwalità tiegħu ta' persuna mhux taxxabbli, u li sussegwentement ibiegħ dan l-oġġett fil-kwalità tiegħu ta' persuna taxxabbli, ma jibbenefikax fil-kuntest ta' dak il-bejgħ minn dritt ta' aġġustament ibbażat fuq l-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva, għall-fini li jsir tnaqqis tal-VAT imħallsa għax-xiri ta' dak l-oġġett.