Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

tat-23 ta' Frar 2006 (*)

"Il-libertà ta' stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxi fuq il-profitti tal-kumpanniji"

Fil-kawża C-253/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Ġunju 2003, fil-proċedura

CLT-UFA SA

vs

Finanzamt Köln-West

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' Awla, J. Malenovský, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal CLT-UFA SA, minn A. Raupach u D. Pohl, Rechtsanwälte,

–       għall-Finanzamt Köln-West, minn K.-H. Vanyek u G. Sasonow, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C.-D. Quassowski, M. Lumma u W.-D. Plessing, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 52 tat-Trattat KE (li, wara li ġie emendat, sar l-Artikolu 43 KE) u 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn CLT-UFA SA (iktar 'il quddiem "CLT-UFA") u l-Finanzamt Köln-West (Diviżjoni tas-Servizzi Fiskali, iktar 'il quddiem il-Finanzamt") dwar it-taxxa fuq il-profitti tal-fergħa Ġermaniża ta' CLT-UFA.

 Il-kawża prinċipali u l-kuntest ġuridiku

3       Il-kumpannija CLT-UFA għandha s-sede u t-tmexxija tagħha fil-Lussemburgu. Hija kellha, fl-1994 (iktar 'il quddiem l-"eżerċizzju kontenzjuż"), fergħa fil-Ġermanja.

4       Il-Finanzamt stabbilixxa l-istima tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta' CLT-UFA, kumpannija suġġetta għal obbligu fiskali limitat għall-Ġermanja għad-dħul miksub mill-fergħa tagħha fil-Ġermanja matul l-eżerċizzju kontenzjuż, skond l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika federali tal-Ġermanja ta' ħelsien mit-Taxxa Doppja u li jistabbilixxi regoli ta' assistenza amministrattiva reċiproka dwar taxxi fuq id-dħul u l-beni u fir-rigward tat-taxxa kummerċjali u taxxa fuq il-proprjetà, u għall-Protokoll tiegħu finali iffirmati fil-Lussemburgu, fit-23 ta' Awwissu 1958, hekk kif emendati mill-Protokoll kumplementari tal-15 ta' Ġunju 1973 (iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' ħelsien mit-taxxa doppja bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika federali tal-Ġermanja").

5       Il-Finanzamt iffissa r-rata ta' tassazzjoni għal 42% tad-dħul taxxabbli tal-fergħa skond l-Artikolu 23(2) u (3) tal-liġi ta' 1991 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Körperschaftsteuergesetz) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem il-"KStG").

6       L-oppożizzjoni u r-rikors quddiem il-Finanzgericht li permezz tagħhom CLT-UFA sostniet li dan ir-rata ta' tassazzjoni kienet diskriminatorja u kisret id-dritt tagħha tal-libertà ta' stabbiliment skond l-Artikolu 52 tat-Trattat, meta moqri flimkien ma' l-Artikolu 58 tat-Trattat, baqgħu ma ltaqgħux. Għaldaqstant, CLT-UFA ressqet talba quddiem il- Bundesfinanzhof għall-annullament tas-sentenza tal-Finanzgericht u għat-tibdil tad-deċiżjoni ta' tassazzjoni intiża għat-tnaqqis tar-rata ta' tassazzjoni għal 30% tad-dħul taxxabbli.

7       Il-Bundesfinanzhof jindika li CLT-UFA, minħabba l-preżenza tas-sede tagħha u tat-tmexxija tagħha fil-Lussemburgu, ġiet ittrattata b'mod differenti u b'mod inqas vantaġġjuż, fir-rigward tal-fergħa Ġermaniża tagħha, milli kieku hija kienet teżerċita l-attività tagħha fil-Ġermanja taħt il-forma legali ta' kumpannija b'responsabbiltà limitata jew ta' kumpannija anonima li għandha s-sede tagħha u/jew it-tmexxija tagħha fil-Ġermanja.

8       Il-Bundesfinanzhof jippreċiża li kumpannija anonima li għandha s-sede tagħha u/jew it-tmexxija tagħha fil-Ġermanja kienet suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji li, fil-każ fejn il-profitt ma kienx ġie ddistribwit, kienet tammonta għal 45% tal-profitt qabel it-teħid tat-taxxa. Din ir-rata għolja ta' tassazzjoni tista' madankollu titnaqqas. It-taxxa fuq il-kumpanniji kienet titnaqqas konsegwentement għal 33.5% jekk id-distribuzzjoni tal-profitt ikun ġie miżjud mal-profitt tal-kumpannija prinċipali sat-30 ta' Ġunju 1996 skond l-Artikoli 27(1) u 49(1) tal-KStG, kif ukoll l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 44(1)(d) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz 1994, iktar 'il quddiem l-"EstG"). Jekk il-profitt ikun ġie ddepożitat għand il-kumpannija prinċipali wara t-30 ta' Ġunju 1996, ir-rata ta' tassazzjoni kienet titnaqqas għal 30% tal-profitt, skond it-tielet sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 44d ta' l-EstG, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 49(1) tal-KStG. Il-Bundesfinanzhof jindika li s-sussidjarji ġeneralment irrikorrew għal din il-possibbiltà sabiex inaqqsu r-rata ta' tassazzjoni.

9       Il-Bundesfinanzhof għandu dubji fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta' applikazzjoni ta' rata ta' tassazzjoni differenti għad-detriment ta' CLT-UFA. Fil-każ fejn ir-rata ta' tassazzjoni fuq il-fergħat ta' 42% tikser it-Trattat, il-Bundesfinanzhof jixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża liema hija r-rata applikabbli sabiex jiġi eliminat dan il-ksur. Il-Bundesfinanzhof jikkunsidra li huwa biżżejjed li r-rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' l-istabbiliment stabbli ta' CLT-UFA tiġi mnaqqsa bi 33.5 %, sabiex din ta' l-aħħar tkun tista' tiddisponi mill-profitti mit-tmiem ta' l-eżerċizzju kontenzjuż.

 Id-domandi preliminari

10     Huma f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jpoġġi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      L-Artikolu 52 tat-Trattat KE, flimkien ma' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm ksur tal-libertà ta' stabbiliment meta l-profitt miksub minn kumpannija b'kapital barrani ta' l-Unjoni Ewropea, permezz ta fergħa li tinsab fil-Ġermanja matul l-eżerċizzju 1994, tiġi suġġetta għal tassazzjoni ta' 42% skond it-taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji (rati ta' tassazzjoni fuq stabbilimenti stabbli) filwaqt li

a)      il-profitt ma kienx ikun suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji ħlief sa 33.5 % jekk kumpannija sussidjarja suġġetta, fil-Ġermanja, għal obbligu fiskali limitat skond it-taxxa fuq il-kumpanniji u li tappartjeni lill-kumpannija b'kapitali ta' Stat ieħor ta' l-UE kienet għamlet dan il-profitt u kienet iddepożitatu kollu għand il-kumpannija prinċipali qabel it-30 ta' Ġunju 1996;

b)      il-profitt kien ikun, l-ewwel, suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq il-kumpanniji sa' 45 % jekk il-kumpannija sussidjarja kienet kisbitu sat-30 ta' Ġunju 1996, peress li t-taxxa fuq il-kumpanniji wara titnaqqas madankollu għal 30% fil-każ ta' depożitu integrali wara t-30 ta' Ġunju 1996?

2)      Ir-rata ta' tassazzjoni ta' l-istabbilimenti stabbli għandha, jekk tikser l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, tiġi mnaqqsa għal 30% għall-eżerċizzju kontenzjuż sabiex dan il-ksur jiġi eliminat?"

 Fuq l-ewwel domanda

11     Bl-ewwel domanda tiegħu, l-imħallef tar-rinviju jitlob, essenzjalment, jekk l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, fil-każ ta' fergħa ta' kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' din il-fergħa superjuri għar-rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' kumpannija sussidjarja ta' din il-kumpannija, meta din il-kumpannija sussidjarja teffettwa depożitu integrali tal-profitti tagħha lill-kumpannija prinċipali tagħha.

12     Hemm lok li jiġi mfakkar li l-Artikolu 52 tat-Trattat jikkostitwixxi wieħed mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt komunitarju u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 34).

13     Skond din id-dispożizzjoni, il-libertà ta' stabbiliment taċ-ċittadini ta' Stat membru fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor jinkludi l-aċċess għall-attivitajiet mhux imħallsa u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta' impriżi taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ta' l-istabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess. L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta' istabbiliment tinkludi r-restrizzjonijiet għall-kreazzjoni ta' aġenziji, fergħat jew sussidjarji miċ-ċittadini ta' Stat membru stabbiliti fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor (sentenzi tat-28 ta' Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u tad-29 ta' April 1999, Royal Bank of Scotland, C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 22).

14     L-ewwel inċiż tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 52 tat-Trattat, li tħalli espressament lill-operaturi ekonomiċi l-possibbiltà li jagħżlu b'mod ħieles il-forma legali approprjata għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ieħor, tiddisponi li din l-għażla ħielsa m'għandhiex tkun limitata b'dispożizzjonijiet fiskali diskriminatorji (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'l fuq, punt 22).

15     Il-libertà ta' għażla tal-forma legali approprjata għall-eżerċizzju ta' attivitajiet fi Stat Membru ieħor għandha għaldaqstant, b'mod partikolari, bħala skop li tippermetti lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru li jiftħu fergħa fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċitaw fih l-attivitajiet tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li japplikaw għas-sussidjarji.

16     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rata ta' tassazzjoni definittiva ta' 42%, applikabbli għall-profitti tal-fergħat tal-kumpanniji prinċipali li għandhom s-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi, b'mod ġenerali, trattament żvantaġġjat meta mqabbel mar-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għal 33.5 %, tabilħaqq anki 30 %, applikabbli fuq il-profitti tas-sussidjarji ta' dawn il-kumpanniji.

17     Jirriżulta minn dak li jippreċedi li r-rifjut li tiġi applikata r-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa fuq il-fergħat jirrendi inqas attraenti, għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra, l-eżerċizzju tal-libertà ta' istabbiliment permezz ta' fergħa. Konsegwentement leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tillimita l-libertà li tintgħażel il-forma legali approprjata għall-eżerċizzju ta' attivitajiet fi Stat Membru ieħor.

18     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex oġġettivament iġġustifikata.

19     Il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż isostnu li d-differenza fit-trattament tal-fergħa meta mqabbla mas-sussidjarji tikkonċerna sitwazzjonijiet li oġġettivament ma jistgħux jiġu kkomparati.

20     B'mod partikolari huma jsostnu li l-profitti, iddistribwiti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha, iħallu l-patrimonju tal-kumpannija sussidjarja filwaqt li l-profitti ttrasferiti minn fergħa lill-kumpannija prinċipali tagħha jkomplu jagħmlu parti mill-patrimonju intern ta' l-istess kumpannija. Skond il-Gvern Ġermaniż u l-Finanzamt, din id-differenza fundamentali kif ukoll ir-raġunijiet ta' natura prattika wasslu lill-leġiżlatur nazzjonali sabiex jeskludi l-applikazzjoni tar-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa mill-profitti tal-fergħa.

21     Il-Finanzamt iżid li r-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa applikabbli għas-sussidjarji hija iġġustifikata mill-fatt li t-taxxa miġbura minn sussidjarja għandha tiġi kkalkolata fuq id-dejn fiskali tal-kumpannija prinċipali benefiċjarja, suġġetta fil-Ġermanja għal obbligu fiskali limitat, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ta' dawn il-kontributuri.

22     Fir-rigward, l-ewwel nett, ta' l-argument tal-Gvern Ġermaniż u tal-Finanzamt li skondhom teżisti differenza fundamentali bejn id-distribuzzjoni tal-profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali u t-trasferiment tal-profitti fl-intern ta' kumpannija, għandu jiġi indikat dan li ġej.

23     Fiż-żewġ każijiet, il-profitti huma mqegħda għad-dispożizzjoni tal-kumpannija li tikkontrolla rispettivament il-kumpannija sussidjarja u l-fergħa. Fil-fatt, l-unika vera differenza bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet tinsab fil-fatt li d-distribuzzjoni tal-profitti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha tippreżupponi l-eżistenza ta' deċiżjoni formali f'dan ir-rigward filwaqt illi l-profitti ta' fergħa ta' kumpannija jagħmlu parti mill-patrimonju ta' din il-kumpannija anki fin-nuqqas ta' deċiżjoni formali.

24     Barra minn hekk, jirriżulta, mid-deċiżjoni ta' rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijet tal-Finanzamt u tal-Gvern Ġermaniż, li, anki jekk il-profitti ddistribwiti minn kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha jħallu l-patrimonju ta' din il-kumpannija sussidjarja, l-imsemmija profitti jistgħu jerġgħu jiġu mqegħda għad-dispożizzjoni ta' l-imsemmija kumpannija sussidjarja mill-kumpannija prinċipali, taħt il-forma ta' kapital proprju jew self ta' azzjonist.

25     Għaldaqstant, il-fatt li l-profitti ddistribwiti minn kumpannija sussidjarja għall-kumpannija prinċipali tagħha jħallu l-patrimonju ta' l-imsemmija kumpannija sussidjarja ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ta' rata ta' tassazzjoni inferjuri fuq il-profitti ta' din il-kumpannija sussidjarja minn dik li hija applikabbli fuq l-istess profitti ta' fergħa.

26     Fir-rigward ta' l-argument tal-Finanzamt li, skondu, l-applikazzjoni tar-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa fuq is-sussidjarji hija ġġustifikata sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja tal-kontributuri suġġetti għat-taxxa prinċipalment fil-Ġermanja, hemm lok li jiġi kkonstatat li din it-rata ta' tassazzjoni mhijiex applikata biss fuq il-profitti ddistribwiti lil din il-kategorija ta' kontributuri. Fil-fatt, ir-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa hija wkoll applikabbli fuq id-distribuzzjoni ta' profitti mis-sussidjarji Ġermaniżi lill-kumpanniji prinċipali li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħal per eżempju fil-Lussemburgu.

27     Fir-rigward ta' kumpannija sussidjarja Ġermaniża ta' kumpannija Lussemburgiża, għandu, barra minn hekk, jingħad ukoll li r-rata ta' tassazzjoni mnaqqsa applikabbli fuq il-profitti ta' din il-kumpannija sussidjarja, meta mqabbla mar-rata applikabbli fuq il-profitti ta' fergħa, mhijiex ikkumpensata minn tassazzjoni iktar għolja fuq dawn il-profitti fuq il-livell tal-kumpannija prinċipali Lussemburgiża.

28     Fil-fatt, il-Bundesfinanzhof jindika li, skond qari kkombinat ta' l-Artikoli 5(1), 13(1) u (2), u 20(1) u (2) tal-Ftehim ta' ħelsiem mit-taxxa doppja bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Repubblika federali tal-Ġermanja, kemm il-profitti li kumpannija Lussemburgiża tirċievi minn fergħa Ġermaniża u kemm dawk li hija tirċievi minn kumpannija sussidjarja Ġermaniża huma eżentati mit-taxxa Lussemburgiża fuq il-kumpanniji.

29     Fid-dawl ta' l-indikazzjonijiet imressqa mill-Bundesfinanzhof fid-deċiżjoni ta' rinviju, jidher, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward tal-mod ta' ffissar tal-bażi taxxabbli, ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat membru ieħor, skond jekk huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta' fergħa jew kumpannija sussidjarja, b'tali mod li tistabbilixxi differenza ta' trattament bejn iż-żewġ kategoriji ta' kumpanniji.

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-kumpanniji sussidjarji u l-fergħa Ġermaniżi tal-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Lussemburgu jinsabu f'sitwazzjoni oġġettivament komparabbli.

31     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, hemm lok li r-risposta lill-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, fil-każ ta' fergħa ta' kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' dik il-fergħa superjuri għar-rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' kumpannija sussidjarja ta' din il-kumpannija, meta din il-kumpannija sussidjarja teffettwa depożitu integrali tal-profitti tagħha lill-kumpannija prinċipali tagħha.

 Fuq it-tieni domanda

32     Bit-tieni domanda tiegħu, il-Bundesfinanzhof jitlob, essenzjalment, jekk rata ta' tassazzjoni applikabbli fuq il-profitti ta' fergħa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi mnaqqsa sa 33.5%, li kienet ir-rata applikabbli fuq il-profitti ddistribwiti sat-30 ta' Ġunju 1996, jew sa 30%, jiġifieri r-rata applikabbli mill-bidu ta' din id-data, sabiex tkun konformi ma' l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat.

33     F'dan ir-rigward, jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, li hemm lok li tiġi applikata rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' fergħa ekwivalenti għar-rata ta' tassazzjoni totali li kienet tiġi applikata fl-istess ċirkustanzi f'każ ta' distribuzzjoni tal-profitti ta' kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha.

34     Għandu jiġi kkonstatat li dan il-paragun għandu jiġi effettwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali fil-kawża prinċipali.

35     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, li huwa bbażat fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa' taħt il-kompetenza ta' l-imħallef nazzjonali (sentenzi tal-15 ta' Novembru 1979, Denkavit Futtermittel, 36/79, Ġabra p. 3439, punt 12; tas-16 ta' Lulju 1998, Dumon u Froment, C-235/95, Ġabra p. I-4531, punt 25; tal-5 ta' Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, C-175/98 u C-177/98, Ġabra p. I-6881, punt 37, u tal-15 ta' Mejju 2003, RAR, C-282/00, Ġabra p. I-4741, punt 46).

36     Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex għaldaqstant kompetenti sabiex tevalwa l-fatti fil-kawża prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli komunitarji li tagħhom tat l-interpretazzjoni lill-miżuri jew sitwazzjonijiet nazzjonali, billi dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tad-19 ta' Diċembru 1968, Salgoil, 13/68, Ġabra p. 661; tat-23 ta' Jannar 1975, Van der Hulst, 51/74, Ġabra p. 79, punt 12; tat-8 ta' Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 11; Lirussi u Bizzaro, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38, kif ukoll RAR, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

37     Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li jappartjeni lill-Qorti nazzjonali sabiex tevalwa r-rata ta' tassazzjoni li għandha tkun applikata fuq il-profitti ta' fergħa, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, skond ir-rata ta' tassazzjoni totali li kienet tiġi applikata fil-każ ta' distribuzzjoni tal-profitt ta' kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

38     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 52 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 43 KE) u 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, fil-każ ta' fergħa ta' kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' din il-fergħa superjuri għar-rata ta' tassazzjoni fuq il-profitti ta' kumpannija sussidjarja ta' din il-kumpannija, meta din il-kumpannija sussidjarja teffettwa depożitu integrali tal-profitti tagħha lill-kumpannija prinċipali tagħha.

2)      Huwa għall-Qorti nazzjonali li tevalwa r-rata ta' tassazzjoni li għandha tiġi applikata fuq il-profitti ta' fergħa, bħal dik fil-kawża prinċipali, skond ir-rata ta' tassazzjoni totali li kienet tkun applikabbli fil-każ ta' distribuzzjoni tal-profitti ta' kumpannija sussidjarja lill-kumpannija prinċipali tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.