Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Avviż Legali Importanti

|

62003J0434



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-434/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni ta' l-10 ta' Ottubru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Ottubru 2003, fil-proċedura

P. Charles,

T. S. Charles-Tijmens

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr (Relatur) J. N. Cunha Rodrigues, J. Makarczyk, P. Kris, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, tas-16 ta' Novembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal Charles u Charles-Tijmens, minn E. H. van den Elsen, adviseur, u G. Volkerink, belastingsadviseur,

- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6 (2) u l-Artikolu 17(1),(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 95/7/KE ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar 'il quddiem is-"sitt Direttiva").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn Charles u Charles-Tijmens, u l-Staatssecretaris van Financiën fir-rigward tar-rifjut ta' din ta' l-aħħar li tilqa' t-talba tagħhom għal rimbors għall-ammont kollu tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem VAT) li ħallsu għal bangalow għall-vaganzi użata għal kirja għal 87.5 % taż-żmien li ġiet użata u għal skopijiet privati għal 12.5 % ta' dan iż-żmien.

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva jiddisponi:

" Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta' servizzi bi ħlas:

a) l-użu ta' oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta' negozju għall-użu privat ta' persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;

b) il-provvista ta' servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.

Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni."

4. Taħt l-Artikolu 17(2) u (6) tas-sitt Direttiva:

"2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard ta' oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

[...]

6. Qabel perjodu ta' erba' snin ta' l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m'għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkustanza m'għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm ir-regoli ta' fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5. L-Artikolu 2 tal-liġi ta' l-1968 dwar it-taxxa mid-dħul min-negozju (Wet op de omzetbelasting 1968, iktar 'il quddiem il-"liġi dwar il-VAT") tiddisponi:

"It-taxxa mħallsa fuq il-beni u s-servizzi pprovduti lin-negozjant, ix-xiri minnu ta' beni minn ġewwa l-Komunità kif ukoll l-importazzjoni ta' merkanzija li kienu ddestinati għalih huma mnaqqsa mit-taxxa mħallsa fuq il-beni u s-servizzi pprovduti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6. Id-dritt għat-tnaqqis huwa stipulat fl-Artikolu 15 tal-liġi dwar il-VAT kif ġej:

"1. Skond l-Artikolu 2 it-taxxa mnaqqsa min-negozjant hija:

a) it-taxxa mħallsa lin-negozjanti oħra permezz ta' kont stabbilit skond ir-regoli applikabbli, waqt il-perijodu relatat għad-dikjarazzjoni tal-beni u tas-servizzi li ġew ipprovduti lilu;

[...]

fil-miżura fejn in-negozjant juża l-beni u s-servizzi fil-kuntest ta' l-impriża tiegħu [...]

[...]

4. It-tnaqqis tat-taxxa ssir skond l-użu tal-beni u tas-servizzi fil-mument li fiha t-taxxa hija ffatturata lin-negozjant jew fil-mument li fiha din tkun dovuta. Jekk jidher, fil-mument fejn in-negozjant ser jagħmel użu mill-beni u mis-servizzi, li qed inaqqas it-taxxa dwarhom b'rata ogħla jew anqas għal dik li l-użu tiegħu ta' beni jew servizzi tintolah, it-tnaqqis żejjed huwa dovut f'dak il-mument. It-taxxa li saret dovuta hija mħallsa skond l-Artikolu 14 [tal-liġi dwar il-VAT].

Il-parti tat-taxxa li tista' titnaqqas u li ma tnaqqsietx titħallas lura fuq talba tiegħu.

[...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7. Jirriżulta mid-deċiżjoni għal rinviju li Charles u Charles-Tijmens xtraw flimkien, waqt ix-xahar ta' Marzu tas-sena 1997, bangalow għall-vaganzi fl-Olanda. Din kienet intiża kemm għall-kiri kif ukoll għall-użu privat u, matul il-perijodu fil-kawża prinċipali, mill-1 ta' April sat-30 ta' Ġunju 1997 inklużi, din il-bangalow kienet użata għal kirja għal 87.5 % taż-żmien li ġiet użata u għal skopijiet privati għal 12.5 % ta' dan iż-żmien.

8. Il-Hoge Raad der Nederlanden jirrileva li, minħabba f'din il-kirja, Charles u Charles-Tijmens huwa persuni taxxabbli skond is-sitt Direttiva u negozjanti skond il-liġi dwar il-VAT. Peress illi l-imsemmija bangalow hija mikrija lill-persuni li ma jgħixux ħlief għal perijodi ferm qosra u li l-kirja hija effetwata fil-kuntest ta' "impriża tal-vaganzi", tali kirja ma tibbenefikax minn eżenzjoni tal-VAT fl-Olanda għall-kiri ta' beni immobbli, skond l-Artikolu 13B(b)(1) tas-sitt Direttiva.

9. Fid-dikjarazzjoni tagħhom rigward il-VAT għat-tieni trimestru tas-sena 1997, Charles u Charles-Tijmens naqqsu 87.5 % tal-VAT li huma mħallsa minnhom għal bangalow. B'konsegwenza ta' dan huma talbu rimbors ta' dan l-ammont li jikkorrispondi għan din il-perċentwali, lill-ispettur tat-taxxi li hu kompetenti biex jikkunsidra t-talba tagħhom (iktar 'il quddiem l-"ispettur tat-taxxi").

10. B'deċiżjoni ta' l-1 ta' Ottubru 1997, dan ta' l-aħħar ta' lil Charles u Charles-Tijmens ir-rimbors li kienu talbu. Madankollu, billi qiesu li l-VAT mħallsa minnhom kienet tista' titnaqqas 100 %, ippreżentaw talba għal rimbors addizzjonali li jikkorrispondi għal 12.5 % taż-żmien li l-bangalow ġiet użata privatament.

11. Billi l-ispettur tat-taxxi iġġudika din it-talba innammissibli, Charles u Charles-Tijmens ippreżentaw rikors quddiem il-Gerechtshof te 'sHertogenbosch. Din il-Qorti ħassret id-deċiżjoni li ma tistax tintlaqa', iżda, fis-sustanza, ikkonfermat id-deċiżjoni ta' l-imsemmi spettur, billi ppreċiżat li, billi l-bangalow ġie użat privatament għal 12.5 % taż-żmien totali ta' l-użu tiegħu, il-persuni kkonċernati ma kienux intitolati li jnaqqsu l-ammont totali tal-VAT mħallsa għal dan il-bangalow.

12. Charles u Charles-Tijmens appellaw mis-sentenza tal-Gerechtshof te 'sHertogenbosch quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. B'sostenn għall-appell tagħhom, huma qalu li jirriżulta mill-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva li l-użu privat ta' bangalow hija operazzjoni taxxabbli, billi huma għażlu li jinkludu dan ta' l-aħħar fl-intier tiegħu fil-patrimonju ta' l-impriża, dak li, skond l-Artikolu 17(2) ta' l-istess Direttiva jagħti d-dritt li jitnaqqas il-VAT kollu fuqu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Ottubru 1995, Armbrecht, C291/92, Ġabra p. I2775, u tat-8 ta' Marzu 2001, Bakcsi, C415/98, Ġabra p. I1831).

13. Charles u Charles-Tijmens iżidu li l-Artikolu 17(6) tas-sitt Direttiva ma jimmodifikax din l-interpretazzjoni, billi, fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-sitt Direttiva, il-leġiżlazzjoni Olandiża ma kienet tipprevedi l-ebda esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis skond din id-dispożizzjoni, ħlief għall-karozzi għat-trasport tal-persuni.

14. Il-Hoge Raad der Nederlanden jirrileva li l-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-beni u s-servizzi b'użu varjat, bħal fil-kawża prinċipali, ġiet introdotta fl-Olanda, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(1) tat-tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta' April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar it-taxxa fuq id-dħul min-negozju - Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni ta' sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 1967, 71, p. 1303, iktar 'il quddiem it-"tieni Direttiva").

15. Din il-leġiżlazzjoni għandha konsegwenzi differenti minn dawk tas-sitt Direttiva, u li huma, f'ċerti każijiet, iktar favorevoli għall-persuna taxxabbli u, f'każijiet oħra, inqas favorevoli. Fil-fatt, l-imsemmija Direttiva tagħti lill-persuna taxxabbli dritt għal tnaqqis mill-ewwel u komplet, u ma hemm l'ebda tibdil fir-rigward ta' l-użu privat ta' proprjetà barra min-negozju sakemm tali użu jseħħ. Min-naħa l-oħra, fis-sistema stabbilita bil-liġi dwar il-VAT, jeħtieġ li jiġi stabbilit direttament, jew għallinqas waqt l-ewwel sena, f'liema miżura barra mill-impriża l-oġġett ser jiġi użat iktar 'l quddiem.

16. Il-Hoge Raad der Nederlanden jippreċiża f'dan ir-rigward li l-Artikolu 12(3) tar-Regolament ta' l-1968 dwar l-implementazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul min-negozju (Uitvoeringsbeschikking omzetbelasting 1968, Stcrt. 1968, Nru 169), adottat b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(6) tal-liġi dwar il-VAT, jiddisponi li, fil-mument fejn ġiet effettwata d-dikjarazzjoni rigward il-perijodu ta' taxxa fiskali ta' sena finanzjarja partikolari, il-VAT imnaqqas huwa kkalkulat mill-ġdid fuq il-bażi ta' informazzjoni applikabbli għas-sena fiskali kollha. L-ebda kalkolu mill-ġdid jew reviżjoni tat-tnaqqis iseħħ wara din is-sena fiskali.

17. Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni u li jippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

"Sistema legali preċedenti għas-sitt Direttiva [...]

- li ma tippermettix li tinkludi fl-intier tagħha fil-patrimonju ta' l-impriża bene kapitali jew simili jew servizz simili fejn min jixtri juża' dan il-bene jew dan is-servizz kemm għall-impriża tiegħu kif ukoll barra minn din (u b'mod partikolari għal skopijiet privati);

- li, b'konsegwenza, ma tippermettix iktar li tnaqqas mill-ewwel u fl-intier tiegħu t-taxxa ffatturata fl-okkażżjoni tax-xiri ta' dan il-bene jew ta' dan is-servizz u

- li ma tipprovdix għall-ħlas tal-VAT skond l-Artikolu 6(2)(a) tas-sitt Direttiva,

hija kompatibbli mas-sitt Direttiva u, b'mod partikolari, ma' l-Artikolu 17(1),(2) u (6) u ma' l-Artikolu 6(2) tagħha?"

Fuq id-domanda preliminari

18. B'din id-domanda, il-Qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk l-Artikoli 6(2) u 17(2) u (6) tas-sitt Direttiva jridux jiġu interpretati fis-sens li jmorru kontra liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, li ma tippermettix lil persuna taxxabbli li tinkludi ma' l-impriża tagħha bene kapitali fl-intier tiegħu użat parzjalment għall-bżonnijiet ta' l-impriża u parzjalment barra minn dan, u li, f'tali sitwazzjoni, ma jawtorizzax tnaqqis komplut u immedjat tal-VAT dovut għax-xiri ta' dan il-bene u li ma jipprovdix li l-użu ta' dan barra mill-impriża huwa kkunsidrat bħallikieku servizzi pprovduti taħt ħlas.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti

19. Charles u Charles-Tijmens iqisu li liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti fir-rigward tal-VAT, b'mod partikolari s-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, Seeling (C269/00, Ġabra p. I4101).

20. Il-gvernijiet Olandiżi u Ġermaniżi jsostnu li l-Artikolu 17(2) tas-sitt Direttiva tippermetti lil Stat Membru li jeskludi mid-dritt tat-tnaqqis tal-VAT bene kapitali jew simili jew servizzi simili sa fejn il-persuna taxxabbli tuża' dan il-bene jew dan is-servizz barra mill-impriża tiegħu, b'mod partikolari għal użu privat, fejn dan l-Istat, meta jagħmel użu tal-possibbiltà ta' deroga prevista fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(2), ta' l-istess Direttiva, jikkunsidra li tali użu mhuwiex taxxabbli.

21. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikoli 17(2) u 6(2) tas-sitt Direttiva ma jawtorizzawx esklużjoni mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT bħal dak fil-kawża prinċipali, il-gvern Olandiż isostni li l-Artikolu 17(6) jippermetti lil Stat Membru li jżomm sistema nazzjonali li teżisti qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, sistema li teskludi mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT bene kapitali jew simili jew servizz simili fejn il-persuna taxxabbli tuża' dan il-bene jew dan is-servizz barra mill-impriża, b'mod partikolari għal skopijiet privati.

22. Il-Kummissjoni tqis li sistema legali li, flimkien mal-fakultà ta' deroga pprovduta fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva, ma timponix użu privat għal beni kapitali jew beni jew servizz li huwa simili u li, b'konsegwenza, ma tawtorizza l-ebda tnaqqis għal dan it-tip ta' bene jew ta' servizz, sakemm huwa użat privatament, hija kompatibbli ma' l-imsemmija Direttiva.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23. Jeħtieġ jitfakkar l-ewwelnett, li hemm ġurisprudenza kostanti li, fil-każ ta' użu ta' beni kapitali kemm għal skop professjonali kif ukoll privat, l-interessat għandu l-għażla, għall-skopijiet ta' VAT, kemm li jinkludi dan il-bene fl-intier tiegħu fil-patrimonju ta' l-impriża tiegħu, kif ukoll li jżommu fl-intier tiegħu fil-patrimonju privat tiegħu billi jeskludieh kompletament mis-sistema tal-VAT, kif ukoll li jinkludieh fl-impriża tiegħu għal dak li huwa użu professjonali effettiv (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Armbrecht, punt 20; Bakcsi, punti 25 u 26; Seeling, punt 40, u tal-21 ta' April 2005, HE, C25/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46).

24. Jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tittratta l-beni kapitali użati kemm professjonalment u privatament bħala beni ta' l-impriża, l- input VAT dovut fuq ix-xiri ta' dawn il-beni huwa fil-prinċipju mnaqqas kompletament u immedjatament (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 1991, Lennartz, C97/90, Ġabra p. I3795, punt 26, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Bakcsi, punt 25, u Seeling, punt 41).

25. Jirriżulta mill-punt (a) ta' l-ewwel inċiż, ta' l-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva li, fejn bene inkluż fl-impriża jagħti d-dritt għal tnaqqis komplet jew parzjali ta' l- input VAT mħallsa, l-użu tiegħu għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew għal użu barra mill-impriża tiegħu huwa simili għal servizzi pprovduti wara ħlas. Dan l-użu, li għalhekk jikkostitwixxi transazzjoni taxxabbli skond l-Artikolu 17(2) ta' l-istess Direttiva, hija konformi ma' l-Artikolu 11A(1)(c) ta' dan, intaxxat fuq il-bażi ta' l-ammont ta' l-ispejjeż li sostna għat-twettiq tas-servizzi pprovduti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Lennartz, punt 26; Bakcsi, punt 30, u Seeling, punt 42).

26. F'dak li jirrigwarda t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva, jeħtieġ li mill-ewwel jiġi mfakkar li l-eċċezzjonijiet għall-armonizzazzjoni jridu jiġu definiti b'mod strett. Fil-fatt, kull rikors għal sistemi derogatorji tal-VAT jagħtu lok għal differenzi ta' livelli ta' ġbir tat-taxxa bejn l-Istati Membri.

27. Barra minn hekk, it-tieni inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 6(2) irid bħala prinċipju jkun interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jastjenu ruħhom milli jqisu ċerti servizzi jew użu ta' servizzi pprovduti taħt ħlas, b'mod partikolari sabiex jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-ġbir tal-VAT (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-11 ta' Settembru 2003, Cookies World C155/01, Ġabra p. I8785, punt 59).

28. Madankollu, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva ma għandhiex ikollha bħala konsegwenza li tippermetti lill-Istati Membri li jirrifjutaw lill-persuni taxxabbli li jkunu għażlu li jikkunsidraw il-beni ta' investiment użati darba għal fini privati bħala beni ta' impriża , it-tnaqqis kompluta u immedjat tal-VAT dovut fis-sors fuq l-akkwist tal-beni li għalihom għandhom dritt skond il-ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 24 ta' din is-sentenza. Tali limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis ikun kontra din id-dispożizzjoni.

29. Min-naħa l-oħra, rinunzja ġenerali, ibbażata fuq it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 6(2) tas-sitt Direttiva, għat-taxxazzjoni ta' l-użu ta' parti ta' bene kapitali għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli, fejn dan naqqas l- input VAT fl-intier tiegħu fuq ix-xiri ta' bene kkonċernati, mhuwiex aktar konformi ma' l-imsemmija dispożizzjoni, billi inevitabbilment twassal għal tgħawwiġ ta' kompetizzjoni.

30. B'konsegwenza, persuna taxxabbli għandha, min-naħa, id-dritt li tagħżel li tinkludi ma' l-impriża tagħha bene kapitali fl-intier tiegħu użat parzjalment għall-bżonnijiet ta' l-impriża u parzjalment barra minn dan u, kif ukoll, fejn neċessarju, id-dritt li jitnaqqas fl-intier tiegħu u mill-ewwel il-VAT dovut għax-xiri ta' dan il-bene u, min-naħa l-oħra, bħala prinċipju l-obbligu, li jikkorrispondi għal dan id-dritt, li jitħallas il-VAT fuq l-ammont ta' l-ispejjeż sostnuti għall-użu ta' dan il-bene barra mill-impriża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Seeling, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

31. Fir-rigward ta' l-Artikolu 17(6) tas-sitt Direttiva, ċertament jippermetti, kif isostni l-gvern Olandiż, lil Stat Membru li jżomm sistema nazzjonali li kienet qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Minkejja dan, din id-dispożizzjoni tassumi li l-esklużjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jżommu permezz tagħha kienu skond it-tieni Direttiva, li ġiet qabel is-sitt Direttiva (ara s-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999, Royscot e.a., C305/97, Ġabra p. I6671, punt 21).

32. L-Artikolu 11 tat-tieni Direttiva, li introduċa d-dritt tat-tnaqqis fil-paragrafu (1) tiegħu, jipprevedi fil-paragrafu (4) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mis-sistema tat-tnaqqis "ċerti beni u ċerti servizzi, b'mod partikolari dawk suxxettibbli li jkunu esklussivament jew parzjalment użati għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu".

33. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tatx għaldaqstant lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali assoluta li jeskludu l-beni u s-servizzi kollha jew kważi kollha tas- sistema tad-dritt tat-tnaqqis u li ukoll tbattal mis-sustanza tagħha s-sistema stabbilita bl-Artikolu 11(1) tat-tieni Direttiva (ara s-sentenza Royscot et , iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

34. Għalhekk, minkejja li l-Artikolu 11(4) tat-tieni Direttiva awtorizzat lill-Istati Membri li jeskludu miss-sistema tat-tnaqqis ċerti beni, bħal karozzi, din id-dispożizzjoni ma tippermettilhomx li jeskludu minn minn tali sistema l-beni kollha fil-miżura fejn huma użati għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli.

35. Isegwi li mill-Artikolu 17(6) tas-sitt Direttiva, moqri flimkien ma' l-Artikolu 11(4) tat-tieni Direttiva, ma jawtorizzax lill-Istati Membri li jżommu esklużjoni ġenerali tas-sistema tat-tnaqqis tal-beni kollha tal-persuna taxxabbli sakemm użati għall-bżonnijiet privati ta' dan ta' l-aħħar.

36. Għalhekk, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikoli 6(2) u 17(2) u (6) tas-sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, li ma tippermettix lil persuna taxxabbli li tinkludi ma' l-impriża tagħha bene kapitali fl-intier tiegħu użat parzjalment għall-bżonnijiet ta' l-impriża u parzjalment barra minn dan u, jekk ikun il-każ, li jitnaqqas kompletament u immedjatament il-VAT dovut għax-xiri ta' tali bene.

Dwar l-ispejjeż

37. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Awla Manja) tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 17(2) u (6) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, kif emendat mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 95/7/KE ta' l-10 ta' April, iridu jiġu interpretati fis-sens li jmorru kontra liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, adottata qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, li ma tippermettix lil persuna taxxabbli li tinkludi ma' l-impriża tagħha bene kapitali fl-intier tiegħu użat parzjalment għall-bżonnijiet ta' l-impriża u parzjalment barra minn dan, u, jekk ikun il-każ, li jitnaqqas kompletament u immedjatament u mill-ewwel it-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għax-xiri ta' tali bene.