Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2005 (*)

"VAT – Is-Sitt Direttiva – Artikolu 9(1) u (2) – Magni tal-logħob (slot machines) – Attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili – Prestatarju ta' servizzi stabbilit barra mit-territorju tal-Komunità – Determinazzjoni tal-post fejn jingħataw servizzi"

Fil-kawża C-452/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2003, fil-proċedimenti

RAL (Channel Islands) Ltd,

RAL Ltd,

RAL Services Ltd,

RAL Machines Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts (Relatur), N. Colneric, K. Schiemann u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta’ Novembru 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal RAL (Channel Islands) Ltd, RAL Ltd, RAL Services Ltd u RAL Machines Ltd, minn K. Lasok, QC, u V. Sloane, barrister,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn C. Vajda, QC, u M. Angiolini, barrister,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, BL, u minn D. McDonald, SC,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2, 4 u 9 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, aktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva"), kif ukoll ta' l-Artikoli 1 u 2 tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill 86/560/KEE, tas-17 ta’ Novembru 1986, fir-rigward ta’ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi [fuq id-dħul mill-bejgħ] - Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU L 326, p. 40, aktar 'il quddiem it-"Tlettax-il Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa minn RAL (Channel Islands) Ltd (aktar 'il quddiem "CI"), RAL Ltd (aktar 'il quddiem "RAL"), RAL Services Ltd (aktar 'il quddiem "Services") u RAL Machines Ltd (aktar 'il quddiem "Machines") kontra l-Commissioners of Customs & Excise (aktar 'il quddiem il-"Commissioners"), l-awtorità kompetenti fir-Renju Unit fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar 'il quddiem il-"VAT"), dwar id-determinazzjoni tal-post li għandu jitqies bħala l-post fejn jingħataw servizzi ta' użu ta' magni tal-logħob (slot machines).

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, "il-provvista ta' oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali" għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.

4       L-Artikolu 3(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

"Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-'intern tal-pajjiż' tfisser iż-żona ta’ applikazzjoni tat-Trattat [KE] kif stipulat għal kull Stat Membru fl-Artikolu [229]."

5       Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, “'[p]ersuna taxxabbli' tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività".

6       Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post li għandu jitqies bħala l-post fejn jingħata servizz, l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

"1.      Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.      Iżda:

[…]

ċ)      il-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’:

–       attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn, u fejn jixraq, il-provvista ta’ servizzi anċillari,

–       […]

         għandu jkun il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment;

[…]"

7       L-Artikolu 1 tat-Tlettax-il Direttiva huwa miktub kif ġej:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1)      'Persuna taxxabli li mhijiex stabbilita fit-territorju tal-Komunità' tfisser persuna taxxabli hekk kif ġiet riferita fl-Artikolu 4(1) ta[s-Sitt] Direttiva […] illi, matul il-perijodu riferit fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, ma kellhiex f’dak it-territorju la kummerċ jew stabbiliment fiss illi minnu ġew effettwati transazzjonijiet kummerċjali, lanqas, jekk dan it-tip ta’ kummerċ jew stabbiliment fiss ma jeżistix, l-indirizz permanenti tagħha jew tal-post tar-residenza tagħha, u illi, matul l-istess perjodu, ma fornietx oġġetti jew servizzi li għandhom jitqiesu li ġew forniti fl-Istati Membri riferiti fl-Artikolu 2 […]"

8       L-Artikolu 2(1) tat-Tlettax-il Direttiva jipprovdi li:

"[…] kull Stat Membru għandu jagħti r-rifond lil kull persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fit-territorju tal-Komunità, bla ħsara għall-kundizzjonijiet dikjarati hawn taħt, kull [VAT] imposta fuq servizzi jew proprjetà mobbli fornita lilha fit-territorju [ta]l-pajjiż minn persuni taxxabbli oħra jew imposta fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti fil-pajjiż, safejn dawn l-oġġetti u servizzi jiġu użati għall-iskopijiet ta’ transazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) ta[s-Sitt] Direttiva […] jew fid-dispożizzjoni ta’ servizzi riferiti fil-punt 1 (b) ta’ l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva."

 Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       CI hija kumpannija kostutwita f'Guernsey (iċ-Channel Islands). RAL, Services u Machines huma kumpanniji kostitwiti fir-Renju Unit. Dawn l-erba' kumpanniji huma kumpanniji sussidjarji ta' RAL Holdings Ltd (aktar 'il quddiem "Holdings"), li hija kumpannija kostitwita wkoll fir-Renju Unit. Flimkien, CI, RAL, Services, Machines u Holdings jifformaw il-grupp RAL.

10     Sa l-aħħar tas-sena 2000, RAL kienet tiġġestixxi magni tal-logħob fir-Renju Unit f'postijiet li kienet il-proprjetarja tagħhom jew li kienet tikri. Hija kienet il-proprjetarja tal-magni installati f'dawn il-postijiet u kienet timpjega l-persunal tagħha stess. Hija kellha l-liċenzji meħtieġa għall-ġestjoni kemm tas-swali u kemm tal-magni.

11     Holdings, bħala l-membru rappreżentattiv tal-grupp ta' kumpanniji suġġetti għall-VAT, kienet responsabbli għall-ħlas ta' din it-taxxa fuq id-dħul miksub mill-ġestjoni tal-magni tal-logħob.

12     Sussegwentament, kien implementat pjan ta' ristrutturazzjoni tal-grupp RAL. Dan kien intiż, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, sabiex, billi joħloq kumpannija sussidjarja offshore għall-ġestjoni tal-magni tal-logħob u billi jissepara din il-ġestjoni mill-proprjetà tal-magni u mill-użu tal-postijiet, il-grupp RAL ma jibqax aktar suġġett għall-VAT fuq is-servizzi ta' magni tal-logħob u jkun jista' jirkupra t-taxxa mħallsa f'ras il-għajn.

13     Kien għalhekk li CI ġiet kostitwita f'Guernsey, li hija parti miċ-Channel Islands, li jinsabu barra mit-territorju tal-Komunità. Fil-kuntest ta' l-istess pjan, Machines u Services ġew kostitwiti fir-Renju Unit.

14     RAF hija t-titolari tal-kuntratti ta' kera dwar il-postijiet fejn huma installati l-magni tal-logħob u tal-liċenzji li jawtorizzaw il-ġestjoni tas-swali tal-logħob. Hija tagħti lil CI liċenzja sabiex din tinstalla u tiġġestixxi l-magni fl-imsemmija postijiet.

15     Machines hija l-proprjetarjà tal-magni tal-logħob kollha ġestiti mill-grupp RAL u hija t-titolari tal-liċenzji marbuta ma' dawn il-magni. Bis-saħħa ta' kuntratt ta' twellija konkluż ma' CI, Machines hija obbligata tforni lil CI b'magni tal-logħob u tassigura li jkunu f'kundizzjoni tajba.

16     L-attività ta' CI tikkonsisti fit-tqegħid ta' magni tal-logħob għall-użu tal-pubbliku, liema magni huma pprovduti minn Machines, fil-postijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni ta' CI minn RAL. Madankollu, CI teżerċita din l-attività billi tgħaddi l-ġestjoni ta' kuljum tal-magni lil Services. Din il-kumpannija ta' l-aħħar timpjega kważi l-persunal kollu tal-grupp RAL, jiġifieri madwar 600 persuna. CI m'għandhiex persunal tagħha stess fir-Renju Unit.

17     Wara l-imsemmija ristrutturazzjoni tal-grupp RAL, CI kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq l-Artikoli 2, 4 u 9 tas-Sitt Direttiva, li s-servizzi ta' użu ta' magni tal-logħob kellhom jitqiesu li kienu pprovduti f'Guernsey. Peress li skondha dawn is-servizzi huma, minħabba dan il-fatt, ipprovduti barra mit-territorju tal-Komunità, hija ppretendiet li ma kinitx obbligata tħallas il-VAT fuq is-servizzi pprovduti lill-klijenti tagħha fir-Renju Unit. Skond l-Artikoli 1 u 2 tat-Tlettax-il Direttiva, hija talbet ukoll il-ħlas lura tal-VAT imħallsa f'ras il-għajn.

18     Permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Awwissu 2001, il-Commissioners ċaħdu t-talbiet ta' CI. Huma kkunsidraw li CI hija suġġetta għall-VAT fir-Renju Unit. Sussidjarjament, huma kkonstataw li ma kienx hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni r-ristrutturazzjoni tal-grupp RAL, b'tali mod li, bħal ma kien jiġri matul il-perijodu ta' qabel ir-ristrutturazzjoni, is-servizzi in kwistjoni baqgħu jiġu pprovduti minn Holdings fir-Renju Unit. F'kull każ, skond il-Commissioners, it-talbiet ta' CI kellhom jiġu miċħuda peress li jikkostitwixxu abbuż ta' dritt.

19     CI, RAL, Machines u Services ikkontestaw din id-deċiżjoni ta' rifjut quddiem il-VAT and Duties Tribunal, London. Fis-sentenza tiegħu tat-3 ta' Diċembru 2002, dan ta' l-aħħar ikkunsidra li s-servizzi in kwistjoni kienu pprovduti minn CI minn stabbilimenti fissi li jinsabu fir-Renju Unit, fis-sens ta' l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva. Għalhekk, dan it-Tribunal ikkonstata li CI kienet tipprovdi servizzi ta' magni tal-logħob fir-Renju Unit u li dawn l-attivitajiet huma suġġetti għall-VAT f'dan l-Istat Membru. Madankollu, huwa laqa' r-rikors ta' l-imsemmija kumpanniji safejn kien jikkontesta l-konklużjonijiet sussidjarji tal-Commissioners minħabba li s-servizzi kienu effettivament ipprovduti minn CI, u mhux minn Holdings, u minħabba li l-prinċipju ta' l-abbuż ta' dritt ma kienx applikabbli f'dan il-każ.

20     CI appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-Commissioners ippreżentaw appell inċidentali kontra din l-istess sentenza safejn ċaħdet it-talbiet sussidjarji tagħhom.

21     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ u fid-dawl tas-Sitt Direttiva […], b'mod partikolari ta' l-Artikoli 2, 4 u 9 tagħha, u tat-Tlettax-il Direttiva […], b'mod partikolari ta' l-Artikoli 1 u 2 tagħha, u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju:

1)      Kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni 'stabbiliment fiss' li tinsab fl-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva?

2)      Liema element għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta' magni tal-logħob jingħatawx mill-istabbiliment kummerċjali ta' kumpannija bħal CI jew minn kull stabbiliment fiss li kumpannija bħal CI jista' jkollha?

3)      B'mod partikolari:

a)      Meta l-attività ta' kumpannija ('A') hija organizzata bħal dik f'dan il-każ b'tali mod li kumpannija relatata ('B'), li s-sede tagħha jinsab barra mit-territorju tal-Komunità, tipprovdi servizzi ta' magni tal-logħob u meta l-uniku skop ta' l-organizzazzjoni huwa li jiġi evitat li A tkun suġġetta għall-VAT fl-Istat fejn hija stabbilita:

i)      is-servizzi ta' magni tal-logħob jistgħu jiġu meqjusa li huma pprovduti minn stabbiliment fiss f'dan l-Istat Membru; u, jekk dan ikun il-każ,

ii)      għandu jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta' magni tal-logħob huma pprovduti mill-istabbiliment fiss jew mill-post fejn B stabbiliet l-attività tagħha?

b)      Meta l-attività ta' kumpannija ('A') hija organizzata b'tali mod li, għall-finijiet tar-regoli dwar il-post fejn jingħata servizz, kumpannija relatata ('B'), f'ċirkustanzi bħal dawk f'dan il-każ, hija intiża sabiex tipprovdi servizzi ta' magni tal-logħob minn sede stabbilita barra mit-territorju tal-Komunità u b'tali mod li din il-kumpannija ma jkollhiex stabbiliment fiss, minn fejn jingħataw dawn is-servizzi, fl-Istat Membru fejn A hija stabbilita, u meta l-uniku skop ta' din l-organizzazzjoni huwa li jiġi evitat li A tkun suġġetta għall-VAT f'dan l-Istat għal dawn is-servizzi:

i)      it-transazzjonijiet bejn B u l-kumpanniji relatati fi ħdan l-Istat Membru ('A', 'Ċ' u 'D') jissodisfaw il-kundizzjonijiet, fir-rigward tal-VAT, sabiex jiġu kklassifikati bħala servizzi mwettqa minn jew għal dawn il-kumpanniji fil-kuntest ta' l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom; jekk dan mhuwiex il-każ,

ii)      liema elementi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-identità ta' min jipprovdi servizzi ta' magni tal-logħob?

4)      a)     Jeżisti prinċipju ta' abbuż ta' dritt li (indipendentament mill-interpretazzjoni mogħtija lid-Direttivi dwar il-VAT) jista' jipprekludi l-vantaġġ mixtieq f'każ bħal dak preżenti?

b)      Jekk dan ikun il-każ, kif għandu jiġi implementat f'ċirkustanzi bħal dawk f'dan il-każ?

5)      a)     Jekk ikun il-każ, x'importanza għandha tingħata lill-fatt li A, C u D mhumiex sussidjarji ta' B u li B ma tikkontrollax lil A, C jew D mill-aspett ġuridiku jew ekonomiku?

b)      Ir-risposti mogħtija lid-domandi magħmula aktar 'il fuq kienu jkunu differenti li kieku t-tip ta' ġestjoni mwettqa minn B fis-sede tagħha li tinsab barra mit-territorju tal-Komunità kienet meħtieġa għall-provvista ta' servizzi ta' magni tal-logħob lill-klijenti u li kieku la A la C u lanqas D ma jwettqu dawn l-attivitajiet?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

22     L-attività msemmija fid-deċiżjoni ta' rinviju, jiġifieri t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, ta' magni tal-logħob installati fi swali tal-logħob, tikkostitwixxi prestazzjoni ta' servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva. Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tiddetermina l-post li għandu jitqies bħala l-post fejn jingħataw dawn is-servizzi.

23     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jiddeterminaw il-post fejn is-servizzi għandhom jitqiesu li jiġu pprovduti għal raġunijiet ta' taxxa. Filwaqt li l-Artikolu 9(1) jistabbilixxi regola ta' natura ġenerali f'dan ir-rigward, l-Artikolu 9(2) jindika sensiela ta' rabtiet fiskali speċifiċi. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta' kompetenza li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja, u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' tassazzjoni ta' dħul mill-bejgħ (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 1985, Berkholz, 168/84, Ġabra p. 2251, punt 14; tas-26 ta' Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20, u tas-6 ta' Marzu 1997, Linthorst, Pouwels en Scheres, C-167/95, Ġabra p. I-1195, punt 10).

24     Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma teżisti l-ebda l-ebda supremazija ta' l-Artikolu 9(1) fuq l-Artikolu 9(2). Il-kwistjoni li tqum f'kull sitwazzjoni tikkonsisti f'jekk din is-sitwazzjoni hijiex irregolata minn wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2); jekk le, hija taqa' taħt l-Artikolu 9(1) (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq, Dudda, punt 21, u Linthorst, Pouwels en Scheres, punt 11).

25     Għaldaqstant, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk attività bħal dik imsemmija fid-deċiżjoni ta' rinviju taqax, kif sostnew il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Portugiż, taħt l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva li jiddetermina l-post ta' tassazzjoni għall-"attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili". Fil-fatt, f'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi l-qorti nazzjonali bl-elementi ta' interpretazzjoni dwar id-dritt Komunitarju kollha li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (ara s-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8; tat-2 ta' Frar 1994, Verband Sozialer Wettbwereb, magħrufa bħala "Clinique", C-315/92, Ġabra p. I-317, punt 7; ta' l-4 ta' Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, C-87/97, Ġabra p. I-1301, punt 16, u tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva

26     Il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Portugiż isostnu li l-attività ta' CI taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva peress li tikkonsisti fl-offerta ta' servizzi marbuta direttament mad-divertiment. Għaldaqstant, il-post li għandu jitqies bħala l-post fejn titwettaq din l-attività huwa l-post fejn materjalment jingħataw is-servizzi, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, fit-territorju tar-Renju Unit.

27     Il-Gvern tar-Renju Unit u l-kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp RAL isostnu, mill-banda l-oħra, li l-prestazzjonijiet ta' servizzi msemmija fid-deċiżjoni ta' rinviju ma jaqgħux taħt l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva. F'dan is-sens, huma josservaw li l-iskop prinċipali tad-destinatarju tas-servizz ikkonċernat huwa li jikseb qligħ finanzjarju u mhux id-divertiment fih innifsu. L-imsemmija kumpanniji jżidu li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija aktar 'il fuq timplika, f'kull każ, attività artitistika tal-prestatarju ta' servizzi. Il-fatt li l-użu ta' magna tal-logħob jista' jkollu aspett ta' divertiment, bħall-użu ta' telefon ċellulari, ma jibdilx l-operazzjoni ta' prestazzjoni ta' servizzi kkonċernata f'attività ta' divertiment fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(ċ).

28     Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jistabbilixxi sistema speċjali għal ċerti prestazzjonijiet ta' servizzi li jitwettqu bejn persuni suġġetti għat-taxxa u li n-nefqa fir-rigward tagħhom hija inkluża fil-prezz ta' l-oġġetti jew tas-servizzi aktar 'il quddiem (ara s-sentenza Dudda, iċċitata aktar 'il fuq, punti 23 u 24). Il-kawża prinċipali tikkonċerna, madankollu, il-provvista lill-konsumatur finali ta' servizzi ta' magni tal-logħob b'tali mod li huwa applikabbli biss l-Artikolu 9(1).

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva, il-post fejn jingħataw servizzi li jkollhom bħala s-suġġett tagħhom attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili huwa l-post fejn dawn is-servizzi jingħataw materjalment.

30     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk prestazzjonijiet ta' servizzi, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili, għandu jiġi mfakkar li CI tqiegħed magni tal-logħob għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, fi swali tal-logħob irranġati speċifikament għal dan l-iskop.

31     F'dan il-każ, l-iskop prinċipali ta' l-attività msemmija fid-deċiżjoni ta' rinviju huwa d-divertiment ta' min juża l-magni tal-logħob u mhux l-għoti ta' qligħ finanzjarju lil din il-persuna. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inċertezza dwar il-qligħ finanzjarju tikkostitwixxi preċiżament element essenzjali tad-divertiment imfittex mill-persuni li jużaw il-magni tal-logħob.

32     L-attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva ma jirrikjedux prestazzjoni artistika min-naħa tal-prestatarju ta' servizzi. Fil-fatt, attività – inkluż it-tqegħid ta' magni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – li l-iskop prinċipali tagħha, kif mixtieq mill-prestatarju ta' servizzi, huwa d-divertiment tal-klijenti tiegħu tikkostitwixxi waħda mill-attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

33     Kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni tar-regola ta' rabta fiskali stabbilita fid-dispożizzjoni msemmija aktar 'il fuq għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi evitata minħabba l-fatt li d-destinatarji tas-servizzi kkonċernati huma konsumaturi finali. Fil-fatt, il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni mhuwiex limitat għall-prestazzjonijiet ta' servizzi bejn persuni suġġetti għat-taxxa. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta' l-imsemmija regola ta' rabta fiskali għal sitwazzjoni bħal din ma toħloq l-ebda diffikultà fil-prattika. Fil-fatt, il-post fejn jitwettqu l-attivitajiet in kwistjoni jista' jiġi identifikat faċilment. Finalment, l-applikazzjoni ta' regola bħal din twassal għal soluzzjoni razzjonali mill-aspett fiskali peress li s-servizzi kkonċernati huma suġġetti għas-sistema tal-VAT ta' l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu huma stabbiliti d-destinatarji ta' l-imsemmija servizzi.

34     Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju hija li l-prestazzjoni ta' servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, ta' magni tal-logħob installati fi swali tal-logħob stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru għandha titqies bħala waħda mill-attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva, b'tali mod li l-post fejn tingħata din il-prestazzjoni ta' servizzi huwa l-post fejn din il-prestazzjoni tingħata materjalment.

 Fuq l-ispejjeż

35     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Il-prestazzjoni ta' servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bi ħlas, ta' magni tal-logħob installati fi swali tal-logħob stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru għandha titqies bħala waħda mill-attivitajiet ta' divertiment jew attivitajiet simili fis-sens ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, b'tali mod li l-post fejn tingħata din il-prestazzjoni ta' servizzi huwa l-post fejn din il-prestazzjoni tingħata materjalment.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż