Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (IT-TIELET AWLA)

tat-23 ta' Frar 2006 (*)

"Moviment ta' Kapitali – Artikolu 73 B(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56(1) KE) – Taxxa tas-suċċessjoni – Assunzjoni legali tgħid li ċittadin ta' Stat Membru li miet fl-għaxar snin minn meta telaq dan l-Istat jitqies li fil-mument tal-mewt tiegħu kien jgħix hemm – Stat Terz"

Fil-kawża C-513/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-le Gerechtshof te 's-Hertogenbosch (L-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni tat-5 ta' Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-8 ta' Diċembru 2003, fil-proċedura

Eredi ta' M. E. A. van Hilten-van der Heijden

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen,

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (IT-TIELET AWLA),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr (Relatur), A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-eredi ta' van Hilten-van der Heijden, minn P. Kavelaars, belastingadviseur,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u S. Terstal, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann M. Lumma, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, u minn R. Lyalil A. Weimar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 73C u 73D (3) tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 57(1)KE u 58(3)KE) li kienu fis-seħħ fil-ġurnata tal-mewt ta' Van Hilten-van der Heijden.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn l-eredi ta' Van Hilten-van der Heijden kontra l’Inspecteur van de Belastingdienst/Particulieren/Ondernemingen buitenland te Heerlen (L-Ispettur Nazzjonali tad-Dipartiment tat-Taxxi, Sezzjoni tal-persuni/Impriżi Barranin ta' Heerlen, iktar 'il quddiem "Ispettur") fuq it-taxxa tas-suċċessjoni mħallsa fil-Pajjiżi Baxxi fuq il-wirt li tħalla mill-mejta.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE ta' l-24 ta' Ġunju 1988, li jimplementa l-Artikolu 67 tat-Trattat (Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta' Amsterdam) (ĠU L 178, p. 5), intitolat "Nomenkaltura tal-Movimenti ta' Kapital li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1 tad-Direttiva", jippreċiża fl-introduzzjoni tiegħu:

"F'din in-nomenklatura, movimenti ta' kapital huma kklassifikati skond in-natura ekonomika tal-beni u l-obbligi li huma jikkonċernaw, iddenominati jew f'munita nazzjonali jew f'kambju esteru".

Il-movimenti ta' kapital elenkati f'din in-Nomenklatura huma miftehma li jkopru:

–       l-operazzjonijiet kollha meħtieġa għall-iskopijiet ta' movimenti ta' kapital: konklużjoni u aġir tat-tranżazzjoni u trasferimenti relatati. It-tranżazzjoni ġeneralment hija bejn residenti ta' Stati Membri differenti għalkemm xi movimenti ta' kapital jitwettqu minn persuna waħda għall-akkont tiegħu stess (bħal fil-każ, per eżempju, tat-trasferimenti tal-beni ta' l-emigranti),

–       it-tranżazzjonijiet imwettqa minn kwalunkwe persuna naturali jew legali [...],

–       l-aċċess ta' l-operatur ekonomiku għat-tekniki finanzjarji kollha disponibbli fis-suq li jiġi mitlub għat-twettiq tat-tranżazzjoni. Per eżempju, il-kunċett ta' akkwist ta' titoli u strumenti finanzjarji oħra jkopri mhux biss tranżazzjonijiet lil sid il-kont imma wkoll it-tekniki kollha ta' negozjar disponibbli: tranżazzjonijiet bil-quddiem, tranżazzjonijiet li jġorru għażla jew garanzija, tranżazzjonijiet ta' skambju ma beni oħra, etc. [...],

–       il-tranżazzjonijiet ta' likwidazzjoni jew ta' ċessjoni tal-beni kkostitwiti, ripatrijazzjoni tal-frott tal-likwidazzjoni tagħhom […] jew l-użu fil-post ta' dan il-frott fil-limiti ta' l-obbligi Komunitarji,

–       it-tranżazzjonijiet ta' ħlas lura ta' krediti jew self.

Din in-nomenklatura mhijiex lista eżawrijenti tal-kunċett ta' moviment ta' kapital – fejn insibu titolu XIII - F. "Movimenti oħra ta' kapital - Diversi". Għalhekk m'għandhiex tiġi interpretata li tirrestrinġi l-iskop tal-prinċipju ta' liberalizzazzjoni sħiħa ta' movimenti ta' kapital kif imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Direttiva." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-imsemmija nomenkltura tinkludi tliet kategoriji differenti ta' movimenti ta' kapitali. Taħt it-titolu "Moviment ta' Kapital Personali", jidher:

"[…]

D.      Wirt [suċċessjoni] u legati

[…]"

5       Meta fis-7 ta' Frar 1992, ġew iffirmati l-att finali u d-dikjarazzjonijiet tal-konferenzi intergovernattivi fuq l-Unjoni Ewropea, il-konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Memebri adottat, fost affarijiet oħra, dikjarazzjoni fuq l-Artikolu 73D tat-Tattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 191, p. 99, iktar 'il-quddiem "dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 73 D tat-Trattat") li jipprovdi kif ġej:

"Il-konferenza tafferma li d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 73D(1)(a) tat-Trattat li Jistabilixxi l-Komunità Ewropea tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu fl-aħħar ta' l-1993. Madanakollu, il-preżenti dikjarazzjoni mhijiex applikabbli ħlief għall-movimenti ta' kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri."

 Il-Leġiżlazzjoni Nazzjonali

6       Taħt il-liġi Olandiża, is-suċċessjoni kollha hija suġġetta għat-taxxa. L-Artikolu 1(1) tal-liġi tas-suċċessjoni (Successiewet) tat-28 ta' Ġunju 1956 (Stb. 1956, p. 362, iktar 'il quddiem "SW 1956"), jagħmel distinzjoni dwar jekk il-persuna li mietet, u li tagħha tkun infetħet is-suċċessjoni, kinitx toqgħod fil-Pajjiżi Baxxi jew barra. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

" b'applikazzjoni ta' din il-liġi t-taxxi li ġejjin għandhom jinġabru:

1.      Taxxa tas-suċċessjoni fuq il-valur kollu tal-beni li ġew ittrasferiti permezz tad-dritt ta' suċċessjoni wara l-mewt ta' persuna li kienet toqgħod fil-Pajjiżi Baxxi fiż-żmien tal-mewt imsemmija.

[…]"

7       L-Artikolu 3 (1) ta' l-SW 1956 jipprovdi:

"Olandiż li għex fir-Renju u li miet jew għamel donazzjoni fi-żmien għaxar snin wara li telaq mid-domiċilju li kellu fir-Renju, jiġi meqjus daqs li kieku kien jgħix fir-Renju fil-mument tal-mewt jew tad-donazzjoni."

8       L-ewwel linja ta' l-Artikolu 2 tal-konvenzjoni bejn il-konfederazzjoni Żvizzera u r-Renju tal-Pajjiżi Baxxi għall-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa doppja fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni, iffirmat fl-Aja fit-12 ta' Novembru 1951(iktar 'il quddiem "konvenzjoni"), tipprovdi li:

"Il-beni immobbli, […] jaqgħu taħt it-taxxa tas-suċċessjoni biss f'dak l-Istat li tinsab fih. [...]"

9       L- ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3 jippreċiża:

"Il-beni tal-wirt li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 2 [...] mhumiex suġġetti għatt-taxxa tas-suċċessjoni ħlief fl-Istat fejn il-mejjet kellu l-aħħar domiċilju tiegħu."

10     Bħala tifsira ta' domiċilju, it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3 tal-konvenzjoni jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni bejn il-Konfederazzjoni Żvizzera u r-Renju tal-Pajjiżi Baxxi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fuq id-dħul u fuq il-kapital iffirmat l-istess jum.

11     Meta ġiet iffirmata l-konvenzjoni, l-istess kontraenti għamlu ċertu numru ta' dikjarazzjonijiet, li huma parti integrali mill-konvenzjoni, b'mod partikolari dikjarazzjoni dwar l-imsemmi Artikolu 3.

12     Din id-dikjarazzjoni tippreċiża:

"(1)      Minkejja d-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3 tal-preżenti Konvenzjoni, l-Istat li tiegħu l-mejjet kien ċittadin fil-mument tal-mewt tiegħu jista' jiġbor it-taxxa tas-suċċessjoni daqs li kieku l-mejjet kellu d-domiċilju tiegħu f'dak l-Istat fil-mument li fih miet, bil-kundizzjoni li l-mejjet fl-10 snin ta' qabel il-mewt tiegħu kien effettivament iddomiċiljat hemm u li fil-mument li rrinunzja għad-domiċilju tiegħu kellu n-nazzjonalità ta' dak l-istat, f'dan il-każ, il-parti tat-taxxa li dan l-Istat ma kienx jiġbor li kieku l-mejjet ma kellux in-nazzjonalità ta' l-imsemmi Stat fil-mument meta rrinunzja għad-domiċilju tiegħu jew fil-mument tal-mewt tiegħu, għandha tiġi mnaqqsa mit-taxxa dovuta fl-Istat l-ieħor minħabba d-domiċilju.

(2)      Id-dispożizzjoni ta' l-ewwel inċiż mhijiex applikabbli għal dawk il-persuni li fil-mument tal-mewt tagħhom kellhom iċ-ċittadinanza taż-żewġ Stati"

13     Skond id-digriet ta' l-1989 dwar l-eżenzjoni mill-ħlas ta' taxxa doppja (Besluit voorkoming dubbele belasting 1989, tal-21 ta' Diċembru 1989, Stb. 594, iktar 'il quddiem "id-digriet"):

"1.      Il-wirt ta' mejjet, li skond l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956 jiġi kkunsidrat li kien jgħix fil-Pajjiżi Baxxi fil-mument tal-mewt tiegħu, jibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa ta' suċċessjoni b'mod li tiġi allokata t-taxxa miġbura mill-istat l-ieħor, fuq l-elementi ta' din is-suċċessjoni, barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 11, sa l-ammont ta' taxxa simili miġbura minn Stat ieħor, fuq il-partijiet tas-suċċessjoni li ma kienux jiġu miġbura kieku l-mejjet kellu effettivament id-domiċilju tiegħu fil-Pajjiżi Baxxi meta miet.[...]

2.      L-ammont eżentat, imsemmi fil-paragrafu 1, huwa l-ammont l-aktar baxx mill-ammonti li ġejjin:

a.      l-ammont ta' taxxi miġbura fi stati oħra;

b.      L-ammont li, mingħajr l-applikazzjoni tal-preżenti digriet, meta mqabbel ma l-ammont ta' taxxa tas-suċċessjoni li hija dovuta skond il-SW 1956, jikkorrispondi eżattament mar-relazzjoni bejn il-valur globali ta' l-assi kollha tal-wirt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u l-valur ta' l-assi kollha miġbura, li minnhom jitnaqqsu d-djun kollha ta' impriża, u dan jinkludi, dejn li ġej minn parteċipazzjoni mhux bħala azzjonista, u l-valur tad-djun iggarantiti permezz ta' ipoteka fuq bene immobiljari, jew dritt li hemm marbut miegħu li mhumiex ta' l-impriża."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Is-sinjura Van Hilten-van der Heijden mietet fit-22 ta' Novembru 1997. Kellha nazzjonalità Olandiża, kienet iddomiċiljata fl-Pajjiżi Baxxi sal-bidu tas-sena 1998, wara fil-Belġju u wara l-1991 fl-Iżvizzera.

15     Is-suċċessjoni ta' l-imsemmija persuna mejta kienet tikkonsisti b'mod partikolari f'beni immobbli fil-Pajjiżi Baxxi, fil-Belġju u fl-Iżvizzera, f'titoli elenkati fil-Pajjiżi Baxxi, fil-Ġermanja, fl-Iżvizzera u fl-Istati Uniti kif wkoll f'kontijiet bankarji miftuħa f'aġenziji Olandiżi u Belġjani ta' istituzzjonijiet Bankarji stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u li huma amministrati minnhom stessOlandiżi u Belġi.

16     Il-werrieta ta' din l-istess persuna kellhom taxxa tas-suċċessjoni imposta fuqhom, ikkalkulata abbażi ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956. Dawn it-taxxi ġew miżmuma mill-Ispettur wara li ġie ppreżentat protest minn erba' mill-imsemmija eredi.

17     Dawn ta' l-aħħar għalhekk ressqu rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch.

18     Il-qorti tar-rinviju tosserva li, kif jirriżulta mir-referenza għal "Wirt u Legati", li tidher fit-titolu XI ta' l-Anness tad-Direttiva 88/361, fil-kawża prinċipali kien hemm moviment ta' kapital bejn stat terz u l-istati Membri.

19     Wara dan, il-Qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2002, hi kkonstatat li l-Artikolu 3 (1) ta' l-SW 1956 huwa miżura nazzjonali li tostakola jew tirrendi anqas attraenti ċ-ċirkulazzjoni libera tal-kapitali. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tostakola t-tluq minħabba li fiha żvantaġġ, ikkawżat minn assunzjoni ġuridika li għandha, mill-għada ta' l-emigrazzjoni, segwita mit-trasferiment tal-patrimonju lill-eredi fl-għaxar snin. Ir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi jiġbor it-taxxi tas-suċċessjoni jew tad-donazzjoni sa għaxar snin wara l-emigrazzjoni taċ-ċittadini Olandiżi sakemm dawn it-taxxi huma inqas fil-pajjiiż barrani, u dan l-istess Stat Membru ma jagħti l-ebda rifużjoni u l-ebda kreditu għat-taxxa ta' suċċessjoni żejda li tħallset barra mill-pajjiż. Skond l-imsemmija deċiżjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956 għaldaqstant jikkostitwixxi ostaklu moħbi għas-suċċessjonijiet transfruntalieri.

20     Barra minn hekk f'din l-istess deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956 jikkostitwixxi wkoll diskriminazzjoni arbitrarja. Fil-fatt il-liġi Olandiża tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini Olandiżi u ċ-ċittadini ta' stati oħra, peress li ċittadin Olandiż jista' jevita l-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni biss billi jirrinunzja għan-nazzjonalità tiegħu. Barra min hekk din l-istess dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b'raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, għaliex għandha bħala l-unika raġuni ta' eżistenza dik li twaqqaf milli r-Renju tal-Pajjiżi Baxxi jitlef, minħabba t-tluq taċ-ċittadini tiegħu, it-taxxi tas-suċċessjoni.

21     Madanakollu, ma jirriżultax b'mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk dispożizzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 73C(1), tat-Trattat.

22     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju qed issaqsi jekk id-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 73D tat-Trattat timplikax li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-movimenti ta' kapitali bejn Stati Membri u Stati Terzi humiex protetti mill-Artikolu 73 D (1)(a) tat-Trattat jew jekk dan l-Artikolu japplikax dejjem għall-movimenti ta' kapitali bejn l-Istati Membri u l-Istati Terzi u għaldaqstant ma jillimitax ruħu għad-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu fuq is-suġġett fl-aħħar ta' l-1993.

23     Fuq dawn il-kunsidrazzjonijiet, il-Gerechtshof te ’s-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 3(1) ta' l-SW [1956] hija restrizzjoni permessa skond l-Artikolu [73 C, (1) tat-Trattat]?

2)      L-Artikolu 3(1) ta' l-SW [1956] huwa mezz prekluż ta' diskriminazzjoni aribtrarja jew restrizzjoni moħbija tal-moviment liberu tal-kapitali, imsemmi fl-Artikolu [73 D tat-Trattat] jekk jiġi applikat għal moviment ta' Kapitali bejn stat membru u stat terz, fid-dawl ukoll tad-Dikjarazzjoni dwar [l-Artikolu 73D] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat wara l-firma ta' l-att finali u tad-dikjarazzjonijiet tal-konferenzi intergovernattivi fuq l-Unjoni Ewropea, tas-7 ta' Frar 1992?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

24     Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali taqax taħt l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 C (1) tat-Trattat u/jew taħt dak ta' l-Artikolu 73 D(3) tat-Trattat.

25     Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif indikat mill-osservazzjonijiet kollha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-preżenti kawża, huwa neċessarju li, qabel ma jiġu eżaminati l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, jiġi stabbilit jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment ta' kapital skond l-Artikolu 73 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 56 KE).

26     Issa, ġurisprudenza kostanti, biex tingħata tweġiba utli lill-qorti li minnha tkun oriġinat domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja jista' jkollha bżonn tieħu in kunsiderazzjoni regoli tad-dritt komunitarju li lilhom ma jkunx sar referiment mill-Imħallef nazzjonali fid-domandi preliminari tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Ottubru 2004, Wolff & Müller, C-60/03, Ġabra. p. I-9553, punt 24, u tas-7 ta' Lulju 2005, Weide, C-153/03, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).

27     Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 73 B tat-Trattat għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li minħabba fiha s-suċċessjoni ta' ċittadin ta' dan l-Istat Membru, li fl-għaxar snin minn meta ttrasferixxa d-domiċilju li kellu fl-imsemmi Stat Membru miet, tiġi ntaxxata daqs li kieku hu baqa' ddomiċiljat f'dan l-Istat Membru, minkejja li bbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni miġbura minn Stati oħra.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28     L-eredi ta' Van Hilten-van der Heijden isostnu li l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956 jmur kontra l-Artikolu 73 B tat-Trattat. Fil-fatt, hemm diskriminazzjoni indiretta u, f'kull każ, restrizzjoni indiretta minħabba li minn naħa ssir distinzjoni skond jekk persuna għexitx jew le, qabel il-mewt tagħha, fil-Pajjiżi Baxxi u min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni mhijiex applikabbli jekk il-persuna telqet mill-Pajjiżi Baxxi għal nazzjonalità oħra li mhix in-nazzjonalità Olandiża.

29     Il-Gvern Olandiż u dak Ġermaniż isostnu li, qabel ma wieħed ikun jista' jwieġeb id-domandi mressqa, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 73B tat-Trattat jopponix, fir-rigward tad-domiċilju, assunzjoni legali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956.

30     F'dan ir-rigward il-Gvern Olandiż josserva li, anki fil-qasam tas-suċċessjoni hemm dejjem iċ-ċirkulazzjoni ta' kapital. Issa, fil-każ ta' mewt, il-patrimonju jiġi deskritt f'dak il-mument u t-taxxa tas-suċċessjoni tiġi kkalkulata fuq dik il-bażi. Minħabba li jkun għadu ma sarx moviment ta' kapital, jew ta' xi tranżazzjoni relatata, ma jkunx jista' jkun hemm xi att li jirriżulta miċ-ċirkulazzjoni libera ta' kapital.

31     L-ewwel nett, mhemm la ebda diskriminazzjoni u lanqas ostaklu għaċ-ċirkulazzjoni libera ta' kapital. Fil-fatt ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, bejn iċ-ċittadini Olandiżi li baqgħu fil-Pajjiżi Baxxi u dawk li telqu. Barra minn hekk, ċittadin Olandiż li telaq mill-Pajjiżi Baxxi jsib ruħu f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' ċittadin ta' Stat Membru ieħor li telaq wara li għex hemm hekk.

32     Min dan jsegwi li l-Artikolu 73B tat-Trattat ma jipprekludix, fir-rigward tad-domiċilju, assunzjoni legali bħal dik stabbilita fl-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956

33     Il-Gvern Ġermaniż hu tal-fhema li l-Artikolu 73B (1) tat-Trattat mhuwiex applikabbli għal dispożizzjoni bħal dik ta' l-Artikolu 3 ta' l-SW 1956 minħabba li, dispożizzjoni bħal din ta' l-aħħar ma tfixkilx iċ-ċirkulazzjoni libera tal-kapitali.

34     Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 3(1) ta' l-SW 1956 ma tagħmel l-ebda distinzjoni fuq fejn jinsab il-wirt, jew parti minnu, fil-mument tal-mewt tal-persuna interessata. Għaldaqstant dan l-Artikolu ma jistabilixxix restrizzjonijiet ta' movimenti ta' kapitali l-barra jew il-ġewwa mill-Pajjiżi Baxxi. Konsegwentement, iċ-ċirkulazzjoni libera ta' kapital ggarantita mill-Artikoli 73 B et seq tat-Trattat mhijiex kwistjoni fil-kawża prinċipali.

35     Fir-rigward ta' applikazzjoni eventwali tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi Trattat dwar il-moviment liberu ta' persuni u l-libertà ta' stabbiliment, il-Kummissjoni tfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-moviment fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

36     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, jekk it-tassazzjoni diretta taqa' taħt l-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza fir-rispett għad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Awwissu 1995 Wielockx, C 80/94, Ġabra. p. I 2493, punt 16, u ta' l-10 Marzu 2005, Laboratoires Fournier, C 39/04, Ġabra. p. I 2057, punt 14).

37     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 73 B (1) tat-Trattat jimplimenta ċ-ċirkulazzjoni libera ta' kapitali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-istati terzi. Għal dan il-għan, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tat-Trattat intitolat "Il-Kapital u l-Pagament", huma jiddisponu li huma pprojbiti r-restrizzjonijiet ta' movimenti ta' kapitali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istat Membri u stati terzi

38     Konsegwentement, fl-ewwel lok, jaqbel li jiġi eżaminat jekk is-suċċessjoni tikostitwixxix moviment ta' kapital skond it-tifsira ta' l-Artikolu 73 (B) tat-Trattat.

39     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-Trattat ma jagħtix tifsira tal-kunċett ta' movimenti ta' kapitali u ta' pagamenti. Madankollu, minn ġurisprudenza kostanti, safejn l-Artikolu 73 B tat-Trattat ittraspona fis-sustanza l-kontenut ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361, u anki jekk dan ġie adottatat fuq il-bażi ta' l-Artikoli 69 u 70 (1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 u 73 tat-Trattat ġew issostitwiti mill-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li saru l-Artikoli 56 Ke sa 60 KE), in-nomenklatura tal-movimenti ta' kapitali li magħhom hija annessa għad għandha l-valur indikattiv li kellha qabel ma daħlu fis-seħħ biex jfissru l-kunċett ta' movimenti ta' kapitali, filwaqt li huwa mifhum li, konformement ma l-introduzzjoni tiegħu, il-lista li fih ma hijiex ta' natura eżawrjenti (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Marżu 1999, Trummer et Mayer, C-222/97, Ġabra. p. I-1661, punt 21, u tal-5 ta' Marzu 2002, Reisch et., C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra. p. I-2157, punt 30).

40     Issa, l-wirt jidher taħt it-titolu XI ta' l-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat "Movimenti ta' Kapital Personali". Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjoniiet tiegħu, dan it-titolu jsemmi b'mod partikolari t-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom jiġi ttrasferit il-patrimonju kollu ta' persuna, jew parti minnu, kemm waqt ħajtu u kemm wara mewtu.

41     Fil-fatt, is-suċċessjoni tikkonsisti fit-trasferiment tal-patrimonju li jitħalla mill-mejjet lil persuna waħda jew aktar, jew fi kliem ieħor fit-trasferiment lill-eredi tal-proprjetà ta' beni differenti, drittijiet, etc, li jiffurmaw dan il-patrimonju.

42     Minn dan jirriżulta li, is-suċċessjoni, b'eċċezzjoni tal-każ fejn l-elementi li jiffurmawha jinsabu kollha fi Stat Membru wieħed, tikkostitwixxi movimenti ta' kapitali skond l-Artikolu 73 tat-Trattat (ara ukoll, f'dan is-sens is-sentenza tal-11 ta' Diċembru 2003, Barbier, C-364/01, Ġabra. p. I-15013, punt 58), .

43     Fit-tieni lok, jaqbel li jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-movimenti ta' kapitali.

44     F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 73 B(1) tat-Trattat, inkwantu, restrizzjonijiet ta' moviment ta' kapitali, jinkludu wkoll dawk ta' natura tali li jiddisswadu dawk li mhumiex residenti milli jagħmlu investimenti fi Stat Membru jew li jiddiswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu fi Stat Membru ieħor, jew, fil-każ ta' suċċessjoni, dawk li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tal-wirt ta' resident ta' Stat ieħor, li mhuwiex l-Stat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jiġbor it-taxxa tas-suċċessjoni fuq l-imsemmija beni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra. p.  I-3955, punt 10; Trummer u Mayer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26; ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Sandoz, C-439/97, Ġabra. p. I-7041, punt 19, u Barbier, iċċitata iktar 'il fuq, punt 62).

45     Issa leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li s-suċċessjoni ta' ċittadin ta' Stat Membru, li miet fl-għaxar snin wara li ttrasferixxa barra l-pajjiż id-domiċilju li kellu fl-imsemmi Stat Membru, tiġi intaxxata, minkejja li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa miġbura fl-Istat fejn il-mejjet ittrassferixxa d-domiċilju tiegħu, daqs li kieku hu baqa' iddomiċiljat f'dan l-Istat Membru, minkejja li tipprovdi għal eżenzjoni mit-taxxa miġbura fl-Istat fejn il-mejjet ittrassferixxa d-domiċilju tiegħu, ma tikkostitwixxix restrizzjoni ta' movimenti ta' kapitali.

46     Fil-fatt, billi tipprovdi kundizzjonijiet identiċi, għat-taxxa tas-suċċessjoni, kemm għal ċittadini li jkunu ttrasferew id-domiċilju tagħhom barra mill-pajjiż u għal dawk li baqgħu fl-Istat Membru kkonċernat, tali leġiżlazzjoni mhix ser tiddisswadi dawk li ta' l-ewwel milli jagħmlu investimenti f'dan l-Istat Membru, u lanqas dawk ta' l-aħħar milli jagħmluhom minn dan l-Istat għal Stat ieħor, indpendentement minn fejn jinsabu l-beni in kwistjoni, hi lanqas ma ser tnaqqas il-valur tas-suċċessjoni ta' ċittadin li ttrasferixxa d-domiċilju tiegħu f'pajjiż barrani. Il-fatt li tali leġiżlazzjoni ma ssemmix iċ-ċittadini li ilhom ddomiċiljati barra mill-pajjiż għal aktar minn għaxar snin, jew dawk li qatt ma kellhom id-domiċilju tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, hu bla ebda rilevanza. Billi kienet applikabbli biss għaċ-ċittadini ta' dan l-Istat Membru kkonċernat din il-leġiżlazzjoni ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-movimenti ta' kapitali taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra.

47     Fir-rigward tad-differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini residenti fl-Istat Membru kkonċernat u ċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra toħrog minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li dawn id-differenzi, għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet ipprojbiti skond l-Artikolu 73B tat-Trattat. Fil-fatt jirriżultaw, fin-nuqqas ta' miżuri ta' unifikazzjoni jew ta' armonizzazzjoni fil-kuntest komunitarju, mil-kompetenza li għandhom l-Istati Membri li jiddefinixxu, permezz ta' att konvenzjonali jew unilaterali, il-kriterji ta' kif titqassam is-setgħa tagħhom li jiġbru t-taxxa li ġabru [ara f'dan is-sens f'dak li jikkonċerna l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39KE), is-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, Gilly, C-336/96, Ġabra. p. I-2793, punt 30 u, f'dak li jikkonċerna l-Artikoli 52 tat-Trattat KEE ( li sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u 58 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 48 KE), is-sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra. p. I-6161, punt 57].

48     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata li għall-finijiet tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni fiskali, ma jkunx irraġonevoli għall-Istati Membri li jispiraw ruħom mill-prattika internazzjonali u, b'mod partikolari, mill-mudelli tal-konvenzjonijiet imħejji mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), (ara s-sentenza Gilly, iċċitata iktar 'il fuq, punt 31). Kif irrileva l-Gvern Olandiż, il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali hija konformi mal-kummentarji tal-mudell ta' konvenzjoni ta' taxxa doppja dwar il-wirt u d-donazzjonijiet (rapport tal-Kumitat ta' l-Affarijiet Fiskali ta' l-OECD, 1982, iktar 'il quddiem il-"mudell ta' konvenzjoni ta' l-OECD"). Jirriżulta, mill-kummentarji li l-Artikoli 4, 7, 9A u 9B ta' l-imsemmi mudell, li din it-tip ta' leġiżlazzjoni għandha l-iskop li ma tippermettix forma ta' evażjoni fiskali li biha ċittadin ta' Stat, qabel il-mewt tiegħu, jitrasferixxi d-domiċilju tiegħu fi-Stat ieħor, fejn it-taxxa hija iktar baxxa. Il-kummentarji jippreċiżaw li l-ħlas doppju tat-taxxa jiġi evitat permezz ta' sistema ta' krediti ta' taxxi u li billi l-prevenzjoni ta' l-evażjoni fiskali mhix iġġustifikata jekk il-mewt ma sseħx ħlief ftit żmien wara t-trasferiment tad-domiċilju, it-terminu massimu awtorizzat huwa ta' għaxar snin. Barra minn hekk l-istess kummentarji jindikaw li l-portata tista' tiġi estiża biex tkopri mhux biss iċ-ċittadini ta' l-Istat ikkonċernat imma wkoll ir-residenti li m'għandhomx in-nazzjonalità ta' dan l-Istat.

49     F'dan il-kuntest, jaqbel li jiġi rrilevat li s-sempliċi trasferiment tad-domiċilju minn Stat lejn l-ieħor ma jaqax taħt l-Artikolu 73B tat-Trattat. Fil-fatt, kif indikat ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trasferiment tad-domiċilju, ma jimplikax fih innifsu xi tranżazzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti ta' proprjetà u kif ukoll jirriżulta mill-anness tad-Direttiva 88/361 ma jassumix karatteristiċi oħra ta' moviment ta' kapital.

50     Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tiskoraġixxi ċittadin li jixtieq jittrasferixxi lejn Stat ieħor id-domiċilju tiegħu, u li b'hekk tostakola d-dritt tiegħu ta' ċirkulazzjoni libera, ma tistax għal din ir-raġuni biss tikkostitwixxi restrizzjoni moviment ta' kapital skond l-Artikolu 73 B tat-Trattat.

51     Jeħtieġ għalhekk li t-tweġiba għad-domandi mressqa tkun li, l-Artikolu 73 B tat-Trattat jrid jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha s-suċċessjoni ta' ċittadin ta' l-Istat Membru, li fl-għaxar snin minn meta ttrasferixxa d-domiċilju li kellu fl-imsemmi Stat Membru miet, tiġi ntaxxata daqs li kieku hu baqa' ddomiċiljat f'dan l-Istat Membru, minkejja li bbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni miġbura minn Stati oħra.

52     Minn dan isegwi li mhemmx lok tingħata risposta għad-domandi preliminari li jirrigwardaw l-Artikoli 73C u 73 D tat-Trattat.

 Fuq l-ispejjeż

53     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

l-Artikolu 73 B tat-Trattat (li sar l-Artikolu 56 KE) jrid jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha s-suċċessjoni ta' ċittadin ta' l-Istat Membru, li fl-għaxar snin minn meta ttrasferixxa d-domiċilju li kellu fl-imsemmi Stat Membru miet, jiġi ntaxxat daqs li kieku hu baqa' ddomiċiljat f'dan l-Istat Membru, minkejja li bbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni miġbura minn Stati oħra.

Firem


* Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.