Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI (it-Tieni Awla)

15 ta' Diċembru 2005 (*)

"Għajnuniet mogħtija mill-Istat – Deċiżjoni 2002/581/KE – Benefiċċji fiskali mogħtija lill-banek – Motivazzjoni tad-deċiżjoni – Kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat – Kompatibilità mas-suq Komuni - Kundizzjonijiet – Artikolu 87(3)(b) u (c), KE – Proġett importanti ta' interess Ewropew komuni – Żvilupp ta' ċerti attivitajiet – Benefiċċji fiskali mogħtija preċedentement – Irkupru ta' l-għajnuna – Prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta' ċertezza legali – Prinċipju ta' proporzjonalità"

Fil-kawża C-148/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Genova (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Marzu 2004, fil-kawża

Unicredito Italiano SpA

vs

Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova 1,

IL-QORTI (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta' Frar 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Unicredito Italiano SpA, minn A. Santa Maria, C.Biscaretti di Ruffia u G. Pizzonia, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R.Lyal u V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Settembre 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Diċembru 2001, 2002/581/KE, dwar skema ta' għajnuniet ta' l-Istat implementata mill-Italja favur il-banek (ĠU 2002, L 184, p. 27, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), kif ukoll dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 87 KE et seq., ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Unicredito Italiano SpA (iktar 'il quddiem "Unicredito"), stabbilita f'Genova (l-Italja), u l-Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova 1, dwar benefiċċju fiskali li Unicredito gawdiet matul is-snin finanzjarji 1998, 1999 u 2000.

 I – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3       Fl-Italja, riforma tas-sistema bankarja nbdiet permezz tal-liġi Nru 218, tat-30 ta' Lulju 1990, dwar dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ristrutturar u integrazzjoni tal-partrimonju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu ta' dritt pubbliku (GURI Nru 182, tas-6 ta' Awwissu 1990, p. 8, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 218/90").

4       Din il-liġi ppermettiet il-bidla ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu ta' dritt pubbliku f'kumpanniji b'responsabbiltà limitata. Għal dan il-għan, bank pubbliku ġie awtorizzat iċedi l-istituzzjoni ta' kreditu lil kumpannija b'responsabbiltà limitata, b'tali mod li tinfired il-persuna ġuridika ċedenti, msejħa fil-prattika "fondazzjoni bankarja" (iktar 'il quddiem il-"fondazzjoni bankarja"), proprjetarja ta' l-investimenti, mill-kumpannija b'responsabbiltà limitata ċessjonarja, propretarja unika ta' l-attività bankarja. Il-fondazzjoni bankarja kienet tamministra l-investimenti fil-bank ċessjonarju u kienet tuża d-dħul riżultanti biex issegwi għanijiet soċjali.

5       L-Artikolu 2 tal-liġi Nru 489, tas-26 ta' Novembru 1993, dwar, b'mod partikolari, estensjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 7(6) tal-liġi Nru 218/90 (GURI Nru 284, tat-3 ta' Diċembru 1993, p. 4), irrenda obbligatorju, mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 1994, il-bidla ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu pubbliċi f'kumpanniji b'responsabbiltà limitata.

6       Il-liġi Nru 461, tat-23 ta' Diċembru 1993, dwar delega ta' kompetenza lill-gvern għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-leġislazzjoni ċivili u fiskali tal-korpi msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-digriet leġislattif Nru 356, ta' l-20 ta' Novembru 1990, kif ukoll tas-sistema fiskali ta' l-operazzjonijiet ta' ristrutturar bankarju (GURI Nru 4, tas-7 ta' Jannar 1999, p. 4, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 461/98), iddelegat lill-Gvern Taljan il-possibbiltà li jibda riforma ġdida tal-leġiżlazzjoni applikabbli għas-settur bankarju, b'mod partikolari fil-qasam tar-ristrutturar.

7       Id-digriet leġislattif Nru 153, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar leġislazzjoni ċivili u fiskali tal-korpi msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-digriet leġislattiv Nru 356, ta' l-20 ta' Novembru 1990, u tas-sistema fiskali ta' l-operazzjonijiet ta' ristrutturar bankarju, skond l-Artikolu 1 tal-liġi Nru 461, tat-23 ta' Diċembru 1998 (GURI Nru 125, tal-31 ta' Mejju 1999, p. 4, iktar 'il quddiem id-"digriet Nru 153/99"), implementat id-delega mogħtija mil-liġi Nru 461/98.

8       Hu introduċa, b'mod partikolari, fl-Artikoli 22(1), u 23(1) tiegħu, benefiċċju fiskali li jikkonsisti fi tnaqqis għal 12.5 % tar-rata tat-taxxa fuq id-dħul (IRPEG) (iktar 'il quddiem it-"tnaqqis ta' taxxa") għall-banek li jeffettwaw għaqda jew ristrutturar simili, għal ħames perijodi ta' taxxa konsekuttivi, bil-kundizzjoni li l-benefiċċji jkunu mqiegħda f'riżerva speċjali li ma tistax titqassam għal perijodu ta' tliet snin. Huwa ppreveda li l-benefiċċji mqiegħda f'riżerva speċjali ma jistgħux jeċċedu 1.2 % tad-differenza bejn is-somma totali tal-krediti u tad-djun tal-banek li jkunu pparteċipaw fl-għaqda u t-total analogu ta' l-ikbar bank li pparteċipa f'din l-operazzjoni.

 II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

9       Wara domanda parlamentari, b'ittra ta' l-24 ta' Marzu 1999 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħha fil-qasam ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat, talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-liġi Nru 461/98.

10     B'ittri ta' l-24 ta' Ġunju u tat-2 ta' Lulju 1999, l-awtoritajiet Taljani pprovdewlha informazzjoni dwar din il-liġi u dwar id-digriet Nru 153/99.

11     B'ittra tat-23 ta' Marzu 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani li, fl-opinjoni tagħha, il-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99 seta' jkollhom elementi ta' għajnuna u stidniethom ma jimplementawx il-miżuri in kwistjoni. Fit-12 ta' April 2000, l-awtoritajiet Taljani wieġbuha li huma kienu ssospendew l-implementazzjoni tal-miżuri in kwistjoni, imbagħad, fl-14 ta' Ġunju 2000, huma pprovdewlha informazzjoni komplementari.

12     L-ammont massimu teoretiku tal-benefiċċji fiskali miksuba permezz tat-tnaqqis ta' taxxa ġie stmat mill-awtoritajiet Taljani bħala 5 358 biljun lira Taljana, jiġifieri 2 767 miljun EUR, għall-76 operazzjoni mwettqa matul is-snin 1998, 1999 u 2000.

13     B'ittra tal-25 ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern Taljan bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. (ĠU 2001, C 44, p. 2).

14     Fit-terminu tal-proċedura, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Repubblika Taljana kienet implementat b'mod illeċitu l-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99, bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE. Hi kkunsidrat li, bl-eċċezzjoni ta' miżura prevista fl-Artikolu 27(2) tad-digriet Nru 153/99, il-miżuri fiskali implementati, fosthom it-tnaqqis ta' taxxa, kienu jikkostitwixxu skema ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni. Tali miżuri kienu jaġevolaw lill-banek peress li kienu jħalluhom ikabbru d-dimensjoni tagħhom u jgawdu minn ekonomiji ta' skala bi prezz imnaqqas.

15     Konsegwentement, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, billi ppreċiżat li l-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99 daħħlu benefiċċji fiskali ukoll favur fondazzjonijiet bankarji, imma li dawn il-benefiċċji ma ġewx eżaminati f'din id-deċiżjoni.

16     Id-deċiżjoni kkontestata hi fformulata fit-termini li ġejjin:

 «L-ewwel Artikolu

[…] l-iskema ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat li l-Italja implementat fuq il-bażi tal-[liġi Nru 461/98] u tad-[digriet Nru 153/99], u b'mod partikolari fuq il-bażi […] ta' l-Artikolu 22(1), ta' l-Artikolu 23(1), […] [tad-digriet Nru 153/99] mhix kompatibbli mas-suq komuni.

[…]

 Artikolu 3

L-Italja għandha tabolixxi l-iskema ta' għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1.

 Artikolu 4

1.      L-Italja għandha tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuniet mogħtija fuq il-bażi ta' l-iskema msemmija fl-ewwel Artikolu u li diġà tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom illegalment.

2.      L-irkupru hu magħmul mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li dawn jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni. L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-imgħax, li jiddekorri mid-data meta l-għajnuna saret disponibbli għall-benefiċjarji sa dik ta' l-irkupru effettiv. L-imgħax hu kkalkolat fuq il-bażi ta' rata ta' referenza użata għall-kalkolu ta' l-għotja ekwivalenti fl-ambitu ta' l-għajnuniet b'objettiv reġjunali.

[…]"[traduzzjoni mhux uffiċjali]

17     Skond l-imsemmija deċiżjoni, l-Artikolu 5 tad-digriet-liġi Nru 63 tal-15 ta' April 2002, dwar dispożizzjonijiet finanzjarji u fiskali urġenti fil-qasam ta' irkupru, ta' razjonalizzazzjoni tas-sistema ta' kalkolu tal-prezz tal-prodotti farmaċewtiċi, ta' obbligi Komunitarji, ta' securitisation, ta' valutazzjoni tal-patrimonju u tal-finanzjar ta' l-infrastrutturi (GURI Nru 90, tas-17 ta' April 2002, p. 5), magħmul liġi Nru 112, tal-15 ta' Ġunju 2002 (GURI Nru 139 tal-15 ta' Ġunju 2002, p. 3), issospendiet il-benefiċċji fiskali mogħtija lill-banek skond il-liġi Nru 461/98 u, b'mod partikolari, it-tnaqqis tat-taxxa.

18     Id-digriet-liġi Nru 282, ta' l-24 ta' Diċembru 2002, dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam ta' obbligi Komunitarji u fiskali, ta' irkupru u ta' proċedura tal-kontabbiltà (GURI Nru 301, ta' l-24 ta' Diċembru 2002, iktar 'il quddiem id-"digriet Nru 282/02"), magħmul liġi Nru 27, tal-21 ta' Frar 2003 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 44, tat-22 ta' Frar 2003), obbliga lill-banek benefiċjarji ta' l-għajnuniet iħallsu, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, somma li tammonta għat-taxxa mhux imħallsa minħabba l-iskema ta' għajnuniet, bl-imgħax bir-rata annwali ta' 5.5 %.

 III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     Unicredito ħallset, skond id-digriet Nru 282/02, l-ammont ta' 244 712 646,05 EUR li jikkorrispondi għat-taxxa u l-imgħax dovuti minħabba l-benefiċċju fiskali li hija kienet gawdiet matul is-snin finanzjarji 1998, 1999 u 2000 bħala tnaqqis ta' taxxa.

20     Fl-4 ta' Frar 2003, hija imbagħad ippreżentat tliet talbiet għal rifużjoni ta' l-ammonti mħallsa akkont dawn is-snin finanzjarji. Dawn it-talbiet kienu s-suġġett ta' deċiżjonijiet impliċiti ta' ċaħda min-naħa ta' l-Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova 1.

21     Unicredito ressqet rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Genova billi invokat, b'mod partikolari, l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

22     Il-qorti tar-rinviju tqis li deċiżjoni preliminari hi ġustifikata, b'mod partikolari, mil-lat tal-konformità tad-digriet Nru 282/02 mal-prinċipji Komunitarji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità..

23     Dwar il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali, hi tqis li t-tnaqqis ta' taxxa fuq id-dħul li kien jagħmel parti minn raġunar ta' kontinwità u ta' estensjoni ta' regola stabbilita qabel mil-liġi Nru 218/90 fil-kuntest tal-proċess ta' privatizzazzjoni tas-sistema bankarja Taljana.

24     Hi tisħaq li l-liġi Nru 218/90 kien fiha, fl-Artikolu 7(3) tagħha, miżura maħsuba f'termini sostanzjalment simili għal dawk ta' l-Artikoli 22(1) u 23(1) tad-digriet Nru 153/99.

25     Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li din il-miżura preċedenti kienet aktar vantaġġuża mit-tnaqqis ta' taxxa in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-ammonti depożitati f'riżerva speċjali kienu purament u sempliċement ammonti li jistgħu jitnaqqsu u eżenti, u mhux biss suġġetti għal rata ta' taxxa mnaqqsa. Hi tirrimarka ukoll li t-trasferimenti fir-riżerva speċjali setgħu jsiru matul ħames snin, fl ammont massimu, għal dan il-perijodu kollu, li jammonta għal 1.2 % tad-differenza bejn, min-naħa, l-intier ta' l-investimenti u d-depożiti tal-klijentela ta' l-istabbilimenti li pparteċipaw fl-għaqda/merger jew fl-investimenti kapitali u, min-naħa l-oħra, l-ammont analogu li jidher fl-aħħar karta tal-bilanċ ta' l-akbar istituzzjoni ta' kreditu li pparteċipat fl-għaqda jew fl-investimenti kapitali.

26     Issa, il-Kummissjoni diġà pproċediet għal evalwazzjoni espliċita tal-liġi Nru 218/90 fil-kuntest tad-deċiżjonijiet tagħha 1999/288/KE, tad-29 ta' Lulju 1998, dwar awtorizzazzjoni kondizzjonata għall-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-Banco di Napoli (ĠU 1999, L 116, p. 36), u 2000/600/KE, ta' l-10 ta' Novembru 1999, dwar awtorizzazzjoni kundizzjonali għall-għajnuna mogħtija mill-Italja lill-banek pubbliċi Siċiljani Banco di Sicilia u Sicilcassa (ĠU 2000, L 256, p. 21). F'dawn id-deċiżjonijiet, hi kjarament tat is-sinjal ta' rikonoxximent ta' kompatibilità ġenerali tal-liġi Nru 218/90 ma' l-Artikolu 87 KE.

27     Barra minn hekk, il-possibbiltà ta' tgawdija mill-benefiċċji fiskali mogħtija taħt il-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99 kienet tikkostitwixxi wieħed mill-presupposti li fuqhom id-diversi banek ibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-vijabilità ekonomika ta' l-operazzjonijiet ta' konċentrazzjoni tagħhom. L-abolizzjoni retroattiva ta' dawn il-benefiċċji tipperikola l-istabbiltà finanzjarja tagħhom, meta wieħed jikkunsidra l-ammont ta' ħlas mitlub, u jimplika tibdil a posteriori inġust tal-parametri ta' evalwazzjoni li ntużaw bħala bażi għall-għażliet strateġiċi li diġà ttieħdu. Il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jeskludi għaldaqstant ir-retroattività tad-deċiżjoni kkontestata.

28     Dwar il-prinċipju ta' proporzjonalità, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-banek setgħu japplikaw regoli fiskali ta' dritt komuni fil-kuntest ta' operazzjonijiet li għandhom struttura differenti, sabiex igawdu mill-ekonomija fiskali. Għall-finijiet ta' ordni għall-irkupru ta' l-għajnuniet, il-prinċipju ta' proporzjonalità jimponi għalhekk tqabbil bejn is-sistema favorevoli ta' dritt komuni u dak tal-liġi Nru 461/98 u tad-digriet Nru 153/99.

29     F'dan il-kuntest, il-Commissione tributaria provinciale di Genova ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Jekk id-[deċiżjoni kkontestata] hija invalida u inkompatibbli mad-dritt Komunitarju fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-liġi [Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99] li jikkonċernaw il-banek, kontrarjament għal dak li sostniet il-Kummisssjoni, huma kompatibbli mas-suq komuni jew, f'kull każ, jaqgħu taħt id-derogi msemmija fl-Artikolu 87(3)(b) u (c) tat-Trattat KE?

2)      Jekk, b'mod partikolari, l-Artikolu 4 tad-[deċiżjoni kkontestata] huwa invalidu u inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, fis-sens li l-Kummissjoni

a)      kisret id-dmir li tipprovdi raġunijiet xierqa skond l-Artikolu 253 KE u/jew

b)      kisret il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u/jew

c)      kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità?

3)      Sussidjarjament, jekk l-interpretazzjoni korretta ta' l-Artikoli 87 et seq tat-Trattat KE, ta' l-Artikolu 14 tar-[Regolament Nru 659/1999] u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, ta' dawk [tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità], tostakola l-applikazzjoni ta' l-ewwel Artikolu tad-[digriet Nru 282/02]?"

 IV – Il-proċeduri l-oħra pendenti quddiem l-Imħallef Komunitarju

30     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Frar 2002 (kawża C-66/020), ir-Repubblika Taljana ressqet kontra l-Kummissjoni rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fuq liema l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet llum b'sentenza separata.

31     Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Frar u fil-11 ta' April 2002, l-Associazione bancaria italiana (ABI) (T-36/02), il-Banca Sanpaolo IMI SpA (T-37/02), il-Banca Intesa Banca Commerciale italiana SpA (T-39/02), il-Banca di Roma SpA (T-40/02), il-Mediocredito Centrale SpA (T-41/02), il-Banca Monte dei Paschi di Siena SpA (T-42/02), kif ukoll il-Compagnia di San Paolo Srl (T-121/02) ressqu ukoll rikorsi għal annullament ta' l-istess deċiżjoni kontra l-Kummissjoni. Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbilità tar-rikorsi, ibbażata fuq nuqqas ta' interess individwali tar-rikorrenti, peress li l-għajnuniet in kwistjoni ma jikkostitwixxux, fl-opinjoni tagħha, għajnuniet individwali, imma jaqgħu taħt skema ta' għajnuniet. Permezz ta' digrieti tad-9 ta' Lulju 2003, il-Qorti tal-Prim'Istanza ssospendiet is-seba' proċedimenti sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża C-66/02. Appelli tressqu mir-rikorrenti kontra d-digrieti għal sospensjoni fil-kawżi T-36/02, T-37/02, T-39/02, T-40/02, T-41/02 u T-42/02. Permezz ta' digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2003, ABI et vs il-Kummissjoni (C-366/03 P sa C-368/03 P, C-390/03 P, C-391/03 P u C-394/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), l-imsemmija appelli ġew miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

 V – Fuq id-domandi preliminari

32     B'mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li minkejja li l-Kummissjoni tqajjem, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-kwistjoni ta' l-ammissibilità ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul fuq it-talba ta' Unicredito, benefiċjarja ta' waħda mill-miżuri eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata u rrapreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza minn ABI fil-kuntest tal-proċedura T-36/02, hi tammetti li l-preżenti rinviju għal deċiżjoni preliminari hu ammissibbli fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-bank ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, hi tinvoka l-inammissibilità ta' l-ewwel domanda ppreżentata (ara punt 42 tal-preżenti sentenza).

33     Għandu jingħad imbagħad li r-rikors prinċipali huwa indirizzat kontra tliet deċiżjonijiet impliċiti ta' rifjut għal talbiet għal rifużjoni tas-somom relatati mal-benefiċċju fiskali li gawdiet minnhom Unicredito, matul is-snin finanzjarji 1998, 1999 u 2000, minħabba t-tnaqqis ta' taxxa.

34     Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, huwa ma jikkonċernax il-miżuri l-oħra, previsti mid-digriet Nru 153/99, li ukoll ġew eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata u meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

35     Għaldaqstant, l-ewwel żewġ domandi preliminari għandhom jinftehmu bħala maħsuba sabiex tiġi evalwata l-validità, rispettivament, ta' l-Artikoli 1 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn jirrigwardaw unikament it-tnaqqis ta' taxxa. Rigward it-tielet domanda, hi għandha tinftiehem bħala maħsuba sabiex jiġi ppreċiżat jekk l-Artikoli 87 et seq tat-Trattat KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu miżura nazzjonali bħal ma hu d-digriet Nru 282/02.

 A – Fuq l-ewwel domanda

36     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, li, kuntrarjament għat-tieni domanda, ma tikkonċernax l-Artikolu 253 KE, il-qorti tar-rinviju titlob, fuq il-mertu, jekk l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwiex invalidu fid-dawl ta' l-Artikolu 87 KE, safejn il-Kummissjoni tqis it-tnaqqis ta' taxxa bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

 1. L-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37     Unicredito ssostni li l-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99 jirrapreżentaw il-kontinwità storika u l-ikkompletar tal-proċess ta' ristrutturar u ta' privatizzazzjoni tas-sistema bankarja mibdi fl-1990 permezz tal-liġi Nru 218/90.

38     Hi ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 87(1) u (3)(b) u (c) KE inkwantu t-tnaqqis ta' taxxa:

–       ma jikkostitwixxix miżura selettiva, imma miżura ta' karattru ġenerali, u li, f'kull każ, id-differenzjar li hi adottat huwa ġġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema fiskali;

–       ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma jwassalx għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni;

–       kellu jkun is-suġġett ta' eżami konkret f'kull waħda mill-operazzjonijiet effettwati;

–       kellu jiġi eżaminat mil-lat tal-kunċett ta' "għajnuna de minimis", possibbiltà li l-Kummissjoni eskludiet immedjatament fin-nuqqas ta' kwalsiasi sħarriġ;

–       huwa kompatibbli mas-suq komuni, safejn huwa jista' jiġi meqjus bħala għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-attwazzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, safejn huwa jagħmel parti mill-kuntest ta' privatizzazzjoni tas-sistema bankarja Taljana, jew bħala għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet.

39     Il-Gvern Taljan iqis ukoll li d-deċiżjoni kkontestata hija invalida. Fl-opinjoni tiegħu, il-benefiċċju fiskali mogħti ma jikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat ipprojbita.

40     Tali benefiċċju jagħmel parti minn raġunar ta' kontinwità u ta' estensjoni ta' regola preċedenti stabbilita mil-liġi Nru 218/90, li kienet tipprevedi benefiċċji aktar importanti f'termini sostanzjalment simili. L-għan tagħha kien li tikkompleta l-proċess ta' privatizzazzjoni tal-banek pubbliċi billi ttemm is-segmentazzjoni żejda tas-sistema bankarja Taljana, li kienet il-konsegwenza diretta ta' l-istat tal-banek Taljani bħala istituzzjonijiet pubbliċi u li ġie eliminat biss in parti permezz tal-liġi Nru 218/90.

41     Il-Gvern Taljan jenfasizza li t-tnaqqis ta' taxxa huwa applikabbli ukoll għall-operazzjonijiet li jinvolvu l-fergħat Taljani ta' banek Komunitarji.

42     Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel domanda mhijiex ammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi d-deċiżjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni. Issa, skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tal-kompatibilità ta' miżuri ta' għajnuniet jew ta' skema ta' għajnuniet mas-suq komuni taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, suġġetta għal skrutinju tal-Qorti Komunitarja. Konsegwentement, qorti nazzjonali ma tistax, fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domandi rigward il-kompatibilità mas-suq komuni ta' għajnuna mogħtija mill-Istat jew ta' skema ta' għajnuniet (digriet ta' l-24 ta' Lulju 2003, Sicilcassa et, C-297/01, Ġabra p. I-7849, punt 47).

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43     Kontrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibilità tat-tnaqqis ta' taxxa mas-suq komuni minflok il-Kummissjoni. Id-domanda mressqa tikkonċerna biss l-eżami tal-validità ta' deċiżjoni effettivament meħuda mill-Kummissjoni dwar din il-kompatibilità. Hija għalhekk ammissibbli.

–       a) Fuq is-selettività tat-tnaqqis ta' taxxa

44     L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi għajnuna li "tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi", jiġifieri l-għajnuniet selettivi.

45     Għajnuna tista' tkun selettiva fir-rigward ta' din id-dispożizzjoni anki meta hi tikkonċerna settur ekonomiku sħiħ (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Ġunju 1999, Il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 33).

46     F'dan il-każ, it-tnaqqis ta' taxxa japplika għas-settur bankarju. L-impriżi f'setturi ekonomiċi oħra ma jibbenefikawx minn dan it-tnaqqis.

47     Barra minn hekk, fi ħdan is-settur bankarju, huwa jibbenefika biss lill-impriżi li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija.

48     Mingħajr ma kien hemm lok għal evalwazzjoni jekk, kif issostnieh il-Kummissjoni fil-punt 33 tar-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis ta' taxxa jibbenefika aktar lill-impriżi ta' daqs kbir, għandu madankollu jiġi kkonstatat li din il-miżura hija selettiva meta mqabbla mas-setturi ekonomiċi l-oħra u fi ħdan is-settur bankarju nnifsu.

49     Peress li ma tapplikax għall-operaturi ekonomiċi kollha, hija ma tistax titqies bħala miżura ġenerali ta' politika fiskali jew ekonomika.

50     Hi tidderoga, fil-fatt, mill-iskema fiskali ta' dritt komuni. L-impriżi benefiċjarji jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali li ma kienx ikollhom dritt għalih skond l-applikazzjoni normali ta' din l-iskema u li ma jistgħux jiġu mitluba minn impriżi ta' setturi oħra li jwettqu operazzjonijiet analogi jew impriżi tas-settur bankarju li ma jwettqux operazzjonijiet bħal dawk imsemmija.

51     It-tnaqqis ta' taxxa mhuwiex ġustifikat min-natura u l-ekonomija tas-sistema fiskali in kwistjoni (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-2 ta' Lulju 1974, l-Italja vs il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709, punt 33). Huwa ma jikkostitwixxix adattament tas-sistema ġenerali għall-karatteristiċi partikolari ta' l-impriżi bankarji. Jirriżulta mill-proċess li huwa ġie ppreżentat b'mod espliċitu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala mezz ta' titjib tal-kompetittività ta' ċerti impriżi f'mument partikolari ta' l-iżvilupp tas-settur.

52     L-ilment ibbażat fuq nuqqas ta' selettività tat-tnaqqis ta' taxxa huwa għaldaqstant infondat.

–       b) Fuq l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u d-distorsjoni ta' kompetizzjoni

53     L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuniet li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jwasslu għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni.

54     Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni ta' dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, mhux li tistabbilixxi effett reali ta' l-għajnuniet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, imma biss li teżamina jekk dawn l-għajnuniet għandhom mnejn jaffettwaw dan il-kummerċ u jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44).

55     L-inkompatibilità ta' għajnuna mas-suq komuni għandha definittivament tiġi kkonstatata ladarba hija taffettwa jew għandha mnejn taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju u għandha effett ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li teżisti fil-kuntest ta' dan il-kummerċ.

56     B'mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dan ta' l-aħħar għandu jitqies bħala affettwat mill-għajnuna (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11, tat-22 ta' Novembru 2001, Ferring, C-53/00, Ġabra p. I-9067, punt 21, u tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

57     F'dan ir-rigward, il-fatt li settur ekonomiku kien liberalizzat fuq il-livell Komunitarju huwa tali li juri effett reali jew potenzjali ta' l-għajnuniet fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħhom fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tat-13 ta' Frar 2003, Spanja vs il-Kummissjoni, C-409/00, Ġabra p. I-1487, punt 75).

58     Barra minn hekk, mhuwiex meħtieġ li l-impriża benefiċjarja tipparteċipa hi stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista' tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet ta' l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta' dan l-Istat Membru jonqsu (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Marzu 2002, l-Italja vs il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 84). Barra minn hekk, tisħiħ ta' impriża li, sa dak iż-żmien, ma kinitx tipparteċipa fil-kummerċ intra-Komunitarju jista' jqiegħdha f'sitwazzjoni li tippermettilha tippenetra s-suq ta' Stat Membru ieħor.

59     Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis ta' taxxa jsaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-impriżi benefiċjarji meta mqabbla ma' l-impriżi attivi fil-kummerċ intra-Komunitarju.

60     Għandu jiġi kkonstatat ukoll li s-settur tas-servizzi finanzjarji kien is-suġġett ta' proċess importanti ta' liberalizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, li żied il-kompetizzjoni li setgħet tirriżulta diġà mill-moviment liberu tal-kapital previst mit-Trattat KE.

61     Issa, jirriżulta mill-proċess li, waqt l-adozzjoni tiegħu, it-tnaqqis ta' taxxa ġie ppreżentat fin-nota spjegattiva ta' l-abbozz ta' liġi li ta bidu għal-liġi Nru 461/98 bħala mezz sabiex jiġi evitat li, minħabba defiċit sinifikanti fis-sistema bankarja Taljana meta mqabbla mal-kompetituri Ewropej tagħha, is-seħħ ta' l-Unjoni monetarja jfisser, fil-fatt, degradazzjoni tas-sistema Taljana favur il-banek Ewropej l-aktar b'saħħithom.

62     Il-benefiċċju, fuq il-livell ta' kompetittività, mogħti permezz tat-tnaqqis ta' taxxa lill-operaturi stabbiliti fl-Italja huwa tali li jrendi aktar diffiċli l-penetrazzjoni tas-suq Taljan minn operaturi ta' Stati Membri oħra jew, saħansitra, li jiffaċilita l-penetrazzjoni ta' swieq oħra minn operaturi stabbiliti fl-Italja.

63     Il-fatt, invokat mill-Gvern Taljan li t-tnaqqis ta' taxxa huwa wkoll aċċessibli, fl-Italja, għall-fergħat ta' banek ta' Stati Membri oħra mhuwiex tali li jimpedixxi dawn l-effetti.

64     Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta' impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u nuqqas ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni mhumiex fondati.

c) Fuq in-nuqqas ta' eżami konkret min-naħa tal-Kummissjoni ta' kull waħda mill-operazzjonijiet effettwati

65     Huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana ma nnotifikatx lill-Kummissjoni:

–       bl-għajnuniet individwali fir-rigward ta' banek partikolari;

–       bil-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99, inkwantu skema ta' għajnuniet.

66     Il-Kummissjoni, ex officio, bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, f'dak li jirrigwarda l-liġi Nru 461/98 u d-digriet Nru 153/99, eżaminati inkwantu skema ta' għajnuniet.

67     Fil-każ ta' skema ta' għajnuniet, il-Kummissjoni tista' tillimita ruħha biex teżamina l-karatteristiċi ġenerali ta' l-iskema in kwistjoni, mingħajr ma tkun fl-obbligu li teżamina kull każ ta' applikazzjoni partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Ottubru 2000, l-Italja u Sardegna Lines vs il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 51, u tad-29 ta' April 2004, il-Greċja vs il-Kummissjoni, C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 24), sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinvolvix elementi ta' għajnuna.

68     L-ilment ibbażat fuq nuqqas ta' eżami ta' kull waħda mill-operazzjonijiet li jinvolvu tnaqqis ta' taxxa mhuwiex għalhekk fondat.

d) Fuq l-eżami tat-tnaqqis ta' taxxa mil-lat tal-kunċett ta' "għajnuna de minimis"

69     Peress li eżaminat skema ta' għajnuniet u mhux għajnuniet individwali, il-Kummissjoni ma kinitx fl-obbligu li teżamina kull każ ta' applikazzjoni partikolari ta' l-iskema li ma wassalx għall-eċċess ta' l-ammont massimu ta' għajnuna de minimis iffissata mill-komunikazzjoni 96/C 68/06, dwar għajnuniet de minimis (ĠU 1996, C 68, P. 9).

70     L-ilment ibbażat fuq nuqqas ta' eżami tat-tnaqqis ta' taxxa mil-lat tal-kunċett ta' "għajnuna de minimis" mhuwiex għalhekk fondat.

e) Fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(3)(b) u (c) KE

71     B'mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tgawdi, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(3) KE, minn diskrezzjoni wiesgħa ta' evalwazzjoni li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet ta' natura ekonomika u soċjali li għandhom isiru f'kuntest Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tivverifika l-legalità ta' l-eżerċizzju ta' tali libertà, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik ta' l-awtorità kompetenti, iżda għandha tillimita ruħha li teżamina jekk l-evalwazzjoni ta' din ta' l-aħħar hijiex vizzjata bi żball manifest jew abbuż ta' poter (ara s-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Franza vs il-Kummissjoni, C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

i) Fuq il-kunċett ta' "għajnuniet maħsuba sabiex jippromwovu l-attwazzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni"

72     L-Artikolu 87(3)(b) KE jippermetti lill-Kummissjoni li tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuniet maħsuba sabiex jippromwovu l-attwazzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni.

73     Fil-punt 45 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri in kwistjoni għandhom bħala għan it-tisħiħ tas-sistema bankarja Taljana billi jingħata vantaġġ prinċipalment lill-operaturi ekonomiċi ta' Stat Membru u mhux tal-Komunità fl-intier tagħha.

74     F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li jirriżulta min-nota spjegattiva ta' l-abbozz tal-liġi li ta bidu għal-liġi Nru 461/98 li, b'mod partikolari, it-tnaqqis ta' taxxa għandu tendenza essenzjalment li jtejjeb il-kompetittività ta' l-operaturi stabbiliti fl-Italja biex isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq intern.

75     Għaldaqstant, meta eskludiet il-kwalifikazzjoni ta' "proġett ta' interess Ewropew komuni", il-Kummissjoni ma għamlitx żball manifest ta' evalwazzjoni.

76     Unicredito u l-Gvern Taljan ma jistgħux raġonevolment isostnu li l-miżuri kkontestati huma parti mill-qafas ta' l-ikkompletar ta' proċess ta' privatizzazzjoni, li jista' jikkostitwixxi proġett ta' interess Ewropew komuni.

77     Fil-fatt, proċess ta' privatizzazzjoni adottat minn Stat Membru ma jistax jitqies, minnu nnifsu, li jikkostitwixxi proġett ta' interess Ewropew komuni.

78     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 87(3)(b) KE mhuwiex fondat.

ii) Fuq il-kunċett ta' "għajnuniet maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet"

79     L-Artikolu 87(3)(c) KE jippermetti lill-Kummissjoni li tiddikjara bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuniet maħsuba sabiex jaġevolaw l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet.

80     Fil-punt 47 tar-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrimarka li ebda karatteristika ta' l-iskema ta' għajnuniet eżaminata ma tippermetti l-konklużjoni li hi kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(3)(c) KE.

81     Hija tenfasizza li, fl-opinjoni tagħha, hija ma ssodisfatx il-kriterju, stabbilit minn din id-dispożizzjoni, li l-għajnuniet in kwistjoni ma għandhomx ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess komuni.

82     Billi rrimarkat, fuq dan l-aħħar punt, li, b'mod partikolari, it-tnaqqis ta' taxxa għandu essenzjalment bħala effett li jtejjeb il-kompetittività tal-benefiċjarji f'settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni internazzjonali intensa, u wara li enfasizzat preċedentement li hi fil-fatt maħsuba sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna meta mqabbla mal-kompetituri li ma jgawdux minnha, il-Kummissjoni teskludi b'mod impliċitu li t-tnaqqis ta' taxxa hu maħsub għall-"iżvilupp" ta' l-attività bankarja b'mod ġenerali.

83     Fid-dawl tar-raġunijiet imsemmija waqt l-eżami ta' l-ilmenti preċedenti, f'dak li jikkonċerna l-karatteristiċi tat-tnaqqis ta' taxxa, għandu jingħad li din l-analiżi tal-Kummissjoni mhix ir-riżultat ta' żball manifest ta' evalwazzjoni.

84     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 87(3)(c) mhuwiex fondat.

 B – Fuq it-tieni domanda

85     Permezz tat-tieni domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti nazzjonali tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata huwiex invalidu inkwantu l-ordni għall-irkupru ta' l-għajnuniet li hemm fl-imsemmi Artikolu mhix sostnuta minn raġunijiet skond l-Artikolu 253 KE u jikser il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità.

1. Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

86     Unicredito tqis li l-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha li ma tirrikorrix għall-possibbiltà, li hi kellha għad-dispożizzjoni tagħha skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li ma titlobx l-irkupru ta' l-għajnuna, meta tali rkupru jkun kontra l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi.

87     Hi ssostni li l-liġi Nru 218/90 kienet meqjusa bħala legali mill-Kummissjoni u li l-kontenut tal-liġi Nru 461/98 huwa assolutament konformi ma' dak ta' l-imsemmija liġi. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana kellha tibbenefika minn preżunzjoni ta' legalità f'dak li jirrigwarda l-liġi Nru 461/98.

88     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka ż-żmien li ddekorra mill-adozzjoni tal-liġi Nru 218/90.

89     L-aġir tal-Kummissjoni fir-rigward ta' din il-liġi jikkostitwixxi ipoteżi "eċċezzjonali" ta' aspettattivi leġittimi li teżonera lill-benefiċjarji privati mir-rifużjoni ta' l-għajnuna.

90     L-eżistenza ta' aspettattivi leġittimi tirriżulta mill-miżura prevista fl-Artikolu 7(3) tal-liġi Nru 218/90, li tinvolvi mekkaniżmu ta' applikazzjoni li hu sostanzjalment identiku għal dak tat-tnaqqis ta' taxxa.

91     Aspettattiva leġittima setgħet, barra minn hekk, tkun konfermata mill-fatt li, f'dak li jikkonċerna l-banek, l-operazzjonijiet kollha mwettqa li gawdew mill-miżuri fiskali in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienu s-suġġett ta' awtorizzazzjonijiet tal-Banca d'Italia, awtorità li hi speċifikament responsabbli għall-verifika tar-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju.

92     Fiċ-ċirkostanzi in eżami, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' ċertezza legali meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-riskju konkret ta' kwistjoni interna sinifikanti.

93     Unicredito ssostni, fid-dawl ta' l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li l-Kummissjoni kellha tassigura r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità fl-istadju ta' l-ordni għall-irkupru ta' l-għajnuniet.

94     Meta ordnat l-irkupru, mhux gradwali, iżda komplet, perentorju u immedjat ta' l-għajnuniet, il-Kummissjoni ma pproċedietx għal regolarizzazzjoni konformi ma' dan il-prinċipju.

95     Il-Kummissjoni kellha tqabbel it-tnaqqis ta' taxxa mal-benefiċċji li l-banek setgħu jieħdu mill-iskema fiskali ta' dritt komuni, li kieku adottaw operazzjonijiet strutturati b'mod differenti.

96     Il-Gvern Taljan isostni li, qabel it-tnaqqis ta' taxxa, il-legalità skond l-Artikolu 87 KE tad-dispożizzjonijiet analogi tal-liġi Nru 218/90, jiġifieri l-Artikolu 7(3) ta' din ta' l-aħħar, ma kinitx ġiet ikkontestata.

97     Il-Kummissjoni tqis li, fid-deċiżjoni kkontestata, hi eżaminat fil-fond il-kwistjoni ta' l-irkupru ta' l-għajnuniet. Hi żżid li, f'kull każ, hi mhijiex obbligata, skond il-ġurisprudenza, li tagħti raġunijiet speċifiċi sabiex tiġġustifika l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tordna lill-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw l-għajnuniet.

98     Għall-bqija, il-Kummissjoni tqis li l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità mhumiex fondati.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq ir-raġunijiet ta' ordni għall-irkupru

99     Il-kundizzjoni ta' raġunijiet prevista fl-Artikolu 253 KE għandha, bħala regola ġenerali, tiġi evalwata fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-kawża, b'mod partikolari tal-kontenut ta' l-att, tan-natura tar-raġunijiet mogħtija u ta' l-interess li d-destinatarju tiegħu jista' jkollu li jingħata spjegazzjonijiet. Madankollu, fil-qasam ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat, meta, kontrarjament għad-dispożizzjoniijiet ta' l-Artikolu 88(3) KE, l-għajnuna tkun diġà ngħatat, il-Kummissjoni, li għandha s-setgħa li tintima l-awtoritajiet nazzjonali jordnaw ir-rifużjoni, mhijiex obbligata tagħti raġunijiet speċifiċi sabiex tiġġustifika l-eżerċizzju tagħha (is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq il-Belġju vs il-Kummissjoni, punti 81 u 82, tas-7 ta' Marzu 2002, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 106, u tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, punt 129).

100   Huwa paċifiku li r-Repubblika Taljana ma nnotifikatx lill-Kummissjoni, qabel ma daħħlet fis-seħħ l-iskema li tipprevedi t-tnaqqis ta' taxxa.

101   Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti raġunijiet speċifiċi sabiex issostni l-ordni għall-irkupru.

102   F'kull każ, jidher li, kontrarjament għall-affermazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata fiha, fil-punti 49 sa 57 u 62 tar-raġunijiet tagħha, motivazzjoni dettaljata, fir-rigward ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżiġi r-rifużjoni ta' l-għajnuniet in kwistjoni.

103   L-ilment ibbażat fuq raġunijiet insuffiċjenti għall-ordni ta' rkupru ma tistax għaldaqstant tiġi milqugħa.

b) Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.

104   Fid-dawl tan-natura mandatorja ta' l-eżami ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88 KE, l-impriżi benefiċjarji ta' għajnuna ma jistax ikollhom, bħala regola, aspettattivi leġittimi rigward ir-regolarità ta' l-għajnuna ħlief jekk din kienet tkun ġiet mogħtija skond il-proċedura prevista mill-imsemmi Artikolu u, min-naħa l-oħra, li operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jassigura li din il-proċedura ġiet irrispettata. B'mod partikolari, meta għajnuna tingħata mingħajr notifikazzjoni minn qabel lill-Kummissjoni, b'tali mod li hija illegali skond l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna ma jistax ikollu, f'dak il-waqt, aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta' l-għoti ta' din l-għajnuna (sentenza tal-11 ta' Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs il-Kummissjoni, C-183/02 P u C-187/02 P, Ġabra p. I-10609, punti 44 u 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). La l-Istat Membru in kwistjoni u lanqas l-operatur konċernat ma jistgħu jinvokaw aktar il-prinċipju ta' ċertezza legali sabiex jostakolaw ir-rifużjoni ta' l-għajnuna, peress li l-possibbiltà ta' kwistjoni interna, mqajma minn Unicredito, hija prevedibbli sa mit-tqegħid fis-seħħ ta' l-għajnuna.

105   Huwa paċifiku li l-miżuri li jinsabu fil-liġi Nru 218/90 ma ġew qatt innotifikati lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, fir-rigward ta' l-allegazzjoni li l-miżura prevista fl-Artikolu 7(3) ta' din il-liġi kellha analoġija qariba mat-tnaqqis ta' taxxa, biżżejjed jingħad li l-miżura invokata ma ġietx eżaminata mill-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, iż-żmien li ddekorra mill-adozzjoni ta' l-imsemmija liġi, invokat minn Unicredito, mhux rilevanti. Barra minn hekk, anke li kieku ż-żewġ miżuri suċċessivi jagħmlu parti, hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, minn raġunar ta' kontinwità u ta' estensjoni ta' waħda meta mqabbla ma' l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni ma intervjenietx fir-rigward ta' l-ewwel skema mhix rilevanti, ladarba l-iskema in kwistjoni fil-kawża preżenti, eżaminata separatament minn dik ta' qabel, tiffavorixxi ċerti impriżi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Ġunju 1988, il-Greċja vs il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 10).

106   Dwar id-deċiżjonijiet 1999/288 u 2000/600, imsemmija mill-qorti tar-rinviju (ara punt 26 tas-sentenza preżenti), għandu jiġi osservat li huma jikkonċernaw għajnuniet mogħtija lil banek benefiċjarji identifikati u jirrigwardaw miżuri differenti minn dawk in kwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri żidiet tal-kapital azzjonarju, self mogħti mill-Banca d'Italia, trasferiment lil bank ta' investiment fi Trésor kif ukoll tnaqqis fiskali għal atti li jikkonċernaw prinċipalment operazzjonijiet ta' ċessjoni ta' impriża, ta' fergħat ta' impriża u ta' proprjetà. Il-fatt li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni ma tkunx ikkunsidrat x'uħud mill-miżuri li jinsabu fil-liġi Nru 218/90 bħala inkompatibbli mas-suq komuni ma jimplikax, min-naħa tiegħu, deċiżjoni pożittiva fir-rigward tal-miżuri kollha previsti minn din il-liġi.

107   Rigward l-awtorizzazzjonijiet li, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ġew mogħtija mill-Banca d'Italia għal kull operazzjoni li tinvolvi tnaqqis ta' taxxa favur il-banek, biżżejjed jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni ta' kompatibilità ta' għajnuna mas-suq komuni taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, b'tali mod li l-operatur ekonomiku diliġenti ma jistax ikollu aspettattivi leġittimi f'deċiżjoni li ma toħroġx minn din l-istituzzjoni.

108   Fl-aħħarnett, ma jistax jiġi effettivament sostnut li, peress li l-banek ikkonċernati qiesu l-għajnuna mogħtija taħt it-tnaqqis ta' taxxa fl-evalwazzjoni tagħhom tal-vijabilità ta' l-operazzjonijiet li huma kienu jwettqu, l-irkupru ta' din l-għajnuna jippreġudika l-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi.

109   Fil-fatt, l-irkupru ta' għajnuna mogħtija mingħajr rispett tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE tikkostitwixxi riskju previddibli għall-operatur li jgawdi minha.

110   Barra minn hekk, hekk kif tirrimarka l-Kummissjoni, l-impriżi benefiċjarji ta' għajnuna illegali ġeneralment jieħdu in kunsiderazzjoni l-ammont ta' din l-għajnuna fl-għażliet ekonomiċi tagħhom u l-irkupru ulterjuri ta' din l-għajnuna għandu, bħala regola ġenerali, effett negattiv fuq il-finanzi tagħhom. Jekk tali sitwazzjoni kellha tostakola l-irkupru, l-għajnuniet jibqgħu definittivament miksuba mill-benefiċjarji kważi fil-każijiet kollha u l-eżami Komunitarju ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat jisfa mingħajr effikaċja.

111   Fid-dawl ta' l-elementi preċedenti, Unicredito ma tistax għaldaqstant tippretendi li l-benefiċjarju ta' għajnuna illegali, jista' jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu leġittimament joħolqulu aspettattivi leġittimi fir-rigward tan-natura legali ta' din l-għajnuna (ara s-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

112   Fl-aħħarnett, għandu jingħad li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali huwa infondat.

c) Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

113   It-tneħħija ta' għajnuna illegali permezz ta' irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni ta' l-illegalità tagħha. Dan l-irkupru bil-għan li terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti ma jistax, bħala regola ġenerali, jiġi meqjus bħala miżura sproporzjonata meta mqabbel ma' l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat. Permezz tar-rifużjoni, il-benefiċjarju jitlef il-benefiċċju li kien gawda fuq is-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti ta' l-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, l-Italja vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 103 u 104, kif ukoll il-ġurisprudenza iċċitata).

114   L-ammonti li għandhom jingħataw lura ma jistgħux jiġu ddeterminati billi jitqiesu operazzjonijiet differenti li setgħu jiġu implementati mill-impriżi li kieku ma kinux għażlu t-tip ta' operazzjoni li hi intitolata għall-għajnuna.

115   Fil-fatt, din l-għażla saret minkejja li kienu konxji tar-risku ta' rkupru ta' l-għajnuniet mogħtija mingħajr rispett tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

116   L-impriżi imsemmija setgħu jevitaw dan ir-riskju billi jagħżlu mill-ewwel operazzjonijiet strutturati mod ieħor.

117   Barra minn hekk, f'ċirkostanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti tfisser ir-ritorn, sakemm hu possibbli, għas-sitwazzjoni li kienet tirriżulta jekk l-operazzjonijiet in kwistjoni kienu twettqu mingħajr l-għoti tat-tnaqqis ta' taxxa.

118   Dan l-istabbiliment mill-ġdid ma jfissirx bini mill-ġdid differenti tal-passat skond elementi ipotetiċi bħall-għażliet, spiss diversi, li setgħu jsiru mill-operaturi kkonċernati, peress li l-għażliet li effettivament saru mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna jistgħu jkunu irriversibbli.

119   L-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti tippermetti biss il-kunsiderazzjoni, fl-istadju ta' l-irkupru ta' l-għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali, tat-trattament fiskali jekk ikun aktar favorevoli minn dak tad-dritt komuni li, fin-nuqqas ta' għajnuna illegali u skond regoli interni li huma kompattibbli mad-dritt Komunitarju, kien jingħata skond l-operazzjoni li effettivament twettqet.

120   L-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità mhuwiex għaldaqstant fondat.

121   Jirriżulta mill-konsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-eżami ta' l-ewwel żewġ domandi mressqa ma ħarġux elementi tali li jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

 C – Fuq it-tielet domanda

122   Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 87 et seq KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità jipprojbixxux miżura nazzjonali li tordna r-rifużjoni ta' għajnuna skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li kklassifikat din l-għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq komuni u li l-eżami tagħha fid-dawl ta' dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali ma wriex elementi tali li jaffettwaw il-validità.

123   F'dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li miżura nazzjonali li titlob ir-rifużjoni ta' għajnuna skond deċiżjoni tal-Kummissjoni hija illegali meta din id-deċiżjoni tmur kontra regola tad-dritt Komunitarju.

124   Jirriżulta, bil-kontra, li jekk l-eżami ta' deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni fid-dawl ta' regoli ta' dritt Komunitarju ma juri ebda element tali li jaffetwa l-validità tagħha, l-imsemmija regoli ma jistgħux jipprojbixxu miżura nazzjonali adottata skond id-deċiżjoni tal-Kummissjoni in kwistjoni.

125   Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 87 et seq KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità ma jistgħux jipprojbixxu miżura nazzjonali li tordna r-rifużjoni ta' għajnuna skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li qieset din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li l-eżami dwar l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali ma juri ebda element tali li jaffettwa l-validità.

 Fuq l-ispejjeż

126   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tad-domandi mressqa ma wriex elementi tali li jaffettwaw il-validità tad-deċiżjoni 2002/581/KE tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Diċembru 2001, dwar l-iskema ta' għajnuniet mogħtija mill-Istat implementata mill-Italja favur il-banek.

2)      L-Artikoli 87 et seq KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, kif ukoll il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, ta' ċertezza legali u ta' proporzjonalità ma jistgħux jipprojbixxu miżura nazzjonali li tordna r-rifużjoni ta' għajnuna skond deċiżjoni tal-Kummissjoni li qieset din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li l-eżami tagħha dwar dawn l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali ma wriex elementi tali li jaffetwaw il-validità.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.