Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Settembru 2006 (*)

"Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital – Direttiva 69/335/KEE – Trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata"

Fil-kawża C-193/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2004, fil-proċedimenti

Fazenda Pública

vs

Organon Portuguesa – Produtos Químicos e Farmacêuticos Lda,

fil-preżenza ta’:

Ministério Público,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, E. Juhász (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Organon Portuguesa – Produtos Químicos e Farmacêuticos Lda, minn I. Vieira, advogada,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. F. Ferreira, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Tiemann, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström, G. Braga da Cruz u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4(3), 10(ċ), u 12(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva 69/335").

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fazenda Pública (it-Teżor Pubbliku) u l-kumpannija Organon Portuguesa – Produtos Químicos e Farmacêuticos Lda (iktar ‘il quddiem "Organon Portuguesa") dwar il-ħlas ta’ drittijiet għall-kostituzzjoni ta’ att notarili li bih jiġi reġistrat trasferiment ta’ ishma.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-ewwel premessa tad-Direttiva 69/335 tirreferi għall-objettiv tat-Trattat KEE li jfittex li jippromwovi l-moviment ħieles tal-kapital, bil-għan li tinħoloq unjoni ekonomika li għandha karatteristiċi simili għal dawk ta’ suq domestiku.

4       Fit-tieni premessa tad-Direttiva 69/335, huwa kkonstatat li t-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, li huma fis-seħħ fl-Istati Membri, jagħtu lok għal diskriminazzjoni, taxxa doppja u d-diversitajiet li jfixklu l-moviment ħieles tal-kapital u li għandhom jiġu eliminati b’armonizzazzjoni.

5       Għal dan il-għan, is-sitt u s-seba’ premessi tad-Direttiva 69/335 jikkonstataw il-bżonn ta’ l-applikazzjoni għall-ġbir ta’ kapital ta’ dazju li jista’ jiġi mitlub darba biss fis-suq komuni, li għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha u armonizzata f’dak li jirrigwarda l-istruttura u r-rati tiegħu. Fl-aħħar, it-tmien premessa ta’ din id-Direttiva taħseb għat-tneħħija tat-taxxi indiretti l-oħra kollha bl-istess karatteristiċi bħal dan id-dazju kapitali uniku.

6       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 69/335, "[l]-Istati Membri għandhom jimponu ħlas fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lil kumpanniji ta’ kapital taxxa armonizzata […]".

7       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 69/335 jistabbilixxi l-lista ta’ operazzjonijiet li jagħtu lok għall-impożizzjoni ta’ dazju kapitali. Dawn l-operazzjonijiet essenzjalment jirrigwardaw il-formazzjoni ta’ kumpannija kapitali fis-sens ta’ din id-Direttiva jew iż-żieda fil-kapital ta’ tali kumpannija. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jaqra kif ġej:

""Formazzjoni, fis-sens tal-paragrafu 1 (a), m’għandha tinkludi ebda alterazzjoni ta’ l-istrument jew ir-regolamenti kostitwenti ta’ kumpannija kapitali, u b’mod partikolari:

a)      il-konverżjoni ta’ kumpannija kapitali f’tip differenti ta’ kumpannija kapitali;

b)      it-trasferiment minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor taċ-ċentru effettiv ta’ ammini[s]trazzjoni jew ta’ l-uffiċju rreġistrat ta’ kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li hi kkunsidrata fiż-żewġ Stati Membri, għall-iskopijiet li jiġi mpost dazju kapitali, bħala kumpannija kapitali;

ċ)      bidla fl-objettivi ta’ kumpannija kapitali;

d)      l-estenzjoni tal-perjodu ta’ eżistenza ta’ kumpannija kapitali."

8       Skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335:

"Barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda ntaxxar affattu, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu għal profit:

a)      fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

b)      fir-rigward ta’ kontribuzjonijiet, self jew il-provvista ta’ servizzi, li jsiru bħala parti mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4;

ċ)      fir-rigward ta’ reġistrazzjoni jew kull formalità oħra meħtieġa qabel il-bidu ta’ negozju li għalih kumpanija, ditta, assoċjazzjoni, jew persuna ġuridika li taħdem għall-profitt tista’ tkun soġġetta għar-raġuni tal-forma ġuridika tagħha."

9       L-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335 jiddisponi li:

"L-Istati Membri m’għandhom [jas]soġġett[aw] għal ebda forma ta’ tassazzjoni:

a)      il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-Borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma jew sigurtajiet oħrajn ta’ l-istess tip […]

[…]"

10     Fl-aħħar, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335 jipprovdi li:

« "1.      Minkejja l-Artikoli 10 u 11, l-Istati Membri […] jistgħu jimponu:

a)      dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le;

[…]

e)      dazji mħallsa [bħala] drittijiet;

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Skond l-Artikolu 228(1) tal-Kodiċi tal-kumpanniji kummerċjali u l-Artikolu 80(2)(h) tal-Kodiċi notarili, trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija kapitali għandu jiġi formalment irreġistrat b’att notarili. Id-drittijiet għall-kostituzzjoni ta’ tali att notarili huma stabbiliti skond it-tariffi tar-rinumerazzjonijiet notarili approvati bid-Digriet Nru 996/98, tal-25 ta’ Novembru 1998 (Diário da República I, Serje B, Nru 273, tal-25 ta’ Novembru 1998, iktar ‘il quddiem it-"tariffa"). Dawn id-drittijiet jikkonsistu f’ammont fiss (l-Artikolu 4 tat-tariffa) u f’ammont li jvarja, ikkalkulat fuq il-valur totali tat-tranżazzjoni (l-Artikolu 5(1) tat-tariffa).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Jirriżulta mill-proċess li Organon Portuguesa, kumpannija b’responsabbiltà limitata regolata mil-liġi Portugiża li, minħabba f’hekk, hija kumpannija kapitali fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 69/335, li rreġistrat trasferiment ta’ ishma, b’att notarili magħmul fil-25 ta’ Ottubru 2001 f’uffiċċju notarili ta’ Lisbona. Dan it-trasferiment mhuwiex marbut ma’ żieda fil-kapital ta’ l-imsemmija kumpannija.

13     Għall-kostituzzjoni ta’ dan l-att notarili, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni fuq imsemmija, u abbażi tal-metodu ta’ kalkolu previst f’din il-leġiżlazzjoni, Organon Portuguesa kellha tħallas drittijiet notarili fl-ammont totali ta’ 2 577 150 PTE.

14     It-Tribunal Tributário de Primeira Instância de Lisboa laqa’ r-rikors ppreżentat quddiemu minn Organon Portuguesa kontra l-att ta’ likwidazzjoni ta’ l-imsemmija drittijiet notarili. Fazenda Pública kkontestat din id-deċiżjoni u appellat quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo, li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-drittijiet miġbura għall-kostituzzjoni ta’ att pubbliku ta’ trasferiment ta’ ishma ta’ kumpannija jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(3) [tad-Direttiva 69/335]?

2)      L-Artikolu 5(1) moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(c) tat-tariffa […], fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti, huwa inkompatibbli ma’ l-Artikoli 10(ċ) u 12(1)(e) tad-Direttiva 69/335 […], safejn tistabbilixxi, għall-kostituzzjoni ta’ att pubbliku ta’ trasferiment ta’ ishma, drittiijiet iffissati esklużivament skond il-valur ta’ l-ishma ttrasferiti, mingħajr limitu ta’ l-ammont u indipendentement mill-valur tas-servizz ipprovdut?"

 Fuq id-domandi preliminari

15     Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi, għall-kostituzzjoni ta’ att notarili li bih jiġi reġistrat trasferiment ta’ ishma mhux marbut ma’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija, li għandhom jinġabru drittijiet iffissati esklużivament skond il-valur ta’ l-ishma ttrasferiti, mingħajr limitu ta’ l-ammont u indipendentement mill-valur tas-servizz ipprovdut.

16     Il-Qorti tal-Ġustizzja sejra tillimita ruħha li teżamina d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/335 li huma rilevanti sabiex tagħti tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju.

17     Skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet miġbura għall-kostituzzjoni ta’ att notarili li bih tiġi rreġistrata operazzjoni li taqa’ taħt id-Direttiva 69/335, fil-kuntest ta’ sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-fatt li n-nutara huma uffiċjali ta’ l-Istat u li d-drittijiet huma mħallsa parzjalment lill-Istat biex tiġi ffinanzjata l-ħidma tiegħu, jikkostitwixxu taxxa fis-sens ta’ din id-Direttiva (is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1999, Modelo, C-56/98, Ġabra p. I-6427, punt 23, u tal-21 ta’ Settembru 2000, Modelo, C-19/99, Ġabra p. I-7213, punt 23).

18     L-Artikolu 11(a) tad-Direttiva 69/335 tipprojbixxi kull forma ta’ tassazzjoni tal-ħolqien, tal-ħruġ, ta’ l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-Borża, tat-tqegħid fis-suq jew tan-negozjar fi stocks, ta’ ishma jew ta’ sigurtajiet oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrappreżentaw dawn is-sigurtajiet, maħruġa minn min ikun.

19     Għalhekk, din id-dispożizzjoni tirrigwarda wkoll it-taxxi mitluba għall-formalitajiet essenzjali marbuta mat-trasferiment ta’ ishma, bħalma huma d-drittijiet notarili in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

20     Madankollu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 69/335 tipprovdi derogi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-Direttiva. Fost dawn id-derogi hemm, fl-Artikolu 12(1)(a), id-"dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le". Huwa paċifiku li t-trasferiment ta’ ishma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ trasferiment ta’ titoli.

21     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Codan, C-236/97, Ġabra p. I-8679, punt 31, u d-digriet tal-5 ta’ Frar 2004, SONAE Distribuição, C-357/02, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 23) li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jippermetti l-ġbir ta’ taxxa fil-każ ta’ trasferiment ta’ titoli, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kumpannija li toħroġ dawn it-titoli hijiex ammessa għal kwotazzjoni fil-Borża u jekk it-trasferiment ta’ dawn it-titoli jkunx seħħ fil-Borża jew direttament mit-trasferent għall-akkwirent.

22     Konsegwentement, taxxa bħal dik ikkostitwita mid-drittijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 u, għaldaqstant, il-ġbir tagħha ma jmurx kontra din id-Direttiva.

23     F’dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-ammont ta’ l-imsemmija drittijiet jiżdied direttament u mingħajr limitu proporzjonalment għall-valur ta’ l-ishma ttrasferiti ma jaffettwax din il-konklużjoni (id-digriet SONAE, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25).

24     Fil-fatt, billi l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jipprovdi li t-taxxi previsti minn din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu "imposti b’rata uniformi [jew] le", huwa jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeterminaw liberament ir-rata ta’ dawn it-taxxi. Minbarra dan, dawn it-taxxi mhumiex meqjusa li jikkostitwixxu l-korrispettiv finanzjarju ta’ servizz mogħti, b’mod li l-ammont tagħhom m’għandux għalfejn ikun marbut ma’ l-ispejjeż ta’ l-imsemmi servizz u li l-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2001, SONAE, C-206/99, Ġabra p. I-4679, punti 32 sa 34, u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex jiddistingwu d-dazji mħallsa bħala drittijiet, fis-sens tad-Direttiva 69/335, minn dawk li ma jaqgħux taħt din il-kategorija mhumiex applikabbli għalihom (id-digriet SONAE, iċċitat iktar ‘il fuq, punti 26 u 27).

25     Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li d-Direttiva 69/335 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kostituzzjoni ta’ att notarili li bih jiġi rreġistrat trasferiment ta’ ishma mhux marbut ma’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija, li għandhom jinġabru drittijiet iffissati b’rata uniformi u/jew skond il-valur ta’ l-ishma ttrasferiti.

 Fuq l-ispejjeż

26     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985, ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kostituzzjoni ta’ att notarili li bih jiġi rreġistrat trasferiment ta’ ishma mhux marbut ma’ żieda fil-kapital ta’ kumpannija, li għandhom jinġabru drittijiet iffissati b’rata uniformi u/jew skond il-valur ta’ l-ishma ttrasferiti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.