Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Novembru 2006 (*)

""Moviment liberu tal-persuni – Taxxa fuq id-dħul – Pensjoni ta’ rtirar – Tassazzjoni għola fuq dawk irtirati residenti fi Stat Membru ieħor"

Fil-kawża C-520/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2004, fil-proċedura fil-kawża mressqa minn

Pirkko Marjatta Turpeinen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–       għal P.M. Turpeinen, minn K. Äimä, oikeustieteen lisensiaatti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn I. del Cuvillo Contreras u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou, G. Rozet u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 18 KE u 39 KE kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU L 180, p. 28).

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa minn P.M. Turpeinen, ċittadina Finlandiża rtirata, residenti fi Spanja meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, rigward tassazzjoni, fil-Finlandja, tal-pensjoni ta’ rtirar lilha mħallsa minn istituzzjoni finanzjarja Finlandiża.

 Il-kawża prinċipali u l-kuntest ġuridiku

3       Sa l-1998, P.M. Turpeinen kellha d-domiċilju tagħha fil-Finlandja u ħadmet bħala psikjatra tat-tfal fis-servizz pubbliku Finlandiż. Fl-1998, hija rtirat antiċipatament u ttrasferiet ruħha fil-Belġju. Fl-1999, meta rtirat definittivament, hija stabbiliet ruħha fi Spanja.

4       Id-dħul ta’ P.M. Turpeinen jikkonsisti f’pensjoni waħda ta’ rtirar imħallsa lilha mill-Kuntien Eläkevakuutus (il-fond tal-pensjonijiet tal-komuni). Skond il-ftehim ta’ taxxa doppja milħuq bejn ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta’ Spanja, din il-pensjoni ta’ rtirar, imħallsa għal attività fis-settur pubbliku, mhux taxxabbli ħlief fil-Finlandja.

5       Sa l-2001, P.M. Turpeinen kienet suġġetta għal sistema fiskali ta’ persuni residenti totalment taxxabbli, sistema li tkopri d-dħul dinji kollu tal-persuna taxxabbli. Din is-sistema tipprovdi taxxa progressiva, li skond din rata ta’ taxxa ta’ 28.5% hija applikabbli fuq id-dħul miksub fuq il-pensjoni ta’ rtirar ta’ P.M. Turpeinen.

6       Fl-2002, is-sena finanzjarja kkonċernata fil-kawża prinċipali, l-Uudenmaan verovirasto (iċ-ċentru ta’ taxxi ta’ Uudenmaa) avża lil Turpeinen li minn issa ‘l quddiem hija kienet suġġetta għas-sistema ta’ taxxa parzjali, li tkopri d-dħul ta’ oriġini Finlandiż, li japplika għaċ-ċittadini Finlandiżi li m’għandhomx domiċilju fil-Finlandja għal tliet snin konsekuttivi, skond l-Artikoli 9 u 11 tal-liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul (tuloverolaki, liġi Nru 1535/1992). Fil-kuntest ta’ din is-sistema, il-pensjoni ta’ rtirar ta’ P.M. Turpeinen ġiet suġġetta għal tnaqqis f’ras il-għajn bir-rata fissa ta’ 35% skond l-Artikoli 1(1), 2(1), 3(1) u 7 tal-liġi Finlandiża dwar taxxa fuq id-dħul u tal-kapital tal-persuni taxxabbli għall-persuni parzjalment suġġetti għat-taxxa (lähdeverolaki, Nru 627/1978).

7       Billi qieset li b’hekk tiġi intaxxata daqs li kieku kienet persuna totalment taxxabbli fil-Finlandja, jiġifieri b’mod progressiv, P.M. Turpeinen ressqet oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Uudenmaan verovirasto. Fil-fehma tagħha, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, it-trattament ta’ persuna m’għandux jinbidel meta l-korp responsabbli huwa l-istess u l-elementi kollha l-oħra, ħlief id-domiċilju, ma jkunux ġew immodifikati. Billi din l-oġġezzjoni baqgħet ma ntlaqatx, hija ppreżentat rikors quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki).

8       Billi l-hallinto-oikeus ma laqgħax ir-rikors ta’ Turpeinen, din appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Id-domandi preliminari

9       Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 18 KE, dwar id-dritt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ta’ moviment u residenza libera fit-territorji ta’ l-Istati Membri, jew l-Artikolu 39 KE, li jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed minn dawn l-Artikoli, jew it-tnejn, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, għal persuna parzjalment taxxabbli fi Stat Membru u li tgħix barra l-pajjiż, it-taxxa f’ras il-għajn applikabbli għal pensjoni ta’ rtirar mħallsa għal xogħol ta’ dritt pubbliku mill-Istat Membru li fih din il-pensjoni hija intaxxata jaqbeż, f’ċerti każijiet, it-taxxa li l-persuna taxxabbli kellha tħallas f’dan l-Istat Membru bħala residenti, u għalhekk bħala persuna totalment taxxabbli?

2)      Id-Direttiva [90/365] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija iktar ‘il fuq?"

 Fuq id-domandi preliminari

10     Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 KE u 39 KE, kif ukoll id-Direttiva 90/365, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li skond din it-taxxa fuq pensjoni ta’ rtirar mħallsa fl-Istat Membru kkonċernat lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor taqbeż, f’ċerti każijiet, it-taxxa li kellha tħallas fil-każ li din il-persuna kienet residenti f’dan l-ewwel Stat Membru.

11     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn ta’ l-aħħar għandhom mill-anqas jeżerċitaw din il-kompetenza b’ħarsien għad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar moviment u residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni Ewropea (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I-6421, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 18 KE u 39 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali.

 L-Artikoli 18 KE u 39 KE

13     L-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jivvjaġġa ġewwa u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 26). Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk il-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 39 KE.

14     Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandu l-obbjettiv li jiffaċilita, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull tip fit-territorju tal-Komunità u jipprekludu miżuri li jistgħu jagħtu żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta huma jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 37; tal-15 ta’ Ġunju 2000, Sehrer, C-302/98, Ġabra p. I-4585, punt 32, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C-109/04, Ġabra p. I-2421, punt 25).

15     Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu jew jiddisswadu ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru li jħalli l-Istat oriġinali tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment ħieles, għalhekk, jikkostitwixxi ostaklu għal din l-istess libertà anki jekk jiġu applikati indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Terhoeve, punt 39; Sehrer, punt 33, u Kranemann, punt 26).

16     Madankollu, hekk kif ġustament ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistgħux jagħmlu użu mill-moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 39 KE dawk il-persuni li wettqu l-attività professjonali tagħhom kollha fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini u ma jagħmlux użu mid-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor ħlief wara li jirtiraw, mingħajr ebda intenzjoni li jeżerċitaw attività bi ħlas. Dan jidher li huwa l-każ ta’ P.M. Turpeinen, fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali hekk kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju.

17     Billi l-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 39 KE, din għandha tiġi deċiża fuq l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 18 KE.

18     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fost dawn iċ-ċittadini li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31, u tad-29 ta’ April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 16).

19     Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq Grzelczyk, punt 33, u Pusa, punt 17).

20     Safejn ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jara li jiġi rrikonoxxut lilu, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jara lilu applikat, fl-Istat Membru fejn huwa ċittadin, trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet lilu mogħtija mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 30, u Pusa, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18).

21     Dawn l-opportunitajiet ma jkunux jistgħu fil-fatt jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba fl-ostakli magħmula lir-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti minħabba f’liġi ta’ l-Istat orġinali tiegħu li tippenalizza l-fatt li hu eżerċithom (sentenza Pusa, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 19).

22     Liġi nazzjonali li tiżvantaġġa xi ċittadini nazzjonali mill-fatt biss li eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u li rrisjedu fi Stat Membru ieħor, għalhekk toħloq inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipji li jiggwidaw l-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, jiġifieri l-garanzija ta’ l-istess trattament ġuridiku fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tiegħu (sentenza Pusa, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20).

23     Billi għamlet użu mid-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza mogħtija taħt l-Artikolu 18(1) KE, Turpeinen għalhekk tista’ tinvoka din id-dispożizzjoni kontra l-Istat oriġinali tagħha.

24     Huwa paċifiku li l-liġi Finlandiża in kwistjoni fil-kawża prinċipali daħħlet, f’ċerti każijiet, bejn iċ-ċittadini Finlandiżi li baqgħu jirrisjedu fil-Finlandja u dawk li stabbilixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, trattament differenti anqas favorevoli għal dawn ta’ l-aħħar biss minħabba l-fatt li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

25     Fil-fatt, minkejja li r-rata ta’ taxxa progressiva applikabbli għal dawk l-irtirati residenti baqgħet, skond l-ammont globali tal-pensjoni ta’ rtirar mħallas mill-korp pubbliku Finlandiż, anqas mir-rata fissa ta’ 35% applikabbli għal dawk irtirati mhux residenti, l-irtirati li jirrisjedu għal tliet snin konsekuttivi fi Stat Membru ieħor u li jirċievu pensjoni ta’ rtirar identika għandhom isostnu ħlas fiskali għola.

26     Huwa minnu li, f’materja ta’ taxxi diretti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti mhijiex, bħala regola ġenerali, komparabbli (sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 31).

27     B’hekk, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni tal-persuni residenti hija differenti minn dik tal-persuni mhux residenti fejn il-parti l-kbira tad-dħul ta’ l-ewwel huwa normalment iċċentralizzat fl-Istat ta’ residenza. Għaldaqstant, dak l-Istat għandu ġeneralment l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jevalwa l-kapaċità kontributtiva globali tal-persuna li tħallas it-taxxa filwaqt li tikkunsidra s-sitwazzjoni personali u familjari tagħha (sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33, u tal-5 ta’ Lulju 2005, D. C-376/03, Ġabra p. I-5821, punt 27).

28     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet ukoll li, meta l-persuna taxxabbli mhux residenti – impjegat jew għal rasu – tirċievi d-dħul kollu jew kważi kollu fl-Istat fejn teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha, hija, oġġettivament, tinsab fl-istess sitwazzjoni, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, bħar-residenti ta’ dan l-Istat li jeżerċita l-istess attivitajiet. It-tnejn li huma jiġu intaxxati biss f’dan l-Istat u l-portata tat-taxxa tagħhom hija l-istess (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 20).

29     Dan ir-raġunament huwa applikabbli, mutatis mutandis, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn id-dħul taxxabbli huwa kkostitwit minn pensjoni ta’ rtirar.

30     Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni fiskali Finlandiża tipprovdi li l-pensjonijiet ta’ rtirar, bħal dawk imħallsa lil Turpeinen, huma, f’dak li jirrigwarda l-persuni taxxabbli residenti, intaxxati bħal kull dħul ieħor li ġej direttament minn attività ekonomika, bl-applikazzjoni ta’ tabella progressiva u ta’ tnaqqis li jieħdu in kunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tal-persuna taxxabbli kif ukoll is-sitwazzjoni personali u familjari.

31     Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, sa fejn il-pensjoni ta’ rtirar imħallsa fil-Finlandja tikkostitwixxi d-dħul kollu jew kważi kollu tagħhom, l-irtirati mhux residenti, bħal P.M. Turpeinen, oġġettivament jinsabu, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, fl-istess sitwazzjoni bħall-irtirati residenti fil-Finlandja li jirċievu pensjoni ta’ rtirar identika.

32     Id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn liġi bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi proporzjonali għall-obbjettiv leġittimu li d-dritt nazzjonali jipprova jilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pusa, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 20).

33     L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gvern Finlandiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament fil-kawża prinċipali, ma għandu jiġi milqugħ.

34     Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali jsostni fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-objettiv ta’ semplifikazzjoni u ta’ ċarezza fis-sistema fiskali Finlandiża għall-persuni taxxabbli mhux residenti jistgħu jinkisbu permezz ta’ miżuri anqas restrittivi għall-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni milli minn taxxa li taf tkun, f’ċerti każijiet, għola minn dik li hija applikabbli għall-persuni taxxabbli li jirċievu dħul identiku.

35     Fir-rigward ta’ l-allegati diffikultajiet sabiex jirċievu t-taxxa definittiva tal-persuni taxxabbli mhux residenti, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema fiskali fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi ggarantit l-irkupru effettiv tat-taxxa.

36     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15), tippermetti lill-Stat Membru li jikseb, mingħand l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, l-informazzjoni kollha li tista’ tippermettilu jagħmel stima korretta ta’ taxxi fuq id-dħul jew kull informazzjoni li jikkunsidra neċessarja għal stima ta’ l-ammont eżatt ta’ taxxa fuq id-dħul dovuta minn persuna taxxabbli skond il-leġiżlazzjoni applikata (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37     Barra minn dan, skond id-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976, fuq l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 73, p. 18), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/44/KE tal-15 ta’ Ġunju 2001 (ĠU L 175, p. 17), Stat Membru jista’ jitlob l-assistenza ta’ Stat Membru ieħor għall-irkupru ta’ taxxi fuq id-dħul dovuti minn persuna taxxabbli residenti f’dan l-aħħar Stat Membru.

38     Barra minn dan, il-Gvern Finlandiż, waqt is-seduta, ikkonferma li, mill-1 ta’ Jannar 2006, is-sistema fiskali in kawża ġiet emendata billi, minn issa ‘l quddiem, il-pensjoni ta’ rtirar ta’ persuna parzjalment taxxabbli hija intaxxata bl-istess mod bħal dik ta’ persuna totalment taxxabbli fil-Finlandja, jiġifieri skond it-tabella progressiva, bl-istess tnaqqis fiskali u skond l-istess proċedura ta’ prospett tat-taxxa. Din is-soluzzjoni hija bbażata, skond dan il-Gvern, fuq premessi prattiċi kif ukoll fuq għażla politika li tnaqqas it-taxxi lill-persuni b’pensjoni żgħira.

39     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li t-taxxa fuq pensjoni ta’ rtirar mħallsa fl-Istat Membru kkonċernat lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor taqbeż, f’ċerti każijiet, it-taxxa li kellha titħallas fil-każ li din il-persuna kienet residenti f’dan l-ewwel Stat Membru.

40     F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interpetazzjoni tad-Direttiva 90/365.

 Fuq l-ispejjeż

41     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 18 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li taxxa fuq pensjoni ta’ rtirar mħallsa fl-Istat Membru kkonċernat lil persuna residenti fi Stat Membru ieħor taqbeż, f’ċerti każijiet, it-taxxa li kellha titħallas fil-każ fejn din il-persuna kienet residenti f’dan l-ewwel Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.