Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Jannar 2008 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sussidju għall-kostruzzjoni jew l-akkwist ta’ dar bħala abitazzjoni personali – Kundizzjoni li d-dar tkun fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat”

Fil-kawża C-152/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ April 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal u K. Gross, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi eskludiet, fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar is-sussidji fuq il-proprjetà immobbli (Eigenheimzulagengesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. 1997 I, p. 734, kif emendata mil-liġi kumplimentari baġitarja ta’ l-2004 (Haushaltsbegleitgesetz 2004, BGBl. 2003 I, p. 3076, iktar ’il quddiem l-“EigZulG”), il-proprjetajiet li jinstabu fi Stat Membru differenti minn dak tal-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli mogħti lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul, kemm jekk dawn ta’ l-aħħar huma jew mhumiex f’pożizzjoni li jiksbu sussidju paragunabbli f’dan l-Istat Membru l-ieħor, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

2        Skond l-Artikolu 1 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. 2002 I, p. 4210 (iktar ’il quddiem “EStG”):

“(1)      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul. […]

(2)      Huma wkoll suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul iċ-ċittadini Ġermaniżi li

1.      m’għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja u

2.      għandhom kuntratt ta’ impjieg li jorbothom ma’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku nazzjonali u li konsegwentament jirċievu paga mingħand fondi pubbliċi nazzjonali kif ukoll il-persuni l-oħra li joqgħodu fid-dar magħhom, li għandhom in-nazzjonalità Ġermaniża jew li m’għandhomx dħul jew li jirċievu biss dħul li huwa esklużivament taxxabbli fil-Ġermanja. Dan japplika biss għall-persuni fiżiċi li, fil-pajjiż li fih huma għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom, huma biss suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul f’miżura ekwivalenti għat-tassazzjoni parzjali.

(3)      Fuq talba tagħhom, il-persuni fiżiċi li m’għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu jiġu wkoll suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul inkwantu huma jirċievu dħul nazzjonali […]. Din l-opzjoni tapplika biss jekk almenu 90 % mid-dħul tagħhom matul is-sena kalendarja jkun suġġett għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul jew jekk id-dħul tagħhom li mhuwiex suġġett għat-taxxa Ġermaniża ma jaqbiżx EUR 6, 136 għal kull sena kalendarja; dan l-ammont għandu jitnaqqas safejn dan huwa neċessarju u xieraq fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Istat ta’ residenza. […]”

3        L-Artikolu 1 ta’ l-EigZulG jipprovdi li l-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fis-sens ta’ l-EStG għandhom dritt għal sussidju fuq il-proprjetà immobbli.

4        Skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG, dan is-sussidju jingħata għall-kostruzzjoni jew l-akkwist ta’ residenza f’dar bi proprjetà sħiħa li tinsab fit-territorju Ġermaniż jew ta’ dar bi proprjetà sħiħa li tinsab fit-territorju Ġermaniż.

5        Skond l-Artikolu ta’ din il-liġi, id-dritt għas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli jeżisti biss għas-snin kalendarji li matulhom il-benefiċjarju juża’ din id-dar bħala abitazzjoni personali. L-okkupazzjoni fid-dar, mingħajr ħlas, minn membru tal-familja tal-benefiċċjarju tippermetti wkoll l-għoti ta’ dan is-sussidju.

 Il-proċedura prekontenzjuża

6        B’ittra ta’ intimazzjoni ta’ l-4 ta’ April 2000, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG ma’ l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra mibgħuta fit-30 ta’ Mejju 2000.

7        Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata fejn stiednitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha. Peress li ma kinitx issodisfata bir-risposta ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi għal din l-opinjoni motivata, magħmula f’ittra tas-17 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

8        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors huwa in parti inammissibbli, billi, fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet biss, bl-użu tal-kliem “persuni Ġermaniżi suġġetti”, għall-persuni ta’ nazzjonalità Ġermaniża suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx testendi l-portata tar-rikors għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ nazzjonalità oħra.

9        F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li s-suġġett tar-rikors imressaq bis-saħħa ta’ l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-ittra ta’ intimazzjoni, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq eċċezzjonijiet identiċi, din il-kundizzjoni, f’kull każ, ma tasalx biex timponi koinċidenza perfetta tal-formulazzjoni tagħhom, ladarba l-għan tal-kawża ma ġiex estiż jew immodifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punti 36 u 37).

10      Barra minn dan, l-opinjoni motivata għandha tinkludi dikjarazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat KE. Min-naħa l-oħra, l-ittra ta’ intimazzjoni m’għandhiex tkun suġġetta għar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni daqstant stretti, billi din l-intimazzjoni tista’ tikkonsisti neċessarjament biss f’sunt qasir inizjali ta’ l-ilmenti. Għalhekk xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli, fil-kuntest ta’ l-opinjoni motivata, tidħol fid-detall ta’ l-ilmenti li hija ġa rreferiet għalihom b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 26).

11      F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jirriżultax mill-ittra ta’ intimazzjoni li l-Kummissjoni kellha bħala għan li tillimita s-suġġett tal-kwistjoni għas-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ġermaniżi.

12      Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 3 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 1(3) ta’ l-EStG, li jsemmi, fir-rigward ta’ l-issuġġettar tat-taxxa fuq id-dħul, il-persuni fiżiċi li m’għandhomx la d-domiċilju tagħhom u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja u li għandhom dħul f’dan l-Istat Membru, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Min-naħa l-oħra, fil-punt 5 ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni tippreċiża li, fil-fehma tagħha, l-esklużjoni tal-persuni li jeżerċitaw il-mobbiltà transkonfini ta’ l-għoti tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli hija, skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE, inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni.

13      Billi l-għan tar-rikors ma ġiex emendat jew estiż u billi l-ittra ta’ intimazzjoni indikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja l-elementi neċessarji għat-tħejjija tad-difiża tagħha, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajjma minn din ta’ l-aħħar għanda tiġi miċħuda u r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

14      Qabel kollox, għandu jiġi indikat li, bl-ittra ta’ l-4 ta’ Jannar 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja avżat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fit-22 ta’ Diċembru 2005, hija adottat il-liġi li tabroga s-sussidju fuq proprjetà immobbli (Gesetz zur Abschaffung der Eigenheimzulage, BGBl. 2005 I, p. 76).

15      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru prevalenti fl-aħħar taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-161/02, Ġabra p. I-6567, punt 6, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-26/07, Ġabra p. I-106, punt 6). Billi huwa paċifiku li l-liġi li tabroga s-sussidju fuq proprjetà immobbli ġiet fis-seħħ wara li skada dan it-terminu, m’hemmx lok li din tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

16      Skond ġurisprudenza stabbilita, minkejja li t-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, dawn għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza skond id-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 29; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-345/05, Ġabra p. I-10633, punt 10, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-104/06, Ġabra p. I-671, punt 12).

17      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni l-Kummissjoni, l-EigZulG u, b’mod partikolari, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-moviment liberu u fuq il-libertà ta’ stabbiliment tal-persuni stabbiliti fl-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

18      L-Artikolu 18 KE, li jsemmi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u fl-Artikolu 43 KE fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 35).

19      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG, li tissuġġetta l-għoti tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli li għalih huma intitolati, skond l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, il-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja għall-kundizzjoni li d-djar mibnija jew akkwistati minn dawn il-persuni, bħala abitazzjoni personali, ikunu jinsabu fit-territorju Ġermaniż.

20      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kull ċittadin ta’ Stat Membru, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema jew tal-libertà ta’ stabbiliment u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor differenti minn dak ta’ residenza, jaqa’, skond il-każ, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 KE jew ta’ dak ta’ l-Artikolu 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punt 31; tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 28, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C-212/05, Ġabra p. I-6303, punt 17).

21      Barra minn dan, id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-persuni għandhom il-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju kollu tal-Komunità Ewropea u ma jippermettux miżuri li jistgħu jqiegħdu lil dawn iċ-ċittadini fi żvantaġġ meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-464/02, Ġabra p. I-7929, punt 34; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata aktar ’il fuq, punt 15, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

22      Dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiddisswadu lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat tiegħu ta’ oriġini biex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jikkostitwixxu xkiel għal din il-libertà, anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (ara s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, punt 35; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 16; Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punt 18, u tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 115).

23      F’dan il-każ, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG tqiegħed fi żvantaġġ lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, li jordnaw il-kostruzzjoni jew jakkwistaw, bħala abitazzjoni personali, djar fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix lil dawn il-persuni li jibbenefikaw mis-sussidju għall-proprjetà immobbli meta fil-fatt għandhom dritt għal dan is-sussidju l-persuni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u li, fl-okkażjoni tal-bini jew ta’ l-akkwist ta’ djar, jiddeċiedu li jżommu jew li jistabbilixxu d-domiċilju tagħhom fit-territorju Ġermaniż.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmiija dispożizzjoni għandha effett dissważiv fir-rigward tal-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul li huma intitolati għad-dritt għall-moviment liberu li jirriżulta mill-Artikoli 39 KE u 43 KE u li jixtiequ jibnu jew jakkwistaw djar, bħala abitazzjoni personali, fi Stat Membru ieħor.

25      Minn dan jirriżulta li, billi tirriżerva l-benefiċċju ta’ sussidju għall-proprjetà immobbli lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul għall-kundizzjoni li d-djar mibnija jew akkwistati bħala abitazzjoni personali jkunu jinsabu fit-territorju Ġermaniż, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG għandha mnejn tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà ta’ stabbiliment, hekk kif iggarantiti mill-Artikoli 39 KE u 43 KE.

26      Madankollu jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Portugall, punt 24, u Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, punt 25).

27      F’din il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kundizzjoni imposta fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG hija ġġustifikata mill-għan li tinkoraġġixxi l-kostruzzjoni ta’ djar fit-territorju tagħha sabiex tiggarantixxi fl-istess territorju offerta suffiċjenti ta’ immobbli. F’kull każ, din il-kundizzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

28      Fil-fatt, l-għan li tiġi sodisfatta t-talba għad-djar xorta waħda jitlaħaq jekk il-persuna suġġetta għal kollox għat-taxxa Ġermaniża fuq id-dħul tagħżel li tistabbilixxi d-domiċilju tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minflok fit-territorju Ġermaniż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

29      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita mill-Artikoli 39 KE u 43 KE, u li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq nuqqas ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jwettaq obbligu taħt dawn l-Artikoli tat-Trattat huwa fondat.

30      It-tieni nett, fir-rigward tal-persuni li huma suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u li mhumiex ekonomikament attivi, din l-istess konklużjoni hija applikabbli minħabba l-istess motivi fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 18 KE.

31      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi eskludiet, fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ l-EigZulG, id-djar li jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak tal-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli mogħti lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

 Fuq l-ispejjeż

32      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi eskludiet fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar is-sussidji fuq il-proprjetà immobbli (Eigenheimzulagengesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-1997, kif emendata mil-liġi kumplimentari baġitarja ta’ l-2004 (Haushaltsbegleitgesetz 2004), id-djar li jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak tal-benefiċċju tas-sussidju fuq il-proprjetà immobbli mogħti lill-persuni suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 18 KE, 39 KE u 43 KE.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.