Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Settembru 2006 (*)

"Is-Sitt Direttiva VAT – Rabta fiskali – Artikolu 9 – Provvista ta’ servizzi fir-rigward ta’ proprjetà immobbli – Assenjazzjoni tad-drittijiet ta’ sajd fuq parti speċifika ta’ kanal ta’ l-ilma"

Fil-kawża C-166/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (L-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2005, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2005, fil-proċedura

Heger Rudi GmbH

vs

Finanzamt Graz-Stadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borg Barthet (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda ltirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, aktar ’il quddiem "is-Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Heger Rudi GmbH (aktar ‘il quddiem "Heger") u Finanzamt Graz-Stadt, aventi kawża tal-Finanzlandesdirektion für die Steiermark, dwar talba għar-rifużjoni lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud (aktar ‘il quddiem il-"VAT") imħallsa fil-kuntest ta’ assenjazzjoni ta’ permessi tas-sajd.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       Skond l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva, "[p]rovvista ta’ oġġetti" tfisser "it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali". Skond l-Artikolu 5(3)(a) u (b), l-Istati Membri jistgħu jqisu bħala "proprjetà korporali" rispettivament "ċertu interess fi proprjetà immobbli" u "drittijiet in rem li jagħtu lit-titulari dritt li juża l-proprjetà immobbli".

4       L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi l-provvista ta’ servizzi bħala "kull operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5". Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jikkonsistu, inter alia, fl-"assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu" jew "obbligazzjoni biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni".

5       L-Artikolu 9(1) ta’ l-imsemmija Direttiva jistabbilixxi r-regola ġenerali li ġejja:

"Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti".

6       L-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva jistipola xi regoli ta’ deroga. Għalhekk, skond l-Artikolu 9(2)(a):

"[I]l-post tal-provvista ta’ servizzi konness ma’ proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u ta’ servizzi għat-tħejjija u l-kordinazzjoni ta’ xogħolijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti, arkitetti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post tax-xogħol, għandhom ikunu l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà".

7       L-arranġamenti għar-rifużjoni tal-VAT dwar il-kunsinni transfruntieri huma rregolati mit-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m’humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, p. 11, aktar ‘il quddiem it-"Tmien Direttiva"). Minn din id-direttiva jirriżulta essenzjalment li d-dritt għar-rifużjoni tal-VAT fuq l-inputs jitnissel meta l-persuna taxxabbli hija stabbilita fi Stat Membru ieħor u wara ma wettqitx sussegwentement xi tranżazzjoni suġġetta għall-VAT fit-territorju tal-pajjiż li fih VAT fuq l-inputs ġiet miġbura. Min-naħa l-oħra, jekk il-persuna taxxabbli wettqet sussegwentement tranżazzjonijiet taxxabbli fl-imsemmi territorju, hija ma tgawdix aktar minn dritt għar-rifużjoni tal-VAT bis-saħħa tat-Tmien Direttiva billi r-regola ġenerali ta’ tnaqqis stabbilita fl-Artikoli 17 et seq tas-Sitt Direttiva hija applikabbli.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Il-paragrafu 3a(6) tal-liġi Awstrijaka ta’ l-1994 dwar it-taxxa fuq il-fatturat (Umsatzsteuergesetz 1994, BGBl. 663/1994) fis-sustanza tirrifletti d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

 Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Heger hija kumpannija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Ġermanja u li m’għandhiex stabbilimenti fl-Awstrija. Fl-1997 u l-1998, Heger xtrat kwoti ta’ permessi ta’ sajd li jirrigwardaw il-Gmundner Traun, xmara li tinsab fl-Awstrija l-Għolja, mingħand kumpannija li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat fl-Awstrija, Flyfishing Adventure GmbH (aktar ‘il quddiem "Flyfishing"). Dawn il-permessi jawtorizzaw lid-detenturi tagħhom jistadu f’żoni partikolari ta’ din ix-xmara f’ċerti perijodi tas-sena. Heger biegħ dawn il-permessi lil numru kbir ta’ xerrejja residenti fi Stati Membri differenti.

10     Minbarra l-prezz tal-bejgħ tal-permessi kkonċernati, Flyfishing iffatturat lil Heger il-VAT Awstrijaka bir-rata ta’ 20% għal ammont totali ta’ 252,000 ATS (jiġifieri madwar EUR 18,300).

11     F’Diċembru 1999, Heger indirizzat lill-awtorità Awstrijaka kompetenti talba għal rifużjoni tal-VAT imħallsa fir-rigward tax-xiri ta’ permessi ta’ sajd li twettaq fl-1997 u l-1998 fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu t-Tmien Direttiva fil-liġi Awstijaka.

12     Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li din it-talba ġiet miċħuda minħabba li l-bejgħ mill-ġdid tal-permessi ta’ sajd minn Heger lill-klijenti tagħha hija provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija, b’mod li ma tistax issir ir-rifużjoni tal-VAT imħallsa fuq l-inputs.

13     Heger għamel rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-fatt li jiġi assenjat dritt ta’ sajd fil-forma ta’ assenjazzjoni b’titolu oneruż ta’ permess ta’ sajd jikkostitwixxi "provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli" fis-sens ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-[Sitt Direttiva]?"

 Fuq id-domanda preliminari

14     Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenjazzjoni b’titolu oneruż ta’ permessi ta’ sajd li jirrigwardaw xmara tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva fih regola ġenerali biex jiġi stabbilit il-post ta’ tassazzjoni filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu jindika sensiela ta’ rabtiet speċifiċi.

16     Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-ewwel żewġ paragrafi ta’ l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma teżisti ebda supremazija tal-paragrafu (1) fuq il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu. Il-kwistjoni li tqum f’kull sitwazzjoni tikkonsisti fil-fatt dwar jekk tali sitwazzjoni tikkorrispondix għal wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, l-imsemmija sitwazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 9(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 21, u tas-27 ta’ Ottubbru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt 33).

17     Minn dan isegwi li l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva m’għandux jiġi kunsidrat bħala eċċezzjoni għal regola ġenerali, li għandha tingħata interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, SPI, C-108/00, Ġabra p. I-2361, punt 17).

18     Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk tranżazzjoni bħal dik li hija in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taqa’ taħt l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva. Sabiex il-bejgħ mill-ġdid tal-permessi ta’ sajd in kwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli skond l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva, jeħtieġ l-ewwel nett li t-trasferiment ta’ dawn id-drittijiet jikkostitwixxi "provvista ta’ servizzi" u li l-partijiet tax-xmara li jiirrigwardaw il-permessi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala "proprjetà immobbli".

19     Hekk kif l-Avukat Ġenerali nnutat fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tagħha, safejn ma jidhirx li r-Repubblika ta’ l-Awstrija għamlet użu tal-possibbiltà, mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 5(3) tas-Sitt Direttiva, li tikkunsidra ċerti drittijiet fuq il-proprjetà immobbli kif ukoll ċerti drittijiet in rem li jagħtu lit-titulari tagħhom poter li juża proprjetà immobbli bħal din bħala "proprjetà korporali", l-assenjazzjoni b’titolu oneruż tad-drittijiet ta’ sajd in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala provvista ta’ prodotti fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva. Għalhekk, l-imsemmija assenjazzjoni tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

20     F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ "proprjetà immobbli", għandu jiġi nnutat li waħda mill-karatteristiċi essenzjali ta’ proprjetà bħal din hija li li hija marbuta ma’ parti speċifika tas-superfiċi terrestri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li biċċa art delimitata b’mod permanenti, anki jekk tkun taħt l-ilma, tista’ tiġi kkwalifikata bħala proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn, C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 34).

21     Drittijiet ta’ sajd bħal dawk akkwistati u mibjugħa mill-ġdid minn Heger jippermettu li jiġi eżerċitat dritt bħal dan fuq ċerti partijiet li huma ddeterminati sewwa tal-kanal ta’ ilma kkonċernat. Dawn id-drittijiet, li ma jirrigwardawx il-kwantitajiet ta’ ilma li jmorru fix-xmara u li jiġġeddu l-ħin kollu iżda ċerti żoni ġeografiċi fejn l-imsemmija drittijiet jistgħu jkunu eżerċitati, huma b’hekk marbuta ma’ superfiċju kopert minn ilma li hu delimitat b’mod permanenti.

22     Konsegwentement, il-partijiet tax-xmara li huma koperti mill-permessi tas-sajd għandhom jiġu kkunsidrati bħala proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

23     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk ir-rabta li tgħaqqad is-servizz in kwistjoni ma’ din il-proprjetà immobbli hijiex biżżejjed. Fil-fatt, minħabba li numru kbir ta’ servizzi huwa marbut, b’xi mod jew ieħor, ma’ proprjetà immobbli, ikun kuntrarju għall-istruttura ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva li kull provvista ta’ servizzi, sempliċement għaliex ikollha rabta, anki jekk żgħira ħafna, ma’ proprjetà immobbli tiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola speċjali.

24     Għalhekk, huma biss provvisti ta’ servizzi b’rabta diretta biżżejjed ma’ proprjetà immobbli li jaqgħu taħt l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Barra minn dan, rabta bħal din tikkaratterizza kull provvista ta’ servizzi elenkata f’din id-dispożizzjoni.

25     Id-drittijiet ta’ sajd li fiċ-ċentru tal-kawża prinċipali jistgħu biss jiġu eżerċitati fir-rigward tax-xmara kkonċernata u fil-partijiet ta’ din ix-xmara msemmija fil-permessi. Għalhekk, il-kanal ta’ ilma stess jirrappreżenta element li jikkostitwixxi l-permessi tas-sajd u, għaldaqstant, l-assenjazzjoni tad-drittijiet ta’ sajd. Safejn provvista ta’ servizzi, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ dritt ta’ użu stess tal-proprjetà li hija x-xmara, dan l-immobbli jikkostitwixxi element ċentrali u indispensabbli ta’ l-imsemmija provvista. Minbarra dan, il-post fejn jinsab l-immobbli jikkorrispondi għall-post tal-konsum finali tas-servizz.

26     Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li teżisti rabta diretta biżżejjed bejn il-fatt ta’ l-assenjazzjoni tad-drittijiet ta’ sajd u l-partijiet tal-kanal ta’ ilma li dawn jirrigwardaw. Konsegwentement, servizz bħal dak ipprovdut minn Heger huwa marbut ma’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

27     Għalhekk it-tweġiba għad-domanda preliminari għandha tkun li l-fatt li jiġi assenjat dritt ta’ sajd taħt il-forma ta’ assenjazzjoni b’titolu oneruż ta’ permess ta’ sajd jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

28     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Il-fatt li jiġi assenjat dritt ta’ sajd taħt il-forma ta’ assenjazzjoni b’titolu oneruż ta’ permess ta’ sajd jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli fis-sens ta’ l-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.