Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

5 ta' Ottubru 2006 (*)

“Taxxi interni – Taxxa ta' reġistrazzjoni li tolqot il-vetturi bil-mutur – Vetturi bil-mutur użati – Importazzjoni”

Fil-kawżi magħquda C-290/05 u C-333/05,

li għandhom bħala għan talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság u mill-Bács-Kiskun Megyei Bíróság (L-Ungerija), permezz ta' deċiżjonijiet tat-3 ta' Marzu u tat-12 ta' Lulju 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Lulju u fl-14 ta' Settembru 2005 rispettivament, fil-proċeduri

Ákos Nádasdi (C-290/05)

vs

Vám- és Pénzügyőrség Észak-Alföldi Regionális Parancsnoksága,

u

Ilona Németh (C-333/05)

vs

Vám- és Pénzügyőrség Dél-Alföldi Regionális Parancsnoksága,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Ġunju 2006 (C-290/05),

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Nádasdi, minn Z. Lampé, ügyvéd,

–       għas-Sinjura Németh, minn I. Szabados, ügyvéd,

–       għall-Gvern Ungeriż, minn P. Gottfried (C-290/05 u C-333/05) u minn R. Somssich u A. Müller (C-290/05), bħala aġenti,

–       għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u K. Riczné-Talabér, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet ta' deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 23 KE, 25 KE, 28 KE u 90 KE kif ukoll ta' l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata permezz tad-Direttiva 91/680/KEE tal-Kunsill, tas-16 ta' Diċembru 1991 (ĠU L 376, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta' żewġ kawżi bejn is-Sur Nádasdi u s-Sinjura Németh, rispettivament, u l-Vám- és Pénzügyőrség Észak-Alföldi Regionális Parancsnoksága (Uffiċċju tal-Gwardja Doganali u Finanzjarja għar-reġjun ta' Ěszak-Alfőld) u l-Vám- és Pénzügyőrség Dél-Alföldi Regionális Parancsnoksága (Uffiċċju tal-Gwardja Doganali u Finanzjarja għar-reġjun ta' Dél-Alföldi) dwar taxxa ta' reġistrazzjoni li għaliha ġew assoġġettati meta rreġistraw fl-Ungerija l-vetturi bil-mutur użati li xtraw fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 23 KE jipprovdi:

"1.      Il-Komunità hija bażata fuq unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b' effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi."

2.      Id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 25 u tal-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri."

4       L-Artikolu 25 KE jipprovdi:

"Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali."

5       L-Artikolu 90 KE jaqra kif ġej:

"Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra."

6       L-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

"1.      Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ li għandhom x'jaqsmu ma' l-arranġementi ġenerali għaż-żamma, ċaqliq u ssorveljar ta' prodotti suġġetti għal dazju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta' assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob, dazji ta' sisa, bolol u iktar ġenerali, kull taxxa, dazju jew spejjeż li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq turnover sakemm dawk it-taxxi, dazji jew spejjeż, f'negozju bejn Stati Membri ma jdaħħlux formalitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-qsim ta' fruntieri.

2.      Kull referenza f'din id-Direttiva għal prodotti suġġetti għal sisa tgħodd għall-prodotti li ġejjin kif iddefiniti b'dispożizzjonijiet kurrenti tal-Komunità:

–       żjut minerali,

–       alkoħol u xorb alkoħoliku,

–       tabakk immanifatturat."

 Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

7       Il-Liġi Nru CX ta' l-2003, dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni (a regisztrációs adóról szóló 2003. évi CX. törvény, iktar 'il quddiem il-"Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni"), tipprovdi:

"Artikolu 1

1.      It-taxxa ta' reġistrazzjoni (iktar 'il quddiem it-'taxxa') hija dovuta għal kull vettura privata jew karavana bil-mutur (iktar 'il quddiem il-'vettura privata') intiża sabiex tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Ungerija (iktar 'il quddiem it-'territorju nazzjonali').

[…]

Artikolu 2

1.      Id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni jinvolvi l-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura privata fit-territorju nazzjonali (f'każ ta' modifikazzjoni tal-vettura, għandha ssir reġistrazzjoni minħabba l-imsemmija modifikazzjoni) u jippresupponi li din l-informazzjoni hija mniżżla fuq iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni [...]

[…]

8.      importazzjoni: l-importazzjoni tal-vettura jew id-dħul tagħha b'xi mod ieħor fit-territorju nazzjonali, mit-territorju li jinsab barra mill-Komunità Ewropea (iktar 'il quddiem il-'Komunità').

[…]

Artikolu 3

[…]

2.      Hija suġġetta għat-taxxa – b'eċċezzjoni tal-każ definit fil-paragrafu 4 – kull persuna fiżika jew ġuridika jew kull korp nieqes mill-personalità ġuridika li jkun parti fl-att li jipprova l-akkwist tad-dritt tal-proprjetà.

[…]

4.      Jekk id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni huwa konsegwenza diretta ta' l-importazzjoni tal-vettura privata, l-importatur huwa suġġett għat-taxxa.

[…]

Artikolu 6

1.      Ikun hemm l-obbligu li titħallas it-taxxa:

a)      f'każ ta' dħul fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju nazzjonali ta' vettura privata, meta jiġi akkwistat id-dritt ta' proprjetà,

b)      f'każ ta' modifikazzjoni ta' vettura privata, fil-ġurnata tal-modifikazzjoni.

[…]

Artikolu 8

1.      L-ammont tat-taxxa huwa ddeterminat fl-anness ta' din il-liġi għad-diversi kategoriji ta' vetturi privati.

2.      F'każ ta' modifikazzjoni ta' vettura privata, l-anmont tat-taxxa li għandu jitħallas huwa ddeterminat fil-mument tad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-vettura mmodifikata permezz tad-differenza bejn it-taxxa li kienet tkun pagabbli qabel il-modifikazzjoni u dik li kienet tkun pagabbli wara din ta' l-aħħar.

3.      Il-persuna taxxabbli għandha tħallas it-taxxa lill-awtoritajiet kompetenti jekk l-ammont tad-differenza miksub huwa pożittiv.

[…]

Artikolu 13

1.      L-amministrazzjoni fiskali għandha tirrifondi t-taxxa jew, jekk hekk tintalab tagħmel, timputaha lill-ħlas bil-quddiem, jekk il-persuna taxxabbli li ħallset bil-quddiem ħarġet il-vettura mit-territorju nazzjonali.

[…]

Artikolu 15

Il-klassifikazzjoni ambjentali ssir skond il-punt II ta' l-Anness 5 tar-Regolament KöHÉM Nru 6/1990 (IV. 12.) dwar ir-rekwiżiti tekniċi għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni u għaż-żamma fiċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi ta' trasport fit-triq, fis-seħħ fit-30 ta' Awwissu 2003.

[…]"

8       L-anness tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni jistabbilixxi ammonti diversi għal din it-taxxa skond l-istandards ta' emissjoni, it-tip ta' karburant użat u ċ-ċilindrata tal-magna. Dawn l-ammonti huma applikabbli skond l-iskala fissa u jibqgħu l-istess, kemm fil-każ tar-reġistrazzjoni ta' vettura ġdida kif ukoll fil-każ tar-reġistrazzjoni ta' vettura użata.

9       L-Artikolu 16 ta' l-imsemmija Liġi emenda d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 1 ta' l-1988 dwar it-traffiku fit-toroq pubbliċi (a közúti közlekedésről szóló 1988. évi I. törvény, iktar 'il quddiem il-"Liġi dwar it-traffiku").

10     Skond l-Artikolu 5(4), kif emendat, ta' din il-liġi:

"Kull vettura li tinsaq bl-awtorizzazzjoni u bil-pjanċa tar-reġistrazzjoni ta' awtorità kompetenti barranija tista' tinsaq fit-toroq nazzjonali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tal-leġiżlazzjoni speċifika."

11     L-Artikolu 23 tal-Liġi dwar it-traffiku jipprovdi:

"1.      Vettura tista' tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni – wara l-eżami msemmi fil-paragrafu 3 – meta l-proprjetarju jkun ġab il-prova, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, tal-leġittimità tad-dritt tiegħu ta' proprjetà, tal-ħruġ ta' polza ta' assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur li tkopri r-responsabbiltà ċivili u tal-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni prevista permezz tal-leġiżlazzjoni speċifika.

2.      Id-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi jippresupponi l-ħruġ mill-amministrazzjoni tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni u taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni kif ukoll ir-reġistrazzjoni fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi.

[…]

6.      L-utent nazzjonali tal-vettura għandu jibda l-proċedura ta' dħul fiċ-ċirkolazzjoni ta' vettura li ġġib pjanċa barranija u li hija intiża sabiex tiġi użata fit-territorju nazzjonali mhux aktar tard minn 30 ġurnata wara l-akkwist jew l-importazzjoni tagħha."

12     L-Artikolu 47(t) tal-Liġi dwar it-traffiku jispeċifika li "utent nazzjonali" ifisser:

"utent li għandu d-domiċilju tiegħu, ir-residenza abitwali tiegħu jew is-sede tiegħu fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Ungerija".

13     Fl-1 ta' Frar 2004, flimkien mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, ġiet imħassra l-Liġi Nru LXXVIII ta' l-1991, dwar it-taxxa fuq il-konsum (a fogyasztási adóról szóló 1991. évi LXXVIII. törvény), li kienet stabbilit taxxa fuq il-fatturat imposta fuq il-prezz ta' ċerti prodotti, inklużi l-vetturi, u li kellhom iħallsu, lill-baġit ċentrali, il-manifatturi ta' dawn il-prodotti, minn naħa, u l-persuni obbligati jħallsu dazji doganali f'każ ta' importazzjoni, min-naħa l-oħra. Skond l-Artikolu 6(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-konsum, din it-taxxa ma kinitx dovuta meta jinbiegħu prodotti użati, b'mod partikolari vetturi, fuq is-suq nazzjonali.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-kawża C-290/05

14     Wara li xtara vettura privata użata fil-Ġermanja, fit-2 ta' Mejju 2004, għas-somma ta' 6 000 Euros, is-Sur Nádasdi, fit-13 ta' Mejju 2004, ippreżenta applikazzjoni lid-Debreceni Fővámhivatal (Direttorat Prinċipali tad-Dwana ta' Debrecen) bil-għan li jħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni.

15     L-imsemmija awtorità, b'deċiżjoni ta' l-14 ta' Mejju 2004, imponiet taxxa ta'
150 000 HUF, li ġiet imħallsa mis-Sur Nádasdi fl-istess jum. Din l-istess awtorità ħarġet iċ-ċertifikat ta' ħlas tat-taxxa mill-persuna taxxabbli, li jsemmi d-data ta' l-14 ta' Mejju 2004.

16     Sussegwentement, il-Vám- és Pénzügyőrség Észak-Alföldi Regionális Parancsnoksága, fil-kuntest tal-poter tiegħu li jagħmel verifiki, emenda, permezz tad-deċiżjoni tiegħu Nru 8074/2004 tal-11 ta' Novembru 2004, id-deċiżjoni meħuda mill-Debreceni Fővámhivatal billi għolla l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni dovuta mis-Sur Nádasdi għal 390 000 HUF u ordna lill-persuna taxxabbli sabiex tħallas il-bilanċ ta' 240 000 HUF mhux aktar tard minn 15-il ġurnata wara li l-imsemmija deċiżjoni tkun saret definittiva.

17     Skond il-motivi tad-deċiżjoni Nru 8074/2004, l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni ġie rivedut minħabba l-adozzjoni tal-Liġi Nru XII ta' l-2004, li temenda l-Liġi Nru CX ta' l-2003 dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni (a regisztrációs adóról szóló 2003. évi CX. törvény módosításáról rendelkező 2004. évi XII. törvény), li daħlet fis-seħħ fl-14 ta' Mejju 2004, billi t-tariffa l-ġdida hija applikabbli meta ċ-ċertifikat ta' ħlas ta' l-imsemmija taxxa jkun ġie maħruġ wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru XII ta' l-2004.

18     Is-Sur Nádasdi ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li d-deċiżjoni Nru 8074/2004 tiġi soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

19     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hajdú-Bihar Megyei Bíróság iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE jippermetti lill-Istati Membri li jżommu taxxa li tolqot il-vetturi użati li ġejjin minn Stati Membri oħra, meta din it-taxxa hija kompletament indipendenti mill-valur tal-vetturi u meta l-ammont tagħha huwa esklużivament iddeterminat skond il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi (tip ta' mutur, ċilindrata) u l-klassifikazzjoni ambjentali tagħhom?

2)      F'każ ta' risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-Liġi Nru CX ta' l-2003, dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, li hija applikabbli f'dan il-każ, hija kompatibbli, fir-rigward tal-vetturi użati importati, ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija taxxa mhijiex dovuta fuq il-vetturi li ġew imdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni fl-Ungerija qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kkonċernata?"

 Il-kawża C-333/05

20     Wara li xtrat vettura privata użata fil-Ġermanja, is-Sinjura Németh, fit-28 ta' Diċembru 2004, bdiet proċedura quddiem il-Kecskeméti Fővámhivatal (Direttorat Prinċipali tad-Dwana ta' Kecskemét) bil-għan li tħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni. Skond ir-Regolament KöHÉM Nru 6/1990, li huwa regolament tal-Ministeru tat-Trasport, tal-Komunikazzjoni u tal-Kostruzzjoni, il-Bács-Kiskun Megyei Közlekedési Felügyelet (l-Ispettorat tat-Traffiku tad-distrett ta' Bács-Kiskun) ikklassifika din il-vettura fil-kategorija ambjentali Nru 7.

21     Il-Kecskeméti Fővámhivatal iffissa l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni għal
390 000 HUF, billi kkunsidra kemm il-karatteristiċi tekniċi kif ukoll dawk ambjentali ta' l-imsemmija vettura.

22     Fuq appell tas-Sinjura Németh kontra din id-deċiżjoni, din ta' l-aħħar ġiet ikkonfermata mill-Vám- és Pénzügyőrség Dél-Alföldi Regionális Parancsnoksága, fil-kwalità tiegħu ta' korp amministrattiv ta' l-appell.

23     Għaldaqstant is-Sinjura Németh ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni konfermattiva. Hija tqis li l-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni tikser id-dritt Komunitarju. Fil-fatt, din it-taxxa tikkostitwixxi essenzjalment dazju doganali marbut ma' importazzjoni, u bħala tali, hija projbita fil-Komunità Ewropea, skond l-Artikoli 23 KE u 25 KE. Madankollu, fl-ipoteżi li tali taxxa ma tkunx dazju doganali jew piż b'effett ekwivalenti, hija tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala taxxa li tikser l-Artikoli 90 KE sa 93 KE, jew anki bħala taxxa fuq il-fatturat projbita skond l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva, b'mod li hija ma tistax tiġi applikata.

24     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bács-Kiskun Megyei Bíróság iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      Tista' taxxa nazzjonali bħat-taxxa ta' reġistrazzjoni Ungeriża tiġi kkunsidrata bħala dazju doganali jew bħala miżura b'effett ekwivalenti?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, tista' taxxa nazzjonali bħat-taxxa ta' reġistrazzjoni Ungeriża – li l-ħlas tagħha huwa kundizzjoni minn qabel għar-reġistrazzjoni u għad-dħul fiċ-ċirkolazzjoni ta' vettura privata – tiġi kkunsidrata bħala xi forma ta' taxxa fuq l-importazzjoni?

3)      Jekk it-tieni domanda tingħata risposta negattiva, taxxa nazzjonali bħat-taxxa ta' reġistrazzjoni Ungeriża hija kompatibbli mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 90 KE jew ma' dawk ta' l-Artikolu 33 tas-[Sitt] Direttiva […], jew l-imsemmija taxxa tikser id-dispożizzjonijiet komuni fil-qasam tat-[taxxa fuq il-valur miżjud]?

4)      Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, taxxa nazzjonali bħat-taxxa ta' reġistrazzjoni Ungeriża hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, meta l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni pagabbli fuq vetturi privati ġodda u użati, – mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-klassifikazzjoni ambjentali tal-vetturi – huwa l-istess, meta dan l-ammont bl-ebda mod ma jirrifletti t-tnaqqis fil-valur tal-vetturi użati u meta huwa kompletament indipendenti mid-data li fiha l-vettura ddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni u miż-żmien li matulu l-imsemmija vettura baqgħet fiċ-ċirkolazzjoni (b'mod konformi mal-liġi)?"

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25     Skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 104(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li tagħti s-sentenza mingħajr ma jkun hemm fażi orali fil-kawża C-333/05.

26     Peress li l-kawżi C-290/05 u C-333/05 huma konnessi, huma għandhom, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

 Il-kawża C-290/05

27     Il-Gvern Ungeriż iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari mhijiex ammissibbli. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellux ikun suġġett għat-taxxa ta' reġistrazzjoni skond it-tariffa ġdida ta' din it-taxxa. Din hija, min-natura tagħha, kwistjoni ta' dritt intern. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiżvelax ir-raġuni għalfejn l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba tinfluwenza l-eżitu tal-kawża. Id-domandi magħmula huma ipotetiċi. Fit-tieni lok, l-imsemmi Gvern isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix spjegazzjoni dettaljata biżżejjed tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża.

28     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun qed tisma' l-kawża u li trid tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tiddeċiedi kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tiġi adita mill-qorti nazzjonali bil-għan li tivverifika l-kompetenza tagħha stess. Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod xieraq għad-domandi magħmula lilha (sentenza Chacón Navas, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30     In-neċessità li tasal għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li hija utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li qiegħda tistaqsi jew li, mill-inqas, tispjega l-ipotesijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara s-sentenzi tal-11 ta' Settembru 2003, Altair Chimica, C-207/01, Ġabra p. I-8875, punt 24, u tat-12 ta' April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 29).

31     F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat mill-bidu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tirrispondi għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju b’mod utli, mingħajr mhuwa neċessarju li tikseb informazzjoni iktar dettalljata dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali.

32     Fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn tressqu d-domandi, il-qorti tar-rinviju tesponi li, minkejja li s-Sur Nádasdi ma jsostnix li l-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni tikser id-dritt Komunitarju, hija tqis li, fir-rigward ta' vetturi użati li jkunu ġew importati, id-dritt Komunitarju għandu jiġi applikat ex officio. Jirriżulta minn din l-ispjegazzjoni li l-imsemmija qorti għandha l-intenzjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni Nru 8074/2004, in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant ma jistax jiġi sostnut li d-domandi mressqa huma ta' natura ipotetika.

33     Konsegwentement, id-domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli.

 Il-kawża C-333/05

34     Il-Gvern Ungeriż ipoġġi f'dubju l-ammissibbiltà tat-tieni sar-raba' domandi billi jinvoka l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma indikatx il-motivi ta' fatt u ta' dritt li għalihom din ta' l-aħħar tqis li huwa neċessarju li tressaq dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35     Madankollu, l-imsemmija qorti spjegat li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għad-domandi mqajma mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija tista' tilqa' it-talba ta' din ta' l-aħħar u li, fil-każ kuntrarju, hija jkollha tiċħadha.

36     Għaldaqstant id-dubji tal-Gvern Ungeriż mhumiex fondati u, konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-kawża C-333/05

37     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni tikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni jew piż b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE. It-tieni domanda għandha tinftiehem fis-sens li l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk din it-taxxa hija taxxa fuq l-importazzjoni projbita minn dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant din it-tieni domanda tirrigwarda l-istess problema bħal dik imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ewwel domanda. Fil-fatt, taxxa fuq l-importazzjoni taqa' taħt il-kategorija tal-piżijiet b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet.

38     Taxxa bħal dik tat-taxxa ta' reġistrazzjoni mhijiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma.

39     Fir-rigward tad-domanda jekk hija taqax taħt il-kunċett ta' piżijiet b'effett ekwivalenti, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull piż pekunjarju impost unilateralment, jissejjaħ kif jissejjaħ u jkun x'ikun il-mod kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li hija taqsam il-fruntiera, meta huwa mhuwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi piż b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 20, u tat-2 ta' April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 20).

40     Taxxa bħal dik stabbilita mil-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni mhijiex imposta minħabba l-qsim tal-fruntiera ta' l-Istat Membru li jimponi din it-taxxa, iżda fil-mument tar-reġistrazzjoni tal-vettura fit-territorju ta' dan l-Istat bil-għan li tiddaħħal fiċ-ċirkolazzjoni.

41     Tali taxxa taqa' taħt is-sistema ġenerali ta' taxxi interni fuq il-merkanzija u għandha għaldaqstant tiġi eżaminata fid-dawl ta' l-Artikolu 90 KE.

42     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi mressqa fil-kawża C-333/05 għandha tkun li taxxa bħal dik stabbilita mil-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, li ma tolqotx il-vetturi bil-mutur privati minħabba l-fatt li huma jaqsmu l-fruntiera, ma tikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni jew piż b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE.

 Fuq id-domandi fil-kawża C-290/05 kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda u fuq ir-raba' domanda fil-kawża C-333/05

43     Permezz ta' dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu essenzjalment jekk l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħal dik stabbilita mil-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni.

44     Huma jirrilevaw f'dan ir-rigward li tali taxxa mhijiex pagabbli għall-vetturi li ġew imdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni fl-Ungerija qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmija Liġi (it-tieni domanda fil-kawża C-290/05), li din it-taxxa hija kompletament indipendenti mill-valur tal-vetturi, billi l-ammont tagħha huwa esklużivament iddeterminat skond il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi (tip ta' mutur, ċilindrata) u l-klassifikazzjoni ambjentali tagħhom (l-ewwel domanda fil-kawża C-290/05), u li dan l-ammont bl-ebda mod ma jirrifletti t-tnaqqis fil-valur tal-vetturi użati u huwa totalment indipendenti miż-żmien li matulu vettura kienet fiċ-ċirkolazzjoni (ir-raba' domanda fil-kawża C-333/05).

45     Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 90 KE jissupplementa, fis-sistema tat-Trattat KE, id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tal-piżijiet b'effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta' kull forma ta' protezzjoni li tista' tirriżulta mill-applikazzjoni ta' taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza tal-15 ta' Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55 u l-ġurisprudenza ċitata).

46     Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 90 KE jfittex li jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra I-4981, punt 66 u l-ġurisprudenza ċitata).

47     Skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, ikun hemm ksur ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE meta t-taxxa li tolqot il-prodott importat u dik li tolqot il-prodott nazzjonali simili huma kkalkolati b'mod differenti u skond modalitajiet differenti, b'mod li jwasslu, anki jekk biss f'ċerti każijiet, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat (ara s-sentenza Weigel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċitata). Madankollu, anki jekk il-kundizzjonijiet ta' tali diskriminazzjoni diretta ma jkunux sodisfatti, taxxa tista' tkun indirettament diskriminatorja minħabba l-effetti tagħha.

48     Sabiex tiġi ggarantita n-newtralità tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-vetturi bil-mutur użati li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-vetturi importati simili, l-effetti tat-taxxa ta' reġistrazzjoni li tolqot il-vetturi użati li jkunu għadhom kif ġew importati minn Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta' l-Ungerija għandhom jiġu mqabbla ma' dawk tat-taxxa ta' reġistrazzjoni residwa li hija imposta fuq il-vetturi użati simili rreġistrati fl-Ungerija u li, għaldaqstant, diġà ġew suġġetti għall-istess taxxa.

49     Paragun mal-vetturi użati mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni fl-Ungerija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni mhuwiex rilevanti. L-Artikolu 90 KE mhuwiex intiż sabiex jimpedixxi Stat Membru milli jintroduċi taxxi ġodda jew milli jibdel ir-rata jew il-bażi ta' taxxi eżistenti.

50     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-fatt, invokat mill-Gvern Ungeriż, li jeżistu vetturi użati rreġistrati preċedentement fl-Ungerija li l-valur kummerċjali tagħhom jinkludi l-ammont tat-taxxa residwa fuq il-konsum, lanqas mhuwa rilevanti.

51     Fir-rigward tal-kriterji li jistgħu jiġu użati għall-kalkolu ta' taxxa, għandu jiġi mfakkar li, fl-istat attwali ta' l-iżvilupp tiegħu, id-dritt Komunitarju ma jirrestrinġix il-libertà ta' kull Stat Membru sabiex jistabbilixxi sistema ta' tassazzjoni li tiddivrenzja bejn ċerti prodotti, anki prodotti simili fis-sens ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE, skond kriterji oġġettivi, bħan-natura tal-materji primi użati jew il-proċessi ta' produzzjoni applikati. Tali divrenzjar, madankollu, huwa biss kompatibbli mad-dritt Komunitarju jekk ifittex li jilħaq għanijiet li, huma wkoll, huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat u tad-dritt sekondarju u jekk il-modalitajiet tiegħu huma ta' natura li jevitaw kull forma ta' diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, fir-rigward ta' l-importazzjonijiet li ġejjin minn Stati Membri oħra, jew ta' protezzjoni favur ta' prodotti nazzjonali li jikkompetu magħhom (sentenza Outokumpu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

52     Fil-kuntest ta' sistema ta' taxxa ta' reġistrazzjoni, kriterji bħat-tip ta' mutur, iċ-ċilindrata u l-klassifikazzjoni bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ambjentali jikkostitwixxu kriterji oġġettivi. Għaldaqstant dawn il-kriterji jistgħu jiġu użati f'tali sistema. Min-naħa l-oħra, mhuwiex neċessarju li l-ammont tat-taxxa jkun marbut mal-prezz tal-vettura.

53     Madankollu, taxxa ta' reġistrazzjoni m'għandhiex tkun iktar ta' piż fuq il-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra milli fuq il-prodotti nazzjonali simili.

54     Issa, vettura ġdida li fuqha t-taxxa ta' reġistrazzjoni ġiet imħallsa fl-Ungerija titlef, biż-żmien, parti mill-valur kummerċjali tagħha. Jonqos ukoll, bl-istess mod bħat-telf tal-valur, l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni inkluż fil-valur residwu tal-vettura. Bħala vettura użata, hija tista' tinbiegħ biss għal perċentwali tal-valur inizjali, li jinkludi l-ammont residwu tat-taxxa ta' reġistrazzjoni.

55     Issa, jirriżulta mill-proċessi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tar-rinviju li vettura ta' l-istess mudell, età, kilometraġġ u karatteristiċi oħra, mixtrija użata fi Stat Membru ieħor u rreġistrata fl-Ungerija tkun madankollu suġġetta għat-taxxa ta' reġistrazzjoni applikabbli għal vettura ta' din il-kategorija bir-rata ta' 100%. Konsegwentement, l-imsemmija taxxa hija iktar ta' piż fuq il-vetturi użati importati milli fuq il-vetturi użati simili diġà rreġistrati fl-Ungerija u suġġetti għall-istess taxxa.

56     Għalhekk, minkejja n-natura ambjentali ta' l-għan u tal-bażi tat-taxxa ta' reġistrazzjoni u minkejja li dawn m'għandhom l-ebda relazzjoni mal-valur kummerċjali tal-vettura, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE jimplika li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-valur tal-vetturi użati li huma suġġetti għal tassazzjoni, billi din it-taxxa hija kkaratterizzata mill-fatt li hija għandha tiġi mħallsa darba biss meta l-vettura tiġi rreġistrata għall-ewwel darba għall-finijiet ta' l-użu tagħha fl-Istat Membru kkonċernat u li hija b'hekk inkorporata fl-imsemmi valur.

57     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-risposta għad-domandi mressqa fil-kawża C-290/05 kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda u għar-raba' domanda fil-kawża C-333/05 għandha tkun li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, safejn:

–       hija imposta fuq vetturi użati meta jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' Stat Membru u

–       l-ammont tagħha, iddeterminat esklużivament skond il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi (tip ta' mutur, ċilindrata) u l-klassifikazzjoni ambjentali tagħhom, huwa kkalkolat mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-valur tal-vetturi, b'mod li, meta tiġi applikata għal vetturi użati importati minn Stati Membri oħra, hija taqbeż l-ammont ta' l-imsemmija taxxa inkluż fil-valur residwu ta' vetturi użati simili li diġà ġew irreġistrati fl-Istat Membru ta' importazzjoni.

Huwa irrilevanti li jsir paragun ma' vetturi użati mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat qabel ma ġiet introdotta din it-taxxa.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda fil-kawża C-333/05

58     It-taxxa ta' reġistrazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix taxxa fuq il-fatturat fis-sens ta' l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, il-bażi tagħha mhijiex il-fatturat. Hija lanqas ma tagħti lok, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-qsim ta' fruntieri.

59     Għaldaqstant din it-taxxa mhijiex projbita skond l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva.

60     Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix il-ġbir ta' taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, li l-bażi tagħha mhijiex il-fatturat u li ma tagħtix lok, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-qsim ta' fruntieri.

 Fuq il-limitazzjoni ta' l-effetti ta' din is-sentenza fiż-żmien

61     Waqt is-seduta li saret fil-kawża C-290/05, il-Gvern Ungeriż talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li, f'każ li s-sentenza li għandha tingħata tiddeċiedi li taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni hija inkompatibbli ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE, hija tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien. Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawża, il-Gvern Pollakk għamel suġġeriment fl-istess sens.

62     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, jekk ikun neċessarju, is-sinifikat u l-portata ta' din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista' u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni ta' l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27; tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 141, kif ukoll ta' l-10 ta' Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 50).

63     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa biss f'każijiet għal kollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista' jkollha, b'applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta' relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista' tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fides tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta' diffikultajiet serji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta' Settembru 1994, Vroege, C-57/93, Ġabra p. I-4541, punt 21; tat-12 ta' Ottubru 2000, Cooke, C-372/98, Ġabra p. I-8683, punt 42, kif ukoll ta' Skov u Bilka, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

64     Fir-rigward tar-riskju ta' diffikultajiet serji, il-Gvern Ungeriż, waqt is-seduta, ipproduċa data li jirrigwardaw il-perijodu mill-1 ta' Mejju 2004, id-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-Unjoni Ewropea, sal-31 ta' Diċembru 2005, jiġifieri perijodu ta' 20 xahar. Matul dan il-perijodu, 81 612 vetturi użati ddaħħlu fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Ungerija minn Stati Membri oħra. Il-Gvern Ungeriż qies l-ammont totali tad-dħul li ġej mit-taxxa ta' reġistrazzjoni miġbura fuq dawn il-vetturi għal madwar 116 miljun EUR. Huwa ammetta li mhijiex din is-somma kollha li għandha tiġi rrimborsata, iżda biss l-ammont li jikkorispondi għat-taxxa żejda imposta fuq l-imsemmija vetturi meta jittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-valur ta' dawn ta' l-aħħar.

65     Madankollu, l-imsemmi Gvern, min-naħa, enfasizza fuq l-ispejjeż amministrattivi ta' l-eżami każ każ li jkun neċessarju sabiex isir ir-rimbors ta' l-imsemmija taxxa żejda, liema spejjeż probabbilment ikunu ogħla mill-ammont totali tas-somom li jkollhom jitħallsu lura, u, min-naħa l-oħra, enfasizza l-kobor tad-diffikultajiet marbuta ma' l-identifikazzjoni tal-persuni kollha li jistgħu jibbenefikaw minn rimbors.

66     Waqt is-seduta, irriżulta li, mill-1 ta' Jannar 2006, ġiet introdotta skala ta' tnaqqis ta' l-ammont tat-taxxa ta' reġistrazzjoni, li tiddetermina t-tnaqqis skond in-numru ta' xhur li għaddew bejn id-data meta l-vettura ddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni għall-ewwel darba u d-data meta nbdiet il-proċedura amministrattiva relattiva għall-ħlas ta' din l-istess taxxa.

67     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-kwistjoni jekk, f'dan il-każ, jeżistix riskju ta' diffikultajiet serji jista' jiġi limitat għall-perijodu mill-1 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Diċembru 2005.

68     L-ammont li għandu jitħallas lura mhuwiex daqshekk għoli li r-rimbors bħala tali jirriskja li jwassal għal riperkussjonijiet ekonomiċi serji li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni ta' l-effetti ta' din is-sentenza fiż-żmien.

69     Dwar l-ispejjeż amministrattivi, id-dritt Komunitarju jirrikjedi biss li l-Istat Membru jirrimborsa l-ammont żejjed skond ir-regoli tad-dritt nazzjonali, sakemm jiġu rispettati l-prinċipji ta' ekwivalenza u effettività (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 19, 20 u 34, kif ukoll tas-17 ta' Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punti 17, 18 u 20).

70     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni kriterju, imsemmi fil-punt 63 ta' din is-sentenza, li jirrigwarda r-riskju ta' diffikultajiet serji, mhuwiex sodisfatt.

71     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex sodisfatt il-kriterju relattiv għall-bona fides ta' dawk ikkonċernati.

72     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li mhemmx lok li jiġu limitati l-effetti ta' din is-sentenza fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

73     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Taxxa bħal dik stabbilita fl-Ungerija mil-Liġi Nru CX ta' l-2003, dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni (a regisztrációs adóról szóló 2003. évi CX. törvény), li ma tolqotx il-vetturi bil-mutur privati minħabba l-fatt li huma jaqsmu l-fruntiera, ma tikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni jew piż b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE.

2)      L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, safejn:

–       hija imposta fuq vetturi użati meta jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni għall-ewwel darba fit-territorju ta' Stat Membru u

–       l-ammont tagħha, iddeterminat esklużivament skond il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi (tip ta' mutur, ċilindrata) u l-klassifikazzjoni ambjentali tagħhom, huwa kkalkolat mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-valur tal-vetturi, b'mod li, meta tiġi applikata għal vetturi użati importati minn Stati Membri oħra, hija taqbeż l-ammont ta' l-imsemmija taxxa inkluż fil-valur residwu ta' vetturi użati simili li diġà ġew irreġistrati fl-Istat Membru ta' importazzjoni.

Huwa irrilevanti li jsir paragun ma' vetturi użati mdaħħla fiċ-ċirkolazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat qabel ma ġiet introdotta din it-taxxa.

3)      L-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, ma jipprekludix il-ġbir ta' taxxa bħal dik stabbilita permezz tal-Liġi dwar it-taxxa ta' reġistrazzjoni, li l-bażi tagħha mhijiex il-fatturat u li ma tagħtix lok, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-qsim ta' fruntieri.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.