Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-360/06

Heinrich Bauer Verlag BeteiligungsGmbH

vs

Finanzamt für Großunternehmen in Hamburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati f’kumpanniji b’kapital azzjonarju”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kapital

(Trattat KEE, Artikolu 52 (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u Artikolu 58 (li sar l-Artikolu 58 tat-Trattat KE li huwa stess sar l-Artikolu 48 KE))

Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u l-Artikolu 58 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 48 KE) jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru sa fejn, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kapital li għandha tħallas il-kumpannija parent tal-imsemmija kumpannija b’kapital azzjonarju, din tagħti valur ogħla lill-holding ta’ din il-kumpannija b’kapital azzjonarju f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor milli lill-holding tagħha f’soċjetà stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm, madankollu, tali holding ikun ta’ natura li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tas-soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor u jippermettilha tiddetermina l-attivitajiet tagħha.

Fil-fatt, peress li differenza fit-trattament bħal din toħloq żvantaġġ fiskali għall-kumpannija parent li jkollha kontroll sħiħ tal-imsemmija kumpannija b’kapital azzjonarju, din tal-aħħar tista’ tiġi dissważa milli jkollha holding f’kapital ta’ soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor.

Il-bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali ma tistax tiġġustifika restrizzjoni li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni minħabba li, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari.

Tali leġiżlazzjoni ma tistax tkun iġġustifikata, barra minn hekk, bl-argument dwar l-effettività tal-kontrolli fiskali minħabba li l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jitolbu lill-persuni taxxabbli kkonċernati li jipprovdu huma stess il-provi li jqisu neċessarji sabiex jikkalkolaw il-valur tal-holdings ta’ dawn il-persuni taxxabbli f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(ara l-punti 31-33, 37, 39-42 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati f’kumpanniji b’kapital azzjonarju”

Fil-kawża C-360/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2006, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2006, fil-proċedura

Heinrich Bauer Verlag BeteiligungsGmbH,

vs

Finanzamt für Großunternehmen in Hamburg,

fil-preżenza ta’:

Heinrich Bauer Verlag KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), J. Makarczyk, J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Heinrich Bauer Verlag BeteiligungsGmbH, minn R. Scheidmann, Steuerberater, assistit minn K. Eicker u R. Obser, Rechtsanwälter,

–        għall-Finanzamt für Großunternehmen in Hamburg, minn M. Fromm, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, assistit minn C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 52 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u tal-Artikolu 58 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 58 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 48 KE).

2        Din it-talba qegħda ssir fil-kuntest ta’ kawża bejn Heinrich Bauer Verlag BeteiligungsGmbH (iktar’il quddiem “HBV”) u l-Finanzamt für Großunternehmen in Hamburg (iktar’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar l-iffissar tal-valur tal-ishma ta’ HBV, li għandha holdings f’żewġ soċjetajiet stabbiliti barra, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-taxxa fuq il-kapital fir-rigward ta’ Heinrich Bauer Verlag KG (iktar’il quddiem “HB”), il-kumpannija parent ta’ HBV, għas-sena fiskali 1988.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, skond id-dritt Ġermaniż, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux ikkwotati għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kapital, il-holdings ta’ dawn il-kumpanniji f’soċjetajiet barranin ssir fuq il-bażi tal-valur tagħhom tas-suq, filwaqt li, għal dak li jikkonċerna l-holdings f’soċjetajiet nazzjonali, il-valutazzjoni ssir sempliċement fuq il-bażi tal-valur tal-assi tagħhom. Jekk il-valur tas-suq ma jkunx jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ bejgħ li jkun seħħ inqas minn sena qabel il-valutazzjoni, dan għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-valur tal-assi u tar-redditu probabbli tal-kumpannija kkonċernata.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4        HBV hija kumpannija b’kapital azzjonarju mhux ikkwotat fil-Borża u li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Ġermanja. L-ishma kollha tagħha huma proprjetà tal-kumpannija parent tagħha, HB.

5        HBV għandha holdings f’soċjetajiet inakkomandita sempliċi barranin, jiġifieri s-soċjetà Spanjola Bauer Ediciones Sociedad en Commandita Madrid (iktar’il quddiem “HBE”), stabbilita fl-1986, u s-soċjetà Awstrijaka Basar Zeitungs-und Verlagsgesellschaft mbH und Co. KG Vjenna (iktar’il quddiem “WBC”), li HBV akkwistat l-ishma kollha tagħha fl-1988.

6        Il-valur tal-ishma ta’ HBV għandu jiġi stmat sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-taxxa fuq il-kapital li HB għandha tħallas għas-sena 1988.

7        Għal din l-istima, il-Finanzamt ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss il-valur tal-assi, jiġifieri l-valur intrinsiku tas-soċjetajiet HBE u WBC, iżda wkoll ir-redditu probabbli tagħhom.

8        HBV appellat mid-deċiżjoni tal-Finanzamt quddiem il-Finanzgericht Hamburg, fejn sostniet li kien biss il-valur tal-assi tas-soċjetajiet li ttieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, ikun illoġiku li s-soċjetajiet nazzjonali jagħmlu valutazzjoni tal-valur tal-assi biss, filwaqt li għas-soċjetajiet barranin jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-assi iżda wkoll ir-redditi probabbli, li ż-żewġ elementi flimkien jikkorrispondu għal valur tas-suq.

9        Għal dak li jirrigwarda l-holding ta’ HBV f’HBE, il-Finanzgericht Hamburg issostni li d-differenza fil-metodu ta’ valutazzjoni ta’ holding f’soċjetà skont jekk din tkunx nazzjonali jew barranija twassal għall-iffissar ta’ valuri differenti, li jkollu riperkussjoni diretta fuq l-ammont tat-taxxa dovuta fuq il-kapital. B’hekk, il-fatt li l-holding barra mill-pajjiż jingħata valur ogħla mill-holding f’soċjetà nazzjonali huwa ta’ natura li joħloq restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

10      Skont il-qorti tar-rinviju, restrizzjoni simili tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat KEE. Madankollu, din il-qorti mhijiex f’pożizzjoni li tidentifika tali għan ta’ natura li jiġġustifika din l-inugwaljanza fit-trattament.

11      Għal dak li jikkonċerna l-holding li HBV għandha f’WBC, ma setax ikun hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 52(1) tat-Trattat għas-sena 1988 peress li kien biss fl-1 ta’ Jannar 1995 li r-Repubblika Awstrijaka daħlet fl-Unjoni Ewropea. L-istess japplika fir-rigward tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), li dan l-Istat kien parti fih, iżda li kien biss wara l-1 ta’ Jannar 1994 li daħal fis-seħħ.

12      Barra minn hekk, lanqas kien hemm ksur tal-moviment liberu tal-kapital peress li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’dan il-qasam matul il-perijodu inkwistjoni ma kinux jipprojbixxu d-differenza fil-valutazzjoni bejn holding f’soċjetà nazzjonali u holding f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-fatt li, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati f’kumpanniji b’kapital azzjonarju, holding f’soċjetà nazzjonali jingħata valur iktar baxx minn dak ta’ holding f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor, imur kontra d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat […]?”

 Nota preliminari

14      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Finanzamt tindika li l-qorti tar-rinviju għandha żball dwar ir-riperkussjonijiet tas-sistema Ġermaniża ta’ valutazzjoni tal-ishma tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux ikkwotat fil-Borża fuq il-libertajiet fundamentali tat-Trattat. Fil-verità, m’hemm ebda diskriminazzjoni, la diretta u lanqas indiretta, peress li, mill-aspett fiskali, l-elementi tar-redditu jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm fir-rigward tal-holdings nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-holdings barranin.

15      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali iżda, fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taqa’ fih id-domanda preliminari, kif definit mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 10, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35).

16      Għaldaqstant, jeħtieġ li d-domanda preliminari tiġi eżaminata fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv kif definit mill-Finanzgericht Hamburg fid-deċiżjoni tar-rinviju.

 Fuq id-domanda preliminari

17      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, madankollu dawn tal-aħħar għandhom josservaw id-dritt Komunitarju u m’għandhomx joħolqu diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 17, u tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers & Van Cleef, C-105/07, Ġabra p. I-173, punt 12).

18      Fir-rigward tal-holding ta’ HBV f’WBC, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li, għas-sena fiskali 1988, il-libertajiet fundamentali ma setgħux jiġu invokati peress li r-Repubblika Awstrijaka ma kinitx għadha membru tal-Komunità Ewropea u l-Ftehim ŻEE kien għadu ma ġiex iffirmat.

19      Għal dak li jikkonċerna l-holding ta’ HBV f’HBE, il-Gvern Ġermaniż isostni li, f’dan il-każ, il-libertà ta’ stabbiliment mhijiex rilevanti peress li l-impenji ta’ HBV fi Spanja ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, iżda huma pjuttost investiment ta’ kapital fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital.

20      Skont l-imsemmi Gvern, il-holding ta’ HBV f’HBE inkwantu soċju akkomandanti ma jippermettix li s-soċjetà tal-ewwel ikollha influwenza determinanti fuq l-attività tas-soċjetà Spanjola. Għall-kuntrarju, HBV hija eskluża mill-proċess deċiżjonali u mir-rappreżentanza ta’ HBE fir-rigward ta’ terzi. Madankollu, il-libertà ta’ stabbiliment ma tiġix affettwata ħlief fil-każ li ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat ikollu holding li jippermettilu jeżerċita influwenza determinanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ din is-soċjetà u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha.

21      Fir-rigward tal-holding ta’ HBV f’WBC, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u b’mod partikolari l-Artikolu 52 u 58 tat-Trattat humiex applikabbli f’tali sitwazzjoni.

22      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li, bħalma jsostnu l-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni u l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, kien biss mill-1 ta’ Jannar 1995 li r-Repubblika Awstrijaka bdiet tifforma parti mill-Komunità u li, min-naħa l-oħra, kien biss fl-1 ta’ Jannar 1994 li l-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ.

23      Minn dan isegwi li la l-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat u lanqas id-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE ma kienu applikabbli għall-valutazzjoni tal-holding ta’ HBV f’WBC.

24      Fir-rigward tal-holding ta’ HBV f’HBE, jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat humiex applikabbli għal tali sitwazzjoni.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 52 tat-Trattat jirrikonoxxi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u li jagħtihom aċċess għal attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw fl-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu, tinkludi, skont l-Artikolu 58 tat-Trattat, għall-kumpanniji mwaqqfa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ fergħa jew aġenzija. F’dan il-kuntest jeħtieġ li jingħad li għall-kumpanniji, l-uffiċċju reġistrat tagħhom fis-sens spjegat iktar’il fuq, iservi sabiex jiddetermina, bħan-nazzjonalità ta’ persuna fiżika, ir-rabta tagħhom mas-sistema legali ta’ Stat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID, C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 20).

26      Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat ukoll li, anki jekk, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi, b’mod partikolari, li jassiguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membri ospitanti, dawn jipprojbixxu wkoll lill-Istat ta’ oriġini milli jfixkel l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 58 tat-Trattat (ara s-sentenza AMID, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fir-rigward ta’ ċittadin jew kumpannija fi Stat Membru kkonċernat li jkollu holding f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor li jippermettilu jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punti 22 u 70, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 20).

28      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

29      Għall-finijiet kollha, jeħtieġ li jiġi mfakkar li dan huwa l-każ meta kumpannija residenti jkollha holding ekwivalenti għal 100 % tal-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor jew, anki meta l-ishma ta’ kumpannija li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru jkunu, b’mod dirett jew indirett, tal-membri tal-istess familja, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, li jkollhom l-istess interessi, jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kumpannija bi qbil komuni, permezz tal-istess rappreżentant fl-assemblea ġenerali ta’ din il-kumpannija, u jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha (ara s-sentenzi Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar’il fuq, punt 23, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punti 13, 14 u 31).

30      Peress li HBV għandha holding f’HBE hija taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-dritt ta’ stabbiliment, u għalhekk jeħtieġ li jiġi vverfikat jekk l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprojbixxux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru safejn, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, hija jkollha l-effett li tagħti valur ogħla lill-holding ta’ din tal-aħħar fil-kapital ta’ soċjetà fi Stat Membru ieħor milli lill-holding tagħha f’soċjetà stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

31      F’dan il-każ, is-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju residenti fil-Ġermanja li jkollha, bħal HBV, holding f’kapital ta’ soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor, bħal HBE hija, kif indikat il-qorti tar-rinviju, inqas favorevoli, fir-rigward tat-taxxa fuq il-kapital li għandha tħallas il-kumpannija parent tal-imsemmija kumpannija b’kapital azzjonarju, mis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku l-imsemmija soċjetà kienet stabbilita fil-Ġermanja.

32      Konsegwentement, differenza fit-trattament bħal dan joħloq żvantaġġ fiskali għal soċjetà bħal HB, kumpannija parent ta’ HBV.

33      Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni din id-differenza u l-fatt li HBV hija kompletament tal-kumpannija parent, hija tista’ tiġi dissważa milli jkollha holding f’kapital ta’ soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar’il fuq, punt 31).

34      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u li jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, f’dak il-każ, hija għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u m’għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 49).

35      Il-Finanzamt issostni li d-determinazzjoni tal-valur tal-assi tas-soċjetà HBE permezz tal-inklużjoni tar-redditi probabbli tagħha hija neċessarja għal raġunijiet ta’ koerenza fiskali sabiex tiġi żgurata l-omoġeneità tat-tassazzjoni ta’ sitwazzjonijiet fattwali simili. Fil-fatt, fin-nuqqas tal-inklużjoni tar-redditu probabbli fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma ta’ HBV, l-ishma li għandha f’soċjetajiet barranin ikunu ffavoriti.

36      Il-Gvern Ġermaniż isostni li, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata minħabba diffikultajiet prattiċi ta’ natura amministrattiva sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

37      Għal dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni invokata mill-Finanzamt, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-bżonn li tiġi mħarsa l-koerenza ta’ sistema fiskali jista’ jiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u t-tpaċċija ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rewe Zentralfinanz, iċċitata iktar’il fuq, punt 62, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C-443/06, Ġabra p. I-8491, punt 56).

38      Madankollu, għal dak li jikkonċerna t-taxxa fuq il-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma ġiex stabbilit kif tista’ teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali marbut mal-holding f’kapital ta’ soċjetà stabbilita fl-Istat Membru ta’ tassazzjoni u ġbir ta’ taxxa korrispondenti.

39      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li restrizzjoni li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-bżonn li tiġi ggarantita l-koerenza tas-sistema fiskali.

40      Għal dak li jirrigwarda l-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniz, hemm lok li jingħad li kien hemm diversi drabi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-effettività tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 47).

41      Anki jekk id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU L 336, p. 15), ma tapplikax għall-kawża prinċipali, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika li l-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-holdings f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jiġi mifhum b’mod inqas favorevoli għall-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-holdings f’kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu jitolbu lill-persuni taxxabbli kkonċernati li jipprovdu huma stess il-provi li jqisu neċessarji sabiex jikkalkolaw il-valur tal-holdings ta’ dawn il-persuni taxxabbli f’kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Votgen, C-464/05, Ġabra p. I-9325, punt 28).

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, jeħtieġ, konsegwentement, li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikoli 52 u 58 tat-Trattat jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru safejn, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, din tagħti valur ogħla lill-holding ta’ din il-kumpannija b’kapital azzjonarju f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor milli lill-holding tagħha f’soċjetà stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm, madankollu, tali holding ikun ta’ natura li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tas-soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor u jippermettilha tiddetermina l-attivitajiet tagħha.

43      Fid-dawl tal-proċess, jeħtieġ li fi kwalunkwe każ jiġi sostnut li l-Artikolu 67(1) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 67(1) tat-Trattat KE, imħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam) ma jinvolvix, mit-tmiem tal-perijodu tranżitorju, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, li seħħet bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5), adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (li saru, rispettivament, l-Artikoli 69 u 70 tat-Trattat KE, imħassra mit-Trattat ta’ Amsterdam) (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 1995, Svensson u Gustavsson, C-484/93, Ġabra p. I-3955, punti 5 u 6). Madankollu, din id-direttiva kellha, skont l-Artikolu 6(1) tagħha, tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 1990, jiġifieri wara l-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 52 (li sar l-Artikolu 52 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 43 KE) u l-Artikolu 58 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 58 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 48 KE) jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru safejn, fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-ishma mhux ikkwotati ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, din tagħti valur ogħla lill-holding ta’ din il-kumpannija b’kapital azzjonarju f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor milli lill-holding tagħha f’soċjetà stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat, sakemm, madankollu, tali holding ikun ta’ natura li jagħtiha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tas-soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor u jippermettilha tiddetermina l-attivitajiet tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.