Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawżi magħquda C-428/06 sa C-434/06

Unión General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja) et      

vs

Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya et      

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco)

“Għajnuna mill-Istat ? Miżuri fiskali adottati minn awtorità reġjonali jew lokali ? Natura selettiva”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura

(Artikolu 87(1) KE)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżuri adottati minn entità infrastatali

(Artikolu 87(1) KE)

1.        Meta jkun irid jiġi eżaminat jekk miżura hijiex ta’ natura selettiva, id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza hija essenzjali u dan il-qafas ta’ referenza m’għandux neċessarjament ikun definit fil-limiti tat-territorju nazzjonali.

B’hekk, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura adottata minn entità infrastatali u intiża li tiffissa, f’parti biss tat-territorju ta’ Stat Membru, rata ta’ tassazzjoni iktar baxxa meta mqabbla mar-rata fis-seħħ fil-kumplament tal-imsemmi Stat Membru, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżura tteħditx minn din l-entità fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi meta mqabbla mas-setgħa ċentrali u, jekk ikun il-każ, jiġi mistħarreġ jekk din effettivament tapplikax għall-impriżi kollha stabbiliti jew għall-produzzjonijiet kollha li jsiru fit-territorju li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-entità.

Fis-sitwazzjoni li fiha awtorità reġjonali jew lokali tistabbilixxi, fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi meta mqabbla mas-setgħa ċentrali, rata ta’ tassazzjoni li tkun inqas mir-rata nazzjonali u li tkun tapplika biss għall-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, il-kuntest ġuridiku rilevanti għall-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura fiskali jista’ jkun limitat għaż-żona ġeografika kkonċernata fil-każ li l-entità infrastatali, b’mod partikolari, minħabba l-istat u s-setgħat tagħha, tokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha. F’dan ir-rigward, dan ir-rwol fundamentali huwa l-konsegwenza tal-awtonomija u mhux kundizzjoni preliminari għaliha. Fil-fatt, meta entità infrastatali tkun suffiċjentement awtonoma, jiġifieri meta jkollha awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika, hija jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi.

Sabiex deċiżjoni meħuda f’ċirkustanzi simili tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi, l-ewwel nett huwa meħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet minn awtorità reġjonali jew lokali li, fuq livell kostituzzjonali tkun tgawdi minn statut politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali. Din l-awtonomija teżiġi li l-entità infrastatali tassumi l-konsegwenzi politiċi u finanzjarji għal miżura ta’ tnaqqis ta’ taxxa. Dan ma jkunx il-każ meta l-entità ma tassumix il-ġestjoni ta’ baġit, jiġifieri li ma jkollhiex kontroll fuq id-dħul u l-infiq. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mingħajr ma l-gvern ċentrali jkun jista’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha, anki jekk awtonomija proċedurali bħal din ma teskludix li proċedura ta’ konċiljazzjoni tkun implementata bil-għan li jiġu pprevenuti l-kunflitti, sakemm id-deċiżjoni finali meħuda fl-aħħar ta’ din il-proċedura tkun adottata mill-entità infrastatali u mhux mill-gvern ċentrali. Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa nazzjonali applikabbli għall-impriżi preżenti fir-reġjun m’għandhomx ikunu kkumpensati permezz ta’ għajnuna jew ta’ sussidji, iddikjarati jew li jirriżultaw biss mill-eżami konkret tal-flussi finanzjarji, provenjenti minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali.

(ara l-punti 46-51, 55, 67, 96, 133, 107, 123, 135, 144 u d-dispożittiv)

2.        Meta jkun irid jiġi evalwat jekk entità infrastatali għandhiex awtonomija suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li xi dispożizzjonijiet li jiffavorixxu lill-impriżi stabbiliti fit-territorju tagħha li hija tadotta għandhom jiġu kkunsidrati bħala regoli ġenerali u b’hekk bħala li ma jissodisfawx il-kundizzjoni tas-selettività li tippermetti li tiġi identifikata l-għajnuna mill-Istat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu l-portata tal-kompetenzi ta’ din l-entità, hekk kif inhuma interpretati mill-qrati nazzjonali u hekk kif dawn jinfurzawhom, filwaqt li jiġi mfakkar li l-fatt li din l-entità hija, fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, taħt l-istħarriġ tal-qorti, kif inhu l-każ f’kull stat tad-dritt, mhuwiex rilevanti sabiex jiġi kkalkolat il-livell ta’ awtonomija tagħha.

(ara l-punti 77-83 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Settembru 2008(*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri fiskali adottati minn awtorità reġjonali jew lokali – Natura selettiva”

Fil-kawżi magħquda C-428/06 sa C-434/06,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Settembru 2006 (C-428/06, C-429/06 u C-431/06 sa C-434/06) u tad-29 ta’ Settembru 2006 (C-430/06), li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2006, fil-proċeduri

Unión General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja) (C-428/06),

Comunidad Autónoma de La Rioja (C-429/06),

vs

Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya,

Diputación Foral de Vizcaya,

Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Bilbao,

Confederación Empresarial Vasca (Confebask),

u

Comunidad Autónoma de La Rioja (C-430/06),

Comunidad Autónoma de Castilla y León (C-433/06),

vs

Diputación Foral de Álava,

Juntas Generales de Álava,

Confederación Empresarial Vasca (Confebask),

u

Comunidad Autónoma de La Rioja (C-431/06),

Comunidad Autónoma de Castilla y León (C-432/06),

vs

Diputación Foral de Guipúzcoa,

Juntas Generales de Guipúzcoa,

Confederación Empresarial Vasca (Confebask),

u

Comunidad Autónoma de Castilla y León (C-434/06)

vs

Diputación Foral de Vizcaya,

Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya,

Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Bilbao,

Confederación Empresarial Vasca (Confebask),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Unión General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja), minn V. Suberviola González, abogado, u C. Cabezón Llach u J. Granda Loza, secretarios generales,

–        għall-Comunidad Autónoma de La Rioja, minn J. Criado Gámez u I. Serrano Blanco, abogados,

–        għall-Comunidad Autónoma de Castilla y León, minn S. Perandones Peidró u E. Martínez Álvarez, abogadas,

–        għall-Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya, Diputación Foral de Álava, Diputación Foral de Vizcaya u Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Bilbao, minn I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, abogados,

–        għad-Diputación Foral de Guipúzcoa, minn A. Ibarguchi Otermin, I. Sáenz-Cortabarría Fernández u M. Morales Isasi, abogados,

–        għall-Confederación Empresarial Vasca (Confebask), minn M. Araujo Boyd u D. Armesto Macías, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, u assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill u I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn D. Anderson, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Castillo de la Torre u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn l-Union General de Trabajadores de La Rioja (iktar’il quddiem il-“UGT-Rioja” (C-428/06), il-Comunidad Autónoma de La Rioja (C-429/06 sa C-431/06) u l-Comunidad Autónoma de Castilla y León (C-432/06 sa C-434/06) kontra Juntas Generales del Territorio Histórico de Vizcaya, kontra Diputaciones Forales de Álava, de Vizcaya u de Guipúzcoa, li huma l-awtoritajiet kompetenti tat-Territorios Históricos ta’ Vizcaya, Álava u Guipúzcoa (iktar’il quddiem l-“awtoritajiet forales”), kif ukoll għall-Cámara de Comercio, Industria y Navegación de Bilbao u għall-Confederación Empresarial Vasca (iktar’il quddiem “Confebask”), fir-rigward ta’ regoli fiskali adottati mill-imsemmija awtoritajiet.

 Id-dritt nazzjonali

 Il-kostituzzjoni Spanjola tal-1978

3        L-Artikoli 2, 31(1), 137 sa 139 u 143(1) tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 (iktar’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) huma redatti bil-mod kif ġej:

“Artikolu 2.

Il-Kostituzzjoni hija bbażata fuq l-unità indissolubbli tan-nazzjon Spanjol, li huwa l-patrija komuni u indiviżibbli tal-Ispanjoli kollha. Hija tirrikonoxxi u tiggarantixxi d-dritt għall-awtonomija tan-nazzjonalitajiet u r-reġjuni li jifformawha u s-solidarjetà bejniethom.

[…]

Artikolu 31.

1.      Kull persuna għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż pubbliċi, skont il-kapaċità ekonomika tagħha, permezz ta’ sistema fiskali ġusta bbażata fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-progressività, li fl-ebda każ, m’għandha tieħu n-natura ta’ konfiska.

[…]

Titolu VIII – L-organizzazzjoni territorjali tal-Istat

L-Ewwel Kapitolu – Prinċipji ġenerali

Artikolu 137.

Fl-organizzazzjoni territorjali tiegħu, l-Istat huwa kompost minn bliet, minn provinċji u mill-Komunitajiet awtonomi li jiġu fformati. Dawn l-entitajiet kollha jgawdu awtonomija fil-ġestjoni tal-interessi rispettivi tagħhom.

Artikolu 138.

1.      L-Istat għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, filwaqt li jieħu ħsieb il-bilanċ ekonomiku xieraq u ġust bejn id-diversi partijiet tat-territorju Spanjol, u dan fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi proprji għall-insularità.

2.      Id-differenzi bejn l-istatuti tad-diversi Komunitajiet awtonomi, fl-ebda każ ma jistgħu jinvolvu privileġġi ekonomiċi jew soċjali.

Artikolu 139.

1.      Iċ-ċittadini Spanjoli kollha għandhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi fi kwalunkwe parti tat-territorju tal-Istat.

2.      Ebda awtorità ma tista’ tadotta miżuri li, direttament jew indirettament, jostakolaw il-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni u l-moviment liberu ta’ merkanzija fit-territorju kollu Spanjol.

[…]

Kapitolu III – Komunitajiet awtonomi

Artikolu 143.

1.      B’applikazzjoni tad-dritt għall-awtonomija rikonoxxut fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, il-provinċji konfinanti li għandhom karatteristiċi storiċi, kulturali u ekonomiċi komuni, it-territorji insulari u l-provinċji li għandhom entità reġjonali storika jistgħu jiggvernaw lilhom infushom u jifformaw ruħhom f’Komunitajiet awtonomi, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu u l-istatuti rispettivi tagħhom.”

4        L-Artikolu 148 tal-Kostituzzjoni, li jiddeskrivi l-oqsma li fihom il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jeżerċitaw xi kompetenzi jipprovdi li:

“1.      Il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jassumu kompetenzi fl-oqsma li ġejjin:

[…]

3.      Fl-iżvilupp tat-territorju, tal-ibliet u tar-residenzi.

4.      Fix-xogħolijiet pubbliċi ta’ interess għall-Komunità awtonoma fit-territorju tagħha stess.

5.      Fil-linji tal-ferroviji u toroq li r-rotot tagħhom jinsabu totalment fit-territorju tal-Komunità awtonoma u, fl-istess kundizzjonijiet, it-trasport permezz ta’ dawn il-mezzi jew bil-kejbil.

6.      Fil-portijiet tal-kenn, il-portijiet u l-ajruporti u, inġenerali, dawk li ma jsirux attivitajiet kummerċjali fihom.

7.      Fl-agrikoltura u fit-trobbija tal-annimali, skont l-ippjanar ekonomiku ġenerali.

8.      Fil-foresti u fl-isfruttament tal-foresti.

9.      Fil-ġestjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

10.      Fil-proġetti, il-kostruzzjoni u l-operat ta’ proġetti idrawliċi, tal-kanali u tas-sistemi ta’ irrigazzjoni, li jkunu ta’ interess għall-Komunità awtonoma, u fl-ilmijiet minerali u termali.

11.      Fis-sajd fl-ilmijiet interni, l-industrija tal-frott tal-baħar u l-akwakultura, il-kaċċa u s-sajd fix-xmajjar.

12.      Fil-fieri lokali.

13.      Fl-iżvilupp tal-attività ekonomika tal-Komunità awtonoma fil-kuntest tal-għanijiet stabbiliti mill-politika ekonomika nazzjonali.

14.      Fl-artiġjanat.

[…]”

5        L-Artikolu 149(1) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li:

“1.      L-Istat igawdi minn kompetenza esklużiva fl-oqsma li ġejjin:

1.      Fir-regolamentazzjoni tal-kundizzjonijiet fundamentali li jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-Ispanjoli kollha fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u fit-twettiq tad-doveri kostituzzjonali tagħhom.

[…]

6.      Fid-dritt kummerċjali, kriminali u penitenzjarju; fid-dritt proċedurali, bla ħsara għad-differenzi neċessarji li, f’dan il-qasam, jirriżultaw minn dettalji tad-dritt sostanzjali tal-Komunitajiet awtonomi.

7.      Fid-dritt tax-xogħol, bla ħsara għall-applikazzjoni tagħha mill-organizzazzjonijiet tal-Komunitajiet awtonomi.

[…]

11.      Fis-sistema monetarja: munita, kambju u l-konvertibbiltà; il-bażijiet tal-organizzazzjoni tal-kreditu, tal-banek u tal-assigurazzjonijiet.

[…]

13.      Fil-bażijiet u l-koordinazzjoni tal-ippjanar ġenerali tal-attività ekonomika.

14.      Fil-finanzi ġenerali u d-dejn tal-Istat.

[…]

17.      Fil-leġiżlazzjoni fundamentali u s-sistema ekonomika tas-sigurtà soċjali, bla ħsara għall-implimentazzjoni tas-servizzi tagħha mill-Komunitajiet awtonomi.

[…]

24.      Fix-xogħlijiet pubbliċi ta’ interess ġenerali jew li t-twettiq tagħhom jikkonċerna iktar minn Komunità awtonoma waħda.

[…]”

6        L-Artikoli 156 sa 158 tal-Kostituzzjoni jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 156.

1.      Il-Komunitajiet awtonomi għandu jkollhom l-awtonomija finanzjarja sabiex jiżviluppaw u jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom, skont il-prinċipji ta’ koordinazzjoni mal-finanzi tal-Istat u s-solidarjetà bejn l-Ispanjoli kollha.

2.      Il-Komunitajiet awtonomi jistgħu jaġixxu bħala delegati jew kollaboraturi tal-Istat għall-irkupru, il-ġestjoni u l-likwidazzjoni tar-riżorsi fiskali tiegħu, skont il-liġijiet u l-istatuti.

Artikolu 157.

1.      Ir-riżorsi tal-Komunitajiet awtonomi għandhom ikunu magħmula:

a)      mit-taxxi totalment jew parzjalment ċeduti mill-Istat; it-taxxi addizzjonali tal-Istat u l-kontribuzzjonijiet l-oħra għad-dħul tal-istess Stat.

b)      mid-dazji, mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet speċjali proprji tagħhom.

ċ)      mit-trasferimenti minn fond ta’ kumpens interterritorjali u allokazzjonijiet oħra a karigu tal-baġit ġenerali tal-Istat.

d)      mid-dħul provenjenti mill-patrimonju tagħhom u mid-dħul tad-dritt privat.

e)      mid-dħul mit-tranżazzjonijiet ta’ kreditu.

2.      Il-Komunitajiet awtonomi fl-ebda każ ma jistgħu jadottaw miżuri fiskali fil-konfront ta’ oġġetti li jkunu jinsabu barra mit-territorju tagħhom jew li jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija jew tas-servizzi.

3.      L-eżerċizzju tal-kompetenzi finanzjarji elenkati fil-paragrafu 1, ir-regoli huma intiżi li jsolvu kull kunflitt li jista’ jinqala’ u l-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni finanzjarja bejn il-Komunitajiet awtonomi u l-Istat, jistgħu jiġu rregolati minn liġi qafas.

Artikolu 158.

1.      Fil-baġits ġenerali tal-Istat, tista’ tiġi stabbilita allokazzjoni għall-Komunitajiet awtonomi skont l-importanza tas-servizzi u l-attivitajiet Statali li huma jkunu assumew u l-prestazzjonijiet minimi li huma jintrabtu li jagħmlu f’dak li jikkonċerna s-servizzi pubbliċi fundamentali fit-territorju kollu Spanjol.

2.      Sabiex jiġu rranġati l-iżbilanċi ekonomiċi interterritorjali u sabiex il-prinċipju ta’ solidarjetà jiġi applikat fil-prattika, għandu jitwaqqaf fond ta’ kumpens intiż għall-ispejjeż ta’ investiment, li l-fondi tiegħu jitqassmu mill-Cortes generales bejn il-Komunitajiet awtonomi u l-provinċji, skont il-każ.”

 L-Istatut ta’ Awtonomija

7        Skont l-Artikolu 2, fil-Kapitolu III tat-Titolu VIII (Artikoli 143 sa 158), kif ukoll fl-ewwel dispożizzjoni addizzjonali u fit-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Kostituzzjoni, il-Pajjiż Bask jikkostitwixxi Komunità Awtonoma fi ħdan ir-Renju ta’ Spanja. Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija rregolata mill-Istatut ta’ Awtonomija tal-Pajjiż Bask (“Estatuto de Autonomía del País Vasco”), approvat mill-liġi qafas tal-Cortes Generales 3/1979, tat-18 ta’ Diċembru 1979 (BOE Nru 306, tat-22 ta’ Diċembru 1979, iktar’il quddiem l-“Istatut ta’ Awtonomija”).

8        Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija magħmula minn tliet Territorios Históricos (entitajiet amministrattivi territorjali), li huma stess jikkostitwixxu Municipios (muniċipalitajiet). L-istruttura politika u istituzzjonali ta’ din il-Komunità awtonoma fiha żewġ livelli differenti, jiġifieri dak tal-istituzzjonijiet komuni għall-Pajjiż Bask kollu (Gvern awtonomu u Parlament) u dak tal-istituzzjonijiet jew tal-organi “forales” li għandhom kompetenzi limitati għat-Territorios Históricos.

9        L-Artikolu 37 tal-Istatut ta’ Awtonomija jipprovdi li:

“1.      L-organi forales tat-Territorios Históricos għandhom ikunu rregolati mis-sistema legali ta’ kull wieħed minn fosthom.

2.      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-istatut ma jinvolvux tibdil fin-natura tas-sistema foral speċifika jew tal-kompetenzi previsti mis-sistemi proprji ta’ kull wieħed mit-Territorios Históricos.

3.      Fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar ikollhom kompetenza esklużiva fit-territorji rispettivi tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

a)      Fl-organizzazzjoni, is-sistema u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħhom.

b)      Fit-tfassil u l-approvazzjoni tal-baġits tagħhom.

ċ)      Fid-definizzjoni tad-demarkazzjonijiet territorjali b’karattru supramuniċipali li ma jeċċedix il-limiti tal-provinċja.

d)      Fis-sistema ta’ beni li jappartjenu lill-provinċji u lill-muniċipalitajiet, li huma ta’ dominju pubbliku jew patrimonjali, jew li jkunu tagħhom stess u tal-Komunità.

e)      Fis-sistema elettorali muniċipali.

f)      F’kull kompetenza oħra speċifika fl-istatut preżenti jew li jkunu ttrasferiti lilhom.

4.      Huma jkollhom ukoll is-setgħa leġiżlattiva u eżekuttiva, fit-territorji tagħhom, fl-oqsma ddeterminati mill-Parlament Bask.”

10      L-Artikolu 40 tal-Istatut ta’ Awtonomija jipprovdi li, għall-eżerċizzju adegwat u l-finanzjament tal-kompetenzi tiegħu, il-Pajjiż Bask “jiddisponi mill-finanzi awtonomi tiegħu stess”.

11      L-Artikolu 41 tal-Istatut jipprovdi dan li ġej:

“1.      Ir-relazzjonijiet fiskali bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask huma rregolati minn sistema foral tradizzjonali tal-Ftehim Ekonomiku (‛Concierto Económico’) jew tal-Konvenzjonijiet (‛Convenios’).

2.      Il-kontenut tas-sistema ta’ ftehim tirrespetta u tikkonforma mal-prinċipji u l-bażijiet li ġejjin:

a)      L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorios Históricos [provinċji Baski li fihom hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni partikolari) jistgħu jżommu, jistabbilixxu u jirregolaw is-sistema fiskali fit-territorju tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali tat-taxxa tal-Istat, ir-regoli stipulati mis-sistema ta’ Ftehim Ekonomiku għall-koordinazzjoni, l-armonizzazzjoni fiskali u l-kollaborazzjoni mal-Istat u dawk li l-Parlament Bask jadotta għal finijiet identiċi fil-Komunità Awtonoma.

b)      L-impożizzjoni, il-ġestjoni, il-likwidazzjoni, il-ġbir u l-verifika tat-taxxi kollha, ħlief għal dawk doganali u dawk li huma attwalment irkuprati permezz ta’ monopolji fiskali, f’kull Territorio Histórico, għandhom ikunu żgurati mid-Diputaciónes Forales rispettivi, u dan bla ħsara għall-kollaborazzjoni mal-Istat u l-ispezzjonijiet min-naħa tal-istess Stat.

ċ)      L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorios Históricos għandhom jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti sabiex japplikaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, ir-regoli fiskali ta’ natura eċċezzjonali u provviżorji li l-Istat jiddeċiedi li għandu japplika fit-territorju komuni. Il-perijodu ta’ validità tagħhom għandu jkun identiku għal dak previst għall-imsemmija regoli.

d)      Il-kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask lill-Istat għandha tikkonsisti fi kwota globali fformata mill-kwoti li kull Territorio Histórico jkollu jħallas bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż kollha tal-Istat li l-Komunità Awtonoma ma tieħux fuqha.

e)      Għall-iffissar tal-kwoti ta’ kull Territorio Histórico li jifformaw parti mill-kwota globali msemmija iktar’il fuq, għandu jitwaqqaf Kumitat Konġunt kompost, minn naħa, minn rappreżentant ta’ kull Diputación Foral u numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-Gvern Bask u, min-naħa l-oħra, minn numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-Amministrazzjoni tal-Istat. Il-kwota hekk stabbilita għandha tiġi approvata b’liġi, bi frekwenza stabbilita mill-Ftehim Ekonomiku, u dan bla ħsara għall-aġġornament annwali permezz tal-proċedura prevista wkoll fil-Ftehim Ekonomiku.

f)      Is-sistema tal-ftehim għandha tiġi applikata skont il-prinċipju ta’ solidarjetà, li jirreferu għalih l-Artikoli 138 u 156 tal-Kostituzzjoni.”

 Il-Ftehim Ekonomiku

12      Il-Ftehim Ekonomiku bejn il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u r-Renju ta’ Spanja ġie approvat permezz tal-Liġi 12/2002 (Ley 12/2002 por la que se aprueba el Concierto Económico con la Comunidad Autónoma del País Vasco), tat-23 ta’ Mejju 2002 (BOE Nru 124, tal-24 ta’ Mejju 2002, iktar’il quddiem il-“Ftehim Ekonomiku”).

13      L-Artikoli 2 sa 4 tal-Ftehim Ekonomiku jipprovdu li:

“Artikolu 2. Prinċipji ġenerali.

Wieħed – Is-sistema fiskali stabbilita mit-Territorios Históricos għandha tosserva l-prinċipji li ġejjin:

1º      Rispett tas-solidarjetà fit-termini previsti mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut ta’ Awtonomija.

2º      Osservanza tal-istruttura ġenerali tat-taxxa tal-Istat.

3º      Koordinazzjoni, armonizzazzjoni fiskali u kollaborazzjoni mal-Istat, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim Ekonomiku.

4º      Koordinazzjoni, armonizzazzjoni fiskali u kollaborazzjoni reċiproka bejn l-istituzzjonijiet tat-Territorios Históricos skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan mill-Parlament Bask.

5º      Sottomissjoni għat-Trattati jew Konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati u ratifikati mill-Istat Spanjol jew dawk li l-istess Stat Spanjol jaderixxi għalihom.

Huma għandhom jirrispettaw, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati minn Spanja sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja kif ukoll ir-regoli għall-armonizzazzjoni fiskali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jieħdu ħsieb jagħtu r-rimborsi li għandhom isiru skont dawn il-konvenzjonijiet u regolamenti.

Tnejn – Ir-regoli ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu interpretati skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi ġenerali tat-taxxa fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli fiskali.

Artikolu 3. Armonizzazzjoni fiskali.

Waqt l-elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali, it-Territorios Históricos:

a)      Għandhom jikkonformaw mal-liġi ġenerali tat-taxxa għal dak li jikkonċerna t-terminoloġija u l-kunċetti, u dan bla ħsara għall-karatteristiċi ppreċiżati f’dan il-Ftehim Ekonomiku.

b)      Għandhom jeżerċitaw pressjoni fiskali effettiva globali li tkun ekwivalenti għal dik li tapplika fil-bqija tal-Istat.

ċ)      Għandhom jirrispettaw u jiggarantixxu l-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni, kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi fit-territorju Spanjol kollu, mingħajr ma jkun hemm la effetti diskriminatorji, la ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-impriżi, u lanqas distorsjoni fit-tqassim tar-riżorsi.

d)      Għandhom jużaw l-istess klassifikazzjoni ta’ attivitajiet industrijali, fil-minjieri, kummerċjali, ta’ servizzi, professjonali, agrikoli, artistiċi, ta’ attivitajiet ta’ sajd u trobbija ta’ annimali, bħal fit-territorju komuni, u dan bla ħsara għall-elaborazzjoni eventwali ta’ klassifikazzjoni iktar dettaljata tal-istess attivitajiet.

Artikolu 4. Prinċipju ta’ kollaborazzjoni.

Wieħed – L-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorios Históricos għandhom jikkomunikaw l-abbozzi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam fiskali lill-Amministrazzjoni tal-Istat, qabel ma dawn jidħlu fis-seħħ.

L-Amministrazzjoni tal-Istat għandha tagħmel l-istess mal-imsemmija Istituzzjonijiet.

Tnejn – L-Istat għandu jimplimenta l-mekkaniżmi li jippermettu l-kollaborazzjoni tal-Istituzzjonijiet tal-Pajjiż Bask fil-ftehim internazzjonali li jaffettwaw l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim Ekonomiku.

Tlieta – L-Istat u t-Territorios Históricos, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li huma għandhom fil-qasam tal-ġestjoni, ta’ verifika u ta’ ġbir tat-taxxi tagħhom, għandhom jagħtu lil xulxin id-data u l-informazzjoni kollha li huma jidhrilhom neċessarji sabiex itejbu l-ġbir tagħhom, u dan fil-mument u fil-forma mixtieqa.

B’mod partikolari, iż-żewġ Amministrazzjonijiet:

a)      Għandhom, permezz taċ-ċentri tagħhom għall-ipproċessar tad-data, jagħtu lil xulxin l-informazzjoni kollha li jqisu li jkollhom bżonn. Għal dan il-għan, għandha tiġi stabbilita bejniethom il-komunikazzjoni teknika neċessarja. Kull sena għandu jsir pjan komuni u kkoordinat għall-ipproċessar tad-data fiskali.

b)      Is-servizzi tal-ispezzjoni għandhom jippreparaw pjanijiet ta’ spezzjoni komuni dwar għanijiet, setturi u proċeduri selettivi kkoordinati, kif ukoll dwar il-persuni taxxabbli li jkunu biddlu r-residenza tagħhom, il-kumpanniji taħt is-sistema ta’ trasparenza fiskali u l-kumpanniji suġġetti għat-taxxa, u dan proporzjonalment għal volum ta’ tranżazzjonijiet imwettqa, fil-kuntest tat-taxxa fuq il-kumpanniji.”

14      L-Artikoli 48 sa 60 tal-Ftehim Ekonomiku jikkonċernaw ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask. L-Artikoli 48 sa 50 ta’ dan il-Ftehim jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 48. Prinċipji ġenerali.

Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask għandhom ikunu regolati mill-prinċipji li ġejjin:

L-ewwel – Awtonomija fiskali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet tal-Pajjiż Bask fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-kompetenzi tiegħu.

It-tieni – Rispett tas-solidarjetà fit-termini previsti mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut ta’ Awtonomija.

It-tielet – Koordinazzjoni u kollaborazzjoni mal-Istat fil-qasam tal-istabbiltà tal-baġit.

Ir-raba’ – Kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask għall-piżijiet tal-Istat li ma jiġux assunti mill-Komunità Awtonoma, fil-forma stabbilita f’dan il-Ftehim Ekonomiku.

Il-ħames – Is-setgħat ta’ superviżjoni finanzjarja mwettqa f’kull mument mill-Istat fil-qasam tal-awtoritajiet lokali tispetta lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Pajjiż Bask, mingħajr ma dan jimplika livell ta’ awtonomija tal-awtoritajiet lokali Baski inferjuri għal dak li jgawdu minnu dawk tas-sistema komuni.

Artikolu 49. Kunċett ta’ kwota.

Il-kontribuzzjoni tal-Pajjiż Bask lill-Istat għandha tikkonsisti fi kwota globali, li tkun magħmula minn dawk il-kwoti ta’ kull Territorio Histórico bħala kontribuzzjoni għall-piżijiet kollha tal-Istat li mhumiex assunti mill-Komunità Awtonoma Baska.

Artikolu 50. Frekwenza u aġġornament tal-kwota.

Wieħed – Kull ħames snin, skont liġi adottata mill-Cortes generales (il-Parlament Spanjol), dwar il-kunsens meħtieġ minn qabel tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim Ekonomiku, għandha tiġi ddeterminata l-metodoloġija ta’ allokazzjoni tal-kwota li għandha tkun fis-seħħ matul il-ħames snin ta’ wara, u dan skont il-prinċipji ġenerali li jissemmew f’dan il-Ftehim Ekonomiku, u l-kwota tal-ewwel sena minn dawk il-ħames snin għandha tiġi approvata.

Tnejn – Matul kull waħda mis-snin ta’ wara l-ewwel sena, il-Kumitat Konġunt tal-Ftehim Ekonomiku għandu jaġġorna l-kwota billi japplika l-metodoloġija approvata bil-liġi li jirreferi għaliha l-paragrafu preċedenti.

Tlieta – Il-prinċipji li jifformaw il-metodoloġija li tiddetermina l-kwota u li jinsabu f’dan il-Ftehim jistgħu jitbiddlu bil-Liġi Kwinkwennjali dwar il-kwota, meta ċ-ċirkustanzi u l-esperjenza tal-applikazzjoni tagħhom jirrakkomandaw dan.”

15      Il-Ftehim Ekonomiku jipprovdi għall-intervenzjoni ta’ żewġ Kumitati komposti minn numru indaqs ta’ membri. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 ta’ dan il-ftheim, il-Kumitat Konġunt huwa magħmul, minn naħa, minn rappreżentant ta’ kull Gvern ta’ kull Territorio Historicó u mill-istess numru ta’ rappreżentanti tal-Gvern Bask u, min-naħa l-oħra, minn numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-Istat.

16      L-Artikolu 62 tal-Ftehim Ekonomiku jipprovdi li l-imsemmi Kumitat Konġunt għandu l-funzjoni li, b’mod partikolari, jittratta l-modifiki ta’ dan il-Ftehim, l-impenji ta’ kollaborazzjoni u ta’ koordinazzjoni fil-qasam ta’ stabbiltà tal-baġit kif ukoll il-metodoloġija għall-kalkolu tal-kwota għal kull perijodu ta’ ħames snin u li jikkonkludi l-ftehim li jkunu neċessarji fi kwalunkwe mument fil-qasam fiskali u finanzjarju għall-applikazzjoni u l-użu korrett tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim.

17      L-Artikolu 63 tal-Ftehim Ekonomiku jipprovdi għat-twaqqif tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa (Comisión de Coordinación y Evaluación Normativa), magħmul minn erba’ rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-Istat u minn erba’ rappreżentanti tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Dawn tal-aħħar jinħatru mill-Gvern Bask, u tlieta minnhom fuq proposta ta’ kull wieħed mid-Diputaciones Forales.

18      Fost il-kompetenzi mogħtija lill-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa mill-Artikolu 64 tal-Ftehim Ekonomiku, tinstab fl-ewwel lok is-setgħa li ssir evalwazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni fiskali mal-imsemmi ftehim, u dan qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. L-Artikolu 64(a) tal-istess ftehim jipprovdi speċifikament li għal dan il-għan, “meta, fl-okkażjoni tal-iskambju tal-abbozzi tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dan il-Ftehim ekonomiku, jiġu fformulati xi osservazzjonijiet dwar il-proposti li jkun fihom, kwalunkwe istituzzjoni u amministrazzjoni rrapreżentata tista’ titlob, bil-miktub u billi tagħti r-raġunijiet għat-talba tagħha, li dan il-Kumitat jiltaqa’. Dan tal-aħħar għandu jiltaqa’ f’terminu massimu ta’ ħmistax-il ġurnata li jibda jiddekorri minn meta ssir t-talba sabiex jiltaqa’, għandu jwettaq l-analiżi ta’ konformità tal-leġiżlazzjoni proposta mal-Ftehim Ekonomiku u għandu jara, qabel il-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti, li jintlaħaq ftehim bejn l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ qbil li jista’ jkun hemm dwar il-kontenut tal-leġiżlazzjoni fiskali”.

 Il-liġi tal-2002 dwar il-kwota għas-snin 2002-2006

19      Permezz tal-Liġi 12/2002 tat-23 ta’ Mejju 2002, ġiet approvata l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-kwota tal-Pajjiż Bask għas-snin 2002-2006 (BOE Nru 124, p. 18636, iktar’il quddiem il-“Liġi tal-2002 dwar il-kwota”). L-Artikoli 3 sa 7 ta’ din il-liġi jipprovdu li:

“Artikolu 3. Determinazzjoni tal-kwota tas-sena ta’ bażi.

Il-kwota likwida tas-sena ta’ bażi tal-ħames snin bejn l-2002 u l-2006 għandha tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ imputazzjoni għall-ammont totali tal-piżijiet li ma jkunux ġew assunti mill-Komunità Awtonoma u bit-twettiq tal-aġġustamenti u ta’ kumpensi korrispondenti, u dan kollu skont it-termini previsti fl-artikoli li ġejjin.

Artikolu 4. Piżijiet tal-Istat li ma jiġux assunti mill-Komunità Awtonoma

Wieħed – Il-piżijiet tal-Istat mhux assunti mill-Komunità Awtonoma huma dawk li jikkorrispondu għall-kompetenzi li l-eżerċizzju tagħhom għadu ma ġiex assunt effettivament mill-istess Komunità Awtonoma.

Tnejn – Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont totali ta’ piżijiet inkwistjoni, mit-total ta’ spejjeż tal-baġit tal-Istat għandha titnaqqas l-allokazzjoni kollha tal-baġit li, fuq livell ta’ Stat, tikkorrispondi għall-kompetenzi assunti mill-Komunità Awtonoma, u dan mid-data effettiva tat-trasferiment iffissata fid-Digrieti Rjali korrispondenti.

[…]

Artikolu 5. Aġġustamenti.

Wieħed – Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 15 iktar’il quddiem, iċ-ċifri li jirriżultaw mill-imputazzjoni li jirreferi għaliha r-raba’ paragrafu tal-Artikolu preċedenti għandhom jiġu aġġustati b’mod li tiġi ppreċiżata l-istima tad-dħul provenjenti mit-taxxi diretti imputabbli lill-Pajjiż Bask u lill-bqija tal-Istat, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tal-Ftehim Ekonomiku.

[…]

Artikolu 6. Ammonti kumpensatorji.

Wieħed – Mill-kwota li tapplika għall kull Territorio Histórico, għandhom jitnaqqsu dawn li ġejjin:

a)      Il-parti imputabbli tat-taxxi li ma jkunx hemm ftehim dwarhom.

b)      Il-parti imputabbli tad-dħul tal-baġit ta’ natura mhux fiskali.

ċ)      Il-parti imputabbli mid-defiċit ippreżentat mill-Baġit ġenerali tal-Istat.

[…]

Artikolu 7. Koeffiċjent ta’ imputazzjoni.

Il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni li għalih jirreferu l-Artikoli 4 u 6 preċedenti, iddeterminat essenzjalment skont id-dħul tat-Territorios Históricos fil-konfront tal-Istat, huwa ta’ 6.24 fil-mija għall-ħames snin kurrenti.”

20      Skont l-Anness I tal-Liġi tal-2002 dwar il-kwota, li tistabbilixxi l-kwota provviżorja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għas-sena ta’ bażi 2002, l-ammont li għandu jitħallas mit-Territorios Históricos jammonta għal EUR 1 034 626 080.

 Il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali

21      Fil-kawżi C-428/06, C-429/06 u C-434/06, ir-rikorsi għal annullament imressqa fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-Liġi Foral tal-Juntas Generales de Vizcaya 7/2005, tat-23 ta’ Ġunju 2005 (iktar’il quddiem il-“Liġi Foral 7/2005”), li l-Artikolu 2 tagħha jemenda l-Liġi Foral 3/1996, tas-26 ta’ Ġunju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (iktar’il quddiem il-“Liġi Foral 3/1996”). Fl-ewwel tnejn minn dawn ir-rikorsi qed jintalab l-annullament tal-paragrafi 4, 6 u 7 tal-Artikolu 2, filwaqt li fit-tielet rikors qed jintalab biss l-annullament tal-paragrafi 4 u 6 ta’ dan l-artikolu.

22      L-Artikolu 2(4) tal-Liġi Foral 7/2005 jemenda l-Artikolu 29 tal-Liġi Foral 3/1996 u jistabbilixxi rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji “ġeneralment ta’ 32.5%”. Il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni komuni tal-Istat, jiġifieri l-Artikolu 28(1) tat-test ikkonsolidat tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, approvat mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 4/2004, tal-5 ta’ Marzu 2004, ir-rata normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija ta’ 35 %.

23      L-Artikolu 2(6) tal-Liġi Foral 7/2005 jemenda l-Artikolu 37 tal-Liġi Foral 3/1996 u jipprovdi għal tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont ta’ investimenti li jsiru f’assi materjali ġodda u li huma allokati għall-iżvilupp tal-operat ekonomiku ta’ kumpannija. Il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu 2 jemenda l-Artikolu 39 tal-Liġi Foral 3/1996 u jipprovdi għal tnaqqis ekwivalenti għal 10 % tal-ammonti li jirriżultaw mill-kotba tas-sena finanzjarja, u li jistgħu jkunu destinati għal “riżerva għal investimenti ta’ produzzjoni u/jew attivitajiet ta’ konservazzjoni u ta’ titjib tal-ambjent jew ta’ ekonomija fl-użu tal-enerġija”. Il-qorti tar-rinviju ssostni li tali possibbiltajiet ta’ tnaqqis ma jeżistux fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji.

24      Fil-kawżi C-430/06 u C-433/06, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-Decreto Foral Normativo de Urgencia Fiscal 2/2005 del Consejo de Diputados de Álava, tal-24 ta’ Mejju 2005, ivvalidat permezz tal-ftehim tal-Juntas Generales de Álava, tat-13 ta’ Ġunju 2005, li l-uniku artikolu tiegħu jemenda, fil-paragrafi 4 u 5 tiegħu, l-Artikoli 29 u 37 tal-Liġi Foral 24/1996, tal-5 ta’ Lulju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kontenut tar-regola kkontestata fl-imsemmi rikors huwa l-istess bħal dak tar-regola inkwistjoni fir-rikors fil-kawża prinċipali li wassal għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C-434/06.

25      Fil-kawżi C-431/06 u C-432/06, ir-rikorsi għal annullament ippreżentati fil-kawżi prinċipali jirrigwardaw id-Decreto Foral 32/2005 tad-Diputación Foral de Guipúzcoa, tal-24 ta’ Mejju 2005, li l-uniku artikolu tiegħu jemenda, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, l-Artikoli 29 u 37 tal-Liġi Foral 7/1996, tal-4 ta’ Lulju 1996, dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. Il-kontenut tar-regola kkontestata fl-imsemmi rikors huwa l-istess bħal dak tar-regola inkwistjoni fir-rikors fil-kawża prinċipali li wassal għat-talba tad-deċiżjoni preliminari fil-kawża C-434/06.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

26      Jidher li d-dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kawżi prinċipali ġew adottati mill-awtoritajiet forales wara li, permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, it-Tribunal Supremo ddikjara, fl-appell ta’ kassazzjoni nru 7893/1999, in-nullità awtomatika ta’ bosta dispożizzjonijiet simili adottati mill-istess awtoritajiet għar-raġuni li, peress li dawn il-miżuri setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huma kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skont l-Artikolu 88(3) KE. Il-konvenuti fil-kawżi prinċipali madankollu jsostnu, fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, minħabba l-fatt li t-Tribunal Supremo ddeċieda l-kawża mingħajr ma staqsa domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u minħabba raġunijiet oħra, ġie ppreżentat “recurso de amparo” quddiem it-Tribunal Constitucional kontra din is-sentenza.

27      Fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk miżuri fiskali ta’ portata ġenerali, li ma jinvolvux l-għoti ta’ vantaġġ lil ċerti impriżi jew lil ċerta produzzjoni, għandhomx jitqiesu bħala “selettivi” u jekk għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, sempliċement għar-raġuni li dawn jaffettwaw esklużivament il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ awtorità infrastatali li hija awtonoma fil-qasam fiskali.

28      F’dan ir-rigward, il-qorti ssemmi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, Ġabra p. I-7115), dwar miżuri fiskali adottati mir-Reġjun awtonomu tal-Açores, u tirreferi għal tliet kundizzjonijiet tal-awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 67 tal-imsemmija sentenza.

29      Fl-eżami dwar jekk il-Pajjiż Bask u t-Territorios Históricos tiegħu jissodisfawx dawn it-tliet kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ssostni li hija m’għandhiex dubji dwar l-eżistenza ta’ awtonomija istituzzjonali.

30      Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk il-proċedura formali ta’ elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali fil-Pajjiż Bask tissodisfax il-kriterju ta’ awtonomija proċedurali. Ċertament, din il-proċedura mhijiex suġġetta għall-intervent dirett tal-gvern ċentrali, iżda dan jiddisponi minn mekkaniżmi ta’ konċiljazzjoni mhux obbligatorja, reċiproċi u b’rappreżentanza ekwivalenti fuq iż-żewġ naħat, intiżi li jassiguraw, hekk kif il-proġetti jkunu magħrufa, l-eżami tal-kompatibbiltà tagħhom mal-Ftehim Ekonomiku adottat mill-partijiet, sabiex jiġi ggarantit li l-leġiżlazzjoni approvata minnhom tkun taqbel mar-regoli miftehma bejn l-amministrazzjonijiet ċentrali u reġjonali, regoli li għandhom forza ta’ liġi. Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni fiskali awtonoma u mill-obbligu fuq l-amministrazzjoni Baska, jekk ikun il-każ, li “tieħu inkunsiderazzjoni l-interess nazzjonali fl-iffissar tar-rata tat-taxxa”, il-Ftehim Ekonomiku jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, għal ċerti limiti fir-rigward tal-piż fiskali globali effettiv, tal-libertajiet ta’ moviment u tal-istabbiliment kif ukoll fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti diskriminatorji. Dawn il-limiti jistgħu jwasslu għal stħarriġ ġudizzjarju a posteriori tad-dispożizzjonijiet fiskali fis-seħħ, li huwa destinat li jivverifika l-konformità tagħhom mar-regoli jew mal-linji gwida msemmija iktar’il fuq.

31      Fir-rigward tal-kriterju tal-awtonomija ekonomika, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għalkemm huwa entità fiskalment responsabbli, il-Pajjiż Bask madankollu jiddisponi minn kompetenzi suffiċjenti sabiex jissodisfa dan il-kriterju. F’dan ir-rigward, din il-qorti ssostni li l-livell ta’ kompetenza tal-Pajjiż Bask, li huwa għoli ħafna meta mqabbel ma’ forom oħra ta’ awtonomija reġjonali fil-kuntest Ewropew, huwa madankollu limitat mill-eżistenza ta’ kompetenzi esklużivi tal-Istat f’oqsma li għandhom effett ekonomiku fuq il-Pajjiż Bask, bħas-sistema monetarja, il-bażijiet u l-koordinazzjoni tal-ippjanar ġenerali tal-attività ekonomika, is-sistema ekonomiku tas-sigurtà soċjali u x-xogħlijiet pubbliċi ta’ interess ġenerali, fost oqsma oħra ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 149 tal-Kostituzzjoni. Għal din ir-raġuni, l-eżistenza ta’ qafas ekonomiku distint ġewwa l-Pajjiż Bask għandu jkun relativizzat u mifhum abbażi ta’ ċerti eżiġenzi fundamentali ta’ unità tas-suq jew ta’ unità tal-ordni ekonomika, li skont il-ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional jikkostitwixxu limiti inseparabbli mis-sistema tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Nri 96/1984, tad-19 ta’ Ottubru 1984, u 96/2002, tal-25 ta’ April 2002).

32      Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, li ġiet ifformulata fi kliem identiku fil-kawżi C-428/06, C-429/06 u C-434/06):

“L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri fiskali adottati mill-Juntas Generales tat-Territorio Histórico de Vizcaya, li jemendaw l-Artikoli 29(1)(a), 37 u 39 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, għandhom jitqiesu bħala selettivi u, għaldaqstant, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar’il fuq, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) KE, peress li jiffissaw rata ta’ taxxa iktar baxxa mir-rata ġenerali stabbilita mil-liġi tal-Istat Spanjol u jistabbilixxu tnaqqis fiskali li ma jeżistix fl-ordni ġuridiku fiskali Statali u li japplikaw fit-territorju ta’ din il-lokalità infrastatali awtonoma?”

33      Fil-kawżi C-430/06 sa C-433/06, id-domanda preliminari hija l-istess bħal dik fil-punt preċedenti, iżda hija tirrigwarda l-liġijiet forales rilevanti ta’ Álava u ta’ Guipúzcoa.

34      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Novembru 2006, il-kawżi C-428/06 sa C-434/06 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35      Il-Comunidad Autónoma de La Rioja ssostni li d-domandi għal deċiżjoni preliminari mhumiex ammissibbli peress li r-risposta għad-domanda mhijiex neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenzi tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Novembru 2005, ikkonfermat permezz ta’ digriet ulterjuri tas-17 ta’ Marzu 2006, adottati t-tnejn fil-kuntest tal-proċedura inċidentali ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mit-Tribunal Supremo fid-9 ta’ Diċembru 2004 (Eżekuzzjoni Nru 3753/96-1), it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco kien diġà annulla ċerti dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kawżi prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 29 tad-diversi Liġijiet Forales emendati fir-rigward tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji u l-Artikolu 39 emendat mil-Liġi Foral 3/1996, billi kkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet kienu jmorru kontra l-imsemmija sentenza u li kienu ġew adottati bil-għan li tiġi evitata l-eżekuzzjoni tagħha. Fir-rigward tal-imsemmija żewġ digrieti, huma kienu attwalment is-suġġett ta’ appelli fil-qorti ta’ kassazzjoni.

36      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2008, il-Comunidad Autónoma de La Rioja madankollu indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qed tirrevoka t-talba tagħha li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari jiġu ddikjarati inammissibbli.

37      L-UGT-Rioja ssostni wkoll li l-imsemmija talbiet mhumiex ammissibbli peress li m’hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li l-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenza tat-Tribunal Supremo u għal ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar dispożizzjonijiet fiskali adottati mit-Territorios Históricos u li huma simili għall-imsemmija miżuri.

38      Confebask issostni wkoll li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma kinux neċessarji peress li s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, hija ċara ħafna u mhemmx dubji li l-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Kemm mill-kliem kif ukoll mill-iskema ġenerali tal-Artikolu 234 KE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari teħtieġ li effettivament jkun hemm kawża pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jkunu msejħa jagħtu deċiżjoni li fiha jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1995, Zabala Erasun et, C-422/93 sa C-424/93, Ġabra p. I-1567, punt 28; tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C-314/96, Ġabra p. I-1149, punt 18, u tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 27).

40      Peress li l-eżistenza ta’ kawża prinċipali hija kundizzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni, din tista’ tivverifikaha ex officio. Konsegwentement, jirriżulta li t-talba ta’ inammissibbiltà tad-domanda preliminari, imressqa mill-Comunidad Autónoma de La Rioja, hija irrilevanti għal din il-verifika.

41      F’dan il-każ, mill-ebda wieħed mill-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li, wara l-annullament ta’ ċerti dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kawżi prinċipali, dawn il-kawżi huma nieqsa minn suġġett jew li r-risposta għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari mhumiex iktar neċessarji għall-qorti tar-rinviju sabiex tagħti s-sentenzi tagħha fil-kawżi quddiemha.

42      Fir-rigward tal-allegata kjarezza tar-risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi mfakkar li, meta r-risposta għal domanda preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta din ma tħalli post għal ebda dubju raġonevoli, l-ewwel nett, qorti li jkunx hemm appell mid-deċiżjonijiet tagħha mhijiex marbuta, f’ċerti ċirkustanzi, li tagħmel domanda preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punti 14 u 16 sa 20) u, it-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

43      Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi bl-ebda mod ma jipprojbixxu lil qorti nazzjonali li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cilfit et, iċċitata iktar’il fuq, punt 15) u m’għandhomx l-effett li jċaħħdu lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq kwistjoni bħal din.

44      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, għall-UGT-Rioja, mhemmx dubju li l-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, filwaqt li, għal Confebask, mhemmx dubju li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna bħal din. Din l-evalwazzjoni kontradittorja tal-imsemmija miżuri fiskali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE hija suffiċjenti sabiex tintwera n-neċessità li tingħata risposta għad-domandi għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

45      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 87(1) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li miżuri fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ġew adottati minn entitajiet infrastatali, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miżuri selettivi u, għaldaqstant, bħala għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni sempliċement għar-raġuni li huma ma japplikawx għat-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat.

46      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fil-punt 56 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura, għandu jiġi eżaminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili.

47      F’dan ir-rigward, il-qafas ta’ referenza m’għandux neċessarjament ikun definit fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b’mod li miżura li tagħti vantaġġ f’parti biss tat-territorju nazzjonali mhijiex, minħabba dan il-fatt biss, selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 57).

48      Mhuwiex eskluż li entità infrastatali jkollha stat legali u ta’ fatt li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fir-rigward tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri li hija tadotta, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li għandha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 58).

49      Fil-punt 65 tas-sentenza, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sitwazzjoni li fiha awtorità reġjonali jew lokali tistabbilixxi, fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi meta mqabbla mas-setgħa ċentrali, rata ta’ tassazzjoni li tkun inqas mir-rata nazzjonali u li tkun tapplika biss għall-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.

50      F’din l-aħħar sitwazzjoni, il-kuntest ġuridiku rilevanti għall-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura fiskali jista’ jkun limitat għaż-żona ġeografika kkonċernata fil-każ li l-entità infrastatali, b’mod partikolari, minħabba l-istat u s-setgħat tagħha, tokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi preżenti fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 66).

51      Sabiex deċiżjoni meħuda minn awtorità reġjonali jew lokali tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi ta’ din l-awtorità, l-ewwel nett huwa meħtieġ li, fuq livell kostituzzjonali din tal-aħħar tkun tgawdi minn statut politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali. Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mingħajr ma l-gvern ċentrali jkun jista’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha. Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa nazzjonali applikabbli għall-impriżi preżenti fir-reġjun m’għandhomx ikunu kkumpensati permezz ta’ għajnuna jew ta’ sussidji provenjenti minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali (sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 67). Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma komunement ikkunsidrati bħala l-kriterji tal-awtonomija istituzzjonali, proċedurali kif ukoll ekonomika u finanzjarja.

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 68 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, li awtonomija politika u fiskali fir-rigward tal-gvern ċentrali li tkun suffiċjenti għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat tippresupponi mhux biss li l-entità infrastatali jkollha l-kompetenza sabiex tadotta, fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, miżuri ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta mal-aġir tal-Istat ċentrali, iżda wkoll li barra minn hekk, hija tassumi l-konsegwenzi politiċi u finanzjarji ta’ miżura bħal din.

 Fuq in-nuqqas ta’ kundizzjoni preliminari

53      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-punti 58 u 66 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, ma jistabbilixxu l-ebda kundizzjoni preliminari għall-implementazzjoni tat-tliet kriterji ppreċiżati fil-punt 67 tal-istess sentenza.

54      Il-kliem stess tal-punt 58 tal-imsemmija sentenza ma jippermettix li jkun hemm ebda dubju f’dan ir-rigward. Fil-fatt, f’dak il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li mhuwiex eskluż li entità infrastatali tkun suffiċjentement awtonoma mill-gvern ċentrali b’mod li jkun dan tal-aħħar li jkollu rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi.

55      Fi kliem ieħor, meta entità infrastatali tkun suffiċjentement awtonoma, jiġifieri meta jkollha awtonoma istituzzjonali, proċedurali u ekonomika, hija jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi. Dan ir-rwol fundamentali huwa l-konsegwenza tal-awtonomija u mhux kundizzjoni preliminari għaliha.

56      Il-punt 66 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, ukoll jesprimi din l-idea ta’ konsegwenza, peress li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-każ fejn entità infrastatali, “b’mod partikolari minħabba l-istat u s-setgħat tagħha”, tokkupa rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi fit-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha.

57      Dan il-punt 66 jikkjarifika b’mod suffiċjenti l-punt 67 tal-istess sentenza, li jiddeskrivi l-kriterji li deċiżjoni għandha tissodisfa sabiex tkun ikkunsidrata bħala adottata fl-eżerċizzju tas-setgħat suffiċjentement awtonomi, jiġifieri f’ċirkustanzi bħal dawk previsti fl-imsemmi punt 66.

58      Din l-interpretazzjoni tal-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 54 sa 68 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, hija msaħħa mill-eżami tal-istħarriġ magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fil-punt 70 tal-istess sentenza, din tal-aħħar eżaminat il-kriterji tal-awtonomija istituzzjonali u tal-awtonomija proċedurali u, fil-punti 71 sa 76 tagħha, dik tal-awtonomija ekonomika.

59      Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, madankollu, mill-istħarriġ effettwat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jirriżulta bl-ebda mod li din tal-aħħar eżaminat jekk il-kundizzjoni preliminari, li l-eżistenza tagħha hija allegata, mill-Kummissjoni kinitx ġiet sodisfatta.

60      Minn dan isegwi li l-uniċi kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex it-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ entità infrastatali jkun il-kuntest rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni adottata minn din l-entità għandhiex natura selettiva huma l-kundizzjonijiet ta’ awtonomija istituzzjonali, ta’ awtonomija proċedurali kif ukoll ta’ awtonomija ekonomika u finanzjarja, hekk kif ippreċiżat fil-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq.

 Fuq l-entità infrastatali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

61      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġewx adottati minn entità infrastatali “suffiċjentement awtonoma”, għandu l-ewwel nett jiġi ddeterminat liema hija l-entità li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

62      Fil-fatt, jekk id-domanda preliminari mressqa f’kull waħda mill-kawżi C-428/06 sa C-434/06 tirrigwarda l-miżuri fiskali adottati minn Territorio Histórico partikolari, għandu jingħad li, fir-raġunament tagħha li jispjega għaliex ir-risposta għal domanda bħal din hija neċessarja, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għall-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kif ukoll għat-Territorios Históricos.

63      Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Comunidad Autónoma de La Rioja, il-Comunidad Autónoma de Castilla y León kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li huma biss it-Territorios Históricos li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li huma dawn l-entitajiet li adottaw il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. F’dan ir-rigward, huma jindikaw il-kompetenza mnaqqsa ta’ dawn l-entitajiet, in-nuqqas ta’ awtonomija ta’ dawn tal-aħħar u, konsegwentement, in-natura selettiva tar-regoli forales ikkontestati.

64      Bħall-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet forales u l-Gvern Spanjol jirreferu, sabiex jindikaw l-istess entità infrastatali, kemm għat-Territorios Históricos, kif ukoll għall-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, skont jekk ikunux qed jirreferu għall-awtorità kompetenti fil-qasam fiskali jew f’oqsma oħra.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali riprodotta f’din is-sentenza, is-sistema istituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja hija partikolarment kumplessa. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali. Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE tirrikjedi li tiġi ddeterminata l-entità infrastatali li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali.

66      Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask hija komposta minn tliet provinċji ta’ Álava, ta’ Vizcaya u ta’ Guipúzcoa. Il-limiti ta’ dawn il-provinċji jikkoinċidu ma’ dawk tat-Territorios Históricos, entitajiet li jgawdu minn drittijiet ta’ oriġini antiki, magħrufa bħala “fueros”, li jippermettulhom jimponu u jiġbru t-taxxa. Min-naħa l-oħra, numru ieħor ta’ kompetenzi, b’mod partikolari fil-qasam ekonomiku, huma eżerċitati mill-Komunità awtonoma.

67      Ftit li xejn jidher li hemm dubju li, meħuda inkwantu tali, it-Territorios Históricos m’għandhomx awtonomija suffiċjenti skont il-kriterji stabbiliti fil-punti 67 u 68 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ awtonomija politika u fiskali teżiġi li l-entità infrastatali tassumi l-konsegwenzi politiċi u finanzjarji għal miżura ta’ tnaqqis ta’ taxxa. Dan ma jkunx il-każ meta l-entità ma tassumix il-ġestjoni ta’ baġit, jiġifieri li ma jkollhiex kontroll fuq id-dħul u l-infiq. Jidher li din hija s-sitwazzjoni li fiha jinsabu t-Territorios Históricos, li huma kompetenti biss fil-qasam fiskali, u li l-kompetenzi l-oħra jaqgħu taħt il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

68      Madankollu, għal analiżi tal-kriterji ta’ awtonomija ta’ entità infrastatali, ma jidhirx indispensabbli li jittieħdu biss inkunsiderazzjoni t-Territorios Históricos jew, għall-kuntrarju, il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

69      Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa għal raġunijiet storiċi li l-kompetenzi eżerċitati fit-territorju ġeografiku li jikkorrispondu għat-Territorios Históricos u għall-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, huma organizzati billi ssir distinzjoni bejn il-kompetenza fil-qasam fiskali, mogħtija lit-Territorios Históricos u l-kompetenzi fil-qasam ekonomiku, mogħtija lill-Komunità awtonoma.

70      Sabiex jiġi evitat li twassal għal sitwazzjonijiet inkoerenti, din id-diviżjoni ta’ kompetenzi tirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib bejn id-diversi entitajiet.

71      B’hekk, l-Istatut ta’ Awtonomija jirrigwarda l-kompetenzi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, iżda jippreċiża wkoll, fl-Artikolu 41(2) tiegħu, il-prinċipji fundamentali li għandhom jiġu rrispettati mill-awtoritajiet forales u li huma ttrattati f’iktar dettall fil-Ftehim Ekonomiku.

72      Dan il-Ftehim Ekonomiku, approvat minn liġi, ġie konkluż bejn il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u l-Istat Spanjol. Dan ma jirrigwardax biss il-kompetenzi tal-Komunità awtonoma, iżda jinkludi bosta dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-Territorios Históricos, li huma kompetenti f’bosta oqsma fiskali.

73      L-implementazzjoni tajba tal-Ftehim Ekonomiku hija vverifikata minn Kumitat Konġunt. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 ta’ dan il-Ftehim, dan il-Kumitat huwa magħmul, minn naħa, minn rappreżentant ta’ kull Gvern territorjali u mill-istess numru ta’ rappreżentanti tal-Gvern Bask, u, min-naħa l-oħra, minn numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-Istat.

74      Bl-istess mod, il-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa hija l-prova tal-kooperazzjoni stretta bejn it-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Fil-fatt, skont l-Artikolu 63 tal-Ftehim Ekonomiku, dan il-Kumitat huwa magħmul minn erba’ rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-Istat u minn erba’ rappreżentanti tal-Komunità awtonoma maħtura mill-Gvern Bask, u tlieta minn dawn tal-aħħar ikunu maħtura fuq proposta ta’ kull wieħed mid-Diputacion Foral.

75      Għalhekk, għandu jsir riferiment kemm għat-Territorios Históricos kif ukoll għall-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask sabiex jiġi ddeterminat jekk l-entità infrastatali, li hija komposta mit-Territorios Históricos u minn din il-Komunità, għandhiex awtonomija suffiċjenti sabiex tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura adottata minn wieħed mit-Territorios Históricos.

 Fuq ir-rilevanza tal-istħarriġ ġudizzjarju

76      Qabel ma jiġi eżaminat jekk it-tliet kriterji ta’ awtonomija msemmija fil-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, humiex issodisfati fil-kawżi prinċipali, għandu jingħad ukoll li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istħarriġ eżerċitat mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, uħud mill-partijiet fil-kawżi prinċipali li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom isostnu li r-regoli forales għandhom l-istatus ta’ dispożizzjonijiet amministrattivi u huma suġġetti għall-verifika tal-legalità mill-qrati amministrattivi, fatt li jkollu effett fuq l-awtonomija proċedurali tat-Territorios Históricos. Għall-kuntrarju, partijiet oħra jikkunsidraw li l-kontroll mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ awtonomija.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni li tapplika d-dritt Komunitarju, iżda għandha ġurisdizzjoni biss li tinterpreta jew tevalwa l-validità tiegħu.

78      B’hekk, ma jeħtieġx li jiġi mistoqsi jekk ir-regoli forales inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE, iżda li tiġi interpretata din id-dispożizzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħar-regoli forales adottati mit-Territorios Históricos fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom jistgħux jiġu kklassifikati bħala regoli ta’ applikazzjoni ġenerali skont il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, jew jekk dawn ir-regoli humiex ta’ natura selettiva.

79      Jidher li l-limiti tal-kompetenzi tat-Territorios Históricos huma stabbiliti mill-Kostituzzjoni u minn dispożizzjonijiet oħra, bħall-Istatut ta’ Awtonomija u l-Ftehim Ekonomiku. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet kif inhuma interpretati u infurzati mill-qrati nazzjonali. Fil-fatt, mhuwiex l-istħarriġ tal-qorti li huwa rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ awtonomija, iżda l-parametru li din il-qorti tuża meta twettaq l-istħarriġ tagħha.

80      L-għan li tiġi mistħarrġa l-legalità huwa li jiġu rrispettati l-limiti stabbiliti minn qabel tal-kompetenzi tad-diversi awtoritajiet, organi jew entitajiet tal-Istat, iżda mhux li jiġu ddeterminati dawn il-limiti. Hekk kif sostna l-Gvern Spanjol fis-seduta, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa essenzjali għall-eżistenza tal-istat tad-dritt.

81      Il-ġurisprudenza tal-qrati ta’ Stat Membru hija importanti sabiex jiġu ddeterminati l-limiti tal-kompetenzi ta’ entità infrastatali għaliex l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tifforma parti sħiħa mir-regoli li jiddefinixxu dawn il-kompetenzi. Madankollu, id-deċiżjoni tal-qorti tillimita ruħha li tinterpreta r-regola li tistabbilixxi l-limiti tal-kompetenzi ta’ entità bħal din, iżda, bħala prinċipju, hija ma taffettwax l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi f’dawn il-limiti.

82      Minn dan jirriżulta li huma r-regoli applikabbli, kif interpretati mill-qrati nazzjonali, li jiddeterminaw il-limiti tal-kompetenzi ta’ entità infrastatali u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar għandhiex awtonomija suffiċjenti.

83      Konsegwentement, ma jistax jiġi validament konkluż li entità infrastatali mhijiex awtonoma għar-raġuni biss li jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju fuq l-atti adottati minnha.

 Fuq it-tliet kriterji ta’ awtonomija

 Fuq il-kriterju tal-awtonomija istituzzjonali

–       Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

84      L-awtoritajiet forales, Confebask kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit isostnu li jaqblu mal-analiżi tal-qorti tar-rinviju għal dak li jirrigwarda l-awtonomija istituzzjonali. Bl-istess mod, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta.

85      Il-Comunidad Autónoma de Castilla y León issostni li t-Territorios Históricos m’għandhomx awtonomija istituzzjonali sħiħa, peress li huma għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-Istat Spanjol. Il-Comunidad Autónoma de La Rioja tfakkar li għandha ssir distinzjoni bejn l-awtoritajiet forales, li adottaw il-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Din tal-aħħar, bħall-komunitajiet awtonomi l-oħra, għandha teżerċita l-kompetenzi li huma mogħtija lilha mill-Istat fil-kuntest tal-għanijiet tal-politika ekonomika nazzjonali jew tal-organizzazzjoni ġenerali tal-ekonomija definiti minnu, filwaqt li dawn l-awtoritajiet forales m’għandhomx kompetenzi fil-qasam ekonomiku. Mingħajr ma tikkontesta l-eżistenza ta’ awtonomija istituzzjonali, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-kompetenzi mnaqqsa li għandhom l-awtoritajiet forales li jaġixxu, essenzjalment, bħala dawk li jiġbru t-taxxi għal amministrazzjonijiet oħra.

–       Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Safejn huwa neċessarju, ġew esposti l-argumenti differenti kollha. Madankollu, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 75 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi kkunsidrata l-entità infrastatali komposta mit-Territorios Históricos u mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask.

87      F’dan ir-rigward, mill-eżami tal-Kostituzzjoni, tal-Istatut ta’ Awtonomija u tal-Ftehim Ekonomiku jirriżulta li, peress li għandhom status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali, xi entitajiet infrastatali bħat-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jissodisfaw il-kriterju tal-awtonomija istituzzjonali.

 Fuq il-kriterju tal-awtonomija proċedurali

–       Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

88      Il-Comunidad Autónoma de La Rioja u l-Comunidad Autónoma de Castilla y León kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-awtoritajiet forales huma limitati fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, fir-rigward kemm tal-Istat ċentrali kif ukoll tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u bejniethom. F’dak ir-rigward, teżisti verifika minn qabel b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kollaborazzjoni mal-Istat. Il-Comunidad Autónoma de Castilla y León tinsisti fuq ir-rwol tal-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa, previst fl-Artikoli 63 u 64 tal-Ftehim Ekonomiku.

89      Dawn il-partijiet fil-kawżi prinċipali jsostnu wkoll li l-awtoritajiet forales għandhom jirrispettaw diversi prinċipji kostituzzjonali jew prinċipji oħra, taħt l-istħarriġ tal-qrati amministrattivi. Dawn il-prinċipji jikkostitwixxu limiti materjali importanti għas-setgħat ta’ dawn l-awtoritajiet. Dan huwa l-każ tal-prinċipju ta’ solidarjetà, previst fl-Artikolu 138 tal-Kostituzzjoni, tal-prinċipju tal-armonizzazzjoni fiskali, li l-ħtieġa tiegħu hija msemmija fl-Artikolu 3 tal-Ftehim Ekonomiku, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni, u tal-unità tas-suq.

90      L-awtoritajiet forales u Confebask isostnu li l-Istat ma jintervjenix fl-adozzjoni tar-regoli forales. Jeżisti mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni reċiproka, iżda dan għandu biss natura informattiva. Anki jekk il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa jieħu deċiżjoni negattiva, din ma tkunx ta’ ostakolu għad-dħul fis-seħħ tar-regoli forales adottati, li jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem il-qrati nazzjonali.

91      Il-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Gvern Taljan, jikkunsidraw li l-miżuri ta’ konċiljazzjoni mhumiex inkompatibbli mar-rikonoxximent ta’ awtonomija proċedurali. Skont dan il-Gvern, huwa l-fatt li l-adozzjoni ta’ miżura fiskali reġjonali ma teħtieġx il-kunsens tal-Istat u li dan m’għandux setgħa li jopponi veto għal din il-miżura jew li jinvalida d-deċiżjoni rilevanti tal-awtoritajiet reġjonali li huwa rilevanti.

92      Confebask tibbaża l-argument tagħha fuq id-differenza fil-formulazzjoni bejn il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, u fuq il-kliem tiegħu sabiex isostni li ftit jimporta, fil-verifika tal-kriterju tal-awtonomija proċedurali, li l-awtorità lokali tkun marbuta tikkunsidra interessi nazzjonali. Fil-fatt, fil-punt 54 tal-imsemmija konklużjonijiet, hemm miktub li “[...] id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-awtorità lokali skont proċedura li fiha l-gvern ċentrali m’għandux is-setgħa jintervjeni direttament fir-rigward tal-iffissar tar-rata tat-taxxa u l-awtorità lokali bl-ebda mod ma hija marbuta li tiffissa r-rata tat-taxxa abbażi tal-interessi nazzjonali”. Min-naħa l-oħra, fil-punt 67 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma żammitx l-aħħar parti tal-imsemmija sentenza, peress li hija illimitat ruħha li tindika li l-miżura għandha tiġi adottata “mingħajr ma l-gvern ċentrali jista’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha”.

93      Il-Kummissjoni ssostni, kuntrarjament għall-Confebask, li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat huwa importanti. Skont din l-istituzzjoni, il-kundizzjoni ta’ awtonomija proċedurali ma tkunx sodisfatta jekk l-entità infrastatali tkun sottoposta għall-obbligu proċedurali li tikkonsulta lill-gvern ċentrali u/jew għall-obbligu materjali li tieħu inkunsiderazzjoni r-riperkussjonijiet tad-deċiżjonijiet tagħha fuq it-territorju kollu, per eżempju sabiex jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ solidarjetà jew ta’ pressjoni fiskali ekwivalenti.

94      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tibbaża fuq l-aħħar sentenza tal-punt 68 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, fejn jingħad li l-entità infrastatali għandu jkollha kompetenza fiskali “indipendentement minn kull kunsiderazzjoni marbuta mal-aġir tal-Istat ċentrali”, preċiżjoni li għandha tiġi interpretata fid-dawl tagħha l-kundizzjoni msemmija fil-punt 67 tal-istess sentenza, jiġifieri li d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità infrastatali għandha tkun ġiet adottata “mingħajr ma l-gvern ċentrali seta’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha.”

–       Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Hekk kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, sabiex tiġi adottata fl-eżerċizzju ta’ setgħat suffiċjentement awtonomi, deċiżjoni tal-awtorità infrastatali għandha tkun ittieħdet mingħajr ma l-gvern ċentrali jkun jista’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha.

96      Awtonomija proċedurali bħal din ma teskludix li proċedura ta’ konċiljazzjoni tkun implementata bil-għan li jiġu evitati l-kunflitti, sakemm id-deċiżjoni finali meħuda fl-aħħar ta’ din il-proċedura tkun adottata mill-entità infrastatali u mhux mill-gvern ċentrali.

97      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Ekonomiku jirriżulta li l-awtoritajiet forales jikkomunikaw lill-amministrazzjoni tal-Istat l-abbozzi tar-regoli forales fil-qasam fiskali u li din l-amministrazzjoni tagħmel l-istess ma’ dawn l-istess awtoritajiet.

98      Skont l-Artikolu 64 ta’ dan il-Ftehim, Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa magħmul nofsu, mir-rappreżentanti tal-amministrazzjoni tal-Istat u, in-nofs l-ieħor, mir-rappreżentanti tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jista’ jeżamina abbozzi ta’ regoli forales u jipprova, permezz tan-negozjati, jelimina differenzi li jista’ jkun hemm fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali applikabbli fil-bqija tat-territorju Spanjol.

99      Hekk kif ġustament sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Ftehim Ekonomiku ma jirriżultax li, fin-nuqqas ta’ ftehim fi ħdan l-imsemmi Kumitat, il-gvern ċentrali jista’ jimponi l-adozzjoni ta’ regola li għandha kontenut partikolari.

100    Barra minn hekk għandu jingħad li l-Kumitat ta’ Koordinazzjoni u ta’ Evalwazzjoni Normativa jista’ jeżamina mhux biss l-abbozzi tar-regoli forales, iżda wkoll l-abbozzi mibgħuta mill-amministrazzjoni tal-Istat. Din il-possibbiltà turi b’mod suffiċjenti li l-imsemmi Kumitat huwa biss organu konsultattiv u ta’ konċiljazzjoni, u mhux mekkaniżmu li permezz tiegħu l-gvern ċentrali jimponi d-deċiżjoni tiegħu fil-każ ta’ kunflitt bejn abbozz tar-regoli forales u l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Istat Spanjol.

101    Fir-rigward tad-diversi prinċipji invokati mill-Comunidad Autónoma de La Rioja, mill-Comunidad Autónoma de Castilla y León kif ukoll mill-Kummissjoni, ma jidhirx li dawn jippreġudika l-awtonomija deċiżjonali tat-Territorios Históricos, iżda pjuttost jiddefinixxu l-limiti tagħha.

102    B’hekk, il-prinċipju ta’ solidarjetà, definit fl-Artikolu 138 tal-Kostituzzjoni u li skont dan “[l]-Istat għandu jiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ solidarjetà stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, filwaqt li jieħu ħsieb il-bilanċ ekonomiku xieraq u ġust bejn id-diversi partijiet tat-territorju Spanjol […]”, ma jidhirx li jippreġudika l-awtonomija proċedurali tat-Territorios Históricos.

103    Fil-fatt, li entità infrastatali tkun meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni l-bilanċ ekonomiku ta’ partijiet differenti tat-territorju nazzjonali meta hija tadotta regola fiskali jiddefinixxi l-limitu tal-kompetenzi ta’ din l-entità, anki jekk il-kunċetti użati sabiex jiġu ddefiniti dawn il-limiti, bħall-kunċett ta’ bilanċ ekonomiku, huma eventwalment żviluppati fil-kuntest tal-interpretazzjoni fl-istħarriġ ġudizzjarju.

104    Madankollu, hekk kif intqal fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, il-fatt li limiti stabbiliti minn qabel għandhom jiġu rrispettati fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ma jfissirx, bħala prinċipju, li hija tippreġudika l-awtonomija deċiżjonali tal-entità li tadotta din id-deċiżjoni.

105    Fir-rigward tal-prinċipju tal-armonizzazzjoni fiskali, stabbilit fl-Artikolu 3 tal-Ftehim Ekonomiku, dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li tiġi eżerċitata “pressjoni fiskali effettiva globali li tkun ekwivalenti għal dik li tapplika fil-bqija tal-Istat” u li tiġi rrispettata u ggarantita “[i]l-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tal-persuni, kif ukoll il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi fit-territorju Spanjol kollu, mingħajr ma jkun hemm la effetti diskriminatorji, la ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-impriżi, u lanqas distorsjoni fit-tqassim tar-riżorsi”.

106    Għalkemm minn prinċipju bħal dan jidher li t-Territorios Históricos m’għandhomx kompetenza wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-pressjoni fiskali globali li tista’ tiġi kkawżata mil-liġijiet forales, peress li din għandha tkun ekwivalenti għal dik li teżisti fil-bqija tal-Istat Spanjol, madankollu mhuwiex ikkontestat li l-pressjoni fiskali globali hija biss waħda mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-adozzjoni ta’ regola fiskali. Sakemm jirrispettaw dan il-prinċipju, it-Territorios Históricos għandhom l-possibbiltà li jadottaw dispożizzjonijiet fiskali differenti f’ħafna modi mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-bqija ta’ dan l-Istat.

107    Fi kwalunkwe każ, kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, il-kriterju essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ awtonomija proċedurali mhuwiex il-portata tal-kompetenza mogħtija lill-entità infrastatali, iżda l-possibbiltà għal din l-entità, bis-saħħa ta’ din il-kompetenza, li tadotta deċiżjoni b’mod indipendenti, jiġifieri mingħajr ma l-gvern ċentrali jkun jista’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha.

108    Għalhekk jirriżulta li l-obbligu, għal entità infrastatali, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-Istat sabiex jiġu rrispettati l-limiti tal-kompetenzi li huma attribwiti lil din l-entità, bħala prinċipju, ma jikkostitwixxux element li jippreġudika l-awtonomija proċedurali tagħha meta tadotta deċiżjoni fil-limiti tal-kompetenzi tagħha.

109    Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 63 u 64 tal-Ftehim Ekonomiku, ma jidhirx li l-gvern ċentrali jista’ jintervjeni direttament fil-proċess tal-adozzjoni ta’ regola foral sabiex jiġu rrispettati prinċipji bħall-prinċipju ta’ solidarjetà, dak tal-armonizzazzjoni fiskali jew prinċipji oħra bħal dawk invokati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

110    Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt Komunitarju, hija madankollu l-qorti nazzjonali li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tidentifika d-dritt nazzjonali applikabbli u tinterpretah, kif ukoll sabiex tapplika d-dritt Komunitarju għall-kawżi li tkun adita bihom. B’hekk hija l-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi tal-elementi eżaminati u fuq l-elementi l-oħra kollha li hija tikkunsidra rilevanti, li għandha tivverifika jekk it-tieni kriterju imsemmi fil-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, jiġifieri dak tal-awtonomija proċedurali, huwiex issodisfat fil-kawżi prinċipali.

 Fuq il-kriterju tal-awtonomija ekonomika u finanzjarja

–       Osservazzjoni ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

111    Fir-rigward ta’ dan il-kriterju, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awturi tagħhom jirreferu għall-punti 67 u 68 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa nazzjonali applikabbli għall-impriżi ppreżentati fir-reġjun ma kellhomx jiġu kkumpensati b’għajnuna jew sussidji provenjenti minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali u, min-naħa l-oħra, li awtonomija ekonomika teżisti biss meta l-entità infrastatali tassumi l-konsegwenzi politiċi u finanzjarji ta’ miżura ta’ tnaqqis tat-taxxi. Bosta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jittrattaw id-determinazzjoni tal-kwota u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha għal dak li jirrigwarda l-awtonomija ekonomika u finanzjarja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kif ukoll tat-Territorios Históricos.

112    Il-Comunidad Autónoma de La Rioja u l-Comunidad Autónoma de Castilla y León isostnu li t-Territorios Históricos m’għandhomx awtonomija ekonomika, b’mod partikolari, minħabba l-prinċipji differenti imposti mill-Kostituzzjoni u mill-Ftehim Ekonomiku.

113    L-awtoritajiet forales, min-naħa l-oħra, isostnu li s-sistema fiskali tat-Territorios Históricos hija bbażata fuq iż-żewġ pilastri li huma, minn naħa, l-awtonomija fiskali kif ukoll ir-responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tar-riskju unilaterali.

114    Fl-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, Confebask issostni li, skont il-qorti nazzjonali, il-kriterju tal-awtonomija ekonomika jeżiġi distinzjoni ekonomika bejn it-territorju awtonomu u l-bqija tal-Istat Spanjol fil-qasam fiskali, b’mod li prinċipju eventwali ta’ unità tas-suq jista’ jpoġġi fid-dubju l-eżistenza ta’ awtonomija reali. Confebask issostni, madankollu, li s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, fl-ebda każ ma teħtieġ il-preżenza ta’ element bħal “qafas ekonomiku distint”, realtà li lanqas teżisti fost l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, li tikkostitwixxi unità ekonomika u soċjali integrata ħafna. L-uniku element rilevanti huwa li dan il-piż fiskali iktar baxx applikabbli f’reġjun partikolari m’għandux ikun iffinanzjat permezz ta’ trasferiment provenjenti mill-gvern ċentrali, li jkun ifisser li r-riskji politiċi u ekonomiċi tad-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam fiskali mill-entità infrastatali jkunu assunti minn dan tal-aħħar, ħtieġa li fid-dritt Spanjol hija magħrufa bħala l-“prinċipju tar-responsabbiltà fiskali”. Dan huwa l-każ għal dak li jirrigwarda t-Territorios Históricos, peress li r-responsabbiltà fiskali hija inseparabbli mir-regoli tal-Ftehim Ekonomiku.

115    Il-Gvern Spanjol jeżamina s-sistema tal-kwota u jsostni li, għalkemm jeżistu flussi finanzjarji differenti bejn l-Istat Spanjol u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, teżisti wkoll kontribuzzjoni netta ta’ din tal-aħħar lill-Ministeru tal-Finanzi Spanjol, li hija destinata għall-finanzjament ta’ oqsma li huma r-responsabbiltà tal-Istat u mhux tal-Pajjiż Bask. Huwa jinsisti fuq il-fatt li l-emendi fiskali adottati mill-istituzzjonijiet kompetenti tat-Territorios Históricos ma jibdlux la l-influssi finanzjarji bejn l-Istat u l-Pajjiż Bask u lanqas l-kwantità ta’ servizzi pprovduti mill-Istat. Huwa jikkonkludi, kemm mill-perspettiva politika kif ukoll minn dik ekonomika, li t-Territorios Históricos jassumu l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom fil-qasam fiskali.

116    Il-Gvern Taljan jikkunsidra li l-fatt li l-Istat Spanjol għandu kompetenza esklużiva f’setturi bħas-sistema monetarja, il-bażijiet u l-koordinazzjoni tal-ippjanar ġenerali tal-attività ekonomika, ir-regoli finanzjarji tas-sigurtà soċjali kif ukoll ix-xogħlijiet pubbliċi ta’ interess ġenerali, ma jpoġġix fid-dubju l-eżistenza ta’ livell ta’ awtonomija ekonomika u finanzjarja suffiċjenti.

117    Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-fatt li l-Istat Spanjol iżomm ċertu kontroll fuq il-qafas ekonomiku ġenerali u l-eżistenza ta’ kwota kontributtiva għall-piżijiet assunti minn dan l-Istat ma jidhrux inkompatibbli mal-kriterju tal-awtonomija ekonomika u finanzjarja, sakemm ir-rata ta’ taxxa ma jkollhiex effett fuq l-ammont ta’ din il-kwota.

118    Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, meta jiġi eżaminat jekk miżura fiskali tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, mhuwiex il-każ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“call effect”, jiġifieri l-kreazzjoni ta’ impriżi u għaldaqstant, iż-żieda tad-dħul fiskali li jista’ tikkawża tnaqqis tat-taxxi, peress li effett bħal dan ma jistax jiġi ddeterminat a priori. Fi kwalunkwe każ, in-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżura għandha tiġi evalwata każ b’każ, fuq l-livell tal-impriża benefiċjarja f’mument partikolari. Hija ssostni, fit-tieni lok, li l-eżami tal-awtonomija ekonomika ta’ territorju partikolari jinvolvi l-analiżi tal-mekkaniżmi kollha ta’ trasferiment finanzjarju u ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà, anki jekk ma jippreżentawx ruħhom b’dan il-mod (per eżempju, il-mekkaniżmu tal-fond uniku tas-sigurtà soċjali, il-garanzija, mill-Istat, ta’ servizz pubbliku minimu, eċċ.). Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li mhumiex l-għanijiet tal-intervent statali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk miżura fiskali għandhiex tiġi analizzata bħala għajnuna mill-Istat, iżda l-effetti ta’ din il-miżura. Hija tfakkar, f’dan il-kuntest, li l-fatt li territorju jkollu kompetenzi wiesgħa fil-qasam fiskali u jkollu l-kontroll tad-dħul tiegħu ma jfissirx neċessarjament li għandu rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent ekonomiku.

119    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza tal-prinċipju kostituzzjonali ta’ solidarjetà, li jikkostitwixxi limitu għall-awtonomija finanzjarja tat-Territorios Históricos u għandu jiggarantixxi servizzi ta’ livell minimu fit-territorju kollu Spanjol.

120    Il-Kummissjoni teżamina, b’mod iktar partikolari, l-Fond ta’ kumpens interterritorjali, previst fl-Artikolu 158(2) tal-Kostituzzjoni. Fl-opinjoni tagħha, l-eżistenza stess ta’ dan il-Fond tindika li t-Territorios Históricos ma jassumux il-konsegwenzi finanzjarji ta’ deċiżjoni li tirrigwarda t-tnaqqis tar-rata tat-taxxa jew iż-żieda tat-tnaqqis awtorizzat. Fir-rigward tal-kwota, hija tikkonkludi mill-analiżi tal-mekkaniżmu tagħha, li din hija kkalkolata skont id-dħul relattiv tat-Territorios Históricos meta mqabbel ma’ dak tal-Istat u li, konsegwentement, tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, jeżistu trasferimenti oħra finanzjarji, bħall-aġġustamenti u l-kumpensi fir-rigward tat-taxxi diretti u indiretti, li jikkostitwixxu wkoll mekkaniżmi ta’ solidarjetà, peress li ċerti kumpensi jkunu kkalkolati skont l-imsemmi dħul relattiv.

121    Fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tirreferi għal rapport tal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali għas-snin 1999-2005. Fil-qasam tal-pensjonijiet, per eżempju, fl-2005 is-sistema kellha defiċit ta’ EUR 311 miljun fil-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-servizzi tas-sigurtà soċjali huma ffinanzjati mill-komunitajiet awtonomi l-oħra. Peress li l-finanzjament tad-defiċit jifforma parti mill-kompetenzi mhux assunti, il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask tikkontribwixxi għalih permezz ta’ kwota. Peress li din tkun ikkalkolata fuq id-dħul relattiv għal dik il-Komunità, is-sistema stabbilita sabiex tikkumpensa d-defiċit tas-sigurtà soċjali tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ solidarjetà.

122    Fid-dawl tal-elementi kollha esposti, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Territorios Históricos ma jassumux il-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-miżuri ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa jew taż-żieda tat-tnaqqis awtorizzat. Konsegwentement, it-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, mhijiex sodisfatta.

–       Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

123    Hekk kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta sabiex entità infrastatali tgawdi minn awtonomija ekonomika u finanzjarja hija li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis ta’ rata tat-taxxa applikabbli għall-impriżi preżenti fir-reġjun ma jkunux ikkumpensati b’għajnuna jew sussidji provenjenti minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali.

124    It-trasferimenti finanzjarji bejn l-Istat Spanjol u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask huma rregolati mill-Ftehim Ekonomiku u mil-Liġi tal-2002 dwar il-kwota. Għalhekk, fl-ewwel lok għandhom jiġu eżaminati dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux ikollhom bħala effett il-kumpens, mill-Istat Spanjol, tal-konsegwenzi finanzjarji ta’ miżura fiskali adottata mill-awtoritajiet forales.

125    Il-metodu tal-kalkolu tal-kwota huwa partikolarment kumpless. L-ewwel stadju ta’ dan il-kalkolu jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-ammonti tal-piżijiet assunti mill-Istat fir-Renju ta’ Spanja kollu fir-rigward tal-kompetenzi mhux assunti mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Għal dan l-ammont jiġi applikat koeffiċjent ta’ imputazzjoni li għandu jirrefletti, bħala prinċipju, il-piż relattiv tal-ekonomija Baska fir-Renju ta’ Spanja kollu. Fl-aħħar nett, isiru bosta aġġustamenti bil-għan li tiġi pperfezzjonata l-istima tad-dħul irċevut mid-diversi entitajiet għat-taxxi differenti.

126    Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont tad-dħul fiskali tat-Territorios Históricos m’għandux effett fuq l-ewwel stadju tal-kalkolu, li jikkonsisti esklużivament f’evalwazzjoni tad-diversi piżijiet assunti mill-Istat Spanjol. Fir-rigward tal-aġġustamenti, ikun biss b’mod indirett li dawn jistgħu jiġu affettwati minn regola foral li tintroduċi tassazzjoni iktar favorevoli għall-persuni taxxabbli li jaqgħu taħt l-applikazzjoni ta’ dik ir-regola.

127    Wieħed mid-data essenzjali għall-kalkolu tal-kwota huwa l-koeffiċjent ta’ imputazzjoni, attwalment stabbilit għal 6,24 %. F’dan ir-rigward, mill-argumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk dan il-koeffiċjent ikun stabbilit fuq il-bażi tad-data ekonomika, huwa madankollu stabbilit waqt negozjati essenzjalment politiċi bejn l-Istat Spanjol u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask. Għalhekk, deċiżjoni ta’ tnaqqis tar-rata tat-taxxa ma jkollhiex neċessarjament effett fuq ir-rata ta’ dan il-koeffiċjent.

128    Fis-seduta, il-Kummissjoni kkontestat il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni attwali, billi kkunsidrat li kien ta’ valur baxx wisq u li, konsegwentement, it-Territorios Históricos jikkontribwixxu inqas milli għandhom jikkontribwixxu għall-piż tal-Istat. Madankollu, għandu jerġa’ jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss li tinterpreta l-Artikolu 87(1) KE u mhux li tiddeċiedi, fil-kawżi prinċipali, jekk il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni kkalkolat skont il-Liġi tal-2002 dwar il-kwota kienx ikkalkolat b’mod korrett mill-perspettiva ekonomika jew jekk ġiex mogħti valur baxx wisq.

129    Madankollu għandu jingħad li valutazzjoni baxxa wisq ta’ dan il-koeffiċjent tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ awtonomija ekonomika tat-Territorios Históricos. Madankollu, għandu jeżisti kumpens, jiġifieri rabta kawżali bejn miżura fiskali adottata mill-awtoritajiet forales u l-ammonti li huma r-responsabbiltà tal-Istat Spanjol.

130    Hekk kif ġie espost quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-koeffiċjent ta’ imputazzjoni huwa stabbilit abbażi tad-data ekonomika waqt negozjati politiċi li għalihom jipparteċipa l-Istat Spanjol u li fil-kuntest tagħhom dan jiddefendi l-interess nazzjonali kif ukoll dak ta’ reġjuni oħra tar-Renju ta’ Spanja. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk tali proċess ta’ ffissar tar-rata tal-koeffiċjent għandux l-għan li jippermetti lill-gvern ċentrali jikkumpensa l-ispiża ta’ sussidju jew ta’ miżura fiskali favorevoli għall-impriżi adottata mit-Territorios Históricos.

131    Bl-istess mod, hija dik il-qorti li għandha teżamina l-effetti ta’ dan il-proċess u tivverifika jekk, minħabba l-metodoloġija adottata u d-data ekonomika meħuda inkunsiderazzjoni, l-iffissar tal-koeffiċjent ta’ imputazzjoni u, b’mod iktar ġenerali, il-kalkolu tal-kwota jistax ikollu effett li jiġu kkumpensati, mill-Istat Spanjol, il-konsegwenzi ta’ miżura fiskali adottata mill-awtoritajiet forales.

132    Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-Kummissjoni tallega ukoll li jeżistu bosta trasferimenti finanzjarji oħra li jikkumpensaw il-miżuri fiskali ta’ tnaqqis tat-taxxa, bħal dawk li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ fond uniku tas-sigurtà soċjali, ta’ servizz pubbliku minimu ggarantit mill-Istat jew tal-Fondi ta’ kumpens interterritorjali. Fis-seduta, sar ukoll riferiment għat-trasferimenti u s-sussidji ta’ ammonti kunsiderevoli lill-organizzazzjonijiet pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwota.

133    F’dan ir-rigward, jekk kumpens finanzjarju jistax jiġi ddikjarat u speċifiku, huwa jista’ jkun ukoll moħbi u jirriżulta biss mill-eżami konkret tal-flussi finanzjarji li jeżistu bejn l-entità infrastatali kkonċernata, l-Istat Membru li jaqa’ taħtu u r-reġjuni l-oħra ta’ dan tal-aħħar.

134    Dan l-eżami jista’ fil-fatt jindika li deċiżjoni ta’ tnaqqis tat-taxxa adottata mill-entità infrastatali tirriżulta fi trasferimenti finanzjarji sinjifikattivi għal vantaġġ tagħha, minħabba l-metodi ta’ kalkolu użati sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti li għandhom jiġu ttrasferiti.

135    Madankollu, kif sostniet essenzjalment l-Avukat Ġeneral fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tagħha, u kuntrarjament għal dak li jidher li qed issostni l-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li minn evalwazzjoni globali tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat ċentrali u l-entitajiet infrastatali tiegħu jirriżulta li jeżistu trasferimenti finanzjarji tal-imsemmi Stat lejn dawn tal-aħħar, mhuwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi pprovat li dawn l-entitajiet ma jassumux il-konsegwenzi finanzjarji tal-miżuri fiskali li jadottaw u, li għaldaqstant ma jgawdux minn awtonomija finanzjarja, peress li trasferimenti bħal dawn jistgħu jiġi spjegati minn motivi li m’għandhom l-ebda rabta mal-imsemmija miżuri fiskali.

136    Fil-kawżi prinċipali, mhuwiex ikkontestat li l-kompetenzi tat-Territorios Históricos għandhom bħala limitu, b’mod partikolari, id-diversi prinċipji invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, dak tal-armonizzazzjoni fiskali.

137    Kif jirriżulta minn dawn il-limiti, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regoli forales adottati mit-Territorios Históricos jistgħux iwasslu għall-kumpensi moħbija f’setturi bħas-sigurtà soċjali jew il-garanzija, mill-Istat Spanjol, ta’ servizz pubbliku minimu, jew anki fil-funzjonament tal-Fond ta’ kumpens interterritorjali, hekk kif issostni b’mod patikolari l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma spjegatx l-allegazzjonijiet tagħha b’mod preċiż.

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, enfasizzat fis-seduta, li l-miżuri fiskali kkontestati ma japplikawx għall-impriżi kollha stabbiliti jew għall-produzzjoni kollha mwettqa fit-Territorios Históricos, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan ma jistax jaffettwa l-analiżi preċedenti peress li huwa paċifiku li, skont kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġusizzja fil-punt 62 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, l-imsemmija miżuri japplikaw għall-impriżi kollha jew għall-produzzjonijiet kollha kkonċernati, skont ir-regola tal-kondiviżjoni tal-kompetenza fiskali stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat u din l-entità infrastatali, fil-kompetenza ta’ din tal-aħħar.

139    Fi kwalunkwe każ, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi jekk ir-regoli forales inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, klassifikazzjoni bħal din timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddetermina l-liġi nazzjonali rilevanti, l-interpretazzjoni tagħha u l-applikazzjoni tagħha, kif ukoll eżami tal-fatti, kompiti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss li tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont din id-dispożizzjoni, bil-għan li tagħti lill-imsemmija qorti kriterji li jippermettulha tiddeċiedi l-kawżi quddiemha.

140    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li fuq il-bażi tal-elementi eżaminati u tal-elementi kollha li l-qorti tar-rinviju tqis rilevanti, hija din tal-aħħar li għandha tivverifika jekk it-Territorios Históricos jassumux il-konsegwenzi politiċi u finanzjarji ta’ miżura fiskali adottata fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom.

 Konklużjoni għal dak li jikkonċerna t-tliet kriterji msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza

141    Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli forales adottati mit-Territorios Históricos jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE huwa essenzjali li jiġi vverifikat jekk dawn it-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask jiddisponux minn awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika suffiċjenti sabiex regola adottata minn dawn l-awtoritajiet fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom tkun ikkunsidrata bħala ta’ applikazzjoni ġenerali fi ħdan din l-entità infrastatali u mhux ta’ natura selettiva skont il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 87(1) KE.

142    Din il-verifika tista’ ssir biss wara kontroll minn qabel li jippermetti li jiġi ggarantit li t-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask josservaw il-limiti tal-kompetenzi tagħhom peress li r-regoli dwar, b’mod partikolari, it-trasferimenti finanzjarji ġew imfassla skont dawn il-kompetenzi hekk kif definiti.

143    Il-konstatazzjoni ta’ ksur tal-limiti ta’ dawn il-kompetenzi tista’ fil-fatt timmina r-riżultat tal-analiżi magħmula fuq il-bażi tal-Artikolu 87(1) KE, peress li l-qafas ta’ referenza għall-evalwazzjoni tan-natura selettiva tar-regola ta’ applikazzjoni ġenerali fl-entità infrastatali ma jkunx iktar neċessarjament magħmul mit-Territorios Históricos u mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, iżda jista’, jekk ikun il-każ, ikun estiż għat-territorju Spanjol kollu.

144    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika li tgawdi minnha l-awtorità li tadotta din il-miżura. Hija l-qorti tar-rinviju, li hija biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika d-dritt nazzjonali applikabbli u sabiex tinterpretah, kif ukoll sabiex tapplika d-dritt Komunitarju għall-kawżi li hija adita bihom, li għandha tivverifika jekk it-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask igawdux minn awtonomija bħal din, f’liema każ il-konsegwenza tkun li jekk ikun il-każ, l-eżitu jkun li r-regoli adottati fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lil dawn l-entitajiet infrastatali mill-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Spanjol mhumiex ta’ natura selettiva skont il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE.

 Fuq l-ispejjeż

145    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-awtonomija istituzzjonali, proċedurali u ekonomika li tgawdi minnha l-awtorità li tadotta din il-miżura. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika d-dritt nazzjonali applikabbli u sabiex tinterpretah, kif ukoll sabiex tapplika d-dritt Komunitarju għall-kawżi li hija adita bihom, li tivverifika jekk it-Territorios Históricos u l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask igawdux minn awtonomija bħal din, li jekk ikun il-każ, l-eżitu jkun li r-regoli adottati fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lil dawn l-entitajiet infrastatali mill-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 u mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Spanjol mhumiex ta’ natura selettiva skont il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.