Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-515/07

Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Oġġetti u servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli u ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet taxxabbli — Dritt għal tnaqqis immedjat u sħiħ tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ tali oġġetti u servizzi”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa input imħallsa

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 6(2)(a) u 17(2))

L-Artikoli 6(2)(a) u 17(2) tas-Sitt Direttiva, 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma japplikawx għall-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, bħal attivitajiet li għal assoċjazzjoni jikkonsistu fid-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha, peress li t-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u ta’ dawn is-servizzi, relatata ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, ma tistax titnaqqas.

L-Artikolu 6(2)(a) ta’ din id-direttiva mhuwiex fil-fatt intiż li jistabbilixxi regola li abbażi tagħha tranżazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT jistgħu jitqiesu li twettqu “għal skopijiet oħra barra dawk” tan-negozju skont din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 38, 40 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Frar 2009 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Oġġetti u servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli u ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet taxxabbli – Dritt għal tnaqqis immedjat u sħiħ tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri ta’ tali oġġetti u servizzi”

Fil-kawża C-515/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Novembru 2007, fil-kawża

Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn K. Lasok, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23-62, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (iktar ’il quddiem il-“VNLTO”) u l-iStaatssecretaris van Financiën, dwar rettifika fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva jistipola:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4        L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jiddisponi:

“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a)      l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ [allokati għan-] negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu [tagħha] jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju [negozju] tiegħu [tagħha] fejn i[l-VAT] fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha”;

b)      il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu [tagħha]

Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li [sakemm] din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.”

5        Skont l-Artikolu 17(2) u (6) tad-Direttiva:

“2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-[tat-] transazzjoni taxxabbli tiegħu [tagħha], il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a) i[l-VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu [lilha] minn persuna taxxabbli oħra;

[…]

6.      “Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, [huwa hu] jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis ta[l-VAT]. I[l-VAT] fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968) jipprovdi:

“It-taxxa mħallsa fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi lin-negozjant, fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti mwettaq minnu kif ukoll fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti destinati għalih għandha titnaqqas mit-taxxa dovuta fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi”

7        L-Artikolu 15 ta’ din il-liġi jiddisponi:

“It-taxxa msemmija fl-Artikolu 2, li titnaqqas mill-operatur, hija:

a)      it-taxxa li, għall-perijodu msemmi fid-dikjarazzjoni, tniżżlet fuq kont redatt skont il-metodi preskritti minn operaturi oħrajn bħala provvista ta’ oġġetti u servizzi li twettqu favur l-operatur;

[…]

sakemm l-oġġetti u s-servizzi jiġu użati mill-operatur għall-iskopijiet tan-negozju tiegħu […]

[…]

4.      It-tnaqqis tat-taxxa għandu jsir skont l-użu tal-oġġetti u tas-servizzi fil-mument li fih it-taxxa hija ffatturata lill-operatur jew fil-mument li fih din tkun dovuta. Jekk ikun jidher, fil-mument li fih l-operatur ikun ser jagħmel użu mill-oġġetti u mis-servizzi, li qed inaqqas it-taxxa relatata magħhom b’rata ogħla jew anqas minn dik li l-użu tal-oġġetti jew tas-servizzi jagħtih dritt inaqqas, it-taxxa żejda mnaqqsa ssir dovuta f’dak il-mument. It-taxxa li saret dovuta għandha titħallas skont l-Artikolu 14 [tal-lLġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ].

Il-parti tat-taxxa li setgħet titnaqqas u li ma tnaqqsietx għandha tingħatalu lura fuq talba tiegħu.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8         Il-VNLTO tippromwovi l-interessi tas-settur rurali fir-reġjuni ta’ Groningen, ta’ Frise, ta’ Drenthe u ta’ Flevoland. Il-membri tagħha, jiġifieri negozjanti tas-settur imsemmi, iħallsuha kontribuzzjonijiet, li l-parti l-kbira tagħhom hija intiża għall-attivitajiet ta’ difiża tal-interessi ġenerali tagħhom.

9        Apparti d-difiża ta’ dawn l-interessi, il-VNLTO tipprovdi numru ta’ servizzi individwali lill-membri tagħha li għalihom hija titlobhom ħlas. Dawn is-servizzi huma wkoll ipprovduti lil terzi. Il-profitt magħmul minn dawn l-attivitajiet kummerċjali huwa allokat għad-difiża tal-interessi ġenerali tal-imsemmija membri.

10      Matul is-sena 2000, il-VNLTO akkwistat oġġetti u servizzi li ntużaw kemm għall-attivitajiet tagħha suġġetti għall-VAT kif ukoll għal attivitajiet oħra li m’għandhom l-ebda konnessjoni ma’ dawn tal-ewwel. Il-VNLTO talbet it-tnaqqis totali tal-ammonti tal-VAT tal-input imħallsa għall-imsemmija oġġetti u servizzi, li fosthom hemm dawk li jikkonċernaw l-attivitajiet tagħha relatati mad-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha.

11      Għas-sena fiskali 2000, l-ammonti ta’ VAT tal-input imħallsa u relatati mal-provvisti taxxabbli tnaqqsu mill-VNLTO. Barra minn hekk, tnaqqset parti mill-ammonti ta’ VAT tal-input imħallsa u li jikkonċernaw l-attivitajiet relatati mad-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tal-VNLTO. Fl-14 ta’ Mejju 2001, il-VNLTO talbet ir-rimbors ta’ ammont supplimentari tal-VAT, li jikkonċerna l-imsemmija attivitajiet. Għaldaqstant, intalab dritt għal tnaqqis ta’ ammont li jirrappreżenta 79 % tal-oġġetti u tas-servizzi kollha akkwistati mill-VNLTO. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2001, l-ispettur fiskali rrifjuta li jirrikonoxxi r-rimbors mitlub.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Marzu 2002, dan tal-aħħar indirizza lill-VNLTO avviż ta’ rettifika.għas-sena fiskali kkontestata. Permezz ta’ dan l-avviż, reġgħu ġew miżjuda l-ammonti ta’ VAT tal-input imħallsa f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet relatati mad-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tal-VNLTO, b’mod proporzjonali mad-dħul ta’ din tal-aħħar iġġenerat minn dawk l-attivitajiet. Minn dan irriżulta tnaqqis li jirrappreżenta 49 % tal-oġġetti u tas-servizzi kollha akkwistati mill-VNLTO.

13      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2002, il-VNLTO kkontestat dan l-avviż ta’ rettifika. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Mejju 2002, l-ispettur fiskali kkonferma dan l-avviż.

14      Għalhekk, il-VNLTO appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof Leeuwarden. Fis-17 ta’ Ġunju 2005, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Hija qieset li l-attivitajiet relatati mad-difiża tal-interessi ġenerali ma kinux jikkostitwixxu estensjoni diretta, dejjemija u meħtieġa tal-attivitajiet ekonomiċi tal-VNLTO. Skont l-imsemmija qorti, din tal-aħħar ma setgħetx tnaqqas it-taxxa li ġiet iffatturata lilha sa fejn l-oġġetti u s-servizzi akkwistati huma użati fil-kuntest tad-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha.

15      Fis-27 ta’ Lulju 2005, il-VNLTO appellat mid-deċiżjoni tal-Gerechtshof Leeuwarden.

16      Il-Hoge Raad der Nederlanden, li quddiema tressqet il-kawża, irrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna t-tnaqqis ta’ ammonti ta’ VAT imposti meta kienu sostnuti spejjeż sabiex jiġu akkwistati oġġetti u servizzi użati kemm għal attivitajiet ekonomiċi suġġetti għall-VAT kif ukoll għal tranżazzjonijiet oħra li mhumiex konnessi ma’ dawn tal-ewwel.

17      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk il-VNLTO għandhiex id-dritt li talloka għall-patrimonju tan-negozju tagħha oġġetti li mhumiex oġġetti kapitali u servizzi b’mod li hija tkun tista’ tnaqqas immedjatament it-totalità tal-VAT imħallsa fuq l-akkwist tagħhom, anki meta dawn jintużaw parzjalment fil-kuntest ta’ attivitajiet li m’għandhom ebda konnessjoni mas-servizzi taxxabbli abbażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)        L-Artikoli 6(2) u 17(1), (2) u (6) [tad-Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna taxxabbli hija awtorizzata talloka għan-negozju tagħha mhux biss l-oġġetti kapitali, iżda wkoll it-totalità tal-oġġetti u s-servizzi użati kemm għall-iskopijiet tan-negozju tagħha kif ukoll għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju, u li tnaqqas b’mod sħiħ u immedjat it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u servizzi?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) [tad-Direttiva] timplika li fil-każ ta’ servizzi u oġġetti li mhumiex oġġetti kapitali, il-VAT għandha tinġabar f’darba waħda matul il-perijodu li għalih it-tnaqqis attribwit għal dawn is-servizzi u oġġetti ġie applikat, jew il-VAT għandha tinġabar fuq firxa ta’ diversi perijodi? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, kif għandha tiġi stabbilita l-bażi tat-taxxa għal dawn l-oġġetti u servizzi li mhumiex suġġetti għal ammortizzament?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

19      Il-Gvern Olandiż jenfasizza li, f’dak li jikkonċerna l-akkwist ta’ oġġetti kapitali, jew ta’ oġġetti u servizzi li mhumiex oġġetti kapitali, persuna taxxabbli ma tistax tnaqqas il-VAT iffatturata inkwantu dawn l-oġġetti u servizzi huma użati għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex suġġetti għal din it-taxxa. Dan huwa l-każ fejn l-attivitajiet inkwistjoni jikkonsistu fid-difiża ta’ interessi ġenerali.

20      Dan il-Gvern ifakkar li, skont l-istatuti tagħha, il-VNLTO hija intża li tippromwovi l-interessi tas-settur rurali f’diversi reġjuni tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll dawk tan-negozjanti li jaħdmu f’dan is-settur. Huwa jispjega li għal dan il-għan il-VNLTO hija msiebħa mal-Land- en Tuinbouw Organisatie Nederland u li, permezz ta’ din l-organizzazzjoni, hija timmira li tiżgura d-difiża tal-interessi tal-bdiewa fuq livell lokali, provinċjali, nazzjonali u internazzjonali. L-imsemmi gvern jindika li l-VNLTO tipprova tistimula l-implementazzjoni ta’ politika ta’ żvilupp agrikolu fil-qasam ta’ riċerka, għarfien u ta’ tagħlim

21      Fil-kuntest tad-diskussjonijiet li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż ippreċiża li, f’dak li jikkonċerna r-risposta għall-ewwel domanda mressqa, ebda differenza ma tista’ ssir bejn persuna fiżika u persuna ġuridika. Madankollu huwa żied li, fil-kawża prinċipali, il-VNLTO tixtieq tikseb tnaqqis tal-VAT relatata mal-attivitajiet mhux ekonomiċi tagħha, f’dan il-każ dawk relatati mad-difża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha.

22      Il-Gvern Ġermaniż iqis li persuna taxxabbli hija awtorizzata talloka totalment għan-negozju tagħha mhux biss l-oġġetti kapitali, iżda wkoll l-oġġetti kollha użati kemm għall-iskopijiet tan-negozju kif ukoll għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju. Din il-possibbiltà tapplika fir-rigward tas-servizzi biss inkwantu dawn huma akkwistati fil-kuntest tal-użu ta’ oġġett allokat totalment għan-negozju. Fil-kuntest tal-intaxxar tal-użu ta’ tali oġġetti jew servizzi għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju, huma l-Istati Membri li għandhom jiddetermnaw il-metodi ta’ tassazzjoni fiż-żmien.

23      Il-Gvern Portugiż isostni li persuna ġuridika m’għandhiex il-possibbiltà li tnaqqas kompletament il-VAT impost fuq l-oġġetti kapitali jew fuq kull oġġett jew servizz ieħor esklużivament allokat sabiex jintlaħqu l-iskopijiet tagħha stess, meta, fil-mument tal-akkwist tagħhom, dawn l-oġġetti huma allokati kemm għat-twettiq ta’ attivitajiet suġġetti għal din it-taxxa kif ukoll sabiex jintlaħqu tranżazzjonijiet li mhumiex suġġetti għaliha.

24      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li persuna taxxabbli mhijiex awtorizzata talloka totalment għan-negozju tagħha oġġetti u servizzi li mhumiex l-oġġetti u s-servizzi kapitali użati sabiex jinħolqu oġġetti kapitali ġodda u li huma s-suġġett ta’ użu mħallat, jiġifieri għall-iskopijiet tan-negozju u għal użu privat jew għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju.

25      Il-Kummissjoni ssostni li persuna taxxabbli hija awtorizzata talloka għan-negozju tagħha biss l-oġġetti kapitali u, b’mod eċċezzjonali, is-servizzi li għandhom karatteristiċi li jistgħu jitqabblu ma’ dawk tal-oġġetti kapitali, użati kemm għall-iskopijiet tan-negozju kif ukoll għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju, u sabiex tnaqqas b’mod sħiħ u immedjat il-VAT tal-input imħallsa.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, qed tipprova tiddetermina l-firxa tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, previst fl-Artikoli 6(2) u 17(2) tad-Direttiva f’sitwazzjoni fejn il-persuna taxxabbli użat oġġetti u servizzi, li għall-akkwist tagħhom hija ħallset il-VAT tal-input dovuta, kemm għall-iskopijiet tan-negozju tagħha kif ukoll, skont il-kliem tad-domanda magħmula, “għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju”, jiġifieri, f’dan il-każ, għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex tranżazzjonijiet taxxabbli.

27      Qabel kollox hemm lok li jitfakkar li r-regoli dwar it-tnaqqis stabbiliti mid-Direttiva huma intiżi li jeħilsu kompletament lin-negozjant mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Konsegwentement, is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi n-newtralità perfetta fir-rigward tat-tassazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, ikunu liema jkunu l-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess, fil-prinċipju, suġġetti għall-VAT (ara s-sentenza tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għaldaqstant, meta oġġetti jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli jiġu użati għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet eżenti jew li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, ma jista’ jkun hemm la ġbir ta’ taxxa tal-output u lanqas tnaqqis ta’ taxxa tal-input (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 24, u tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny, C-72/05, Ġabra p. I-8297, punt 20).

29      Sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda mressqa, hemm lok li din titqiegħed fil-kuntest fattwali deskritt mill-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju.

30      Mid-dikjarazzjoni tal-fatti tal-Hoge Raad der Nederlanden jirriżulta li l-VNLTO twettaq mhux biss attivitajiet taxxabbli, iżda wkoll attivitajiet mhux taxxabbli, jiġifieri d-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha. Din il-qorti wkoll irrilevat li l-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi mill-VNLTO tniżżel bħala spejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma dawn it-tranżazzjonijiet ma kienu esklużivament allokati għall-attivitajiet tal-input taxxabbli mwettqa mill-imsemmija assoċjazzjoni.

31      Fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali u fid-dawl tat-talba magħmula mill-VNLTO, intiża li din tal-aħħar tkun tista’ tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammonti tal-VAT imħallsa fuq l-akkwist ta’ oġġetti u ta’ servizzi kemm għal attivitajiet taxxabbli kif ukoll għal attivitajiet oħra li m’għandhom ebda konnessjoni magħhom, jiġifieri attivitajiet li jikkonsistu fid-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-attivitajiet tal-aħħar jitqiesu li jkunu twettqu, skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva, “għal skopijiet oħra barra dawk” imwettqa mill-assoċjazzjoni fil-qasam ekonomiku.

32      Fil-kuntest tar-riflessjonijiet tagħha, il-qorti tar-rinviju invokat, b’mod partikolari, is-sentenza Charles u Charles-Tijmens, (C-434/03, Ġabra p. I-7037), u b’mod partikolari l-punti 23 sa 25 ta’ din is-sentenza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza dwar is-sistema tal-VAT applikabbli għall-oġġetti kapitali b’użu mħallat, jiġifieri użati kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll privati. Minn dan jirriżulta li l-persuna taxxabbli għandha l-għażla, għall-iskopijiet tal-VAT, jew li talloka totalment oġġett għall-patrimonju tan-negozju tagħha, jew li żżommu totalment fil-patrimonju privat tagħha u b’hekk teskludih kompletament mis-sistema tal-VAT, jew li tinkludih fin-negozju tagħha biss sa fejn dan jintuża effettivament għal skopijiet kummerċjali. Jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tittratta oġġetti kapitali użati kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal skopijiet privati bħala oġġetti tan-negozju tagħha, il-VAT tal-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti hija, bħala regola ġenerali, imnaqqsa b’mod sħiħ u immedjat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta fir-rigward ta’ oġġett allokat għan-negozju l-VAT tal-input imħallsa hija deduċibbli kollha jew parti minnha, l-użu tiegħu għall-iskopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħha jitqies li huwa provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas, skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva

33      Il-Hoge Raad de Nederlanden qieset li dawn il-prinċipji jistgħu japplikaw ukoll għal “persuna ġuridika li, bħala persuna taxxabbli, twettaq ukoll attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT”, għalkemm l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva jista’ wkoll ikun applikabbli fir-rigward tagħha.

34      Huwa kostanti li attivitajiet, bħal dawk li għal assoċjazzjoni jikkonsistu fid-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri tagħha, ma jikkostitwixxux attivitajiet “suġġetti għall-VAT” skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, peress li dawn ma jikkonsistux fi provvista ta’ oġġetti jew servizzi magħmula bi ħlas (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 42 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali attivitajiet jistgħux jitqiesu li twettqu “għal skopijiet oħra”, skont l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Securenta (C-437/06, Ġabra p. I-1597), mogħtija wara l-preżentata ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, fost affarijiet oħra tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni dwar il-mod li bih, fil-każ ta’ persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi, għandu jiġi ddeterminat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

36       F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li l-attivitajiet mhux ekonomiċi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, filwaqt li ppreċiżat, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, li s-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mid-Direttiva tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ persuna taxxabbli, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu huma stess, bħala regola ġenerali, suġġetti għall-VAT.

37      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punti 30 u 31 ta’ din l-istess sentenza, li, il-VAT tal-input relatata mal-ispejjeż sostnunti minn persuna taxxabbli ma tistax titnaqqas inkwantu tikkonċerna attivitajiet li, fid-dawl tan-natura mhux ekonomika tagħhom, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u li, meta persuna taxxabbli teżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi, taxxabbli jew eżenti, kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-ispejjeż huwa ammissibbli biss sa fejn dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu attribwiti bħala output lill-attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli.

38      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva mhuwiex intiż li jistabbilixxi regola li abbażi tagħha tranżazzjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT jistgħu jitqiesu li twettqu “għal skopijiet oħra barra dawk” tan-negozju skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-effett li xxejjen is-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva.

39      Hemm lok li jiġi enfasizzat ukoll li, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Charles u Charles-Tijmens, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna beni immobbli allokat għall-patrimonju tan-negozju qabel ma kien allokat, parzjalment, għal użu privat, fiha nfisha kompletament ma għandha x’taqsam man-negozju tal-persuna taxxabbli, din il-kawża prinċipali tikkonċerna tranżazzjonijiet li mhumiex it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-VNLTO, li jikkonsistu f’li tiġi żgurata d-difiża tal-interessi ġenerali tal-membri ta’ din tal-aħħar u li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, f’dan il-każ, bħala barra dawk tan-negozju, peress li dawn jikkostitwixxu l-għan soċjali prinċipali ta’ din l-assoċjazzjoni.

40      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 6(2)(a) u 17(2) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma japplikawx għall-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, peress li l-VAT dovut fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u ta’ dawn is-servizzi, relatat ma’ dawn it-tranżazzjonijiet, ma tistax titnaqqas.

 Fuq it-tieni domanda

41      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 6(2)(a) u 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma japplikawx għall-użu ta’ oġġetti u ta’ servizzi allokati għan-negozju għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li mhumiex it-tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli, peress li l-VAT dovuta fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti u ta’ dawn is-servizzi, relatat ma’ tali tranżazzjonijiet, ma tistax titnaqqas.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.