Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/17


Rikors imressaq fit-30 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-540/07)

(2008/C 37/24)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: R. Lyal u A. Aresu, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika Taljana, billi żammet fis-seħħ sistema fiskali iktar oneruża għad-dividendi mqassma lil kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħrajn u fl-Istati Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta mqabbla ma' dik applikata għad-dividendi nazzjonali, hija naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikolu 56 KE u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekomonika Ewropea fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapitali bejn l-Istati Membri u dak bejn l-Istati Partijiet fil-Ftehim in kwistjoni, kif ukoll l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 31 ta' l-istess Ftehim fir-rigward tal-libertà ta' stabbiliment bejn l-Istati Partijiet f'dan il-Ftehim;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni Ewropea tirreferi għal-leġiżlazzjoni Taljana fis-seħħ f'din il-materja, anki dik li toriġina minn konvenzjonijiet, li tissuġġetta t-tqassim ta' dividendi lil kumpanniji mhux Taljani (hekk imsejħa, dividendi ta' ħruġ) għal trattament fiskali li huwa biċ-ċar inqas favorevoli minn dak applikat għat-tqassim ta' dividendi lil kumpanniji Taljani (hekk imsejħa, id-dividendi nazzjonali).

Skond il-Kummissjoni Ewropea, din il-leġiżlazzjoni — li madnakollu l-Gvern Taljan biħsiebu jirriforma — tidher li tmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapitali inkwantu hija għandha effett negattiv fuq il-profitti u fuq id-deċiżjonijiet ta' investiment ta' azzjonisti mhux residenti ta' kumpanniji Taljani, u fl-istess waqt trendi iktar diffiċli għall-istess kumpanniji Taljani l-ġbir ta' kapital li jinsab barra mill-pajjiż. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat ksur manifest ta' l-Artikolu 56 KE, li jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapitali bejn l-Istati Membri, u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE), li jirregola b'mod analogu l-istess libertà bejn l-Istati Partijiet fil-Ftehim.

Barra minn dan, dejjem skond il-Kummissjoni Ewropea, din il-leġiżlazzjoni tista' anki tmur kontra d-dritt ta' stabbiliment, li huwa rregolat mill-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE, peress li jista' jiġi applikat ukoll għal dawk li għandhom ishma ta' kontroll fuq il-kumpanniji Taljani minn kumpanniji stabbiliti fl-Istati Partijet fil-Ftehim innfisu; is-sistema fiskali armonizzata fid-Direttiva Komunitarja 90/435KE (1) ma tapplikax għal dawn l-ishma.

Waqt il-proċedura ta' ksur il-Kummissjoni Ewropea kellha l-opportunità li teżamina l-argumenti ta' difiża adottatti mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika l-leġiżlazzjoni in kwistjoni, u qieset li ma kinux adattati għal dan l-għan. Madankollu, reċentement il-Gvern Taljan ħabbar li jrid jirriforma l-imsemmija leġiżlazzjoni sabiex irendiha konformi mad-dritt Komunitarju: ir-rikors li għadu kif tressaq jista' jħaffef dan il-proċess ta' riforma.


(1)  ĠU L 255, p. 6.