Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/29


Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Finlandja

(Kawża C-246/08)

(2008/C 209/43)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: P. Aalto, D. Triantafyllou)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Finlandja

Talbiet tal-parti rikorrenti

tiddikjara li, billi naqset milli, skond il-leġiżlazzjoni fuq l-għajnuna legali, tiġbor it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-servizzi ta' konsulenza legali mogħtija għal ħlas parzjali minn korpi statali ta' għajnuna legali (mill-impjegati tagħhom li jaġixxu fil-kapaċità ta' avukati), meta l-istess servizzi mogħtija minn avukati privati huma suġġetti għat-taxxa, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(1) u 4(1),(2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT 77/388/KEE (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-Finlandja, il-persuna li tirċievi l-għajnuna legali tista' tagħżel, għall-finijiet ta' din l-istess għajnuna legali, bejn avukat ta' l-Istat u avukat privat. F'tali kuntest, is-servizzi mogħtija għal ħlas parzjali minn avukat ta' l-Istat huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud, filwaqt li s-servizzi mogħtija għal ħlas parzjali minn avukat privat huma milquta mill-VAT. Il-Kummissjoni tqis li fil-każ in kwistjoni hemm trattament differenti fir-rigward tal-VAT fuq l-istess servizzi, li jista' jaffettwa r-riżorsi proprji tal-Komunitajiet.

Il-Kummissjoni tqis li s-servizzi ta' għajnuna legali mogħtija minn korpi statali fil-kawżi quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Is-servizzi in kwistjoni huma ċertament eżenti mill-VAT meta jingħataw mingħajr ħlas. Meta, min-naħa l-oħra, il-persuna li tirċievi l-għajnuna legali tħallas għas-servizz, is-servizzi mogħtija minn korp statali ta' għajnuna legali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eżenti mill-VAT.

It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-korpi regolati mid-dritt pubbliku għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta' l-attivitajiet li huma jeżerċitaw bħala awtoritajiet pubbliċi, billi jekk jingħataw trattament differenti, dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Anke fil-każ fejn il-korpi statali ta' għajnuna legali jaġixxu b'dan il-mod bħala awtoritajiet pubbliċi, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas li jkunu suġġetti għat-taxxxa fil-każijiet imsemmija hawn fuq, iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni huma għandhom ikunu taxxabbli fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud.


(1)  ĠU L 145, p. 1.