21.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/28 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (Il-Ġermanja) fl-24 ta' Novembru 2008 — Vera Mattner vs Finanzamt Velbert
(Kawża C-510/08)
(2009/C 44/47)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Düsseldorf (Il-Ġermanja).
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Vera Mattner
Konvenut: Finanzamt Velbert
Domanda preliminari
L-Artikoli 39 u 43 KE u d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 56 u 58 KE għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali ta' Stat Membru relattiva għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet li, f'każ ta' akkwist permezz ta' donazzjoni ta' art li tinsab fit-territorju nazzjonali minn persuna mhux residenti, tipprovdi għal tnaqqis mill-ammont taxxabbli ta' EUR 1 100 biss favur il-persuna mhux residenti, meta għall-istess donazzjoni ta' art jingħata tnaqqis mill-ammont taxxabbli ta' EUR 205 000, jekk fil-mument meta saret id-donazzjoni d-donatur jew il-benefiċjarju kienu residenti fl-Istat Membru kkonċernat?