Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

6.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/2


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju tal-Olanda

(Kawża C-41/09)

2009/C 129/03

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Triantafyllou u W. Roels, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Olanda

Talbiet

tikkonstata li, billi applikat rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista, għall-importazzjoni u għall-kummerċ intrakomunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin, u b’mod partikolari taż-żwiemel, li mhumiex normalment intiżi għall-preparazzjoni jew għall-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, ir-Renju tal-Olanda naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 96, 97, 98 u 99(1) u l-Anness H tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

tikkundanna lir-Renju tal-Olanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-liġi Olandiżi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tikser l-Artikoli 96, 97, 98 u 99(1) u l-Anness H tas-Sitt Direttiva tal-VAT billi tapplika rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ ċerti annimali ħajjin (u b’mod partikolari taż-żwiemel), anki f’każijiet fejn dawn l-annimali ma jkunux intiżi għall-preparazzjoni jew għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni tqis li l-annimali ħajjin — u b’mod partikolari ż-żwiemel — li mhumiex normalment intiżi sabiex iservu bħala ikel, ma jaqgħux taħt il-kategorija 1 tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

Bħal kull dispożizzjoni oħra dwar ir-rati mnaqqsa tal-VAT, u skont ġurisprudenza stabbilita, il-kategorija I tal-Anness III għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, ir-rata mnaqqsa, skont il-kliem tal-kategorija 1 tal-Anness III tad-direttiva, tapplika għall-prodotti tal-ikel.