Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-49/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Adeżjoni sussegwenti ta’ Stati Membri — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni ratione temporis — Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa — Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi u żraben tat-tfal”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa b’mod tranżitorju

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 98 u 115, u Anness III)

Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi kif ukoll ta’ żraben tat-tfal, meta ma jkunx applika, fl-1 ta’ Jannar 1991, taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tad-Direttiva 2006/112 jew sistema ta’ tassazzjoni li għandha l-karatteristiċi essenzjali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 115 ta’ din id-direttiva ma kinux għalhekk sodisfatti, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

Fil-fatt, id-deroga prevista fl-imsemmi Artikolu 115 teħtieġ li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kumulattivi. L-ewwel waħda teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1991, taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tad-Direttiva 2006/112 jew, tal-inqas, sistema ta’ tassazzjoni li għandha l-istess karatteristiċi tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. It-tieni waħda teżiġi li, fil-kuntest tal-imsemmija tassazzjoni, il-provvisti ta’ prodotti u prestazzjonijiet ta’ servizzi previsti fl-imsemmi artikolu jkunu ġew suġġetti, fl-1 ta’ Jannar 1991, għal rata mnaqqsa.

(ara l-punti 42, 54, 57 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2010(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Taxxa fuq il-valur miżjud –Direttiva 2006/112/KE – Adeżjoni sussegwenti ta’ Stati Membri – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa – Ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi u żraben tat-tfal”

Fil-Kawża C-49/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Szpunar, M. Dowgielewicz u M. Jarosz, kif ukoll minn A. Rutkowska, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi kif ukoll ta’ żraben tat-tfal, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

2        Id-Direttiva 2006/112 tħassar u tissostitwixxi mill-1 ta’ Jannar 2007 is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

3        L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

4        Fi kliem l-Artikolu 97(1) tad-Direttiva 2006/112:

“Mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.”

5        L-Artikolu 98(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2006/112, ir-rati mnaqqsa huma ffissati bħala perċentwali tal-bażi taxxabbli li ma tistax tkun inqas minn 5 %.

7        L-Artikolu 109 u dawk sussegwenti tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri partikolari jistgħu japplikaw, sakemm tiġi introdotta sistema definittiva, diversi miżuri fil-qasam tar-rati mnaqqsa tal-VAT. Dawn il-miżuri jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa li jkunu inqas minn 5 %, iż-żamma ta’ rati mnaqqsa fuq il-prodotti u s-servizzi għajr dawk li jidhru fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jew ukoll l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa li ma tkunx inqas minn 12 %.

8        Skont l-Artikolu 114(1) tad-Direttiva 2006/112:

“L-Istati Membri li fl–1 ta’ Jannar 1993, kienu obbligati li jżidu r-rata standard tagħhom fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991 b’iżjed minn 2 % jistgħu japplikaw rata mnaqqsa iktar baxxa mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 99 għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

L-Istati Membri msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu japplikaw ukoll din ir–rata lis-servizzi ta’ ristoranti, ħwejjeġ tat-tfal, żraben tat-tfal u sistemazzjoni fid-djar.”

9        Fi kliem l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112:

“L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1991, kienu qed japplikaw rata mnaqqsa lil servizzi ta’ ristoranti, ħwejjeġ tat–tfal, żraben tat-tfal u sistemazzjoni fid–djar jistgħu jkomplu japplikaw din ir-rata lill-provvista ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi.”

10      Taħt it-Titolu VIII tad-Direttiva 2006/112, il-Kapitolu 5, intitolat “Disposizzjonijiet temporanji”, jinkludi fl-Artikoli 123 sa 130, dispożizzjonijiet li jawtorizzaw ċerti Stati Membri, li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, sabiex japplikaw eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti prodotti u sabiex japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT fuq ċerti prodotti.

11      Fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 128 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“1.      Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2007 tagħti eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imhallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti kotba u perijodiċi specjalizzati.

2.      Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2007, jew sa l-introduzzjoni ta’ arranġamenti definittivi kif imsemmija fl-Artikolu 402, skond liema jiġi l-ewwel, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ ristoranti.

3.      Il–Polonja tista’, sat-30 ta’ April 2008, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 3 % għall-provvista ta’ ikel kif imsemmi fil-punti (1) ta’ l-Anness III.

4.      Il–Polonja tista’, sat-30 ta’ April 2008, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 3 % għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi tax-xorta li normalment huma mahsuba ghall-użu fil-produzzjoni agrikola, iżda li ma jinkludux merkanzija kapitali bħal makkinarku jew bini, kif imsemmi fil-punt (11) ta’ l-Anness III.

5.      Il-Polonja tista’, sal-31 ta’ Diċembru 2007, tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-provvista ta’ servizzi, mhux ipprovduti bhala parti minn politika soċjali, ghall-kostruzzjoni, ir-rinovazzjoni u l-alterazzjoni ta’ djar, minbarra l-materjal tal-bini, u fuq il-provvista qabel l-ewwel okkupazzjoni ta’ bini residenzjali jew partijiet minn bini residenzjali, kif imsemmi fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1)”.

12      Dawn id-derogi ġew stabbiliti fil-kuntest ta’ negozjati li wasslu għall-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, it-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, 23.9.2003, p 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”). Dawn jidhru fil-Kapitolu 9, punt 1(a) sa (ċ) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni.

13      L-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

14      L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: Il-Polonja”. Il-Kapitolu 9 ta’ dan l-Anness, intitolat “It-Tassazzjoni”, jinkludi punt 1 li jiddikjara applikabbli r-regoli dwar is-sistema komuni ta’ VAT bil-mod kif ġej:

“31977 L 0388: Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — sistema Komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) kif l-aħħar emendata bi:

–        32002 L 0038: Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7.5.2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 358).

(a)      B’deroga mill-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Polonja tista’ (i) tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2007 eżenzjoni bil-ħlas lura tat-taxxa mħallsa fl-istadju ta’ qabel fuq il-provvista ta’ ċerti kotba u perijodiċi speċjalizzati, u (ii) żżomm fis-seħħ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ l-ikel sal-31 ta’ Diċembru 2007 jew sa l-aħħar tal-perijodu transitorju li hemm referenza għalih fl-Artikolu 28l tad-Direttiva, skond liema tiġi l-ewwel.

(b)      B’deroga mill-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Polonja tista’ żżomm fis-seħħ (i) sat-30 ta’ April 2008, rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ mhux anqas minn 3 % fuq oġġetti ta’ l-ikel (inkluż xorb minbarra xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bniedem u l-annimali; annimali ħajjin, żrieragħ, pjanti u ingredjenti li huma normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba bħala suppliment jew sostitut għall-oġġetti ta’ l-ikel; u fuq il-provvista ta’ merkanzija u servizzi tax-xorta li normalment huma maħsuba għall-użu fil-produzzjoni agrikola imsemmija fil-punti 1 u 10 ta’ l-Anness H tad-Direttiva, iżda li ma jinkludux merkanzija kapitali bħalma huma makkinarju jew bini, u (ii) sal-31 ta’ Diċembru 2007, rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ mhux anqas minn 7 % fuq il-forniment ta’ servizzi, mhux pprovduti bħala parti minn politika soċjali, għall-kostruzzjoni, ir-rinovazzjoni u l-alterazzjoni ta’ djar, minbarra l-materjal tal-bini, u fuq il-forniment qabel l-ewwel okkupazzjoni ta’ bini residenzjali jew partijiet minn bini residenzjali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva.

(ċ)      Sabiex tapplika l-Artikolu 28(3)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Polonja tista’ wkoll iżżomm fis-seħħ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri msemmi f’punt 17 ta’ l-Anness F tad-Direttiva, sa meta il-kondizzjoni stipulata fl-Artikolu 28(4) tad-Direttiva tintlaħaq jew sa meta l-istess eżenzjonijiet huma applikati minn xi Stat Membru attwali, skond liema tiġi l-ewwel.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      Skont l-Artikolu 41 tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Dz. U. de 2004, Nru 54, punt 535), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), ir-rata normali tal-VAT titla’ għal 22 %, b’ċerti riżervi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41(2) ta’ din il-liġi jipprevedi li r-rata titla’ għal 7 % għall-prodotti u s-servizzi previsti fl-Anness Nru 3 tagħha.

16      L-Anness Nru 3 tal-Liġi dwar il-VAT isemmi fil-punt 45 il-“ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi” u fil-punt 47 iż-“żraben tat-tfal”.

 Il-proċedura prekontenzjuża

17      Il-Kummissjoni, inkwantu tqis li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi u ta’ żraben tat-tfal tikser id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, iddeċidiet li tibda l-proċedura dwar in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE. B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2007, hija intimat lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha.

18      Fir-risposta tagħha tat-22 ta’ Mejju 2007, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-prodotti kkonċernati kienet waħda mill-miżuri intiżi sabiex isostnu lill-familji u sabiex jinkoraġġixxu t-twelid ta’ trabi fil-Polonja, kollox skont l-għanijiet tal-“istrateġija ta’ Lisbona”. Hija rreferiet ukoll għall-applikazzjoni ta’ rati ta’ VAT imnaqqsa fuq dawn l-istess prodotti fl-Irlanda, fil-Lussemburgu u fir-Renju Unit. Fl-aħħar nett, hija qieset li, fid-dawl tan-natura limitata fiż-żmien tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa inkwistjoni, ma setax ikun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

19      Peress li ma kinitx konvinta minn din ir-risposta, il-Kummissjoni ħarġet, fl-1 ta’ Frar 2008, opinjoni motivata li permezz tagħha stiednet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli minn meta tirċievi l-opinjoni.

20      B’ittra tal-31 ta’ Mejju 2008, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha.

21      Peress li l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, hija ddeċidiet tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

22      Il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi kif ukoll ta’ żraben tat-tfal, bi ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

23      Il-Kummissjoni tfakkar li l-għan tad-Direttiva 2006/112 huwa dak li tarmonizza l-VAT. Peress li r-rata mnaqqsa ta’ VAT tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi llimitata għas-sitwazzjonijiet konkreti u speċifiċi indikati b’mod ċar f’din id-direttiva.

24      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi mingħajr ekwivoku li r-rati mnaqqsa japplikaw biss għall-provvisti ta’ prodotti li jaqgħu fil-kategoriji li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva u li dan la jsemmi l-“ħwejjeġ u l-aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi” u lanqas ma jsemmi ż-“żraben tat-tfal”.

25      Il-fatt li ċerti Stati Membri żammew rata mnaqqsa ta’ VAT għall-prodotti inkwistjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 114 u l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 kemm-il darba kienu japplikawha fl-1 ta’ Jannar 1991 ma jikkostitwixxix argument li jawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tapplika wkoll rata mnaqqsa ta’ VAT għall-imsemmija prodotti.

26      Il-Kummissjoni ssostni, b’mod prinċipali, li, fid-dawl tal-għan leġiżlattiv, l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112, li jikkorrispondi għall-Artikolu 28(2)(d) tas-Sitt Direttiva, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992 (ĠU L 316, p. 1), huwa indirizzat biss lill-Istati Membri li kienu parti mill-Komunità Ewropea fiż-żmien meta d-Direttiva 92/77 ġiet adottata u jawtorizza, permezz ta’ deroga, lil dawn tal-aħħar sabiex iżommu r-rati ta’ VAT imnaqqsa, kemm-il darba dawn ir-rati kienu applikati f’dawn l-Istati Membri fl-1 ta’ Jannar 1991 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottunbru 2001, Adam, C-267/99, Ġabra p. I-7467, punt 34).

27      Hija tenfasizza li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx fost l-Istati Membri fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva 92/77 u li l-Att ta’ Adeżjoni ma jipprovdix li dan l-Istat Membru jista’ jibbenefika min dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikoli 114 u 115 tad-Direttiva 2006/112 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-169/00, Ġabra p. I-2433, punt 30).

28      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex sodisfatti.

29      Minn naħa, fl-1 ta’ Jannar 1991, it-taxxa stabbilita permezz tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (test uniformi Dz. U. de 1983, Nru 43, punt 191), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972”), ma kkostitwixxietx VAT fis-sens tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112.

30      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Polonja ma applikatx, fl-1 ta’ Jannar 1991, rata mnaqqsa fuq il-prodotti inkwistjoni.

31      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra li, skont id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112, hija għandha d-dritt iżżomm rata mnaqqsa ta’ VAT għall-prodotti inkwistjoni u li din il-possibbiltà hija msaħħa b’kunsiderazzjonijiet soċjali li huma konformi għall-għanijiet ġenerali tal-Unjoni.

32      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li minkejja li s-sitwazzjoni politika ta’ Stat Membru matul in-negozjati tal-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tiegħu tista’ tinċita lil dan l-Istat sabiex jindika expressis verbis, fit-trattat ta’ adeżjoni, il-kategoriji ta’ eżenzjoni li huma partikolarment sensibbli mill-perspettiva soċjali jew li jqajmu dibattitu kbir qabel l-adeżjoni, din ma tistax, madankollu, issostni it-teżi tal-impossibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 għall-Istat Membru li ma jkunx ipprovda l-kontenut tagħhom fil-kundizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni.

33      Ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li, fil-Polonja, fl-1 ta’ Jannar 1991, kienet tapplika rata mnaqqsa għal bejgħ ta’ prodotti, fosthom il-ħwejjeġ u ż-żraben tat-tfal, b’mod konformi għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972. Il-mekkaniżmu tal-VAT fil-Polonja, stabbilit b’mod sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat-8 ta’ Jannar 1993 dwar it-taxxa fuq il-prodotti u s-servizzi (Dz. U. de 1993, Nru 11, punt 50), kif emendata, huwa viċin ħafna għal dak tal-Unjoni, peress li huwa bbażat fuqu. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Polonja applikat dejjem rata mnaqqsa ta’ 7 % fuq dawn il-prodotti. B’dan il-mod, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(2)(d) tas-Sitt Direttiva, u, konsegwentement, tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112, anki jekk din id-dispożizzjoni ma ġietx ipprovduta fl-Att ta’ Adeżjoni.

34      L-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-Att ta’ Adeżjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għat-test tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 għall-prodotti inkwistjoni, filwaqt li jinkludi dispożizzjonijiet f’dan is-sens fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għas-servizzi ta’ ristoranti u ta’ sistemazzjoni fid-djar, jikkostitwixxi argument a contrario sensu, li ma jistax jiġi aċċettat. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, mill-fatt li ċerti dispożizzjonijiet, li jsemmu prodotti u servizzi koperti b’rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-bażi ta’ derogi mid-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, ġew riprodotti fid-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni, wieħed ma jistax jikkonkludi li prodotti u servizzi, imsemmija biss fid-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat, ma jistgħux ikunu suġġetti għal din ir-rata. Ir-riproduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt derivat fl-Att ta’ Adeżjoni għandha biss valur dikjarattiv.

35      Fil-każ li l-Istati Membri l-“ġodda” jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li japplikaw l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112, dan ikollu l-effett li jagħti vantaġġ lill-Istati Membri l-“antiki”. Differenzi sinjifikattivi fir-rigward tal-livell tat-tassazzjoni – tat-tip ta’ 10 % tar-rata tal-VAT – iwasslu għal diverġenzi fil-prezzijiet tal-istess prodotti fid-diversi Stati Membri, li, skont ir-raba’ u s-seba’ premessa ta’ din id-direttiva, joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni intra-Komunitarja.

36      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li ż-żamma ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għandha tiġi aċċettata għal raġunijiet soċjali li jikkoinċidu mal-għanijiet tal-Unjoni, li jipprevedu mhux biss it-tkabbir ekonomiku iżda wkoll il-progress soċjali.

37      L-għan tad-derogi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 huwa, kif jirriżulta mis-sitt premessa tagħha u mill-ġurisprudenza, li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi għall-ekonomija u għas-soċjetà ta’ armonizzazzjoni restrittiva ħafna (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Talacre Beach Caravan Sales, C-251/05, Ġabra p. I-6269, punt 22, u tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 24).

38      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar li, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, hija sostniet li ż-żamma ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-prodotti inkwistjoni hija estremament importanti mill-perspettiva tat-tkabbir ekonomiku tagħha, u fuq kollox, mill-perspettiva tas-soluzzjonijiet intiżi sabiex jinkoraġġixxu b’mod effettiv iż-żieda fir-rata tat-twelid ta’ trabi fil-Polonja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja kienet tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 7 % fuq il-prodotti inkwistjoni u li dawn il-prodotti ma humiex inklużi fil-kategoriji ta’ prodotti u servizzi li jidhru fl-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li, skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, huma l-uniċi li għalihom jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa. Huwa paċifiku wkoll li l-Att ta’ Adeżjoni ma jipprevedix deroga f’dan ir-rigward.

40      Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din it-tassazzjoni b’rata mnaqqsa tista’ tiġi aċċettata taħt l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod prinċipali, li din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss għall-Istati li kienu membri tal-Komunità fiż-żmien meta d-Direttiva 92/77 ġiet adottata, u, b’mod sussidjarju, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 115 ma humiex sodisfatti fil-każ ineżami.

41      Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 huwa dispożizzjoni tranżitorja, introdotta inizjalment fis-Sitt Direttiva bħala l-Artikolu 28(2)(d), bid-Direttiva 92/77, li, permezz ta’ deroga, tawtorizza lill-Istati Membri, li kienu marbuta jadattaw is-sistema tal-VAT tagħhom għan-numru u għal-livell tal-VAT armonizzati, iżommu r-rati tal-VAT mnaqqsa li huma kienu japplikaw għal ċerti prodotti u servizzi kemm-il darba dawn ir-rati kienu applikati f’dawn l-Istati Membri fl-1 ta’ Jannar 1991. Fir-rigward ta’ sistema derogatorja u tranżitorja, l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 għandu jingħata interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-462/05, Ġabra p. I-4183, punt 54).

42      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li d-deroga prevista fl-imsemmi Artikolu 115 teħtieġ li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kumulattivi. L-ewwel waħda teżiġi li l-Istat Membru kkonċernat kien japplika, fl-1 ta’ Jannar 1991, VAT fis-sens tad-Direttiva 2006/112 jew, tal-inqas, sistema ta’ tassazzjoni li għandha l-istess karatteristiċi tas-sistema komuni ta’ VAT. It-tieni waħda teżiġi li, fil-kuntest tal-imsemmija tassazzjoni, il-provvisti ta’ prodotti u prestazzjonijiet ta’ servizzi previsti fl-imsemmi artikolu jkunu ġew suġġetti, fl-1 ta’ Jannar 1991, għal taxxa mnaqqsa.

43      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li hija introduċiet is-sistema komuni tal-VAT fil-leġiżlazzjoni interna tagħha biss permezz tal-Liġi dwar il-VAT (1). Għalhekk, hemm lok li jiġi vverifikat jekk it-taxxa Pollakka prevista mil-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972, kif kienet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991, tistax, tal-inqas, tiġi kkunsidrata bħala taxxa ekwivalenti għall-VAT.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju tas-sistema komuni tal-VAT jikkonsisti fl-applikazzjoni fuq prodotti u servizzi, sal-istadju tal-bejgħ bl-imnut, ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum li għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz tal-prodotti u tas-servizzi, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni qabel l-istadju ta’ tassazzjoni. Madankollu, f’kull tranżazzjoni, il-VAT hija imposta biss wara li jitnaqqas l-ammont tal-VAT impost direttament fuq l-ispiża tad-diversi elementi kostituttivi tal-prezz. Il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis huwa rregolat b’tali mod li l-persuni suġġetti għat-taxxa huma awtorizzati jnaqqsu mill-VAT dovut l-ammonti ta’ VAT li jkunu diġà tħallsu fuq il-prodotti jew is-servizzi upstream b’tali mod li t-taxxa tolqot biss, f’kull stadju, il-valur miżjud u titħallas, b’mod definittiv, mill-konsumatur finali (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banca popolare di Cremona, C-475/03, Ġabra p. I-9373, punti 21 u 22).

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat liema huma l-karatteristiċi essenzjali tal-VAT. Minkejja xi differenzi fil-kliem użat, mill-ġurisprudenza tagħha jirriżulta li dawn il-karatteristiċi huma erbgħa: l-applikazzjoni ġenerali tal-VAT għat-tranżazzjonijiet li jkollhom prodotti jew servizzi bħala s-suġġett tagħhom; id-determinazzjoni tal-ammont tagħha proporzjonalment għall-prezz mitlub mill-persuna suġġetta għat-taxxa bħala ħlas għall-prodotti jew għas-servizzi pprovduti minnha; l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż l-istadju tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew qabel; it-tnaqqis mill-VAT dovuta mill-persuna suġġetta għat-taxxa tal-ammonti mħallsa fl-istadji preċedenti tal-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni b’tali mod li din it-taxxa, fi stadju partikolari, tapplika biss għall-valur miżjud f’dak l-istadju u b’tali mod li l-piż finali ta’ din it-taxxa jaqa’ fl-aħħar mill-aħħar fuq il-konsumatur (ara s-sentenza Banca Popolare di Cremona, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28, kif ukoll dik tal-11 ta’ Ottubru 2007, KÖGÁZ et, C-283/06 et C-312/06, Ġabra p. I-8463, punt 37).

46      Huwa suffiċjenti li taxxa ma jkollhiex xi waħda minn dawk il-karatteristiċi essenzjali sabiex din ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata li hija ekwivalenti għall-VAT (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-5 ta’ Frar 2009, UAB Mechel Nemunas, C-119/08, punt 37).

47      F’din il-kawża, fir-rigward tat-tieni karatteristika essenzjali tal-VAT, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-VAT hija imposta fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni u filwaqt li l-ammont tagħha għandu jkun proporzjonali għall-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti (ara s-sentenza KÖGÁZ et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), mill-Artikoli 4 u 5 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972 jirriżulta li t-taxxa Pollakka fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991 kienet, għall-kuntrarju, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ gross li l-persuna suġġetta għat-taxxa tkun għamlet matul perijodu determinat.

48      Peress li t-taxxa Pollakka kienet għalhekk ikkalkulata abbażi ta’ dħul mill-bejgħ perijodiku, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-ammont ta’ din it-taxxa li eventwalment jgħaddi fuq il-klijent fir-rigward ta’ kull bejgħ ta’ prodotti, tant li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità ta’ dan l-ammont mal-prezzijiet tal-persuna suġġetta għat-taxxa ma kinitx sodisfatta (ara s-sentenza KÖGÁZ et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

49      Imbagħad, fir-rigward tar-raba’ karatteristika essenzjali tal-VAT, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li l-mekkaniżmu tal-VAT Komunitarju jipprevedi t-tnaqqas tat-taxxa dovuta jew imħallsa għal kull prodott jew servizz użat għall-ħtiġijiet tal-operazzjonijiet taxxabbli sabiex it-taxxa tolqot biss il-valur miżjud fi stadju partikolari tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni, mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzatilhom u mit-trattazzjonijiet fis-seduta jirriżulta li l-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1972 (2) ma kinitx tipprevedi dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa upstream, iżda kienet tawtorizza biss it-tnaqqis mit-taxxa ġenerali imposta fuq id-dħul mill-bejgħ downstream, it-taxxi imposti upstream fuq ċertu materjal jew materja prima. Għalhekk, din it-taxxa ma kinitx tapplika fuq il-valur miżjud għall-prodotti jew għas-servizzi, iżda fuq is-somma totali tad-dħul li jsir.

50      Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi tas-17 ta’ April 1990 (Dz. U de 1990, Nru 27, punt 156) jeżenta, bħala prinċipju, mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ il-bejgħ ta’ prodotti ta’ provvista, ta’ investiment u ta’ tlestija.

51      Madankollu, minkejja li huwa ċertament minnu li l-eżistenza ta’ differenzi fir-rigward tal-metodu li permezz tiegħu t-tnaqqis tat-taxxa diġà mħallsa tiġi kkalkulata ma ċċaħħadx taxxa minn karatteristika essenzjali tal-VAT kemm-il darba tali differenzi huma iktar ta’ natura teknika u ma jżommux lil din it-taxxa milli topera, essenzjalment, bl-istess mod bħall-VAT, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward ta’ taxxa imposta fuq attivitajiet produttivi b’tali mod li ma jkunx jidher ċar jekk din tkunx fl-aħħar mill-aħħar, bħal taxxa fuq il-konsum bħalma hija l-VAT, sostnuta mill-konsumatur finali (sentenza Banca popolare di Cremona, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

52      Issa, f’din il-kawża, minħabba, b’mod partikolari, il-kumplessità tad-diversi eżenzjonijiet jew tassazzjonijiet suċċessivi, ma hemm ebda ċertezza li l-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ Pollakka kienet, fl-aħħar mill-aħħar, taqa’ fuq il-konsumatur finali b’mod li jikkaratterizza taxxa fuq il-konsum bħalma hija l-VAT, jew li din wasslet għall-istess riżultat tal-VAT.

53      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ applikabbli fil-Polonja fl-1 ta’ Jannar 1991 ma kinitx tissodisfa l-karatteristiċi essenzjali tal-VAT.

54      Peress li r-Repubblika tal-Polonja ma applikatx, fl-1 ta’ Jannar 1991, VAT fis-sens tad-Direttiva 2006/112 jew sistema ta’ tassazzjoni li kellha l-karatteristiċi essenzjali tal-VAT, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 115 tad-Direttiva 2006/112 ma humiex sodisfatti.

55      Minn dan isegwi li r-Repubblika tal-Polonja kellha tapplika t-taxxa normali tal-VAT għall-prodotti inkwistjoni.

56      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tintendi tressaq argument ta’ difiża awtonomu fis-sens li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT għall-prodotti inkwistjoni hija intiża sabiex tkabbar ir-rata tat-twelid ta’ trabi fil-Polonja u tikkontribwixxi għall-aċċellarazzjoni tal-proċess tat-tkabbir ekonomiku fl-ispirtu tal-istrateġija ta’ Lisbona, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan l-argument ta’ natura soċjopolitika, minkejja li jista’ possibbilment jiġġustifika l-għoti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ deroga permezz ta’ emenda għad-Direttiva 2006/112, ma jistax, min-naħa l-oħra, minn perspettiva ġuridika, jiġġustifika, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, li dan l-Istat Membru jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, bl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi kif ukoll ta’ żraben tat-tfal, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet il-kawża, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Bl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ 7 % fuq il-provvisti, l-importazzjoni u l-akkwist intra-Komunitarju ta’ ħwejjeġ u aċċessorji ta’ ħwejjeġ tat-trabi kif ukoll ta’ żraben tat-tfal, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 98 u tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.


1 Ara t-titolu fil-punt 15.


2 Skont it-titolu.