Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-58/09

Leo-Libera GmbH

vs

Finanzamt Buchholz in der Nordheide

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 135(1)(i) — Eżenzjoni tal-imħatri, tal-lotteriji u ta’ logħob ieħor tal-ażżard jew tal-flus — Kundizzjonijiet u limiti — Setgħa ta’ determinazzjoni tal-Istati Membri”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet – Eżenzjoni tal-imħatri, lotteriji u logħob ieħor tal-ażżard jew tal-flus

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112 , Artikolu 135(1)(i))

L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jippermettilhom li jeżentaw minn din it-taxxa biss ċertu logħob tal-ażżard jew tal-flus.

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tal-eżenzjoni jew tal-intaxxar tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati għaliex hija tippermetti lill-imsemmija Stati jiffissaw il-kundizzjonijiet u l-limiti li għalihom jista’ jkun suġġett il-benefiċjarju ta’ din l-eżenzjoni. Barra minn hekk, il-formulazzjoni tagħha ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jistabbilixxi restrizzjoni kwantitattiva, tkun xi tkun in-natura tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jiżgura li tal-inqas 50 % tal-logħob tal-ażżard u tal-flus użat u organizzat fi Stat Membru jew tal-inqas 50 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-operat jew mill-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob jkun jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT ikkonċernata. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprovdi li l-provvista ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni kontra xulxin, ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal din. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju ma għandux, taħt piena li jċaħħad l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 u l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri minn kull effettività, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li forma ta’ logħob tal-ażżard jew tal-flus tiġi eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq il-valur filwaqt li forma oħra ta’ logħob ma tkunx eżenti, sa fejn, madankollu, iż-żewġ forom ta’ logħob ma jkunux f’kompetizzjoni bejniethom.

(ara l-punti 26, 27, 34, 35, 39 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud –Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 135(1)(i) – Eżenzjoni tal-imħatri, tal-lotteriji u ta’ logħob ieħor tal-ażżard jew tal-flus – Kundizzjonijiet u limiti – Setgħa ta’ determinazzjoni tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C-58/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2009, fil-proċedura

Leo-Libera GmbH

vs

Finanzamt Buchholz in der Nordheide,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Leo-Libera GmbH, minn B. Hansen, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, C. Blaschke u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, Y. T’Jampens u A. Hubert, advocaten,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn N. Shaw, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Leo-Libera GmbH (iktar ’il quddiem “Leo-Libera”) u l-Finanzamt Buchholz in der Nordheide (amministrazzjoni fiskali Ġermaniża, iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”), dwar l-issuġġettar għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tad-dħul li jirriżulta mill-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ slot machines.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

3        L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.

4        L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

i)      imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob ta’ l-ażżard, soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limitazzjonijet mfasslin minn kull Stat Membru”.

5        Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/112, id-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju kienet l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). L-Artikolu 135(1)(i) u l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva huma miktuba b’mod identiku.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1)(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Umsatzsteuergesetz 2005, BGBl. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), tistabbilixxi li “[i]l-provvisti u servizzi oħra li jsiru bi ħlas ġewwa pajjiż, minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu” huma suġġetti għall-VAT.

7        Sal-5 ta’ Mejju 2006, l-Artikolu 4(9)(b) ta’ din il-liġi kien jipprovdi li fost it-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1)(1) kienu eżenti:

“It-tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ liġi dwar il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-Casinos pubbliċi awtorizzati u li huma marbuta mal-attivitajiet tagħhom ta’ każinò. It-tranżazzjonijiet koperti bil-liġi fuq il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel u li huma eżenti mit-taxxa fuq il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel jew li fuqhom ġeneralment ma titħallasx taxxa ma jibbenefikawx minn din l-eżenzjoni”.

8        Wara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C-453/02 u C-462/02, Ġabra p.I-1131) l-Artikolu 4(9)(b) tal-Umsatzsteuergesetz 2005 ġie emendat [Gesetz zur Eindämmung missbräuchlicher Steuergestaltungen (StEindämmG), tat-28 ta’ April 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1095)] b’effett mis-6 ta’ Mejju 2006. Minn issa ’il quddiem, huma eżenti mill-VAT:

“It-tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ liġi dwar il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel. It-tranżazzjonijiet koperti bil-liġi fuq il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel u li huma eżenti mit-taxxa fuq l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel u l-lotterji jew li fuqhom ġeneralment ma titħallasx taxxa ma jibbenefikawx minn din l-eżenzjoni”.

9        Skont l-applikazzjoni meħuda flimkien tal-UStG u tal-liġi dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel u l-lotteriji [Rennwett- und Lotteriegesetz (iktar ’il quddiem ir-“RennwLottG”)] huma eżenti mill-VAT l-imħatri fuq avvenimenti tat-tiġrijiet taż-żwiemel pubbliċi (“imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel”), l-imħatri bi prezz fiss (“imħatri oddset”), il-lotteriji u r-raffles.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      Leo-Libera topera ħanut tal-logħob mgħammar bi slot machines. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha għax-xahar ta’ Jannar 2007, hija ddikjarat it-tranżazzjonijiet relatati magħha. Wara li ġie stabbilit mill-Finanzamt dak li hu dovut bħala taxxa provviżorja, hija ressqet ilment kontra dan, billi sostniet li dawn it-tranżazzjonijiet kienu eżenti mill-VAT. Hija fil-fatt qieset li l-emenda għall-Artikolu 4(9)(b) Umsatzsteuergesetz 2005 permezz tal-StEindämmG kienet tikser id-dritt Komunitarju.

11      Peress li l-Finanzamt ċaħdet dan l-ilment bħala infondat, Leo-Libera ppreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht. Din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors għaliex it-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux eżenti skont l-Artikolu 4(9)(b) tal-UstG. L-uniċi tranżazzjonijiet eżenti skont din id-dispożizzjoni huma dawk li jaqgħu taħt ir-RennwLottG. Issa, it-tranżazzjonijet marbuta mas-slot machines ma humiex parti mill-kategorija ta’ tranżazzjonijiet eżenti. Din il-qorti żiedet tgħid li l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu eċċezzjonijiet għall-eżenzjoni fiskali.

12      Insostenn tar-rikors tagħha ta’ “Reviżjoni” ippreżentat quddiem il-Bundesfinanzhof, Leo-Libera tqis li, skont l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, Stat Membru ma jistax jeżenta biss l-imħatri u l-lotteriji, iżda għandu wkoll jeżenta mill-VAT il-“logħob tal-ażżard u tal-flus l-ieħor”. Ċertament, il-leġiżlaturi nazzjonali għandhom is-setgħa li jissuġġettaw din l-eżenzjoni għall-kundizzjonijiet u għal-limiti. Madankollu, huma ma jistgħux jintaxxaw b’mod ġenerali “forom oħrajn ta’ logħob tal-ażżard u tal-flus”. Issa, sa fejn il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tissuġġetta għall-VAT madwar 63 % tat-tranżazzjonijiet kollha tal-logħob tal-ażżard li jsir fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, parti żgħira biss mit-tranżazzjonijiet għadhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita bid-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tikser il-prinċipju tan-newtralità fiskali għaliex tqiegħed it-tranżazzjonijiet tas-slot machines f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-Casinos pubbliċi, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jgħaddu l-VAT fuq il-lagħaba.

13      Il-Bundesfinanzhof esprimiet dubji dwar il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-Artikolu 4(9)(b) tal-UstG. Fil-fatt, din il-qorti tqis li, skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-organizzazzjoni u l-operat tal-logħob tal-flus u tal-ażżard għandhom, bħala regola, ikunu eżenti mill-VAT. L-istess konklużjoni hija imposta fir-rigward tal-Artikolu 135(1)(i), tad-Direttiva 2006/112 peress li l-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet Komunitarji inkwistjoni hija identika.

14      Issa, l-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG jirriżerva din l-eżenzjoni għal numru limitat ta’ logħob, jiġifieri l-lotteriji u l-imħatri, anki jekk dawn jirrappreżentaw biss parti żgħira tat-tranżazzjonijiet kollha tal-logħob li jitwettqu fit-territorju Ġermaniż u tad-dħul mill-bejgħ magħmul minn din l-attività f’dan l-istess territorju.

15      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, matul ir-riforma leġiżlattiva tiegħu tal-2006, il-leġiżlatur Ġermaniż ma eċċediex il-marġni ta’ manuvra li jagħtih id-dritt Komunitarju.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jista’ jkollhom fis-seħħ leġiżlazzjoni li teżenta mit-taxxa ċerti mħatri (tat-tiġrijiet) u lotteriji biss filwaqt li l-‘forom oħrajn ta’ logħob tal-ażżard’ kollha huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Marzu 2010, Leo-Libera talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

18      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija jidhrilha li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie trattat oralment mill-partijiet (sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post, C-270/97 u C-271/97, Ġabra-p-I-929, punt 30, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra-p. I-5475, punt 20).

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi d-domanda preliminari li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

20      Għaldaqstant, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-eżenzjoni tal-VAT stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jippermettilhomx li jeżentaw mill-VAT biss ċerti logħob tal-ażżard jew tal-flus.

22      Sabiex titwieġeb din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kliem użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b’analoġija fir-rigward tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, United Utilities, C-89/05, Ġabra p. I-6813, punt 21).

23      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-kliem użati f’din id-dispożizzjoni għandha tkun konformi mal-għanijiet li l-imsemmija eżenzjonijiet iridu jilħqu u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza United Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

24      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-imħatri, il-lotteriji u logħob ieħor tal-ażżard, għandu jitfakkar li l-eżenzjoni li minnha huma jibbenefikaw hija motivata minn kunsiderazzjonijiet prattiċi, peress illi t-tranżazzjonijiet tal-logħob tal-ażżard ma humiex tajba biex ikunu adattati għall-applikazzjoni tal-VAT, u mhux, kif huwa l-każ għal ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, mix-xewqa li jiġi żgurat, għal dawn l-attivitajiet, trattament iktar favorevoli fil-qasam tal-VAT (sentenza United Utilities, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

25      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Istati Membri setgħux ġustament jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 b’tali mod li parti żgħira biss, stabbilita skont in-numru ta’ logħob awtorizzat, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dan il-logħob, il-logħob tal-ażżard u tal-flus organizzat fit-territorju tal-imsemmija Stati, setgħet tibbenefika minn din l-eżenzjoni.

26      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li mill-istess kliem tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-eżenzjoni jew tal-intaxxar tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati peress li tippermettilhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti li għalihom il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni jista’ jkun suġġett.

27      Isegwi li għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 ma tinkludi l-ebda element li jippermetti li jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jistabbilixxi restrizzjoni kwantitattiva, tkun xi tkun in-natura tagħha, sabiex, b’mod partikolari, jiżgura li tal-inqas 50 % tal-logħob tal-ażżard u tal-flus użat u organizzat fi Stat Membru jew tal-inqas 50 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-operat jew mill-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT ikkonċernata.

28      F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement iddeċidiet li l-organizzazzjoni u l-operat tal-logħob u tal-magni tal-logħob tal-ażżard għandhom jiġu eżenti, bħala regola, mill-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer, C-283/95 Ġabra p. I-3369, punt 25, kif ukoll Linneweber u Akritidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), ma għandux, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-istruttura ġenerali li fuqha din l-istess direttiva hija bbażata, jinftiehem bħala li qed iqiegħed inkwistjoni din il-konstatazzjoni.

29      Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-għan tal-eżenzjoni inkwistjoni, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u tal-flus, l-Istati Membri mhux biss huma liberi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fischer, punt 25, kif ukoll Linneweber u Akritidis, punt 23) iżda jiddisponu wkoll minn setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom li jipprojbixxu totalment jew parzjalment l-attivitajiet ta’ din in-natura jew li jirrestrinġuhom u li jistabbilixxu f’dan ir-rigward metodi ta’ kontroll li huma kemmxejn restrittivi (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994 Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 61, u tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C-124/97, Ġabra p. I-6067, punt 35).

30      Isegwi, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, li Stat Membru jista’ jkollu jirrestrinġi, fit-territorju tiegħu, l-offerti tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus għal forom ta’ logħob li jistgħu jiġu suġġetti għall-applikazzjoni tal-VAT b’tali mod li l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika li huma, kif tfakkar fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, il-bażi tal-eżenzjoni, ma jiġux applikati fir-rigward tagħhom.

31      Interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 li tipprovdi li din id-dispożizzjoni, kif issostni wkoll Leo-Libera, tobbliga xorta waħda lill-Istat Membru li għażel approċċ bħal dak deskritt fil-punt preċedenti sabiex jeżenta mill-ħlas tal-VAT tal-inqas 50 % tal-logħob awtorizzat u/jew il-forom tat-tali logħob li jiġġeneraw tal-inqas 50 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq nazzjonali mil-logħob kollu tal-ażżard u tal-flus tikser, għalhekk, b’mod manifest kemm l-għan imfittex mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll il-prinċipju, imfakkar fil-punt 22 tas-sentenza preżenti, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.

32      It-tieni nett, fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2006/112, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn huwa paċifiku li l-volum tad-dħul mill-bejgħ rispettivament magħmul mil-logħob eżenti mill-VAT u dak li ma huwiex jista’ jesperjenza bdil sinjifikattiv matul iż-żmien, l-eżenzjoni mill-VAT li ċertu forom tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus jistgħu jibbenefikaw minnu tista’, fl-ipoteżi li l-interpretazzjoni mogħtija minn Leo-Libra tintlaqa’, daqqa tkun konformi u daqqa tikser l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

33      Din l-interpretazzjoni mhux biss hija ta’ natura li twassal għal inċertezza legali li ma hijiex żgħira, iżda tikser ukoll l-ispirtu tal-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva, li jeżiġi li l-eżenzjonijiet mill-VAT ikunu applikati b’mod korrett u sempliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 31).

34      Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni Leo-Libera, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprovdi li l-provvista ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni kontra xulxin, ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT, ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fil-fatt, dan il-prinċipju ma għandux, peress li inkella jċaħħad l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 u l-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri minn kull effett utli, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li forma ta’ logħob tal-ażżard jew tal-flus tiġi eżenti mill-ħlas tal-VAT filwaqt li forma oħra ta’ logħob ma hijiex eżenti, sa fejn, mandankollu, iż-żewġ forom ta’ logħob ma humiex f’kompetizzjoni bejniethom.

36      Issa, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tittrattax b’mod differenti, mill-perspettiva tal-VAT, il-logħob tal-ażżard jew tal-flus simili li jistgħu jitqiesu li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom.

37      Il-fatt li l-logħob tal-ażżard jew tal-flus eżenti mill-ħlas tal-VAT jikkostitwixxu, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, biss parti żgħira tal-logħob awtorizzat fit-territorju nazzjonali u/jew jiġġeneraw biss parti żgħira mid-dħul totali magħmul f’dan il-qasam tal-logħob f’dan l-istess territorju ma huwiex, għalhekk, rilevanti fid-dawl tal-prinċipju tan-newtralità fiskali.

38      Bl-istess mod, u kuntrarjament għal dak sostnut minn Leo-Libera, il-fatt li l-ammont tat-taxxa mhux armonizzat fuq il-logħob, li għandu jitħallas minn ċerti organizzaturi u operaturi tal-logħob tal-ażżard u tal-flus suġġett għall-VAT, jista’ jiġi aġġustat skont il-VAT dovuta minn din l-attività, huwa irrilevanti fil-kuntest tal-imsemmi prinċipju, inkwantu l-għan tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma huwiex intiż li japplika għal din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fischer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-eżenzjoni tal-VAT stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jippermettilhom li jeżentaw minn din it-taxxa biss ċerti logħob tal-ażżard jew tal-flus.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru  2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-eżenzjoni tal-VAT stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jippermettilhom li jeżentaw minn din it-taxxa biss ċerti logħob tal-ażżard jew tal-flus.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.