Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

16.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/25


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Marzu 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-94/09)

2009/C 113/47

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Afonso, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tiddikjara li, billi ma tapplikax rata unika tal-VAT għas-servizzi kollha mogħtija mill-kummissjonanti tal-funerali, kif ukoll għall-provvista ta’ merkanzija relatata ma’ dawn is-servizzi, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva tal-VAT (1);

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-leġiżlazzjoni fiskali Franċiża tbiddel il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT inkwantu hija tapplika żewġ rati ta’ VAT għas-servizzi u għall-provvista ta’ merkanzija mogħtija mill-kummissjonanti tal-funerali lill-familji tal-mejtin, peress li fil-prattika, hija tikkostitwixxi tranżazzjoni kumplessa unika li għandha tkun suġġetta għal rata ta’ taxxa waħda.

Ir-rikorrenti tikkritika lill-konvenuta b’mod partikolari, li mingħajr ebda raġuni, tissepara s-servizz tat-trasport tal-kadavru permezz ta’ vettura adattata speċjalment għal dan il-każ, li għaliha tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT, minn attivitajiet oħra eżerċitati mill-kummissjonanti tal-funerali, bħal dik tal-intervent ta’ reffiegħa sabiex jittrasportaw il-kadavru jew il-provvista ta’ tebut, li huma suġġetti għal rata standard tal-VAT. Issa, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fuq il-livell kummerċjali, m’għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT ma jiġix mibdul. Fiċ-ċirkustanzi partikolari, il-maġġoranza l-kbira tal-familji jitolbu lill-kummissjonant sabiex jorganizza l-funeral kollu, billi jikkunsidraw apparti dan, li l-attivitajiet inkwistjoni huma parti mill-istess servizz.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-għażla tal-konvenuta li tapplika rati mnaqqsa varjabbli għas-servizzi mogħtija mill-kummissjonanti tal-funerali. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 98 (1) tad-Direttiva tal-VAT, fil-fatt, ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għal ċerti servizzi ta’ trasport u ta’ rata standard għal servizzi oħra mogħtija mill-impriżi inkwistjoni, li jirriżultaw f’livell ta’ rata reali ovvjament iktar baxxa mir-rata standard applikabbli fi Franza. Barra minn hekk, il-livell ta’ din ir-rata mnaqqsa jvarja minn tranżazzjoni għal oħra skont l-importanza relattiva, f’kull każ, tas-servizzi suġġetti għar-rata mnaqqsa, dak li xorta jkun ipprojbit mill-imsemmija direttiva.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)