Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-156/09

Finanzamt Leverkusen

vs

Verigen Transplantation Service International AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13A(1)(ċ) — Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet ta’ interess pubbliku — Provvista ta’ kura medika lill-persuna — Estrazzjoni u moltiplikazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni sabiex jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Eżenzjoni tal-għoti ta’ kura lill-persuna fil-kuntest tal-professjonijiet mediċi u paramediċi — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 77/388,Artikolu 13 A(1)(ċ))

L-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 95/7/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom sabiex jiġu impjantati mill-ġdid għal finijiet terapewtiċi jikkostitwixxu “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” ikopri servizzi li għandhom bħala għan id-dijanjosi, it-trattament u, sa fejn huwa possibbli, il-kura ta’ mard jew problemi tas-saħħa. Għalkemm il-provvista ta’ kura medika għandu jkollha għan terapewtiku, mhux neċessarjament isegwi li l-għan terapewtiku ta’ servizz għandu jinftiehem f’sens partikolarment strett. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmija servizzi jiġu pprovduti minn persunal ta’ laboratorju li l-membri tiegħu ma humiex tobba kkwalifikati huwa irrilevanti, billi ma huwiex neċessarju li servizz ta’ kura terapewtika jingħata, kollu kemm hu, minn persunal mediku. Il-fatt li ċ-ċelloli mmoltiplikati jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent li minnu jkunu ttieħdu jew f’pazjent ieħor, bħala regola, ma jaffettwax il-kwalifika ta’ servizz bħala “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]”

(ara l-punti 24, 28, 29, 32 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Novembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13A(1)(ċ) – Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet ta’ interess pubbliku – Provvista ta’ kura medika lill-persuna – Estrazzjoni u moltiplikazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni sabiex jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent”

Fil-Kawża C-156/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2009, fil-proċedura

Finanzamt Leverkusen

vs

Verigen Transplantation Service International AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13A(1)(ċ) u tal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 28b F tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Verigen Transplantation Service International AG (iktar ’il quddiem VTSI”) u l-Finanzamt Leverkusen (iktar ‘il quddiem il-“Finanzamt”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) id-dħul mill-bejgħ miksub minn VTSI mill-moltiplikazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mwettqa għal klijenti stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

3        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jissuġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tas-Sitt Direttiva:

“1.      Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2.      Iżda:

[…]

ċ)      il-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’:

[...]

–        xogħol fuq proprjetà mobbli korporali,

għandu jkun il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment;

[…]”

5        L-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, jipprevedi fil-paragrafu 1(ċ) :

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw [lil dawn] li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

ċ)      id-disposizzjonijiet [provvista ta’] tal-kura medika [lill-persuna] fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru kkonċernat;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 28b F tal-imsemmija direttiva:

“B’deroga mill-Artikolu 9(2)(ċ), il-post tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu valutazzjonijiet jew xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli [korporali], ipprovdut lill-klijenti identifikati għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stati Membru għajr [differenti minn] fejn is-servizzi huma mwettqa fiżikament, għandhom jiġu meqjusa li jkunu [għandu jiġi meqjus li jkun] fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħarġu lill-konsumatur bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fejn [li taħtu] ikun sarlu s-servizz.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikolu 3a(2)(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGBl. 1999 I, p. 1270, iktar ’il quddiem l-“UStG”), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi b’mod partikolari:

“Is-servizzi l-oħra li ġejjin jiġu eżegwiti fil-post fejn l-impriża topera esklużivament jew fil-biċċa l-kbira:

[…]

c)       xogħol fuq proprjetà mobbli korporali u valutazzjonijiet ta’ tali proprjetà. Jekk il-klijent li lilu jingħata s-servizz juża, fir-rigward ta’ min jipprovdi s-servizz, numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jkun ingħatalu minn Stat Membru ieħor, is-servizz mogħti taħt dan in-numru jitqies li jkun ġie eżegwit fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor […]”

8        Skont l-Artikolu 4(14) tal-UStG, it-tranżazzjonijiet li ġejjin li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1)(1) tal-UStG huma eżentati:

“it-tranżazzjonijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-professjoni ta’ tabib, dentist, fejjieq, fiżjoterapista, majjistra, jew ta’ kwalunkwe attività medika oħra simili fis-sens tal-Artikolu 18(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul [Einkommensteuergesetz], u mill-eżerċizzju tal-professjoni ta’ kimiku tal-klinika […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        VTSI hija kumpannija tal-bijoteknoloġija stabbilita fil-Ġermanja u topera fil-qasam tal-inġinerija tat-tessuti. Hija tirriċerka, tiżviluppa, tipproduċi u tbigħ teknoloġiji li jagħmlu dijanjosi u jikkuraw mard fit-tessuti umani, u b’mod partikolari mard tal-kartilaġni.

10      Il-kawża tirrigwarda t-tranżazzjonijiet ta’ VTSI li jinvolvu l-moltiplikazzjoni ta’ kondroċiti (ċelloli tal-kartilaġni) sabiex jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent f’każijiet fejn il-klijenti li jirċievu s-servizz (tobba jew kliniċi) huma residenti fi Stati Membri oħra u VTSI niżżlet in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tagħhom fil-fatturi tagħha.

11      Il-proċess huwa deskritt mill-Bundesfinanzhof kif ġej. It-tabib jew il-klinika tibgħat lil VTSI materjal kartilaġinuż estratt mill-pazjent permezz ta’ bijopsija. VTSI tittratta t-tessuti biex ikun possibbli li jitneħħew il-kondroċiti. Wara preparazzjoni fis-serum tad-demm tagħhom stess f’inkubatur dawn jiġu mmoltiplikati billi jitkabbru, normalment fi żmien tlieta jew erba’ ġimgħat. Iċ-ċellolli li jirriżultaw ġieli jitpoġġew, u ġieli le, ġo membrana tal-kollaġen sabiex jipproduċu “ġibs kartilaġinuż”. Fiż-żewġ każijiet, dawn jintbagħtu lit-tabib tal-pazjent jew lill-klinika biex jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent.

12      VTSI ittrattat dawk is-servizzi bħala mhux suġġetti għall-VAT meta pprovdiethom lil klijenti stabbiliti fi Stati Membri oħra.

13      Madankollu, il-Finanzamt ikkunsidrahom bħala taxxabbli u, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2003, ipproċeda biex jikkalkola t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ dovuta minn VTSI għas-sena 2002.

14      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment kontra din id-deċiżjoni mbagħad quddiem il-Finanzgericht Köln, VTSI sostniet li l-moltiplikazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni ma tikkostitwixxix provvista ta’ kura medika lill-persuna iżda pjuttost “servizzi ta’ rutina f’laboratorju” li jsiru minn assistenti bijotekniċi jew mediċi tekniċi. Hija speċifikat li l-kontrolli ta’ kwalità neċessarji saru minn spiżjar u minn kimiku estern.

15      Il-Finanzgericht Köln laqgħet ir-rikors ta’ VTSI. Iddeċidiet li l-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli huwa servizz li jrid jitqies bħala “xogħol fuq proprjetà mobbli korporali” fis-sens tal-Artikolu 3a(2)(3)(c) tal-UStG. L-imsemmija qorti kkunsidrat li organi meħuda mill-ġisem għal trapjant isiru proprjetà mobbli wara li jiġu sseparati mill-ġisem tal-pazjent. Il-fatt jekk il-parti tal-ġisem isseparata mill-ġisem tintużax għal trapjant fl-istess pazjent (użu awtologu) jew għal trapjant f’pazjent differenti (użu alloġeniku) ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk taqax taħt il-kunċett ta’ proprjetà mobbli korporali.

16      Wara li rrilevat li l-klijenti stabbiliti fi Stati Membri oħra użaw in-numri tal-identifikazzjoni tal-VAT maħruġa lilhom mill-Istati Membri tagħhom, il-Finanzgericht Köln ikkunsidrat li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja.

17      Il-Finanzamt ippreżenta appell fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza. Quddiem il-Bundesfinanzhof, qed isostni li, fid-dawl tas-separazzjoni qasira mill-ġisem tal-pazjent, iċ-ċelloli ma jsirux proprjetà mobbli, b’mod li l-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli ma taqax taħt il-kunċett ta’ “xogħol” fis-sens tal-Artikolu 3a(2)(3)(c) tal-UStG. Skont il-Finanzamt, lanqas ma hemm użu tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor fis-sens tal-Artikolu 3a(2)(3)(c) tal-UStG, billi dan kien jeħtieġ ftehim espress minn qabel bejn ir-rikorrenti u l-klijent.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konsenja taċ-ċelloli tal-kartilaġni mmoltiplikati lit-tabib tal-pazjent jew lill-klinika ma hijiex provvista ta’ oġġetti, peress li VTSI ma tistax tiddisponi liberament mill-materjal kartilaġinuż. Il-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli tikkostitwixxi provvista ta’ servizz u ma hijiex taxxabli fil-Ġermanja meta dak is-servizz jingħata fi Stat Membru ieħor. Madankollu, dan jista’ jkun il-każ biss jekk l-Artikolu 28b F tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri s-servizz mogħti minn VTSI. Jekk l-imsemmi artikolu jingħata interpretazzjoni differenti, it-tranżazzjoni għandha tkun taxxabli fil-Ġermanja, sakemm ma tistax titqies li tikkostitwixxi “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28b F [tas-Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem (bijopsija) li jingħata lil impriża għall-kultura ċellulari [moltiplikazzjoni ta’ ċelloli] u li wara jingħata lura taħt il-forma ta’ impjant lil pazjent inkwistjoni jikkostitwixxi ‘proprjetà mobbli tanġibbli [korporali]’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

b)      l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-qarquċa [kartilaġni] tal-ġogi mill-imsemmi materjal kartilaġinuż u l-kultura ċellulari sussegwenti jikkostitwixxu ‘xogħol’ fuq il-proprjetà mobbli tanġibbli [korporali] fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

ċ)      is-servizz ikun diġà ġie pprovdut lill-benefiċjarju taħt in-‘numru tal-identifikazzjoni [tal-VAT]’ meta dan in-numru jidher fuq il-kont tal-fornitur tas-servizz, mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim espress bil-miktub dwar l-użu tiegħu?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għal xi waħda mid-domandi preċedenti[,] l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-qarquċa [kartilaġni] tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-kultura ċellulari sussegwenti jikkostitwixxu ‘[il-provvista] ta’ kura medika [lill-persuna]’ meta ċ-ċelloli li jirriżultaw mill-kultura ċellulari jerġgħu jiġu impjantati fid-donatur?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

20      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom jikkostitwixxux “[il-provvista] ta’ kura medika [lill-persuna]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta ċ-ċelloli li jirriżultaw minn din il-moltiplikazzjoni ta’ ċelloli jkunu intiżi biex jerġgħu jiġu impjantati fid-donatur.

21      Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-Sitt Direttiva tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT billi fl-Artikolu 2, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, minbarra l-importazzjonijiet ta’ oġġetti, issemmi wkoll il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 49; tal-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory, C-401/05, Ġabra p. I-12121, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene, C-262/08, Ġabra p. I-5053, punt 23).

22      Madankollu, l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jeżenta ċerti attivitajiet mill-VAT. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15, u CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

23      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandu jiġi interpretat b’mod li jipprivahom mill-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Haderer, C-445/05, Ġabra p. I-4841, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(ċ), tas-Sitt Direttiva, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” ikopri servizzi li għandhom bħala għan id-dijanjosi, it-trattament u, sa fejn huwa possibbli, il-kura ta’ mard jew problemi tas-saħħa (sentenza CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm il-provvista ta’ kura medika lill-persuna għandu jkollha għan terapewtiku, mhux neċessarjament isegwi, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, li l-għan terapewtiku ta’ servizz għandu jinftiehem f’sens partikolarment strett (sentenza CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-proċess li jikkonsisti fit-teħid ta’ materjal kartilaġinuż biex minnu jiġu estratti ċelloli li jiġu mmoltiplikati biex imbagħad jiġu impjantati mill-ġdid f’pazjent għandu, globalment, għan terapewtiku.

26      Ċertament, is-servizzi speċifiċi pprovduti minn VTSI huma biss parti mill-proċess kollu. Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tagħha, huma parti essenzjali, inerenti u inseparabbli mill-proċess, u l-ebda stadju tal-proċess ma jista’ jsir b’mod iżolat mill-oħrajn.

27      Mis-suespost jirriżulta li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom sabiex jerġgħu jiġu impjantati għal finijiet terapewtiċi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[provvista] ta’ kura medika [lill-persuna]” imsemmi fl-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva. Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P., C-106/5, Ġabra p. I-5123, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

28      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmija servizzi jiġu pprovduti minn persunal ta’ laboratorju li l-membri tiegħu ma humiex tobba kkwalifikati huwa irrilevanti, billi ma huwiex neċessarju li servizz ta’ kura terapewtika jingħata, kollu kemm hu, minn persunal mediku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 41, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P, C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 39).

29      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li l-fatt li ċ-ċelloli mmoltiplikati jiġu impjantati mill-ġdid fil-pazjent li minnu jkunu ttieħdu jew f’pazjent ieħor, bħala regola, ma jaffettwax il-kwalifika ta’ servizz bħala “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” (ara, b’analoġija, is-sentenza CopyGene, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

30      Fir-rigward tal-argument tal-Gvern Ġermaniz li l-klassifikazzjoni tas-servizzi inkwistjoni bħala “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” tista’ tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali peress li l-funzjoni tal-“ġibs kartilaġinuż” prodott minn VTSI hija paragunabbli ma’ prodott farmaċewtiku, li ma jkunx eżentat mill-VAT, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” tista’ tiddependi biss min-natura proprja tiegħu, mingħajr ma hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk prodott farmaċewtiku alternattiv huwiex disponibbli jew le.

31      Fil-fatt, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, xi tipi ta’ kura diġà għandhom alternattiva farmaċewtika filwaqt li oħrajn ma ghandhomx, iżda x’aktarx li jkollhom fil-futur, allura ż-żewġ kategoriji jinsabu f’evoluzzjoni kostanti.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hi li l-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom sabiex jiġu impjantati mill-ġdid għal finijiet terapewtiċi jikkostitwixxu “[provvista ta’] kura medika [lill-persuna]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

33      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom sabiex jiġu impjantati mill-ġdid għal finijiet terapewtiċi jikkostitwixxu “[provvista] ta’ kura medika [lill-persuna]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.