Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

26.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/3


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2009 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-228/09)

2009/C 233/04

Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Triantafyllou u A. Stobiecka-Kuik, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal Polonja

Talbiet

tiddikjara li, billi inkludiet l-ammont tal-“opłata rejestracyjna” (taxxa ta’ reġistrazzjoni) fl-ammont taxxabbli tal-VAT imposta fil-Polonja fuq il-provvista, l-akkwist intra-Komunitarju jew l-importazzjoni ta’ karozza għall-użu personali, ir-Repubblika tal-Polonja ma wettqitx l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 78, 79, 83 u 86 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ilment imressaq f’dan ir-rikors jirrigwarda l-inklużjoni min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja tal-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fl-ammont taxxabbli tal-VAT fil-każ meta l-provvista, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ karozzi għall-użu personali mhux irreġistrati jseħħu f’dak l-Istat Membru.

Skont il-Kummissjoni hemm xebh fundamentali bejn it-taxxa/ l-imposta Pollakka inkwistjoni f’din il-kawża u t-taxxa/l-imposta Daniża fil-Kawża C-98/05 De Danske Bilimportører. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-taxxa/l-imposta ta’ reġistrazzjoni ma taqax taħt l-ammont taxxabbli tal-VAT.

Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema tal-ġbir tat-taxxa Pollakka ta’ reġistrazzjoni fil-każ ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi li jirrigwardaw l-istess vettura qabel ir-reġistrazzjoni tindika li essenzjalment din hija taxxa/imposta ta’ reġistrazzjoni u mhux taxxa fuq il-bejgħ, hekk kif tafferma r-Repubblika tal-Polonja. Il-persuna taxxabbli tista’ għalhekk tnaqqas l-ammont tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mill-ammont tat-taxxa dovuta. Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar, permezz tas-sistema ta’ tnaqqis tat-taxxa imħallsa qabel, it-taxxa/l-imposta tinġabar darba biss.

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni huwa l-bejjiegħ, dak li jagħmel akkwist intraKomunitarju jew l-importatur tal-karozza u mhux il-persuna li f’isimha ġiet irreġistrata l-karozza.


(1)  ĠU L 347, p. 1.