Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-276/09

Everything Everywhere Ltd, li kienet T Mobile (UK) Ltd

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjoni — Punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d) — Negozjar ta’ kreditu — Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti — Eżistenza ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi distinti jew ta’ provvista unika — Spejjeż supplementari ffatturati waqt l-użu ta’ ċerti metodi ta’ ħlas għal servizzi ta’ telefonija mobbli”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ servizzi — Tranzazzjonijiet komposti minn diversi elementi

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, punt 1 tal-Artikolu 2, u punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d))

Għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-ispejjeż supplementari ffatturati minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti tiegħu, meta dawn ma jħallsux għal dawn is-servizzi permezz tas-sistema ta’ debitu dirett jew ta’ trasferiment permezz tal-Bankers’ Automated Clearing System (BACS), iżda permezz ta’ karta ta’ kreditu, jew ta’ karta ta’ debitu, permezz ta’ ċekk jew permezz ta’ flus kontanti għand kaxxier tal-bank jew għand kaxxier ta’ aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas f’isem dan il fornitur ta’ servizzi, ma jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti mill-provvista ta’ servizzi prinċipali li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

Fil-fatt, tali attività, li l-imsemmija klijenti ma jkunux jistgħu jużaw b’mod indipendenti mill-użu tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ma tippreżenta, mill-perspettiva tal-klijenti, l-ebda interess awtonomu fil-konfront ta’ dan is-servizz ta’ telekomunikazzjoni kkonċernat.

Servizz għandu jkun ikkunsidrat bħala anċillari għal servizz prinċipali meta huwa ma jkollux skop fih innifsu għall-klijent, iżda jkun il-mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda bl-aħjar kundizzjonijiet.

(ara l-punti 25, 27, 32 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjoni – Punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d) – Negozjar ta’ kreditu – Tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ħlasijiet u trasferimenti – Eżistenza ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi distinti jew ta’ provvista unika – Spejjeż supplementarji ffatturati waqt l-użu ta’ ċerti metodi ta’ ħlas għal servizzi ta’ telefonija mobbli”

Fil-Kawża C-276/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Everything Everywhere Ltd, li qabel kienet T-Mobile (UK) Ltd,

vs

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Everything Everywhere Ltd, li qabel kienet T-Mobile (UK) Ltd, minn J. Peacock, QC, u M. Angiolini, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–        għall-Gvern Elleniku, minn S. Spyropoulos u M. Germani, kif ukoll minn V. Karra, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u B. Doherty, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li jipprovdu li huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), in-negozjar ta’ kreditu, kif ukoll it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħlasijiet u t-trasferimenti.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Everything Everywhere Ltd, li qabel kienet T-Mobile (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “Everything Everywhere”), u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) dwar il-ħruġ, fir-rigward tal-VAT, ta’ spejjeż iffatturati minn Everything Everywhere lill-klijenti tagħha meta dawn jagħżlu ċerti metodi sabiex iħallsu l-kontijiet ta’ kull xahar tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”, hija suġġetta għall-VAT.

4        L-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, intitolat “Eżenzjonijet oħrajn”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[...]

d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

1.      l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

[...]

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-eżenzjoni prevista fil-punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tal-punti 1 u 5 tal-Grupp 5 tal-Anness 9 tal-Liġi tal-1994 dwar il-VAT (Value Added Tax Act 1994), li teżenta mill-VAT:

“1.      [i]l-ħlas, it-trasferiment jew il-ġbir ta’ flus, ta’ kull titolu li jirrappreżenta flus jew ta’ kull karta jew ordni għall-ħlas ta’ flus kif ukoll kull tranżazzjoni li tikkonċerna l-flus jew li tipproduċi l-istess effetti;

[...]

5.      [i]l-provvista ta’ servizzi intermedjarji fil-konfront ta’ kull tranżazzjoni prevista fil-punti 1, 2, 3, 4 jew 6 (kemm jekk dawn it-tranżazzjonijiet ġew konklużi b’mod finali jew le) minn persuna li taġixxi fil-kwalità ta’ intermedjarju awtorizzat”.

6        In-noti 5 sa 5B tal-Grupp 5 tal-Anness 9 tal-Liġi tal-1994 dwar il-VAT jipprovdu:

“(5)      Għall-finijiet tal-punt 5, is-‘servizzi intermedjarji’, jikkonsistu, f’li jgħaqqdu flimkien, għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi finanzjarji,

a)      persuni li qegħdin ifittxu, jew li jistgħu jfittxu li jirċievu servizzi finanzjarji

b)      persuni li jipprovdu servizzi finanzjarji

flimkien ma’ (fil-każ ta’ servizzi finanzjarji li jaqgħu taħt il-każijiet previsti fil-punti 1, 2, 3 jew 4) l-eżekuzzjoni ta’ xogħol preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti għall-provvista ta’ dawn is-servizzi finanzjarji, iżda ma jinkludux il-provvista ta’ kwalunkwe studju tas-suq, disinjar ta’ prodotti, reklamar, servizzi promozzjonali jew analogi jew il-ġbir, il-kollazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni li tirrigwarda tali attivitajiet.

(5A)      Għall-finijiet tal-punt 5, persuna “taġixxi fil-kwalità ta’ intermedjarju awtorizzat’ kull darba li taġixxi bħala intermedjarju jew waħda mill-intermedjarji bejn

a)      persuna li tipprovdi servizzi finanzjarji u

b)      persuna li qiegħda tfittex, jew li tista’ tfittex li tirċievi xi servizzi finanzjarji,

[...]

(5B)      Għall-finijiet tan-noti 5 u 5A, ‘servizzi finanzjarji’ ifissru t-twettiq ta’ kull tranżazzjoni li taqa’ taħt il-punti 1, 2, 3, 4 jew 6.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Everything Everywhere hija impriża fil-qasam tat-telekomunikazzjoni li tipprovdi servizzi ta’ telefonija mobbli. Sabiex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi, il-klijenti jistgħu jħallsu minn qabel, billi jżidu l-kreditu fil-kont tagħhom jew wara l-perijodu ta’ fatturazzjoni. F’dan il-każ tal-aħħar, Everything Everywhere tibgħat fattura kull xahar li l-klijenti tagħha jkunu jistgħu jħallsu b’modi differenti. B’hekk, dawn tal-aħħar għandhom għażla bejn ħlas:

–        permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett”;

–        permezz ta’ trasferiment, b’mod intermedjarju, bis-saħħa tal-Bankers’ Automated Clearing System [sistema awtomatika ta’ ħlas interbankarju (BACS)] (iktar ’il quddiem it-“trasferiment BACS”),

–        permezz ta’ karta ta’ debitu jew karta ta’ kreditu, permezz tat-telefon jew bl-internet;

–        permezz ta’ persuna terza li taġixxi bħala aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas, pereżempju kaxxier f’uffiċċju tal-posta (“Post Office”);

–        permezz ta’ ċekk mibgħut bil-posta, jew 

–        għand il-kaxxier ta’ fergħa tal-bank ta’ Everything Everywhere, jiġifieri HSBC Bank plc jew f’bank ieħor, bi kreditu lejn il-kont bankarju ta’ Everything Everywhere.

8        Meta klijent iħallas il-fattura tiegħu permezz ta’ “debitu dirett” jew permezz ta’ trasferiment BACS, Everything Everywhere ma żżidlux spejjeż addizzjonali.

9        Ħlas permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” tippresupponi “ordni ta’ debitu dirett”, jiġifieri struzzjonijiet permanenti mogħtija mill-klijent lill-bank tiegħu sabiex jagħmel ħlas skont it-talba ta’ Everything Everywhere. Fuq din il-bażi, din tal-aħħar tfittex li, għal kull ħlas dovut, tikseb mill-imsemmi bank, permezz ta’ BACS, it-trasferiment tas-somma dovuta mill-klijent. It-trasferiment BACS jitwettaq huwa kull darba fuq l-inizjattiva tal-klijent li jagħti ordni lill-bank tiegħu biex jitrasferixxi somma speċifika mill-kont tiegħu lejn dak ta’ Everything Everywhere.

10      Bil-kontra, kull ħlas imwettaq b’mod ta’ ħlas ieħor fost dawk imsemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza jagħti lok għall-fatturazzjoni, fix-xahar ta’ wara, ta’ ammont addizzjonali ta’ GBP 3, ikklassifikat minn Everything Everywhere bħala “separate payment handling charge” (spejjeż distinti għal proċessar tal-ħlas, iktar ’il quddiem l-“SPHC”).

11      B’hekk, l-SPHC huma ffatturati lill-klijent li jħallas permezz ta’ karta ta’ debitu jew ta’ karta ta’ kreditu li, jibda, proċess informatiku bit-telefon jew bl-internet li jwassal għat-trasferiment tas-somma dovuta mill-bank li ħareġ il-karta lejn il-kont bankarju ta’ Everything Everywhere. Dan japplika wkoll meta jkun hemm ħlas bi flus kontanti, kemm għand kaxxier tal-bank jew għand kaxxier ta’ aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas, b’mod partikolari f’uffiċċju tal-posta, li miegħu Everything Everywhere kkonkludiet ftehim li jipprovdi għall-ġbir ta’ tali ħlas għan-nom tagħha. Everything Everywhere tiffattura wkoll l-SPHC għall-klijenti li jħallsu għas-servizzi ta’ telefonija mobbli permezz ta’ ċekk, kemm meta jiddepożitaw iċ-ċekk għand kaxxier tal-bank tal-għażla tagħhom u kemm meta jibagħtuh lill-bank ta’ Everything Everywhere permezz ta’ envelop li fih l-indirizz stampat minn qabel ta’ dan il-bank tal-aħħar.

12      L-SPHC huma previsti mill-kundizzjonijiet ġenerali applikati minn Everything Everywhere. Dawn jissemmew fil-fuljetti ta’ Everything Everywhere li jindikaw it-tariffi tagħha, kif ukoll fuq is-sit internet ta’ din tal-aħħar. Madwar 28 % tal-klijenti ta’ Everything Everywhere jagħżlu li jħallsu b’mod ieħor u mhux bis-sistema ta’ “debitu dirett” jew ta’ trasferiment BACS u, konsegwentement, huma responsabbli għall-SPHC.

13      L-SPHC la japplikaw għall-klijenti li jħallsu minn qabel għal kull servizz ta’ telefonija mobbli, billi jżidu l-kreditu fil-kont tagħhom, u lanqas għall-klijenti negozjanti.

14      Everything Everywhere tqis li l-SPHC għandhom jiġu kkunsidrati bħala kontroparti ta’ servizz ta’ pproċessar tal-ħlas u li għaldaqstant huma eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Fix-xahar ta’ Awwissu 2005, Everything Everywhere ppreżentat talba dwar is-somma ta’ GBP 4 063 228.08, li tirrapreżenta l-ħlas żejjed ta’ taxxa tal-output imħallsa għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2003 u x-xahar ta’ Lulju 2005 fir-rigward tal-SPHC. Il-Commissioners ċaħdu din it-talba. Everything Everywhere ppreżentat rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem il-VAT and Duties Tribunal, li kkonferma d-deċiżjoni tal-Commissioners billi kkunsidra li l-SPHC kienu suġġetti għall-VAT.

15      Everything Everywhere appellat mid-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont din tal-aħħar, il-kawża essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-SPHC jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi distinta mill-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u li jaqgħu taħt l-eżenzjoni prevista fil-punti 1 u 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

16      Il-qorti tar-rinviju tirrileva b’mod partikolari li l-partijiet fil-kawża prinċipali rrikonoxxew li l-punt 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva kien diġà ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017), b’mod partikolari, fil-punti 53 u 66 ta’ din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fir-rigward ta’ “tranżazzjoni li tikkonċerna t-trasferimenti”, is-servizzi pprovduti għandhom ikollhom l-effett li jittrasferixxu fondi u li jinvolvu tibdliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar x’għandu jinftiehem minn dawn il-kelmiet.

17      Billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Liema huma l-karatteristiċi ta’ servizz eżentat li għandu ‘l-effett li jittrasferixxi fondi u li jinvolvi tibdiliet fis-sitwazzjoni legali u finanzjarja’? B’mod partikolari:

a)      L-eżenzjoni tapplika għal servizzi li inkella ma kinux jingħataw minn ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji li (i) jiddebitaw kont wieħed u (ii) jikkreditaw kont ieħor b’ammont korrispondenti, jew (iii) iwettqu attività intermedjarja bejn (i) jew (ii)?

b)      L-eżenzjoni tapplika għal servizzi li ma jinkludux it-twettiq ta’ attivitajiet li jikkonsistu fid-debitu ta’ kont u l-kreditu ta’ kont f’ammont korrispondenti, iżda li, meta jseħħ trasferiment ta’ fondi, jista’, b’ħarsa lura, jitqies bħala li kien il-kawża ta’ dak it-trasferiment?

2)      L-eżenzjoni fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva [1] għal ‘tranżazzjonij[i]et […] li jikkonċerna[w] […] pagamenti, [jew] trasferimenti’ japplikaw għal servizz ta’ kisba u pproċessar ta’ pagamenti permezz ta’ karti ta’ kreditu u ta’ debitu, bħal dawk imwettqa mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża? B’mod partikolari, meta t-trażmissjoni, mill-persuna taxxabbli, tal-fajls ta’ saldu fl-aħħar ta’ kull ġurnata jkollha l-effett li awtomatikament tikkawża d-debitu tal-kont tal-klijent u l-kreditu tal-kont tal-persuna taxxabbli, dawn is-servizzi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(3) [tas-Sitt Direttiva]?

3)       Ir-risposta għat-tieni domanda tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-persuna taxxabbli nnifisha tiksibx il-kodiċijiet ta’ awtorizzazzjoni għal tranżazzjoni sussegwenti jew jekk hija tiksibx dawn il-kodiċijiet permezz ta’ aġenzija tal-bank akkwirenti tagħha?

4)      L-eżenzjoni fl-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva għal ‘negozjar ta’ kreditu’ tapplika għal servizzi bħal dawk offruti mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża fir-rigward ta’ pagamenti magħmulin b’karti ta’ kreditu, fejn minħabba dawn is-servizzi, il-kont tal-karta ta’ kreditu tal-klijenti jiġi ddebitat permezz ta’ ammonti supplimentari ta’ kreditu?

5)      L-eżenzjoni għal ‘tranżazzjonij[i]et […] li jikkonċerna[w] […] pagamenti, [jew] trasferimenti’ tapplika għal servizzi ta’ aċċettazzjoni u pproċessar ta’ pagamenti li jkunu saru permezz ta’ aġenti terzi, bħal dawk offruti mill-persuna taxxabbli permezz tal-Uffiċċju tal-Posta u permezz ta’ PayPoint f’din il-kawża?

6)      L-eżenzjoni għal ‘tranżazzjonij[i]et […] li jikkonċerna[w] […] pagamenti, [jew] trasferimenti’ tapplika għal servizzi ta’ kisba u pproċessar ta’ pagamenti magħmula permezz ta’ ċekk mibgħut lill-persuna taxxabbli jew lill-aġent tagħha, liema pagamenti għandhom jiġu pproċessati mill-persuna taxxabbli u l-bank tagħha?

7)       L-eżenzjoni għal ‘tranżazzjonij[i]et […] li jikkonċerna[w] […] pagamenti, [jew] trasferimenti’ tapplika għal servizzi, bħal dawk offruti mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża, li jikkonsistu fir-riċezzjoni u fl-ipproċessar ta’ pagamenti li jkunu saru għand kaxxier f’bank sabiex jiġi kkreditat, permezz tas-sistema bankarja, il-kont bankarju tal-persuna taxxabbli?

8)      Liema huma l-fatturi partikolari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi deċiż jekk tariffa (bħat-tariffa għall-ipproċessar tal-pagament f’din il-kawża) li tiġi applikata minn persuna taxxabbli lil klijient tagħha fir-rigward tal-għażla tal-klijent li jagħmel pagament lill-persuna taxxabbli billi juża metodu ta’ pagament partikolari, u li hija individwalment identifikata fid-dokument kuntrattwali u ddettaljata b’mod separat fuq fattura maħruġa lill-klijienti, hijiex provvista separata għall-finijiet tal-VAT?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk, minn naħa, l-SPHC jikkostitwixxu l-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi, ipprovduti minn Everything Everywhere lill-klijenti tagħha, li taqa’ taħt l-eżenzjonijiet mill-VAT previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva (ir-raba’ domanda) jew fil-punt 3 tal-imsemmi Artikolu 13B(d) (l-ewwel sat-tielet u l-ħames sas-seba’ domandi) u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmija provvista hija distinta mill-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli (it-tmien domanda).

19      Peress li, fin-nuqqas ta’ tali provvista ta’ servizzi distinta mill-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli, l-SPHC ikollhom l-istess trattament fiskali tal-ammonti dovuti għal dawn is-servizzi tal-aħħar, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 32, u tal-21 ta’ Lulju 2007, Ludwig, C-453/05, Ġabra p. I-5083, punt 20), għandha tiġi eżeminata, fl-ewwel lok, it-tmien domanda.

 Fuq it-tmien domanda

20      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk, għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT, u, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva, l-ispejjeż addizzjonali ffatturati minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti tiegħu meta dawn jużaw ċerti modi ta’ ħlas jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar tal-ħlas ipprovduti mill-imsemmi fornitur lill-klijenti tiegħu, li għandhom jitqiesu bħala provvista distinta mill-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

21      Mill-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li, normalment, kull tranżazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala separata u indipendenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 22, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed, C-461/08, Ġabra p. I-11079, punt 35).

22      Madankollu, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell kummerċjali ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali biex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Aktiebolaget NN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding, C-242/08, Ġabra p. I-10099, punt 51).

23      Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, diversi tranżazzjonijiet distinti formalment, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti (ara, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 51; tal-11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property, C-572/07, Ġabra p. I-4983, punt 18, u Don Bosco Onroerend Goed, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

24      Dan ikun, b’mod partikolari, l-każ meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali, filwaqt illi, bil-kontra, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala servizz jew servizzi anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li tapplika għas-servizz prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; tal-15 ta’ Mejju 2001, Primback, C-34/99, Ġabra p. I-3833, punt 45, u RLRE Tellmer Property, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Tiercé Ladbroke u Derby, C-231/07 u C-232/07, punt 21).

25      B’mod partikolari, servizz għandu jkun ikkunsidrat bħala anċillari għal servizz prinċipali meta huwa ma jkollux skop fih innifsu għall-klijent, iżda jkun il-mezz sabiex is-servizz prinċipali tal-fornitur jitgawda bl-aħjar kundizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 30; Primback, punt 45, u RLRE Tellmer Property, punt 18, kif ukoll id-digriet Tiercé Ladbroke u Derby, iċċitat iktar ’il fuq, punt 21).

26      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix lill-konsumatur, ikkunsidrat bħala konsumatur medju, diversi servizzi prinċipali distinti jew servizz uniku, ikunu jridu jiġu stabbiliti l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni, u li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq CPP, punti 28 u 29; Aktiebolaget NN, punti 21 u 22, u Ludwig, punt 17, kif ukoll id-digriet Tiercé Ladbroke u Derby, iċċitat iktar ’il fuq, punti 19 u 20).

27      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li s-servizz essenzjali pprovdut minn fornitur bħal Everything Everywhere lill-klijenti tagħha huwa s-servizz ta’ telefonija mobbli. L-attività imwettqa minn din l-impriża waqt il-fatturazzjoni ta’ dan is-servizz, b’mod partikolari, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ infrastruttura li tippermettilhom iħallsu l-fatturi mhux biss permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” jew permezz ta’ trasferiment BACS, iżda wkoll permezz ta’ karta ta’ kreditu, permezz ta’ ċekk jew flus kontanti, ma tikkostitwix, għall-klijenti tagħha, skop fih innifsu. L-allegata provvista ta’ servizzi, li l-imsemmija klijenti ma jkunux jistgħu jużaw b’mod indipendenti mill-użu tas-servizz ta’ telefonija mobbli, ma tippreżenta, mill-perspettiva ta’ dawn tal-aħħar, l-ebda interess awtonomu fil-konfront ta’ dan is-servizz. Din toffrilhom biss l-opportunità biex iħallsu l-fatturi tat-telefonija mobbli skont il-mod ta’ ħlas li jidrilhom l-iktar komdu u, apparti dan, tippermetti lill-fornitur tas-servizzi biex iżid il-volum tas-servizzi li jipprovdi b’mod prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Primback, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

28      Barra minn hekk, il-ġbir ta’ ħlas kif ukoll l-ipproċessar ta’ dan tal-aħħar huma marbuta b’mod strett ma’ kull provvista ta’ servizzi pprovduta bi ħlas. Huwa inerenti għal tali servizz li l-fornitur tas-servizzi jitlob li jitħallas u li jistabbilixxi l-mezzi neċessarji biex il-klijent ikun jista’ jagħmel ħlas effettiv bħala kontroparti għas-servizz ipprovdut. Bħala prinċipju, kull mod ta’ ħlas ta’ provvista ta’ servizzi jimplika li l-fornitur għamel xi passi sabiex ikun jista’ jipproċessa l-ħlas, anki jekk sa liema punt jagħmel dawn il-passi jista’ jvarja minn mod ta’ ħlas għal ieħor. Skont id-deskrizzjoni tal-modi differenti ta’ ħlas li jidhru fid-deċiżjoni tar-rinviju, anki l-metodu ta’ ħlas permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” jeħtieġ, għall-finijiet ta’ ħlas effettiv, pass ta’ kreditur, li jinkludi, għal dan tal-aħħar, li juża l-ordni li ngħata u li jitlob lill-bank tal-klijent ikkonċernat biex jipproċedi għat-trasferiment tas-somma dovuta lilu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, AXA UK, C-175/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 9, 10 u 33).

29      Iċ-ċirkustanza, enfassizzata fit-tmien domanda, li prezz distint għall-allegat servizz finanzjarju huwa identifikat bħala tali fid-dokument kuntrattwali u ddettaljat b’mod separat fil-fatturi maħruġa lill-klijent, ma hijiex, bħala tali, determinanti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li prezz uniku huwa ffaturat jew li żewġ prezzi distinti ġew previsti kuntrattwalment ma għandux importanza għall-finijiet li jiġi ddeterminat jekk hemm lok li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ żewġ jew diversi tranżazzjonijiet distinti u indipendenti jew ta’ tranżazzjoni ekonomika unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq punt 31, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt 25).

30      Isegwi li l-klijenti ta’ Everything Everywhere li jħallsu l-fattura tat-telefonija mobbli tagħhom permezz ta’ wieħed mill-modi ta’ ħlas li jagħtu lok għall-ġbir ta’ SPHC ma għandhomx l-intenzjoni jixtru żewġ servizzi distinti, jiġifieri servizz ta’ telefonija mobbli u servizz li l-għan tiegħu jkun li jiżgura l-ipproċessar tal-ħlas tagħhom. Mill-perspettiva tal-klijent, il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar tal-ħlas allegatament ipprovduta mill-fornitur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti tiegħu waqt il-ħlas ta’ dawn is-servizzi tal-aħħar permezz ta’ ċerti modi ta’ ħlas għandha, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-VAT, tiġi kkunsidrata bħala anċillari għall-provvista prinċipali tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punti 24 u 25).

31      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li jipprekludi li l-provvisti ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-94/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40, u tal-10 ta’ Ġunju 2010, Leo-Libera, C-58/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34), peress li s-sitwazzjoni ta’ Everything Everywhere hija kompletament differenti minn dik ta’ operatur ekonomiku li jipprovdi lill-klijenti tiegħu b’servizzi finanzjarji bħala servizz prinċipali.

32      Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tmien domanda tkun li, għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT, l-ispejjeż addizzjonali ffatturati minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti tiegħu, meta dawn ma jħallsux għal dawn is-servizzi permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” jew ta’ trasferiment BACS, iżda permezz ta’ karta ta’ kreditu, jew ta’ karta ta’ debitu, permezz ta’ ċekk jew permezz ta’ flus kontanti għand kaxxier tal-bank jew għand kaxxier ta’ aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas f’isem dan il-fornitur ta’ servizzi, ma jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti mill-provvista ta’ servizzi prinċipali li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

 Fuq l-ewwel sas-seba’ domanda

33      B’kunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija għat-tmien domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel sas-seba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud, l-ispejjeż supplementarji ffatturati minn fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni lill-klijenti tiegħu, meta dawn ma jħallsux għal dawn is-servizzi permezz tas-sistema ta’ “debitu dirett” jew ta’ trasferiment Bankers’ Automated Clearing System, iżda permezz ta’ karta ta’ kreditu, jew ta’ karta ta’ debitu, permezz ta’ ċekk jew permezz ta’ flus kontanti għand kaxxier tal-bank jew għand kaxxier ta’ aġent awtorizzat biex jiġbor il-ħlas f’isem dan il fornitur ta’ servizzi, ma jikkostitwixxux il-kontroparti ta’ provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti mill-provvista ta’ servizzi prinċipali li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.