Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

30.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/32


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Novembru 2009 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

(Kawża C-453/09)

2010/C 24/59

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Triantafyllou, u B.-R. Killmann, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi applikat rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għall-provvisti, għall-importazzjonijiet u għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ ċerti annimali ħajjin, b’mod partikolari żwiemel, li mhumiex intiżi għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96 u 98, moqrija flimkien mal-Anness III tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti jikkontesta r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ kif applikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-provvista, għall-importazzjoni u għall-akkwist intra-Komunitarji ta’ ċerti annimali ħajjin, b’mod partikolari żwiemel, minkejja li dawn normalment ma jintużawx għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-ikel intiżi għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali. Skont il-Kummissjoni, din il-konstatazzjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT”), b’mod partikolari fil-każ ta’ razez taż-żwiemel li normalment jintużaw għat-taħriġ, għall-irkib, għaċ-ċirku jew għat-tiġrijiet.

Id-direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT tikkonċedi lill-Istati Membri l-applikazzjoni, flimkien mar-rata ordinarja tal-VAT u taħt kundizzjonijiet speċjali, ta’ rati mnaqqsa. Għalhekk, pereżempju, Stat Membru huwa awtorizzat skont l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT li japplika rata mnaqqsa “għall-provvisti […] stabbiliti fl-Anness III”. Fid-dawl tal-fatt li r-rati mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għandhom ikunu eċċezzjoni meta mqabbla mar-rata ordinarja tal-VAT, tali dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni ssostni li annimali ħajjin, b’mod partikolari żwiemel, li mhumiex normalment intiżi li jintużaw bħala prodotti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem, ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III. Konsegwentement, ir-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT ma tistax tiġi applikata għal tali annimali. Dan jirriżulta wkoll mis-sistema u mill-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-punt 1 tal-Anness III tad-Direttiva. Anki interpretazzjoni teoloġika twassal għal eżitu differenti: tali punt huwa intiż għal trattament iktar favorevoli tal-prodotti kollha intiżi għall-produzzjoni ta’ ikel għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali.

In-nuqqas ta’ distinzjoni tar-razez taż-żwiemel fin-nomenklatura magħquda hija kompletament irrilevanti fil-kawża inkwistjoni, peress li l-klassifikazzjoni tariffarja hija bbażata fuq perspettivi differenti minn dawk tar-regoli tal-VAT. Il-fatt li l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT jikkonċedi lill-Istati Membri li jirrikorru għan-nomenklatura magħquda ma jfissirx li Stat Membru jista’ jallega nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ tali nomenklatura magħquda sabiex jiġġustifika traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT.

Il-kummerċ minn razez taż-żwiemel normalment użati għat-taħriġ, għall-irkib, għaċ-ċirku jew għat-tiġrijiet ma jistax jibbenefika minn rata mnaqqsa lanqas abbażi tal-punt 11 tal-Anness III tad-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT, dwar il-provvista ta’ merkanzija normali użata għall-produzzjoni agrikola. Il-fatt li ż-żwiemel stess huma annimali ta’ trobbija ma jaffettwax il-fatt li r-razez taż-żwiemel kollha jservu sabiex jintużaw għall-produzzjoni agrikola. Fil-fatt, l-imsemmija razez ġeneralment jintużaw għall-attivitajiet sportivi, għall-edukazzjoni, għall-ħin liberu jew għad-divertiment, u għalhekk mhux fil-kuntest tal-produzzjoni agrikola.