Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawżi magħquda C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09

Finanzamt Burgdorf et

vs

Manfred Bog et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Tassazzjoni — VAT — Sitt Direttiva 77/388/KEE — Artikoli 5 u 6 — Klassifikazzjoni ta’ attività kummerċjali bħala ‘provvista ta’ oġġetti’ jew ‘provvista ta’ servizzi’ — Forniment ta’ ikliet jew ta’ ikel lest għall-konsum immedjat minn stands jew minn vetturi li joffru l-ikel — Forniment, f’ċinema, ta’ pop-corn u ta’ chips ‘tortilla’ (‘nachos’) għall-konsum immedjat — Fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar — Kategorija 1 tal-Anness H — Interpretazzjoni tat-terminu ‘affarijiet ta’ l-ikel’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvisti ta’ oġġetti

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 5)

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvisti ta’ servizzi

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 6)

3.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti provvisti ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi

(Diretiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 12(3)(a) u Anness H)

1.        L-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, għandu jiġu interpretat fis-sens li l-forniment ta’ platti jew ta’ ikel reċentement ippreparati lesti għall-konsum immedjat fi stands jew vetturi li joffru l-ikel jew f’intrajjet taċ-ċinema jikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-imsemmi artikolu meta eżami kwalitattiv tat-tranżazzjoni kollha jiżvela li l-elementi tal-provvista ta’ servizz li jippreċedu u jakkumpanjaw il-provvista tal-ikel ma jkunux predominanti.

F’dan ir-rigward, peress illi l-preparazzjoni tal-prodott finali sħun fi stands jew vetturi li joffru l-ikel hija limitata, essenzjalment, għall-azzjonijiet fil-qosor u standardizzati, u li, ġeneralment, jsiru mhux fuq ordni ta’ klijent partikolari, iżda b’mod kostanti jew regolari skont it-talba prevedibbli b’mod ġenerali, hija ma tikkostitwixxix l-element predominanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u ma tistax waħidha tagħti lil dik it-tranżazzjoni n-natura ta’ provvista ta’ servizzi.

Barra minn hekk, is-sempliċi preżenza ta’ għamara fl-intrajjet taċ-ċinema maħsuba, b’mod mhux esklużiv, sabiex tiffaċilita possibbilment il-konsum ta’ tali ikel, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ta’ provvista ta’ servizzi ta’ natura li tagħti lit-tranżazzjoni fl-intier tagħha l-kwalità ta’ provvista ta’ servizzi.

(ara l-punti 68, 73, 81 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, għandu jiġu interpretat fis-sens li ħlief fil-każ fejn fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jintrabat li jforni platti standardizzati mingħajr ebda element ieħor ta’ provvista ta’ servizzi addizzjonali jew meta ċirkustanzi partikolari oħra juru li l-provvista tal-platti tirrappreżenta l-element predominanti tat-tranżazzjoni, l-attivitajiet ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jikkostitwixxu provvisti ta’ servizzi fis-sens tal-imsemmi artikolu.

Fil-fatt, b’mod differenti mill-platti pprovduti fi stands, vetturi li joffru l-ikel u ċinejiet, il-platti pprovduti fid-djar ma humiex, ġeneralment, ir-riżultat ta’ sempliċi preparazzjoni standardizzata, iżda jinkludu dimensjoni notevolment ikbar ta’ provvista ta’ servizzi u jirrikjedu xogħol u sengħa superjuri.

(ara l-punti 77, 81 u d-dispożittiv 1)

3.        Skont l-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi previsti fl-Anness H ta’ din id-direttiva.

Fil-każ ta’ provvisti ta’ oġġetti, il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-platti u l-ikliet li ġew imsajra, mixwija, moqlija jew ippreparati b’mod ieħor bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ssemmi l-affarijiet tal-ikel b’mod ġenerali u ma tagħmel l-ebda distinzjoni jew restrizzjoni bbażata fuq it-tip ta’ kummerċ, fuq il-mod tal-bejgħ, fuq l-imballaġġ, fuq il-preparazzjoni jew fuq it-temperatura.

(ara l-punti 84, 85, 88 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Marzu 2011 (*)

“Tassazzjoni – VAT – Sitt Direttiva 77/388/KEE – Artikoli 5 u 6 – Klassifikazzjoni ta’ attività kummerċjali bħala ‘provvista ta’ oġġetti’ jew ‘provvista ta’ servizzi’ – Forniment ta’ ikliet jew ta’ ikel lest għall-konsum immedjat minn stands jew minn vetturi li joffru l-ikel – Forniment, f’ċinema, ta’ pop-corn u ta’ chips ‘tortilla’ (‘nachos’) għall-konsum immedjat – Fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar – Kategorija 1 tal-Anness H – Interpretazzjoni tat-terminu ‘affarijiet ta’ l-ikel’”

Fil-Kawżi magħquda C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 u tas-27 ta’ Ottubru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Diċembru 2009, fil-proċeduri

Finanzamt Burgdorf (C-497/09)

vs

Manfred Bog,

CinemaxX Entertainment GmbH & Co. KG, li kienet Hans-Joachim Flebbe Filmtheater GmbH & Co. KG (C-499/09),

vs

Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst,

Lothar Lohmeyer (C-501/09)

vs

Finanzamt Minden,

u

Fleischerei Nier GmbH & Co. KG (C-502/09)

vs

Finanzamt Detmold,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Bog, minn H. Apking u T. Mittrach, avukati,

–        għal CinemaxX Entertainment GmbH & Co. KG, li kienet Hans-Joachim Flebbe Filmtheater GmbH & Co. KG, minn G. Dzieyk u A. Müller, avukati, kif ukoll minn A. Lukat, Steuerberater,

–        għal L. Lohmeyer, minn K. Meger, Steuerberater,

–        għal Fleischerei Nier GmbH & Co. KG, minn M. Becker, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE tal-14 ta’ Diċembru 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 224, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kif ukoll tat-terminu “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tal-imsemmija direttiva.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ erba’ kawżi, bejn il-Finanzamt Burgdorf (awtorità tal-finanzi ta’ Burgdorf) u M. Bog (Kawża C-497/09), bejn CinemaxX Entertainment GmbH & Co. KG, li kienet Hans-Joachim Flebbe Filmtheater GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “CinemaxX”), u l-Finanzamt Hamburg-Barmbek-Uhlenhorst (awtorità tal-finanzi ta’ Hambourg-Barmbek-Uhlenhorst) (Kawża C-499/09), bejn L. Lohmeyer u l-Finanzamt Minden (awtorità tal-finanzi ta’ Minden) (Kawża C-501/09) u bejn Fleischerei Nier GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Fleischerei Nier”) u l-Finanzamt Detmold (awtorità tal-finanzi ta’ Detmold) (Kawża C-502/09), rispettivament, dwar jekk id-diversi attivitajiet ta’ forniment ta’ platti jew ta’ ikel ippreparati għall-konsum immedjat jikkostitwixxux provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva jew provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dik id-direttiva u, fil-każ li dawn jikkostitwixxu provvista ta’ oġġetti, jekk dawn humiex suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża bħala bejgħ ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” fis-sens tal-Kategorija 1 tal-Anness H tal-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Provvista ta’ oġġetti” tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.”

5        L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

[…]”

6        L-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Ir-rata standard [tal-VAT] għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala persentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. […]

[…]

L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw kemm rata waħda mnaqqsa, kif ukoll żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati huma ffissati għal persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u dawn japplikaw biss għall-provvista ta’ oġġetti u għall-provvista ta’ servizzi tal-kategoriji msemmija fl-Anness H.

[…]”

7        L-Anness H tas-Sitt Direttiva, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal rati mnaqqsa ta’ VAT” isemmi fil-Kategorija 1, b’mod partikolari l-“affarijiet ta’ l-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u ta’ l-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”.

8        Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 116, p. 18), tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu rati mnaqqsa ta’ taxxa għas-“servizzi tar-ristoranti u tal-catering”. Dik id-direttiva ma kinitx madankollu fis-seħħ fil-mument meta ġraw il-fatti inkwistjoni fid-diversi kawżi prinċipali.

 Id-dritt nazzjonali

9        Il-punt 1 tal-Artikolu 1(1), tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Umsatzsteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“UStG”) jipprovdi kif ġej:

“Huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

1)      il-provvisti ta’ oġġetti u servizzi oħra mwettqa bi ħlas ġewwa t-territorju tal-pajjiż minn negozjant fil-kuntest tan-negozju tiegħu”

10      Skont l-Artikolu 3(1) tal-UStG, “il-provvisti ta’ impriża huma servizzi li permezz tagħhom in-negozjant jew terz inkarigat minnu jagħti lill-klijent jew terz inkarigat minnu l-kapaċità li jittrasferixxi oġġett f’ismu stess (trasferiment ta’ setgħa sabiex jiġi ttrasferit oġġett)”.

11      L-Artikolu 3(9) tal-UStG jipprovdi:

“Is-servizzi li ma jikkostitwixxux provvisti huma kkunsidrati bħala servizzi oħra. […] Il-forniment ta’ platti u ta’ xarbiet bil-għan li dawn jiġu kkonsmati fuq il-post jikkostitwixxi servizz ieħor. Il-platti u x-xarbiet jiġu fornuti bil-għan li jiġu kkonsmati fuq il-post meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-forniment, huma jkunu maħsuba sabiex jiġu kkonsmati f’post maġenb il-post tal-forniment u li jkunu pprovduti installazzjonijiet speċifiċi bil-ħsieb li dawn jiġu kkonsmati fuq il-post.”

12      Mill-punt 1 tal-Artikolu 12(2) tal-UStG jirriżulta li rata mnaqqsa tal-VAT hija applikabbli, b’mod partikolari, għal provvisti ta’ “preparazzjonijiet ta’ laħam, ta’ ħut, [eċċ.]”, ta’ “preparazzjonijiet ibbażati fuq ċereali, fuq dqiq, fuq lamtu, fuq xgħir jew fuq ħalib [kif ukoll fuq] ikel tal-għaġina”, ta’ “preparazzjonijiet ta’ ħxejjex, ta’ frott, [eċċ.]” u ta’ “preparazzjonijiet tal-ikel differenti” (prodotti li jinsabu, rispettivament, taħt in-Numri 28 u 31 sa 33 tal-Anness li tirreferi għalih l-imsemmija dispożizzjoni).

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-497/09

13      M. Bog biegħ fis-swieq ta’ kull ġimgħa xarbiet u platti ppreparati għall-konsum (b’mod partikolari zalzett u chips) fi tliet vetturi identiċi li joffru l-ikel. Dawk il-vetturi kien fihom bar, lqugħ tal-ħġieġ u, taħthom “bażi” tonda, magħmula minn materjal ikkummerċjalizzat taħt l-isem “resopal”, li tista’ tintuża sabiex jiġu kkonsmati platti fuq il-post. Fil-ġnub tal-imsemmija vetturi kien hemm, fuq it-tmun, mekkaniżmu deskritt bħala “ilsien” li jingħalaq, mibni bħal mejda, li kien tal-istess għoli u magħmul mill-istess materjal bħall-“bażi” tonda. Il-post għall-konsum kien protett mix-xita permezz ta’ saqaf li jingħalaq.

14      Fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar il-VAT għas-sena 2004, M. Bog iddikjara t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ xarbiet bħala suġġetti għat-taxxa normali tal-VAT filwaqt li dawk li jirrigwardaw il-bejgħ ta’ platti ddikjarahom bħala suġġetti għal rata mnaqqsa. Matul kontroll speċjali tal-VAT, il-kontrollur ikkonstata li l-klijenti ta’ M. Bog kienu ġeneralment jikkonsmaw il-prodotti fuq il-post. Sa fejn dan ma pprovda l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-volum tal-konsum mill-vetturi, it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ platti suġġetti għal rata normali ġew stmati li jammontaw għal 70 % tat-tranżazzjonijiet kollha tiegħu.

15      Konsegwentement, fis-27 ta’ Diċembru 2006, l-awtorità tal-finanzi ħarġet avviż tat-taxxa emendat abbażi tas-sena 2004. M. Bog ressaq ilment kontra l-imsemmija deċiżjoni.

16      Il-Finanzgericht (qorti tal-finanzi) kompetenti laqgħet l-appell ta’ M. Bog, billi essenzjalment qieset li, sabiex tiġi stabbilita d-distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet ta’ provvista ta’ ikel suġġetti għar-rata normali tal-VAT u dawk suġġetti għar-rata mnaqqsa, jeħtieġ ikun magħruf jekk l-elementi tal-provvista ta’ servizzi humiex kwalitattivament predominanti. Issa, f’dan il-każ, is-suġġett huwa provvista ta’ oġġetti peress li, minbarra l-preparazzjoni ta’ platti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreveda biss, fir-rigward tal-vetturi tiegħu li joffru l-ikel, żona mgħottija li fiha setgħu jiġu servuti l-platti u fejn kien hemm faċilità għar-rimi tal-iskart. B’mod kuntrarju, jonqsu elementi oħra tal-provvista ta’ servizzi li huma karatteristiċi tal-impressjoni sħiħa li wieħed jieħu meta jmur f’restorant jiġifieri ta’ servizzi fornuti mit-tmexxija tar-restorant (b’mod partikolari, is-servizz, il-possibbiltà li wieħed jpoġġi bilqiegħda, post magħluq u kklimatizzat kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ konsum f’terrazza, il-preżenza ta’ kamra tal-ilbies u ta’ latrina).

17      L-awtorità tal-finanzi ressqet appell għal “Reviżjoni” mid-deċiżjoni tal-imsemmija Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof (qorti federali tal-finanzi) fejn sostniet li l-provvisti ta’ ikel kienu marbuta ma’ servizzi (preparazzjoni ta’ ikel għall-ikliet u preżenza ta’ installazzjonijiet mgħottija li jippermettu l-konsum) li jmorru lil hinn minn bejgħ sempliċi.

18      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-provvista ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi fil-qasam tal-forniment ta’ ikel ippreparat u ta’ xarbiet, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C-231/94, Ġabra p. I-2395), distinzjoni bejn it-tranżazzjonijiet ta’ restorant u t-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-ikel take-away. Għaldaqstant, it-tranżazzjonijiet ta’ restorant (provvista ta’ servizzi) huma “kkaratterizzati minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti li jvarjaw mit-tisjir tal-ikel sal-għoti materjali tiegħu”, fejn il-provvistà tal-ikel hija biss waħda mill-komponenti u li fihom is-servizzi huma predominanti, filwaqt li fir-rigward tal-ikel take-away (provvista ta’ oġġetti), ħlief għall-provvista tal-ikel, “it-tranżazzjoni ma tkunx akkumpanjata minn servizzi maħsuba sabiex janimaw il-konsum fuq il-post f’kuntest adegwat”.

19      Barra minn dak, il-Bundesfinanzhof ikkunsidrat b’mod stabbilit li dak li huwa determinanti ma hijiex il-portata kwantitattiva tal-elementi tal-provvista tas-servizzi ta’ restorant meta mqabbla mal-elementi marbuta mal-preparazzjoni tal-platti u l-provvista tagħhom, iżda l-fatt li l-provvista tas-servizzi karatteristiċi jkunu kwalitattivament predominanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali. Barra minn dak, evalwazzjoni kwantitattiva timplika problemi ta’ delimitazzjoni insolvibbli minħabba d-diversità kbira tal-fatti, jiġifieri minħabba l-multipliċità u l-kumplessità tal-platti u l-preżentazzjoni tagħhom.

20      Il-proċess tal-preparazzjoni ta’ platti jew ta’ ikliet f’mument preċiż iddeterminat mill-klijenti ġie kkunsidrat mill-Bundesfinanzhof bħala element essenzjali tas-servizz li, marbut ma’ elementi oħra tas-servizz bħal, pereżempju fil-każ inkwistjoni, il-fatt li jiġu pprovduti mwejjed għolja jew mekkaniżmi oħra li jiffaċilitaw il-konsum immedjat, jippermettu li jiġi kkunsidrat li s-servizzi huma kwalitattivament predominanti.

21      Fid-dawl tal-iżviluppi attwali tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-VAT, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk il-preparazzjoni ta’ platti jew ikliet maħsuba għall-konsum immedjat tikkaratterizzax, waħidha, it-tranżazzjoni, b’tali mod li ż-żieda ta’ servizzi oħra tkun irrilevanti.

22      B’mod kuntrarju, jekk il-provvista tal-ikel titqies bħala provvista ta’ servizzi unikament meta jiżdiedu servizzi oħra magħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-konvenut fil-kawża prinċipali pprovda installazzjonijiet supplementari li jippermettu l-konsum fuq il-post. Hija tirrileva madankollu li, fil-każ inkwistjoni, parti mill-klijenti xtraw platti jew ikliet ippreparati sempliċement bil-ħsieb li jieħduhom magħhom, u għaldaqstant ma għamlux użu mill-possibbiltajiet ta’ konsum fuq il-post li ġew offruti lilhom.

23      Finalment, il-qorti tar-rinviju tosserva li, jekk il-platti jew l-ikliet ppreparati maħsuba għall-konsum immedjat ma jikkostitwixxux “affarijiet ta’ l-ikel” fis-sens tal-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri ma għandhomx id-dritt, anki fir-rigward ta’ provvista ta’ oġġetti, li jissuġġettaw dawn il-platti jew ikliet għal rata mnaqqsa tal-VAT.

24      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-bejgħ ta’ ikel jew platti msajra għall-konsum immedjat jikkostitwixxi provvista [ta’ oġġetti] fis-sens tal-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva […]?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi fuq jekk humiex ipprovduti elementi addizzjonali ta’ servizz (il-provvista, għall-użu, ta’ faċilitajiet oħra għall-konsum fuq il-post)?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, it-terminu “affarijiet tal-ikel” fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri biss ikel għat-“take away” meta huwa normalment mibjugħ fi ħwienet tal-merċa, jew huwa jkopri wkoll ikel jew pjatti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat?”

 Il-Kawża C-499/09

25      CinemaxX topera ċinejiet f’postijiet differenti fil-Ġermanja.

26      Fl-intrajjet ta’ dawk iċ-ċinejiet, il-membri tal-pubbliku jistgħu jixtru mhux biss ħelu u xarbiet, iżda wkoll porzjonijiet ta’ pop-corn u ta’ chips “tortilla” (“nachos”) ta’ diversi daqsijiet. Il-postijiet ta’ bejgħ ma humiex maħsuba sabiex iservu bħala bank għall-konsum, iżda huwa possibbli li fl-intrajjet ta’ ċerti ċinejiet ikun hemm numru ta’ mwejjed għoljin, banketti tal-bar u xi drabi anki bankijiet, siġġijiet, imwejjed u spazji mal-ħitan. Madankollu, dawn il-faċilitajiet kollha ma jinsabux fiċ-ċinejiet kollha. F’ċerti swali taċ-ċinema, il-pultruni huma attrezzati bi spazju fejn tista’ titpoġġa tazza.

27      It-tisjir tal-pop-corn jirrikjedi li jitpoġġew f’magna li tagħmel il-pop-corn li fiha jsir it-tisjir, il-proporzjonijiet adegwati ta’ zokkor, qamħirrun, melħ, pop-corn u żejt. Parti mill-produzzjoni tiġi immedjatament merfugħa f’reċipjenti sħan li jinsabu fil-punti ta’ bejgħ. Fuq talba tal-klijent, il-pop-corn jittieħed minn tali reċipjent permezz ta’ paletta żgħira u jitpoġġa f’boroż tal-karti li huma disponibbli f’diversi daqsijiet. Il-kumplament tal-produzzjoni jiġi merfugħ f’boroż jew f’basktijiet kbar, u mbagħad ittrasferit skont il-bżonn, f’dawn ir-reċipjenti sħan. B’mod ġenerali, iċ-chips “tortilla” jiġu ordnati mingħand fornituri f’pakketti ta’ 500 g. Bl-istess mod dawn jitpoġġew f’reċipjenti termiċi fejn jinżammu f’temperatura moderata. Jiġu offerti diversi zlazi (“dips”) li jmorru magħhom. Dawn jittpoġġew f’reċipjenti u jkunu lesti sabiex jiġu servuti. Dawn iz-zlazi jiġu msaħħna mill-ġdid u huma servuti f’porzjonijiet.

28      Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha dwar ix-xhar ta’ Ġunju 2005, CinemaxX ddikjarat id-dħul mill-bejgħ relatat mal-bejgħ tal-pop-corn u taċ-chips “tortilla” bħala li huwa suġġett għal rata mnaqqsa tal-VAT. L-awtoritajiet tat-taxxa kkontestaw din id-dikjarazzjoni u adottaw deċiżjoni li permezz tagħha dawk it-tranżazzjonijiet ġew suġġetti għar-rata normali.

29      L-ilment imressaq minn CinemaxX quddiem l-awtorità tat-taxxa kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud bl-istess mod bħall-azzjoni tagħha ppreżentata quddiem il-Finanzgericht kompetenti. Din tal-aħħar ikkunsidrat li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati ma kinux jikkonsistu fi provvista ta’ oġġetti, iżda f’“servizzi oħra” fis-sens tal-Artikolu 3(9)tal-UStG, peress li CinemaxX ma pprovdietx ikel għat-take-away iżda platti maħsuba sabiex jiġu kkonsmati immedjatament.

30      CinemaxX ippreżentat appell għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tagħha hija ssostni li, fir-rigward tal-provvista ta’ platti jew ta’ ikliet, tranżazzjoni ta’ restorant suġġetta għar-rata normali tal-VAT teżisti biss meta l-element tal-provvista ta’ servizzi jkun predominanti. Għalhekk dan ma jgħoddx għaż-żamma tat-temperatura moderata tal-pop-corn u taċ-chips “tortilla” peress li dan huwa sempliċement il-metodu xieraq sabiex jiġi kkonservat dan l-ikel u/jew sabiex jiġi żgurat li l-prodott jinbiegħ f’temperatura ottimali. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ boroż tat-take-away ma jħalli l-ebda konsegwenza negattiva, peress li dik il-konstatazzjoni ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta’ provvista ta’ servizzi u fil-kuntest xieraq għal konusum fuq il-post. Barra minn dan, it-tindif tas-swali taċ-ċinema ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li jkun sfavorevoli għal CinemaxX. L-imwejjed għoljin, il-banketti tal-bar u faċilitajiet oħra ma humiex maħsuba għall-konsum tal-pop-corn jew taċ-chips “tortilla” peress li l-maġġoranza tal-persuni li jixtru dan l-ikel f’ċinema jikkonsmawh fis-swali taċ-ċinema, u mhux fl-intrata. Barra minn dan, it-tranżazzjonijiet imwettqa minn CinemaxX ma humiex differenti minn dawn imwettqa f’supermarkets jew kjosks fir-rigward tal-bejgħ tal-ikel. Għall-pubbliku medju li jiffrekwenta ċ-ċinema, dan it-tip ta’ bejgħ sempliċement jikkompleta attendenza fiċ-ċinema. CinemaxX ma tipprovdi l-ebda forniment tal-ikel bħal ma huwa s-servizz fis-sala.

31      Wara kunsiderazzjonijiet identiċi għal dawk esposti fil-punti 18 sa 23 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-kawża C-497/09, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-bejgħ ta’ ikel jew platti msajra għall-konsum immedjat jikkostitwixxi provvista [ta’ oġġetti] fis-sens tal-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva […]?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tippendendi fuq jekk humiex ipprovduti elementi addizzjonali ta’ servizz (il-provvista, għall-użu, ta’ mwejjed, siġġijiet u faċilitajiet oħra għall-konsum, l-esperjenza ta’ żjara fiċ-ċinema)?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, it-terminu “affarijiet tal-ikel” fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri biss ikel għat-“take away” meta huwa normalment mibjugħ fi ħwienet tal-merċa, jew huwa jkopri wkoll ikel jew platti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat?”

 Il-Kawża C-501/09

32      L. Lohmeyer kien jopera mis-sena tal-1996 sas-sena tal-1999 diversi stands tal-ikel kif ukoll grill. Minnhom kien ibigħ ikel lest għall-konsum (zalzett mixwi, zalzett bil-curry, hot-dogs, chips, laħam, sidrat, kebabs, kustilji, eċċ.). Huwa ddikjara li d-dħul mill-bejgħ kollu tiegħu kien relatat mal-bejgħ ta’ tali ikel li huwa ddikjara bħala suġġett għat-taxxa mnaqqsa tal-VAT.

33      L-awtorità tat-taxxa madankollu kkonstatat li dawn l-istands kienu mgħammra b’bankijiet u kkunsidrat li kienu installazzjonijiet partikolari maħsuba għall-konsum tal-ikel fuq il-post, b’tali mod li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati kellhom fil-prinċipju jkunu suġġetti għar-rata normali tal-VAT. Peress li hija ma eskludietx li parti mill-klijenti ma kinux jużaw dawn il-bankijiet sabiex jikkonsmaw, iżda kienu jixtru l-ikel bħala take-away, l-imsemmija awtorità qieset li l-parti tat-tranżazzjonijiet suġġetti għar-rata normali tal-VAT kienet ta’ 80 % tat-tranżazzjonijiet kollha.

34      Konsegwentement, fit-28 ta’ Mejju 2002, hija ħarġet avviż tat-taxxa emendat għas-snin 1996 sal-1999. L-ilment u l-azzjoni ippreżentati minn L. Lohmeyer kontra dan tal-aħħar ġew miċħuda.

35      Dan tal-aħħar ippreżenta appell għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju li fih essenzjalment sostna li bank installat fi stand tal-ikel ma jikkostitwixxix infrastruttura fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36      Filwaqt li rreferiet għas-sentenza Faaborg-Gelting Linien, iċċitata iktar ’il fuq, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet fis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008 li l-proċess tal-preparazzjoni ta’ platti u ta’ ikliet f’mument determinat mill-klijent jikkostitwixxi element essenzjali tal-provvista ta’ servizz. Madankollu, fid-dawl tal-kritika fformulata kontra din il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma hemmx biżżejjed ċertezza li l-preparazzjoni ta’ platt f’mument determinat titqies bħala element essenzjali li, kemm jekk ikkunsidrat waħdu, u kemm b’konnessjoni ma’ servizz addizzjonali mhux negliġibbli fil-mument tal-għoti lill-klijent, jippermetti li jiġi kkunsidrat b’mod ġenerali bħala provvista ta’ servizzi.

37      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel”, li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jkopri biss affarijiet tal-ikel ‘għal take-away’, bħall-ikel li normalment jinbiegħ fi kjosks tal-ikel, jew fis-sens li jkopri wkoll ikel, jew platti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat?

2)      Jekk il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-ikel, jew platti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat[,] l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri anki l-provvista ta’ ikel, jew ta’ platti ta’ ikel, ippreparat reċentement, li l-akkwirent ma jixtrix bl-iskop ta’ take-away iżda jikkonsmah fil-post filwaqt li juża l-attrezzaturi għal dan il-għan, bħal, pereżempju, xkafef, imwejjed żgħar jew strutturi simili?”

 Il-Kawża C-502/09

38      Fleischerei Nier hija soċjetà in akkomandita li topera ħanut tal-laħam u li teżerċita attivita’ ta’ forniment tal-ikel fid-djar. Fil-kuntest ta’ din l-attività, l-ikel ordnat jiġi fornut minnha f’reċipjenti sħan magħluqa, filwaqt li jistgħu jiġu offruti reċipjenti, pożati, imwejjed għoljin kif ukoll persunal, skont ix-xewqat tal-klijenti.

39      Fl-irċevuti tagħha, Fleischerei Nier applikat ir-rati normali tal-VAT fir-rigward tal-prezzijiet relatati mas-servizzi ta’ reċipjenti, pożati, imwejjed għoljin u persunal, u r-rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-prezzijiet relatat mal-provvista tal-platti.

40      L-awtorità tat-taxxa madankollu kkunsidrat li l-provvista ta’ ikel kellha bl-istess mod tkun suġġetta għar-rata normali tal-VAT sa fejn dawn kienu marbuta mas-servizz ta’ reċipjenti, pożati, imwejjed għoljin jew persunal u konsegwentement ħarġet avviż ta’ rettifika tat-taxxa.

41      Fil-kuntest tal-proċedura tal-ilment, il-partijiet qablu li d-dħul relattiv għall-provvista tal-ikel kellu jkun suġġett għar-rata normali tal-VAT fil-każ li Fleischerei Nier kienet offriet il-persunal. L-ilment u l-azzjoni kontra l-avviż ta’ rettifika ġew miċħuda.

42      Fil-kuntest tal-appel għal “Reviżjoni” li hija ppreżentat, din tal-aħħar essenzjalment issostni li s-servizz tar-reċipjenti u tal-pożati huwa servizz aċċessorju għall-provvista tal-ikel li ma jiġġustifikax li t-tranżazzjoni kollha tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ servizz. Ħafna drabi, fir-rigward tas-servizzi tal-forniment tal-ikel, il-klijent ikun jixtieq li l-mistednin jiġu servuti fid-dar, b’tali mod li din it-tip ta’ tranżazzjoni ma hijiex simili għal tranżazzjoni ta’ restorant.

43      Il-Bundesfinanzhof, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Faaborg-Gelting Linien, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li s-servizzi ta’ impriża tal-catering jikkostitwixxu servizz uniku meta, minbarra l-provvista ta’ ikel ippreparat jiġu fornuti servizzi ta’ reċipjenti u ta’ pożati li wara jitnaddfu, u li l-proċess tal-preparazzjoni tal-platti u tal-ikliet f’mument determinat minn kull klijent jikkostitwixxi element essenzjali ta’ provvista ta’ servizz. Madankollu, fid-dawl tal-argumenti ta’ Fleischerei Nier u l-kritiki espressi mid-duttrina, din il-qorti tikkunsidra li ma għadhiex teżisti ċertezza suffiċjenti li tippermetti li jiġi kkonfermat li l-imsemmija ġurisprudenza tikkonforma mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni.

44      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li fornitur tal-ikel jipprovdi servizz uniku lill-klijenti tiegħu, u mhux diversi servizzi prinċipali awtonomi, u dan indipendentement minn jekk il-klijent, minbarra l-forniment tal-ikel, jirrikorrix jew le għal wieħed jew iktar mis-servizzi addizzjonali proposti b’mod fakultattiv, bħas-servizz tal-pożati, tar-reċipjenti, tal-imwejjed għoljin jew tal-persunal.

45      Skont il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fil-klassifikazzjoni tas-servizz uniku ta’ fornitur tal-ikel, li l-proċess tal-preparazzjoni tal-platti li joriġinaw minn prodotti tal-ikel differenti jitqies bħala element ta’ provvista ta’ servizz.

46      Il-qorti tar-rinviju tqis li għandhom jiġu stabbiliti kriterji utilizzabbli fil-prattika sabiex jinkisbu riżultati prevedibbli waqt il-klassifikazzjoni ta’ dawk is-servizzi u tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi kollha kkonċernati. Skont din tal-aħħar, ma hemm l-ebda dubju li s-servizz uniku għandu dejjem jiġi kklassifikat bħala provvista ta’ servizz meta jiġu offruti wejters, filwaqt li s-servizzi l-oħra involuti fil-kwistjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala karatteristiċi jew dominanti meta t-total tal-ispiża effettiva għalihom ikun inqas mill-ispiża effettiva marbuta mal-platti lesti sabiex jiġu servuti.

47      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu jekk dan l-approċċ huwiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tirrileva li, skont is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt 28), fil-mument meta jiġu stabbiliti l-elementi dominanti ta’ servizz kumpless jistgħu jkunu rilevanti l-ispejjeż esposti, iżda li, skont is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 37), meta tiġi kklassifikata tranżazzjoni kumplessa, l-ispejjeż ma għandhomx, waħidhom, jingħataw importanza sinjifikattiva.

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel”, li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva […] għandu jinftiehem fis-sens li jkopri biss affarijiet tal-ikel ‘għal take-away’, bħall-ikel li normalment jinbiegħ fi kjosks tal-ikel, jew fis-sens li jkopri wkoll ikel, jew platti li tħejjew billi ġew mgħollija, mixwija, il-forn jew b’xi mod ieħor għall-konsum immedjat?

2)      Jekk il-kunċett ta’ ‘affarijiet ta’ l-ikel’ li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li jkorpi anki l-ikel u l-platti mħejjija għall-konsum immedjat[,] il-proċess ta’ tħejjija ta’ ikel u platti tal-ikel għandu jiġi kkunsidrat bħala element li għandu n-natura ta’ provvista ta’ servizzi f’kuntest fejn ikollu jiġi deċiż jekk il-provvista ta’ servizz uniku minn impriża li toffri servizzi ta’ catering (li tipprovdi u tittrasporta ikel jew platti tal-ikel lesti għall-konsum u, eventwalment, tqiegħed għad-dispożizzjoni pożati, platti u/jew imwejjed biex wieħed jiekol bil-wiefqa, u anki tiġborhom lura) għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ affarijiet tal-ikel li tista’ tkun suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT (Kategorija 1 tal-Anness H tad-direttiva msemmija) jew jekk għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi li mhijiex intitolata li tkun suġġetta għal rata mnaqqsa (Artikolu 6(1) tad-direttiva msemmija)?

3)      Fil-każ li tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda[,] huwa kompatibbli mal-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva li, fil-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ servizz uniku minn impriża li toffri servizzi ta’ catering bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi sui generis, isir riferiment biss għan-numru tal-elementi li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ servizzi (tnejn jew iktar) fil-konfront ta’ dawk li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ oġġetti jew, irrispettivament min-numru tagħhom, għandha tingħata iktar importanza lill-elementi li jkollhom in-natura ta’ provvista ta’ servizzi u, jekk dan ikun il-każ, skont liema kriterji?”

49      Permezz ta’ digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Frar 2010, il-Kawżi C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza, għal raġunijiet ta’ konnessjoni tal-kawżi, skont l-Artikolu 43 ta-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq id-domandi preliminari

50      Permezz tal-ewwel żewġ domandi fil-Kawżi C-497/09 u C-499/09, it-tieni domanda fil-Kawża C-501/09 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C-502/09, li hemm lok li jiġu ttrattati b’mod konġunt, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar jekk id-diversi attivitajiet ta’ provvista ta’ platti jew ta’ ikliet ippreparati għal-konsum immedjat inkwistjoni fl-erba’ kawżi prinċipali jikkostitwixxux provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva jew provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u dwar l-effett li l-elementi addizzjonali ta’ provvista ta’ servizz jista’ jkollhom f’dan ir-rigward.

 Osservazzjonijiet preliminari

51      Preliminarjament, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk, mill-perspettiva tal-VAT, id-diversi attivitajiet inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali għandhomx jiġu ttrattati bħala tranżazzjonijiet distinti taxxabbli b’mod separat jew bħala tranżazzjonijiet kumplessi uniċi komposti minn diversi elementi.

52      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk humiex involuti żewġ servizzi distinti jew iktar jew jekk huwiex involut servizz uniku u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan l-aħħar każ, dan is-servizz uniku għandux jiġi kkunsidrat bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 19, kif ukoll Aktiebolaget NN, punt 21).

53      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minn naħa, mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti u li min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni kkostitwita minn servizz uniku mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. Hemm lok li jiġi kkunsidrat li teżisti provvista unika meta żewġ elementi jew iktar, jew atti pprovduti minn persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant konnessi mill-qrib li oġġettivament jifformaw provvista ekonomika waħda indiviżibbli u li jkun artifiċjali li din tinqasam (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levob Verzekeringen u OV Bank, punti 20 u 22, kif ukoll Aktiebolaget NN, punti 22 u 23).

54      Barra minn dan, ikun hemm servizz uniku meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali, filwaqt li, bil-kontra, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala servizz jew servizzi anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għas-servizz prinċipali. B’mod partikolari, servizz għandu jitqies bħala aċċessorju u mhux prinċipali jekk għall-klijenti ma jikkostitwixxix għan fih innifsu iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali pprovdut (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 30; Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tal-11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property, C-572/07, Ġabra p. I-4983, punt 18, u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere (li kienet T-Mobile UK), C-276/09, Ġabra p. I-0000, punti 24 u 25).

55      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk dan huwiex il-każ fil-kawża partikolari u li jressqu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dak ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’ il fuq CPP, punt 32, kif ukoll Levob Verzekeringen et OV Bank, punt 23).

56      F’dan il-każ, fil-kawżi prinċipali kollha, teżisti konglomerazzjoni li tikkonsisti fil-provvista ta’ oġġett wieħed jew iktar u l-forniment ta’ diversi elementi ta’ provvista ta’ servizzi, u l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dik il-provvista u dak il-forniment jifformaw tranżazzjoni unika fir-rigward tal-VAT. La mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li dik il-klassifikazzjoni ma ġietx imwettqa skont il-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

57      Fir-rigward tas-servizzi li jidħlu fil-kuntest ta’ attività ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali C-502/09, huwa b’mod partikolari rilevanti li l-eżistenża ta’ tranżazzjoni unika hija indipendenti miċ-ċirkustanza li l-fornitur tal-ikel kien joħroġ irċevuta waħda li tinkludi l-elementi kollha jew, b’mod kuntrarju, kien joħroġ irċevuta separata għall-provvista tal-ikel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 31; Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 25, kif ukoll Everything Everywhere, punt 29).

 Fuq il-klassifikazzjoni bħala provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi

58      Għandu jitfakkar li s-Sitt Direttiva tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (ara, b’mod partikolari s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 48).

59      Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “provvisti ta’ oġġetti”, l-Artikolu 5(1) tas-Sitt Direttiva jiddisponi li hu kkunsidrat bħala tali t-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li dan il-kunċett jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha ta’ trasferiment ta’ oġġett tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra sabiex fil-fatt tiddisponi minn dan l-oġġett bħallikieku hi kienet il-proprjetarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

60      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva li dan ikopri t-tranżazzjonijiet kollha li ma jikkostitwixxux provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 5 tal-istess direttiva.

61      Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk servizz kumpless uniku, bħal dawk inkwistjoni fid-diversi kawżi prinċipali, għandux jiġi kklasifikat bħala “provvista ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni sabiex jinstabu l-elementi karatteristiċi u jiġu identifikati l-elementi predominanti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Faaborg-Gelting Linien, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12 u 14; Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; Aktiebolaget NN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll tal-11 ta’ Frar 2010, Graphic Procédé, C-88/09, Ġabra p. I-1049, punt 24).

62      Hemm lok li jiġi ppreċiżat ukoll li l-element predominanti għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-perspettiva tal-konsumatur medju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levob Verzekeringen BV punt 22, kif ukoll Everything Everywhere punt 26) u b’kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġenerali, għall-portata kwalitattiva, u mhux biss kwantitattiva, tal-elementi ta’ provvista ta’ servizzi meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt provvista ta’ oġġetti.

63      Jeħtieġ li jitfakkar f’dan ir-rigward li, meta l-bejgħ ta’ oġġett ikun dejjem akkumpanjat minn provvista ta’ servizzi minima, bħall-preżentazzjoni tal-prodotti fi xkafef jew il-ħruġ ta’ fattura, huma biss is-servizz distinti ta’ dawk li neċessarjament jakkumpanjaw il-bejgħ ta’ oġġett li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat is-sehem li għandha l-provvista ta’ servizzi fit-tranżazzjoni kumplessa kollha li tinkludi wkoll il-provvista ta’ oġġetti (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Hermann, C-491/03, Ġabra p. I-2025, punt 22).

64      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 14 tas-sentenza Faaborg-Gelting, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod iktar partikolari li t-tranżazzjoni ta’ restorant hija kkaratterizzata minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti fejn il-provvistà tal-ikel hija biss waħda mill-komponenti u li fihom is-servizzi huma predominanti. Konsegwentement hija għandha tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva. B’mod kuntrarju dan ma jkunx japplika meta t-tranżazzjoni tkun tirrigwarda ikel take-away u meta din ma tkunx akkumpanjata minn servizzi maħsuba sabiex janimaw il-konsum fuq il-post f’kuntest adegwat.

65      Għaldaqstant, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ restorant mwettqa fuq dgħajjes tal-passiġġieri, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-provvista ta’ ikel ippreparat u ta’ xarbiet għall-konsum immedjat hija r-riżultat ta’ serje ta’ servizzi li jvarjaw mit-tisjir tal-ikel sal-għoti materjali tiegħu fuq mejda u li din tkun akkumpanjata mill-provvista favur il-klijent ta’ sala ta’ restorant bil-faċilitajiet (kamra tal-ilbies, eċċ.) kif ukoll l-għamara u r-reċipjenti. Fejn ikun xieraq jiġu pprovduti persuni fiżiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fit-twettiq ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ restorant sabiex jarmaw l-imwejjed, jagħtu parir lill-klijent u jagħtuh spjegazzjonijiet dwar l-ikel u x-xarbiet proposti, iservu dawk il-prodotti fuq il-mejda u, finalment, jiżbarazzaw l-imwejjed wara l-konsum (sentenza Faaborg-Gelting Linien, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

66      F’dan il-każ, skont l-elementi fornuti mill-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali C-497/09 u C-501/09 jirrigwardaw il-bejgħ, minn vetturi jew minn stands tal-ikel, ta’ zalzett, chips u ikel ieħor lest sabiex jiġi kkonsmat sħun immedjatament.

67      Hemm lok li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, qabel kollox, li l-provvista ta’ tali prodotti tippresupponi t-tisjir jew it-tisħin tagħhom, li jikkostitwixxi servizz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tat-tranżazzjoni inkwistjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi.

68      Issa, peress illi l-preparazzjoni tal-prodott finali sħun hija limitata, essenzjalment, għall-azzjonijiet fil-qosor u standardizzati, u li, ġeneralment, isiru mhux fuq ordni tal-klijent, iżda b’mod kostanti jew regolari skont it-talba prevedibbli b’mod ġenerali, hija ma tikkostitwixxix l-element predominanti tat-tranżazzjoni inkwistjoni u ma tistax waħidha tagħti lil dik it-tranżazzjoni n-natura ta’ provvista ta’ servizzi.

69      Barra minn dan, fir-rigward tal-elementi ta’ provvista ta’ servizzi karatteristiċi ta’ tranżazzjonijiet ta’ restorant, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-attivitajiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali C-497/09 u C-501/09, la hemm wejter, la pariri lill-klijenti, la servizz fil-veru sens tal-kelma, li jikkonsisti b’mod partikolari fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet lill-kċina, fil-preżentazzjoni ulterjuri ta’ platti u fl-għoti tagħhom fuq il-mejda lill-klijenti, la postijiet magħluqa u kklimatizzati maħsuba għall-konsum tal-ikel fornut, la post fejn wieħed iħalli xi ħwejjeġ, la latrina u, essenzjalment, lanqas reċipjenti, għamara u pożati attrezzati.

70      Fil-fatt, l-elementi ta’ provvista ta’ servizzi msemmija mill-qorti tar-rinviju jikkonsistu biss fl-eżistenza ta’ installazzjonijiet bażiċi, jiġifieri bankijiet sempliċi għall-konsum, mingħajr ebda possibbiltà li wieħed ipoġġi bilqiegħda, li jippermettu l-konsum fuq il-post fil-miftuħ minn numru limitat ta’ klijenti. Tali installazzjonijiet bażiċi jippresupponu biss intervent uman negliġibbli. F’dawk il-kundizzjonijiet, l-imsemmija elementi jikkostitwixxu biss servizzi aċċessorji minimi u ma humiex ta’ natura li jimmodifikaw il-karattru predominanti tas-servizz prinċipali, jiġifieri dak ta’ provvista ta’ oġġetti.

71      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jgħoddu, bl-istess mod, għall-attivitajiet ta’ bejgħ ta’ pop-corn u ta’ chips “tortilla” fl-intrajjet ta’ ċinema bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża prinċipali C-499/09.

72      Kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-fatti fornuti mill-qorti tar-rinviju, il-preparazzjoni tal-pop-corn, li tikkoinċidi mal-produzzjoni tiegħu, u d-distribuzzjoni tiegħu kif ukoll ta’ chips “tortilla” f’imballaġġ jifformaw parti integrali mill-bejgħ ta’ dawk il-prodotti u għaldaqstant ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet indipendenti ta’ dan. Barra minn dan, kemm il-preparazzjoni kif ukoll iż-żamma tal-ikel f’ċerta temperatura jsiru b’mod regolari, u mhux skont it-talba ta’ klijent partikolari.

73      Hemm lok ukoll li jiġi osservat li l-provvista ta’ għamara (imwejjed għoljin, banketti, siġġijiet u bankijiet), minbarra li ma jeżistux fiċ-ċinejiet kollha, hija, bħala regola ġenerali, indipendenti mill-bejgħ tal-pop-corn u ta’ chips “tortillas”, u li l-postijiet mgħammra b’din l-għamara huma bħala tali maħsuba sabiex iservu bħala kamra għall-istennija jew bħala post fejn jiltaqgħu n-nies. Barra minn dan, il-konsum isir, fil-prattika, fis-swali taċ-ċinema. Għal dan l-effett, is-siġġijiet ta’ ċerti swali huma attrezzati bi spazju fejn tista’ titpoġġa tazza, li għandhom ukoll l-għan li jiżguraw l-indafa fis-sala ta’ dawn tal-aħħar. Is-sempliċi preżenza ta’ dik l-għamara maħsuba, mhux b’mod esklużiv, sabiex tiffaċilita possibilment il-konsum ta’ tali ikel, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element ta’ provvista ta’ servizzi ta’ natura li tagħti lit-tranżazzjoni fit-totalità tagħha l-kwalità ta’ provvista ta’ servizzi.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-Kawżi prinċipali C-497/09, C-499/09 u C-501/09, peress li l-element predominanti tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, b’kunsiderazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fit-totalità tagħhom, huwa magħmul mill-provvista ta’ platti jew ta’ ikel ippreparati għall-konsum immedjat, il-preparazzjoni ta’ malajr u standardizzata tagħhom, li hija intrinsikament marbuta ma’ dawn tal-aħħar u l-provvista ta’ installazzjonijiet bażiċi li jippermettu li numru limitat ta’ klijenti jikkonsmaw fuq il-post jixhdu biss natura purament aċċessorja u minuri. Iċ-ċirkustanza dwar jekk il-klijenti jużawx jew le l-imsemmija installazzjonijiet bażiċi ma hijiex rilevanti, peress li fid-dawl tal-fatt li l-konsum immedjat fuq il-post ma jikkostitwixxix karatteristika essenzjali tat-tranżazzjoni kkonċernata, din ma tistax tiddetermina n-natura tagħha.

75      Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ caterer fil-kuntest ta’ festini u ċeremonji bħal dawk inkwistjoni fil-Kawża prinċipali C-502/09, hemm lok li jiġi enfasizzat, qabel kollox, li, kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, huma prevedibbli diversi possibbiltajiet ta’ tranżazzjonijiet skont ix-xewqat tal-klijenti, li jvarjaw mis-sempliċi preparazzjoni u provvista ta’ platti sas-servizz komplut li jinkludi, barra minn dan, il-provvista ta’ reċipjenti, għamara (imwejjed u siġġijiet), il-preżentazzjoni tal-ikel, id-dekorazzjoni, il-provvista ta’ persunal inkarigat mis-servizz u l-pariri sal-istabbiliment tal-menu u, fejn ikun xieraq, l-għażla tax-xarbiet.

76      Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li, peress li dan huwa servizz uniku, il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni bħala provvista ta’ oġġetti jew bħala provvista ta’ servizzi tiddependi mit-totalità ta’ ċirkustanzi ta’ fatt, meta jiġu kkunsidrati l-elementi kwalitattivament predominanti mill-perspettiva tal-konsumatur.

77      Fir-rigward tal-ikel fornut minn fornitur tal-ikel, hemm lok li jiġi rrilevat li, b’mod differenti minn dawk mibjugħa minn stands, minn vetturi li joffru l-ikel u f’ċinejiet, dawn ma humiex, ġeneralment, ir-riżultat ta’ sempliċi preparazzjoni standardizzata, iżda jinkludu dimensjoni notevolment ikbar ta’ provvista ta’ servizzi u jirrikjedu xogħol u sengħa superjuri. Il-kwalità tal-ikel, il-kreattività kif ukoll il-preżentazzjoni huma, f’dan il-każ, elementi li, ħafna drabi, huma ta’ importanza determinanti għall-klijent. Hafna drabi, il-klijent jiġi offrut mhux biss il-possibbiltà li jistabbilixxi l-menu tiegħu, iżda anki li jordna platti individwali li jsiru skont it-talba tiegħu. Dik id-dimensjoni tas-servizz għandha barra minn dan traduzzjoni fuq il-livell terminoloġiku, peress li, fid-diskors komuni, isir riferiment għal “servizz ta’ fornitur tal-ikel” kif ukoll għal ikel “ordnat”, iktar milli “mixtri”, mingħand fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar.

78      Sussegwentement l-ikel jiġi kkunsinnat minn dan tal-aħħar f’reċipjenti sħan magħluqa jew imsaħħna fuq il-post minn din il-persuna. Huwa daqstant ieħor essenzjali għall-klijent li din il-kunsinna tal-ikel sseħħ f’ħin preċiż iffissat minnu.

79      Barra minn dan, is-servizzi ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jistgħu jinkludu elementi li jippermettu l-konsum, bħall-forniment tar-reċipjenti, tal-pożati, u anki tal-għamara. Dawk l-elementi, b’mod differenti mis-sempliċi provvista ta’ infrastruttura bażika f’każ ta’ stands jew ta’ vetturi li joffru l-ikel u ta’ ċinejiet, jippresupponi barra minn dan, ċertu intervent uman sabiex il-materjal jitwassal, jittieħed lura u fejn ikun il-każ, jitnaddaf.

80      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, ħlief fil-każ fejn il-fornitur tal-ikel jintrabat li jforni ikel standardizzat mingħajr ebda element ieħor ta’ servizz addizzjonali jew meta ċirkustanzi partikolari oħra juru li l-provvista tal-ikel tirrappreżenta l-element predominanti tat-tranżazzjoni, l-attivitajiet ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi.

81      Minn dak li ntqal jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi fil-Kawżi C-497/09 u C-499/09, għat-tieni domanda fil-Kawża C-501/09 u għat-tieni u t-tielet domanda fil-kawża C-502/09 li l-Artikoli 5 u 6 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        il-forniment ta’ platti jew ta’ ikel reċentement ippreparati lesti għall-konsum immedjat minn stands jew minn vetturi li joffru l-ikel jew f’intrajjet taċ-ċinema jikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5 meta eżami kwalitattiv tat-tranżazzjoni kollha jiżvela li l-elementi tal-provvista ta’ servizz li jippreċedu u jakkumpanjaw il-provvista tal-ikel ma jkunux predominanti;

–        ħlief fil-każ fejn fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jintrabat li jforni platti standardizzati mingħajr ebda element ieħor ta’ provvista ta’ servizzi addizzjonali jew meta ċirkustanzi partikolari oħra juru li l-provvista tal-platti tirrappreżenta l-element predominanti tat-tranżazzjoni, l-attivitajiet ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6.

 Fuq il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H, tas-Sitt Direttiva

82      Permezz tat-tielet domanda fil-Kawżi C-497/09 u C-499/09 kif ukoll permezz tal-ewwel domanda fil-Kawżi C-501/09 u C-502/09, li hemm lok li jiġu ttrattati konġuntament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi fejn it-tranżazzjonijiet inkwistjoni fid-diversi kawżi prinċipali jikkostitwixxu provvisti ta’ oġġetti, jekk il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva jkoprix ukoll l-ikel jew l-ikliet ippreparati bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament.

83      Fin-nuqqas, fis-Sitt Direttiva, ta’ definizzjoni ta’ dak il-kunċett ta’ affarijiet tal-ikel, jeħtieġ li dan jiġi interpretat fid-dawl tal-kuntest li fih huwa jinsab fi ħdan is-Sitt Direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 17, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Erotic Center, C-3/09, Ġabra p. I-2361, punt 14).

84      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ rata jew żewġ rati mnaqqsa ta’ VAT hija possibbiltà rrikonoxxuta lill-Istati Membri b’deroga għall-prinċipju li jgħid li hija applikabbli r-rata normali. Barra minn dak, skont dik id-dispożizzjoni, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi previsti fl-Anness H ta’ dik id-direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 18, u Erotic Center, punt 15). Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tal-VAT, id-dispożizzjonijiet li għandhom natura ta’ deroga minn prinċipju għandhom jiġu interpretati b’mod strett, sabiex jiġi żgurat li d-deroga ma tiġix mċaħħda mill-effett utli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2010, EMI Group, C-581/08, Ġabra p. I-8607, punt 20, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, Axa UK, C-175/09, Ġabra p. I-0000, punt 25).

85      Jeħtieġ li jiġi osservat f’dan ir-rigward li d-dispożizzjoni kkonċernata ssemmi l-affarijiet tal-ikel b’mod ġenerali u ma tagħmel l-ebda distinzjoni jew restrizzjoni bbażata fuq it-tip ta’ kummerċ, fuq il-mod tal-bejgħ, fuq l-imballaġġ, fuq il-preparazzjoni jew fuq it-temperatura.

86      Barra minn dak, l-imsemmija dispożizzjoni ssemmi wkoll l-“ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel” kif ukoll il-“prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-affarijiet ta’ l-ikel”.

87      Finalment, platti u ikliet ippreparati bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament jservu bħala ikel għall-konsumaturi.

88      Għaldaqstant jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula fil-Kawżi C-497/09 u C-499/09 kif ukoll għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C-501/09 u C-502/09 li, f’każ ta’ provvista ta’ oġġetti, il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri ukoll l-platti u l-ikliet li ġew imsajra, mixwija, moqlija jew ippreparati b’mod ieħor bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 5 u 6 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE tal-14 ta’ Diċembru 1992, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        il-forniment ta’ platti jew ta’ ikel reċentement ippreparati lesti għall-konsum immedjat minn stands jew minn vetturi li joffru l-ikel jew f’intrajjet taċ-ċinema tikkostitwixxi provvista ta’ oġġetti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5 meta eżami kwalitattiv tat-tranżazzjoni kollha jiżvela li l-elementi tal-provvista ta’ servizz li jippreċedu u jakkumpanjaw il-provvista tal-ikel ma jkunux predominanti;

–        ħlief fil-każ fejn fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jintrabat li jforni platti standardizzati mingħajr ebda element ieħor ta’ provvista ta’ servizzi addizzjonali jew meta ċirkustanzi partikolari oħra juru li l-provvista tal-platti tirrappreżenta l-element predominanti tat-tranżazzjoni, l-attivitajiet ta’ fornitur tal-ikel li jikkunsinna fid-djar jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 6.

2)      Fil-każ ta’ provvista ta’ oġġetti, il-kunċett ta’ “affarijiet ta’ l-ikel” li jinsab fil-Kategorija 1 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 92/111, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jkopri wkoll l-platti u l-ikliet li ġew imsajra, mixwija, moqlija jew ippreparati b’mod ieħor bil-ħsieb li jiġu kkonsmati immedjatament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.