Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-530/09

Inter-Mark Group sp. z o.o. sp. komandytowa

vs

Minister Finansów

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu)

“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 52(a) u 56(1)(b) u (g) — Post minn fejn isiru tranżazzjonijiet taxxabbli — Post ta’ tassazzjoni — Iddisinjar, kiri u armar ta’ stands tal-fieri”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ servizzi — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni — Iddisinjar, provvista temporanja u eventwalment trasport u armar ta’ stand tal-fiera jew tal-wirja

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 52(a) u 56(1)(b) u (g))

Id-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-iddisinjar, fil-provvista temporanja u, jekk ikun il-każ, f’li jiġi ttrasportat u armat stand tal-fiera jew tal-wirja għall-klijenti li jippreżentaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fil-fieri u fil-wirjiet tista’ taqa’:

– taħt l-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva meta dan l-istand huwa ddisinjat jew użat għal finijiet pubbliċitarji;

– taħt l-Artikolu 52(a) tal-imsemmija direttiva meta l-imsemmi stand huwa ddisinjat u pprovdut għal fiera jew wirja speċifika b’tema kulturali, artistika, sportiva, xjentifika, edukattiva, ta’ divertiment jew simili, jew li tikkorrispondi għal mudell fejn l-organizzatur ta’ fiera jew ta’ wirja speċifika stabbilixxa l-forma, id-daqs, il-kompożizzjoni materjali jew l-aspett viżiv;

– taħt l-Artikolu 56(1)(g) tal-istess direttiva meta l-provvista ta’ servizzi temporanji, għal remunerazzjoni, tal-elementi materjali li jiffurmaw l-istess stand jammontaw għall-element li jiddetermina l-imsemmi servizz.

Sabiex tiġi kklassifikata bħala provvista ta’ reklam, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 56(1)(b) huwa suffiċjenti li dan l-istand ikun użat għat-trażmissjoni ta’ messaġġ destinat sabiex jinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza jew il-kwalitajiet tal-prodott jew tas-servizz propost mill-kerrej sabiex jiżdied il-bejgħ jew li jifforma parti inseparabbli minn kampanja pubbliċitarja u twassal għat-trażmissjoni tal-messaġġ pubbliċitarju. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-imsemmi stand jikkostitwixxi għajnuna għat-trażmissjoni ta’ messaġġ li jinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza jew il-kwalità tal-prodotti jew huwa użat għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti promozzjonali.

Min-naħa l-oħra, meta l-istand inkwistjoni ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, sabiex l-imsemmi servizz ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala anċillari fis-sens tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 huwa importanti li l-imsemmi stand ikun fornut għal fiera jew wirja li sseħħ, kemm jekk isseħħ darba jew ripetutament, f’post stabbilit. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud iseħħ fejn il-provvista tkun materjalment eżegwita, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-provvista ta’ stand li jintuża f’bosta fieri jew wirjiet li jseħħu f’bosta Stati Membri tkun f’riskju li tkun eċċessivament kumplessa u b’hekk taffettwa l-ġbir affidabbli u korrett tal-imsemmija taxxa.

Fl-aħħar nett, fis-sitwazzjoni fejn il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni ma taqax la taħt l-Artikolu 56(1)(b) u lanqas taħt l-Artikolu 52(a) hija tista’ tiġi kklassifikata bħala kiri ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(g) fl-imsemmija kundizzjonijiet u b’mod partikolari meta l-istand inkwistjoni hija użata f’bosta fieri jew wirjiet li jseħħu f’bosta Stati Membri.

Huma l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi kompetenti sabiex jevalwaw il-fatti, li għandhom jiddeterminaw, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji għal kull każ, il-karatteristiċi essenzjali tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni sabiex jikklassifikawha taħt id-Direttiva 2006/112.

(ara l-punti 18, 20, 21, 26, 27, 32, 33 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 52(a) u 56(1)(b) u (g) – Post minn fejn isiru tranżazzjonijiet taxxabbli – Post ta’ tassazzjoni – Iddisinjar, kiri u armar ta’ stands tal-fieri”

Fil-Kawża C-530/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura

Inter-Mark Group sp. z o.o. sp. komandytowa

vs

Minister Finansów,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Inter-Mark Group sp. z o.o. sp. komandytowa, minn P. Kuźmiak, doradca podatkowy, assistit minn M. Witkowiak, ekspert,

–        għall-Gvern Pollakk, minn A. Kramarczyk kif ukoll minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn Z. Chatzipavlou u G. Papagianni, kif ukoll minn G. Kanellopoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 52(a) u 56(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Inter-Mark Group sp. z o.o. sp. komandytowa (iktar ’il quddiem “Inter-Mark”), kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Pollakk suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fil-Polonja, kontra d-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu (Direttur tal-Kummissjoni tat-Taxxa ta’ Poznań, iktar ’il quddiem id-“Dyrektor”), għan-nom tal-Minister Finansów (Ministru tal-Finanzi), fir-rigward tal-istabbiliment, għall-finijiet tal-ġbir tal-VAT, tal-post fejn għoti ta’ servizzi huwa kkunsidrat li seħħ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u servizzi li jikkonċernaw it-tħejjija u l-kordinazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post, għandu jkun il-post fejn tkun tinsab il-proprjetà.”

4        L-Artikolu 52(a) ta’din id-direttiva jipprovdi:

“Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin għandu jkun il-post fejn is-servizzi huma fiżikament imwettqa:

a)      attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn u, fejn jixraq, servizzi anċillari”.

5        Skont l-Artikolu 56(1)(b) u (g) tal-imsemmija direttiva:

“1.      Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

b)      servizzi ta’ reklamar;

[…]

g)      kiri ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, bl-eċċezzjoni tal-mezzi tat-trasport kollha;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Il-punt 3(a) tal-Artikolu 27(2) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Ustawa z dnia 11 marca 2004r. o podatku od towarów i usług, Dz. U. Nru 54, pożizzjoni 535), kif applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-VAT”), jipprovdi:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi relatata ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, u ta’ servizzi simili, bħall-fieri u l-wirjiet, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi anċillari għal dawn l-attivitajiet, huwa l-post fejn dawk is-servizzi jitwettqu fiżikament […]”.

7        L-Artikolu 27(3) tal-Liġi tal-VAT huwa fformulat kif ġej:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi msemmija fil-paragrafu 4 u pprovduti lill-:

1)      persuni naturali u ġuridiċi kif ukoll lill-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, li s-sede jew l-indirizz prinċipali tagħhom huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat terz, jew għall-

2)      persuni taxxabbli li s-sede jew l-indirizz principali tagħhom huwa stabbilit ġewwa l-Komunità iżda f’pajjiż minbarra dak tad-destinatarju tas-servizzi,

huwa l-post fejn id-destinatarju tas-servizzi jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew stabbiliment fiss jew li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas, il-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu.”

8        B’mod konformi mal-punt 2 tal-Artikolu 27(4) tal-Liġi tal-VAT, il-paragrafu 3 japplika, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ reklamar.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Fil-11 ta’ Frar 2009, Inter-Mark talbet lid-Dyrektor interpretazzjoni bil-miktub tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-VAT, dwar l-istabbiliment tal-post tal-għoti tas-servizzi ta’ kiri ta’ stands f’fieri u wirjiet u l-istabbiliment ta’ dan il-post meta dawn l-istess servizzi huma fornuti minn subappaltatur. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-parti li tirrigwarda s-subappalt hija irrilevanti fil-kuntest tat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari.

10      Fit-talba tagħha, Inter-Mark iddeskriviet l-attività li hija għandha l-intenzjoni li teżerċità bħala li tikkonsisti fil-provvista temporanja ta’ stands tal-fieri u tal-wiri għall-klijenti li jippreżentaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom f’dawn l-avvenimenti. L-imsemmija provvista hija, b’mod ġenerali, preċeduta mill-preparazzjoni u l-viżwalizzazzjoni ta’ proġett. Jekk ikun neċessarju, il-provvista ta’ servizzi tinkludi wkoll it-trasport tal-partijiet li jiffurmaw l-istand u l-armar tiegħu fuq il-post tal-organizzazzjoni tal-fiera jew tal-wirja. Is-servizzi tal-kiri ta’ stands normalment iseħħu prinċipalment għall-partijiet kontraenti barranin, li huma stabbiliti jew residenti fit-territorju ta’ Stati Membri tal-Unjoni jew ta’ Stati terzi. Inter-Mark madankollu ma teskludix li tforni s-servizzi tagħha lil entitajiet nazzjonali. L-istands inkwistjoni għandhom jiġu pprovduti lill-kerrejja kemm fit-territorju Pollakk kif ukoll f’dak tal-Istati Membri tal-Unjoni u ta’ Stati terzi. Fit-tmiem tal-kuntratt, il-kerrejja għandhom jirrestitwixxu dawn l-istands lill-Inter-Mark.

11      Skont Inter-Mark, l-ispejjeż sabiex jiġu pprovduti l-imsemmija stands jiġu miżjuda mal-miżati li l-eżibituri għandhom iħallsu lill-organizzatur tal-avveniment ikkonċernat sabiex ikun jista’ jipparteċipa f’dan tal-aħħar. Dawn il-miżati jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż li jirrigwardaw is-servizzi u l-provvisti ġenerali, ta’ utilità ġenerali, lill-infrastruttura tal-fiera kif ukoll għas-servizzi ta’ komunikazzjoni mal-medja. Min-naħa l-oħra, id-disinjar u l-kostruzzjoni tal-istand huma r-responsabbiltà ta’ kull eżibitur, li rrikorra, f’dan ir-rigward, għas-servizzi ta’ Inter-Mark. Il-miżata għad-dħul mitluba lill-viżitaturi f’ċerti fieri u wirjiet taqa’ esklużivament fuq l-organizzaturi tagħhom.

12      Fit-talba tagħha, Inter-Mark ippreċiżat li hija tikkunsidra li s-servizzi li hija forniet b’hekk jikkostitwixxu servizzi ta’ reklamar fis-sens tad-Direttiva 2006/112. Sussidjarjament, is-servizzi inkwistjoni jistgħu jkunu kklassifikati bħala servizzi ta’ kiri, ta’ lokazzjoni u ta’ servizzi oħra ta’ natura simili, li jirrigwardaw proprjetà mobbli tanġibbli, bl-esklużjoni tal-mezzi ta’ trasport.

13      Fl-4 ta’ Mejju 2009, id-Dyrektor, li kien qed jaġixxi f’isem il-Minister Finansów, ta interpretazzjoni individwali li fiha huwa kkunsidra li s-servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom, b’mod konformi mal-punt 3(a) tal-Artikolu 27(2) tal-Liġi tal-VAT, ikunu kkusidrati bħala fornuti fil-post fejn huma materjalment eżegwiti. Insostenn tal-interpretazzjoni tiegħu, id-Dyrektor sostna li r-reklamar hija forma ta’ komunikazzjoni persważiva li tuża teknika u mezzi li għandhom l-għan li jiġbdu l-attenzjoni fuq prodott, servizz jew idea. Issa, l-attivitajiet ta’ Inter-Mark ma jammontawx għal forma bħal din ta’ komunikazzjoni, iżda pjuttost ta’ servizzi aċċessorji għall-organizzazzjoni tal-fieri u tal-wirjiet.

14      Inter-Mark ippreżentat rikors kontra din l-interpretazzjoni individwali quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan, hija sostniet li l-interpretazzjoni tad-Dyrektor tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikoli 52(a) u 56(1)(b) u/jew (g), tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif jirriżulta mis-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Franza (C-68/92, Ġabra p. I-5881); Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-69/92, Ġabra p. I-5907) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C-73/92, Ġabra p. I-5997), kif ukoll is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (C-327/94, Ġabra p. I-4595); tal-5 ta’ Ġunju 2003, Design Concept (C-438/01, Ġabra p. I-5617), u tad-9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach (C-114/05, Ġabra p. I-2427), fir-rigward tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“a)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-espożizzjonijiet u tal-fieri għal klijenti li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fieri u f’espożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-provvista ta’ servizzi – imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet – huma anċillari għal servizzi ta’ organizzazzjoni ta’ fieri u ta’ esposiżżjonijiet, jiġifieri servizzi simili għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, li huma ntaxxati fil-post fejn materjalment iseħħu,

b)      jew għandu jiġi kkunsidrat li din hija provvista ta’ servizzi ta’ reklamar intaxxata fil-post fejn il-kosumatur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu b’mod permanenti, jew għandu stabbiliment fiss permanenti li għalih ġie pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post ta’ residenza permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, skont l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva [2006/112],

peress li din il-provvista ta’ servizzi għandha bħala għan li b’mod temporanju jkun hemm disponibbli stands għal klijenti li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fieri u f’espożizzjonijiet, fejn normalment minn qabel jiġi elaborat id-disinn u l-viżwalizzazzjoni tal-istand, u eventwalment, it-trasport tal-komponenti u l-muntaġġ tal-istand fil-post fejn qed tiġi organizzata l-fiera jew l-espożizzjoni, u fejn il-klijenti ta’ min jipprovdi s-servizz, li jesibixxu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom, separatament iħallsu miżata lill-organizzatur tal-wirja għas-sempliċi possibbiltà li jieħdu sehem f’dawn il-fieri jew espożizzjonijiet, li tkopri l-ispejjeż għas-servizzi u għall-provvisti ta’ utilità ġenerali, għall-infrastruttura tal-fiera, għas-servizzi ta’ komunikazzjoni lill-medja, u affarijiet oħra simili.

Kull esibitur huwa responsabbli personalment għall-arranġament u l-kostruzzjoni tal-istand tiegħu u f’dan ir-rigward għandu l-possibbiltà li juża s-servizzi kontenzjużi li jeħtieġu interpretazzjoni.

Għad-dħul għall-fieri u l-espożizzjonijiet, l-organizzaturi jitolbu mingħand il-viżitaturi li jħallsu individwalment miżata għad-dħul, li jmur għand l-organizzatur tal-wirja u mhux għand min jipprovdi s-servizz.”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/112 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-iddisinjar, fil-provvista temporanja u, jekk ikun il-każ, li jiġu ttrasportati u armati l-istands ta’ wiri għall-klijenti li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fieri u wirjiet, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tammonta għall-provvista ta’ servizzi anċillari għall-organizzazzjoni ta’ attività prevista fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 jew servizz ta’ reklamar previst fl-Artikolu 56(1)(b) tal-imsemmija direttiva.

17      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk, hekk kif sostnew Inter-Mark u l-Kummissjoni, provvista ta’ servizzi bħal dik prevista mid-domanda preliminari tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa suffiċjenti li azzjoni ta’ promozzjoni tinkludi t-trażmissjoni ta’ messaġġ destinat li jinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza jew il-kwalitajiet ta’ prodott jew ta’ servizz, bil-għan li jiżdied il-bejgħ, sabiex hija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala servizzi ta’ reklamar, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

19      L-istess japplika għal kull attività li tifforma parti inseparabbli minn kampanja pubbliċitarja u li b’hekk tikkontribwixxi, minħabba dan il-fatt, għat-trażmissjoni tal-messaġġ pubbliċitarju. Dan huwa l-każ tal-produzzjoni ta’ għajnuniet użati għal reklamar partikolari (ara, s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

20      B’hekk jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-iddisinjar u fil-provvista temporanja ta’ stand tal-fiera jew ta’ wirja għandha tkun ikkunsidrata bħala provvista ta’ reklam, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, meta dan l-istand huwa użat għat-trażmissjoni ta’ messaġġ destinat sabiex jinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza jew il-kwalitajiet tal-prodott jew tas-servizz propost mill-kerrej sabiex jiżdied il-bejgħ jew li jifforma parti inseparabbli minn kampanja pubbliċitarja u twassal għat-trażmissjoni tal-messaġġ pubbliċitarju. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-imsemmi stand jikkostitwixxi għajnuna għat-trażmissjoni ta’ messaġġ li jinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza jew il-kwalità tal-prodotti jew huwa użat għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti promozzjonali.

21      Min-naħa l-oħra, meta l-istand ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, provvista ta’ servizzi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx ikklassifikata bħala servizzi ta’ reklamar, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

22      Barra minn hekk, sa fejn, f’każ bħal dan, il-provvista ta’ servizzi prevista ma taqax taħt l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi stabbilit jekk dan is-servizz jistax jaqa’ taħt l-Artikolu 52(a) ta’ din id-direttiva.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala aċċessorji għal attività simili għall-provvista ta’ servizzi previsti fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, li fosthom jaqgħu l-attivitajiet eżerċitati minn organizzatur tal-fieri jew tal-wirjiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kategoriji differenti ta’ servizzi li jidhru fl-Artikolu 9(2)(ċ), tas-Sitt Direttiva, li l-kliem tiegħu jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, għandhom, bħala karatteristika komuni li huma ġeneralment pprovduti fil-każ ta’ avvenimenti individwali u l-post fejn dawn is-servizzi kumplessi huma pprovduti fiżikament jista’, bħala priċipju, jiġi faċilment identifikat peress li l-imsemmija avvenimenti jseħħu f’post speċifiku (sentenza Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

24      B’hekk jirriżulta li provvista ta’ servizzi bħal dik prevista mid-domanda preliminari tista’ tiġi kklassifikata bħala servizz anċillari, fis-sens tal-Artikolu 52(a), tad-Direttiva 2006/112, meta hija tirrigwarda d-disinjar u l-provvista temporanja ta’ stand għal fiera jew għal wirja speċifika b’tema kulturali, artistika, sportiva, xjentifika, edukattiva, ta’ divertiment jew simili, jew ta’ stand li tikkorrispondi għall-mudell fejn l-organizzatur ta’ fiera jew ta’ wirja speċifika stabbilixxa l-forma, id-daqs, il-kompożizzjoni materjali jew l-aspett viżiv.

25      Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati kollha li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettaw li, f’każ bħal dan ta’ żvilupp u provvista temporanja ta’ stand użata għall-skopijiet ta’ fiera jew wirja speċifika għandhom ikunu kkunsidrati bħala li jammontaw għal provvista aċċessorja għall-attività eżerċitata minn organizzatur ta’ din il-fiera jew ta’ din il-wirja, li taqa’ taħt l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112.

26      F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-istand ikun fornut għal fiera jew wirja li sseħħ, kemm jekk isseħħ darba jew ripetutament, f’post stabbilit. Fil-fatt, l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 jeħtieġ li l-ġbir tal-VAT iseħħ jew il-provvista tkun materjalment eżegwita, peress li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-provvista ta’ stand li jintuża f’bosta fieri jew wirjiet li jseħħu f’bosta Stati Membri tkun f’riskju li tkun eċċessivament kumplessa u b’hekk taffettwa l-ġbir affidabbli u korrett tal-VAT.

27      Fl-aħħar nett, fis-sitwazzjoni fejn, f’ċertu każijiet, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax la taħt l-Artikolu 56(1)(b), u lanqas taħt l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, huwa importanti, għall-finijiet li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jiġi stabbilit taħt liema dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva dak is-servizz jista’ jaqa’.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-imsemmija provvista ta’ servizzi, il-provvista temporanja, għal remunerazzjoni, tal-elementi materjali li jiffurmaw l-istand għandhom, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikunu kkunsidrati bħala li jammontaw għall-element determinanti ta’ dan is-servizz. F’sitwazzjoni bħal din, l-imsemmi servizz għandu jiġi kklassifikat bħala lokazzjoni tal-proprjetà mobbli tanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 56(1)(g), tad-Direttiva 2006/112. Hekk kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza preżenti, dan huwa l-każ b’mod partikolari meta l-imsemmi stand huwa użat f’bosta fieri jew wirjiet li jseħħu fi Stati Membri differenti.

29      Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ u indipendentement mis-sitwazzjoni prevista, provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx, kuntrarjament għal dak li l-Gvern Ġermaniż isostni, ikkunsidrata bħala li tammonta għall-provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw proprjetà immobbli, fis-sens tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112.

30      Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma biss il-provvisti ta’ servizzi li jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta ma’ proprjetà immobbli li jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 45 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Heger, C-166/05, Ġabra p. I-7749, punt 24, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tas-Sitt Direttiva).

31      Issa, għandu jingħad li, fil-kawża prinċipali, il-provvista ta’ servizzi prevista ma tippreżenta l-ebda rabta diretta ma’ proprjetà immobbli, is-sempliċi fatt li l-istand tal-fiera jew tal-wirja għandu jkun preċiżament u temporanjament installat fuq proprjetà immobbli, jew ġo proprjetà bħal din, ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

32      Huma l-qrati nazzjonali, li huma l-uniċi kompetenti sabiex jevalwaw il-fatti, li għandhom jiddeterminaw, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji għal kull każ, il-karatteristiċi essenzjali tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni sabiex jikklassifikawha taħt id-Direttiva 2006/112.

33      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, id-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-iddisinjar, fil-provvista temporanja u, jekk ikun il-każ, f’li jiġi ttrasportat u armat stand tal-fiera jew ta’ wirja għall-klijenti li jippreżentaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fil-fieri u fil-wirjiet tista’ taqa’:

–        taħt l-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva meta dan l-istand huwa ddisinjat jew użat għal finijiet pubbliċitarji;

–        taħt l-Artikolu 52(a) tal-imsemmija direttiva meta l-imsemmi stand huwa ddisinnjat u pprovdut għal fiera jew wirja speċifika b’tema kulturali, artistika, sportiva, xjentifika, edukattiva, ta’ divertiment jew simili, jew li tikkorrispondi għal mudell fejn l-organizzatur ta’ fiera jew ta’ wirja speċifika stabbilixxa l-forma, id-daqs, il-kompożizzjoni materjali jew l-aspett viżiv;

–        taħt l-Artikolu 56(1)(g) tal-istess direttiva meta l-provvista ta’ servizzi temporanji, għal remunerazzjoni, tal-elementi materjali li jiffurmaw l-istess stand jammontaw għall-element li jiddetermina l-imsemmi servizz.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-iddisinjar, fil-provvista temporanja u, jekk ikun il-każ, f’li jiġi ttrasportat u armat stand tal-fiera jew ta’ wirja għall-klijenti li jippreżentaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fil-fieri u fil-wirjiet tista’ taqa’:

–        taħt l-Artikolu 56(1)(b) ta’ din id-direttiva meta dan l-istand huwa ddisinjat jew użat għal finijiet pubbliċitarji;

–        taħt l-Artikolu 52(a) tal-imsemmija direttiva meta l-imsemmi stand huwa ddisinjat u pprovdut għal fiera jew wirja speċifika b’tema kulturali, artistika, sportiva, xjentifika, edukattiva, ta’ divertiment jew simili, jew li tikkorrispondi għal mudell fejn l-organizzatur ta’ fiera jew ta’ wirja speċifika stabbilixxa l-forma, id-daqs, il-kompożizzjoni materjali jew l-aspett viżiv;

–        taħt l-Artikolu 56(1)(g) tal-istess direttiva meta l-provvista ta’ servizzi temporanji, għal remunerazzjoni, tal-elementi materjali li jiffurmaw l-istess stand jammontaw għall-element li jiddetermina l-imsemmi servizz.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.