Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/42


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Estonja

(Kawża C-39/10)

2010/C 63/66

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u K. Saaremäel-Stoilov)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Estonja

Talbiet tal-parti rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika tal-Estonja ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, peress li fil-liġi tagħha ma pprovdietx il-possibilità li tingħata eżenzjoni fuq it-taxxa fuq id-dħul ta’ individwi jew persuni mhux residenti, li d-dħul totali tagħhom huwa tant baxx li kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul kieku kienu persuni taxxabbli residenti;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni rċeviet ilmenti dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-pensjonijiet għall- irtirar li joriġina fl-Estonja, mingħand ċittadin Estonjan residenti fir-Repubblika tal-Finlandja. Iċ-ċittadin inkwistjoni lmenta għal fatt li r-Repubblika tal-Estonja ma tapplikax, għal pensjoni għal irtirar tiegħu, il-valur limitu abitwalment previst għar-residenti, li taħtu tiġi applikata eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul, u lanqas il-valur limitu abitwalment previst għall-irtirati residenti, li taħtu tiġi applikata eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul.

Min għamel l-ilment jirċievi n-nofs tad-dħul tiegħu bħala pensjoni mir-Repubblika tal-Estonja u n-nofs l-ieħor bħala pensjoni li ġejja mir-Repubblika tal-Finlandja. Id-dħul tiegħu huwa baxx ħafna u li kieku kien jitħallas it-totalità tad-dħul tiegħu fl-istess Stat Membru, dan id-dħul kien jiġi ntaxxat b’rata inqas jew kien ikun eżenti għal kollox.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk it- tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jimplementaw il-kompetenza tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u jevitaw id-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza.

Il-fatt li persuna taxxabbli mhux residenti, li tagħmel użu mill-moviment liberu tal-ħaddiema, ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni tat-taxxa li jistgħu jgawdu minnha persuni taxxabbli residenti, tikkostitwixxi, fiha nnifisha, differenza fit-trattament bejn persuna mhux residenti u persuna residenti u, fl-istess ħin, restrizzjoni tal-moviment liberu transkonfinali.

Sa fejn huwa xieraq, din id-differenza fit-trattament għandha titqies li hija adegwata u ġġustifikata għal raġuni ta’ differenza fuq livell residenzjali.

F’sitwazzjoni fejn id-dħul totali dinji ta’ persuna taxxabbli huwa tant baxx li s-sors tad-dħul tal-pajjiż ma huwa ntaxxat xejn jew huwa ntaxxat b’rata iktar baxxa kieku dan kien persuna residenti, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom, fl-impożizzjoni tat-taxxa tal-individwi mhux residenti, jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali u familjari tagħhom b’mod li jiggarantixxu trattament indaqs b’relazzjoni mal-persuni taxxabbli residenti.

Bħalma l-Istat Membru ppreveda, fil-liġi tiegħu, valur limitu li taħtu huwa preżunt li persuna taxxabbli m’għandhiex l-mezzi għall-finanzjament tal-ispejjeż pubbliċi, m’hemmx raġuni għalfejn għandu jagħmel distinzjoni, skont il-post ta’ residenza tagħhom, fil-konfront ta’ persuni taxxabbli li d-dħul tagħhom jibqa’ taħt limitu stabbilit.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tat-tulumaksuseaduse (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul) imorru kontra l-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 28 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea peress li ma jippermettux li individwi mhux residenti, li jirċievu n-nofs tad-dħul tagħhom mill-Estonja u n-nofs l-ieħor minn Stat Membru ieħor, u li d-dħul totali tagħhom huwa tant baxx li kieku kienu persuni taxxabbli residenti jkunu eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul.