Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

17.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven Administrativen Sad (il-Bulgarija) fis-26 ta’ April 2010 — Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite vs “Auto Nikolovi” OOD

(Kawża C-203/10)

2010/C 195/09

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhovniat Administrativen Sad (il-Bulgarija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat “Appelli u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” ta’ Varna, fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Aġenzija Ċentrali tad-Dħul)

Konvenuta:“Auto Nikolovi” OOD.

Domandi preliminari

(1)

Il-kunċett ta’ “oġġetti użati” li jinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), ikopri wkoll oġġetti mobbli użati li ma jkunux suffiċjentement individwalizzati (permezz tat-trade mark, tal-mudell, tan-numru tas-serje, tas-sena ta’ fabbrikazzjoni, eċċ) sabiex jiddistingwu ruħhom minn oġġetti oħra tal-istess tip iżda li jkunu, għall-kuntrarju, iddeterminati mill-karatteristiċi ġeneriċi tagħhom?

(2)

L-espressjoni “kif definit mill-Istati Membri”, li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 311(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddefinixxu huma stess il-kunċett ta’ “oġġetti użati” jew inkella d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija mid-Direttiva għandha tiġi trasposta b’mod strett fil-liġi nazzjonali?

(3)

Il-kundizzjoni stabbilita f’dispożizzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-oġġetti użati huma identifikati individwalment, hija konformi mal-formulazzjoni u mal-għan tad-definizzjoni li d-dritt Komunitarju jagħti lil “oġġetti użati”?

(4)

Fid-dawl tal-premessa 51 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, jista’ jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità”, li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112/KE, tkopri wkoll l-importazzjoni ta’ oġġetti użati magħmula min-negozjant taxxabbli stess?

(5)

Fl-eventwalità li s-sistema ta’ impożizzjoni tal-marġni ta’ profitt miksub tapplika wkoll għall-kunsinna ta’ oġġetti użati minn negozjant taxxabbli li jkun importahom huwa stess: il-persuna li mingħandha n-negozjant taxxabbli jkun kiseb dawn l-oġġetti għandha tkun tappartjeni lil waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 314(a), (b), (ċ) u (d)?

(6)

Il-lista ta’ oġġetti fl-Artikolu 320(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE hija eżawrjenti?

(7)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 320(1) u l-Artikolu 320(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt tan-negozjant taxxabbli għall-kreditu fiskali tal-VAT li jkun ħallas fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti użati jinħoloq u huwa eżerċitat fil-perijodu li matulu dawn l-oġġetti jkunu s-suġġett ta’ kunsinna sussegwentement taxxabbli, li fir-rigward tagħha n-negozjant taxxabbli applika s-sistema ta’ tassazzjoni normali?

(8)

L-Artikolu 314(a) sa (d), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 320(1) u l-Artikolu 320(2) tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom effett dirett u l-qorti nazzjonali tista’ tinvokahom direttament, f’każ bħal dak ineżami?


(1)  ĠU L 347, p. 1.