Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

14.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/26


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ġunju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ungerija

(Kawża C-274/10)

()

2010/C 221/42

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Triantafyllou u B.D. Simon, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ungerija

Talbiet tar-rikorrenti

(1)

tikkonstata li r-Repubblika tal-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1)

billi obbligat lill-persuni taxxabbli li d-dikjarazzjoni fiskali tagħhom uriet “eċċess” fis-sens tal-Artikolu 183 tad-direttiva waqt perijodu taxxabbli partikolari, imexxu dan l-eċċess totalment jew parzjalment ’il quddiem lejn il-perijodu taxxabbli li jmiss, jekk dawn ma ħallsux it-totalità tal-akkwisti korrispondenti lill-fornitur tagħhom,

minħabba il-fatt li permezz ta’ dan l-obbligu, ċerti persuni taxxabbli li d-dikjarazzjoni fiskali tagħhom turi sistematikament “eċċess”, huma marbuta jmexxu ’il quddiem iktar minn darba dan l-eċċess għall-perijodu taxxabbli li jmiss;

(2)

tikkundanna lir-Repubblika tal-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għandu bħala suġġett dispożizzjoni fiskali Ungeriża li tipprovdi li, fit-tmiem tal-perijodu taxxabbli, il-persuni taxxabbli jistgħu jitolbu r-rimbors tal-eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) biss fil-każ fejn l-imsemmi eċċess jeċċedi il-VAT fuq l-akkwisti mhux effettivament imħallsa minnhom. B’hekk, mid-dispożizzjoni Ungeriża inkwistjoni jirriżulta li ma huwiex possibbli li jintalab rimbors tal-parti tal-eċċess li jikkorrispondi għall-ammont tal-VAT fuq l-akkwisti li għadhom ma tħallsux u li l-persuna taxxabbli għandha tmexxi ’il quddiem l-ammont inkwistjoni għall-perijodu taxxabbli li jmiss. Meta l-eċċess tal-VAT ikkonstatat fit-tmien tal-perijodu taxxabbli huwa inqas jew daqs l-ammont tal-VAT fuq l-akkwisti mhux imħallsa, il-persuna taxxabbli jkollha tmexxi ’il quddiem fit-totalità tagħha l-parti tal-eċċess li jikkorrispondi għall-ammont ta’ VAT fuq l-akkwisti mhux imħallsa. Il-proċedura hija identika sat-tmiem tal-perijodu taxxabbli li jmiss: il-leġiżlazzjoni ma fiha l-ebda limitu ratione temporis li jirrigwarda dan il-proċess u għaldaqstant huwa impossibbli li l-persuna taxxabbli jkollha tmexxi ’il quddiem b’mod indefinittiv l-eċċess tal-VAT.

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 (iktar ’il quddiem id-“direttiva”), iħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla bejn ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT u t-tmexxija ’il quddiem tiegħu għall-perijodu taxxabbli li jmiss. L-Istati Membri ma jistgħux jeżeċitaw din is-setgħa ħlief b’osservanza tal-prinċipji kollha tas-sistema tal-VAT u b’mod partikolari tal-prinċipju tan-newtralità fiskali. Peress li l-Artikolu 183 tad-direttiva, li jawtorizza lill-Istati Membri jmexxu ’il quddiem darba l-eċċess tal-VAT għall-perijodu taxxabbli li jmiss, jikkostitwixxi dispożizzjoni li tostakola l-effett sħiħ tal-prinċipju tan-newtralità fiskali, għandu jiġi interpretat b’mod ristrett u ma jistax iservi ta’ bażi għall-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali kuntrarji għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali jew għall-għan tal-mekkaniżmu tat-tnaqqis.

Skont il-prinċipju tan-newtralità fiskali, il-mekkaniżmu tat-tnaqqis huwa intiż sabiex jeħles kompletament lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fl-ambitu tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Dan il-prinċipju jeskludi li l-Istati Membri jissuġġettaw ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT għal kundizzjonijiet li jirrapreżentaw piż għall-persuna taxxabbli sa fejn dawn jinfluwenzaw is-sitwazzjonijiet finanzjarja tagħha, il-likwidità tagħha kif ukoll id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha. Issa, in-nuqqas tar-rimbors tal-eċċess tal-VAT previst mid-dispożizzjoni Ungeriża inkwistjoni jirriżulta f’dawn l-effetti negattivi għall-persuna taxxabbli minħabba żewġ raġunijiet.

Minn naħa, peress li l-eċċess tal-VAT li jista’ jitnaqqas fir-rigward tal-ammont tal-VAT dovut għandu jiġi kkunsidrat bħala dejn tal-persuna taxxabbli, b’mod li d-dewmien ikkawżat għall-ħlas ta’ dan id-dejn inaqqas il-possibbiltajiet ta’ dħul u l-likwidità tal-persuna taxxabbli li titlob ir-rimbors u għaldaqstant iżid ir-riskju kummerċjali tagħha. Il-persuna taxxabbli għandha tħallas il-VAT għall-kunsinni tal-oġġetti jew għall-provvisti ta’ servizzi li twettaq anki jekk ma ħallsitx għalihom filwaqt li ma tistax tirkupra l-VAT għall-kunsinni tal-oġġetti jew għall-provvisti ta’ servizzi intiżi għaliha ħlief jekk tkun effettivament ħallsithom.

Min-naħa l-oħra in-nuqqas ta’ rimbors tal-eċċess tal-VAT jikkostitwixxi piż mhux biss mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli li titlob ir-rimbors iżda wkoll mill- perspettiva ta’ min jinsab fin-naħa l-oħra tat-tranżazzjoni taxxabbli, jiġifieri l-bejjiegħ tal-oġġett. Fil-fatt, billi jnaqqas il-likwidità ta’ min jakkwista l-oġġett, in-nuqqas ta’ rimbors iżid fl-istess ħin ir-riskju li l-bejjiegħ ma jkunx jista’ jikseb, jew tal-inqas biss b’dewmien, il-korrispettiv dovut għall-kunsinna tal-oġġetti mixtrija jew il-provvista tas-servizzi filwaqt li, indipendentement minn dan, ikollu jħallas il-VAT fuq il-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni.

Il-Kummissjoni tqis li jekk il-leġiżlazzjoni timponi ċertu piż fuq il-persuna taxxabbli, dan ma jistax jiġi kkumpensat billi jiġi imponit fuqu piż addizzjonali. L-ekwilibriju tal-leġiżlazzjoni ma jistax jiġi żgurat ħlief jekk l-piż ikun fuq il-persuna taxxabbli kkunsidrata bħala persuna li tħallas, jiġifieri l-obbligu ta’ ħlas tagħha jiġi bbilanċjat bil-possibbilta, li minnha tgawdi din l-istess persuna taxxabbli kkunsidrata bħala persuna li titlob is-servizz, li tirkupra l-VAT imħallsa bħala persuna li tħallas.

Fl-aħħar, peress li l-Artikolu 183 tad-Direttiva jippermetti biss li l-eċċess tal-VAT jitmexxa ’il quddiem darba biss “lejn il-perijodu li jmiss”, id-dispożizzjoni Ungeriża inkwistjoni tikser l-imsemmi artikolu, sa fejn ma tippermettix lill-persuna taxxabbli tirkupra l-eċċess sa l-iktar tard it-tmiem tat-tieni perijodu taxxabbli. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Ungeriża li, billi tnaqqas il-likwidità ta’ min jakkwista l-oġġetti, għandha hija stess, bażikament, bħala effett li tnaqqas il-probabbiltà ta’ rimbors, peress li lanqas ma tiggarantixxi li l-persuna taxxabbli tirkupra effettivament l-eċċess xi darba. Fil-fatt, jekk il-persuna taxxabbli ttemm l-attivitajiet tagħha mingħajr ma tħallas għall-akkwisti tagħha kollha minħabba insolvenza, xejn ma huwa previst f’tali każ sabiex titħallas lura l-VAT fuq it-tranżazzjonijiet mhux imħallsa u dan għaldaqstant fl-aħħar nett jibqa’ f’idejn l-Istat.

Minħabba r-raġunijiet preċedenti, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlatur Ungeriż mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li hija rrikonoxxuta lilu u kiser l-Artikolu 183 tad-Direttiva billi adotta dispożizzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ rimbors tal-eċċess tal-VAT li hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali u tippermetti tmexxija ’il quddiem irripetuta u suċċessiva tal-eċċess.


(1)  ĠU L 347, p. 1.