Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

28.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/28


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Finlandja

(Kawża C-342/10)

()

2010/C 234/46

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Koskinen u R. Lyal)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Finlandja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li r-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, billi adottat u żammet fis-seħħ liġi li permezz tagħha dividendi mħallsa lill-fondi tal-pensjoni barranin jiġu ntaxxati b’mod diskriminatorju;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Finlandja tintaxxa iktar lill-fondi ta’ pensjonijiet barranin fir-rigward tad-dividendi mqassma minnhom milli l-fondi Finlandiżi. Il-fondi tal-pensjoni Finlandiżi huma ntaxxati fuq il-bażi ta’ liġi fiskali partikolari (Elinkeinoverolaki) [taxxa fuq id-dħul tal-impriża] u r-rata tat-taxxa tagħhom hija stabbilita b’mod differenti minn dak tal-istituzzjonijiet l-oħra. Skont l-Artikolu 6(a) tal-Elinkeinoverolaki huwa biss 75 % mid-dħul minn dividendi li huwa ntaxxat, u waqt li r-rata għall-entitajiet l-oħra hija ta’ 26 %, dik li effettivament tapplika fir-rigward tagħhom hija ta’ 19,5 %. Barra minn dan, skont l-Artikoli 7 u 8(1) tal-Elinkeinoverolaki, fondi ta’ pensjonijiet Finlandiżi jistgħu jnaqqsu mit-taxxi l-ispejjeż u t-telf li jirriżultaw mill-ġbir u l-amministrazzjoni tad-dħul u l-obbligi tal-pensjonijiet. Madankollu, fuq id-dividendi mqassma minn fondi tal-pensjoni barranin li huma tal-istess tip, tiġi applikata rata ta’ taxxa f'ras il-għajn ta’ 28 %. Fir-rigward tal-fondi tal-pensjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra u l-parti ’l kbira tal-fondi tal-pensjoni taż-ŻEE li huma parti mill-Istati EFTA, id-dividendi huma ntaxxati b’rata ta’ 19,5 %, imma l-fondi tal-pensjoni barranin ma jistgħux inaqqsu l-ammonti msemmija hawn fuq.

Ir-rata li tapplika għad-dividendi mħallsa barra l-pajjiż, skont is-sistema fiskali Finlandiża u l-bażi tat-taxxa usa użata għal dawn id-dividendi huma ta’ ħsara għall-fondi barranin tal-pensjoni li joffru s-servizzi tagħhom lill-klijenti Finlandiżi, għaliex dawn jaqgħu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża. Minħabba t-trattament diskriminatorju rriżervat għall-fondi tal-pensjoni barranin, l-investimenti tagħhom f’kumpanniji Finlandiżi huma inqas profitabbli u interessanti u huma wkoll limitati l-opportunitajiet għall-kumpaniji Finlandiżi li jiksbu kontribuzzjoni ta’ kapital mill-fondi tal-pensjoni barranin. Għalhekk, din hija restrizzjoni pprojbita skont l-Artikolu 63 TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. It-trattament diskriminatorju rriżervat għall-fondi tal-pensjonijiet barranin mhijiex iġġustifikata minn ebda raġuni mogħtija mir-Repubblika tal-Finlandja.