Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-350/10

Nordea Pankki Suomi Oyj

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) — Eżenzjonijiet — Trasferimenti u ħlasijiet — Tranżazzjonijiet li jirrigwardaw titoli — Servizzi ta’ messaġġi elettroniċi għal istituzzjonijiet finanzjarji”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet bankarji msemmija fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d)

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d))

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud taħt din id-dispożizzjoni ma jkoprux servizzi ta’ messaġġi elettroniċi lil istituzzjonijiet finanzjarji, bħal dawk tas-servizzi swift.

Meta s-servizzi swift ikunu servizzi ta’ messaġġi elettroniċi li l-iskop uniku tagħhom huwa li jgħaddu d-data, huma ma jiżgurawx minnhom infushom xi waħda mill-funzjonijiet ta’ waħda mit-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri, dawk li għandhom l-effett ta’ trasferiment ta’ fondi jew ta’ titoli, u għaldaqstant ma għandhomx il-karatteristiċi.

(ara l-punti 34, 40 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Lulju 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) – Eżenzjonijiet – Trasferimenti u ħlasijiet –Tranżazzjonijiet li jirrigwardaw titoli – Servizzi ta’ messaġġi elettroniċi għal istituzzjonijiet finanzjarji”

Fil-Kawża C-350/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura mibdija minn

Nordea Pankki Suomi Oyj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President ta’ Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nordea Pankki Suomi Oyj, minn L. Äärilä, oikeustieteen kandidaatti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux kif ukoll minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn F. Dedousi, M. Germani u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nordea Pankki Suomi Oyj (iktar ’il quddiem “Nordea”) u l-awtorità fiskali Finlandiża dwar ir-rifjut ta’ talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu suġġetti [għall-VAT]:

“1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        Skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw lil [dawn] li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar, jew abbuż possibbli:

[...]

d)      it-transazzjonijet li ġejjin:

[...]

3.      transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[...]

5.      transazzjonijiet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:

–        dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti,

–        id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);

[...]”

 Id-dritt nazzjonali

5        Skont il-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar il-VAT (Arvonlisäverolaki, 1501/1993), kif emendata bil-liġi (1486/1994) tad-29 ta’ Diċembru 1994 (minn hawn ’il quddiem l-“AVL”), għandha titħallas VAT lill-Istat għal kwalunkwe bejgħ ta’ oġġetti u servizzi fil-Finlandja bħala parti minn attività kummerċjali.

6        Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-AVL jirriżulta li x-xerrej huwa responsabbli għat-taxxa dovuta fuq oġġetti u servizzi mibjugħa fil-Finlandja minn barrani li ma għandux residenza stabbli u li ma talabx biex jiġi rreġistrat bħala persuna taxxabbli skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-AVL.

7        Skont l-Artikolu 41 tal-AVL, il-bejgħ tas-servizzi finanzjarji ma huwiex suġġett għall-VAT. Jirriżulta mill-punti 4 u 6 tal-Artikolu 42(1) ta’ din l-liġi li s-servizzi finanzjarji jinkludu tranżazzjonijiet ta’ ħlas u tranżazzjonijiet ta’ titoli.

8        It-tielet paragrafu tal-Artikolu 42 tal-AVL jipprevedi li l-tranżazzjonijiet ta’ titoli jinkludu l-bejgħ u kummerċ ta’ azzjonijiet u ta’ titoli komparabbli u d-dejn u d-derivattivi, anki dawk intanġibbli.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Nordea hija s-sussidjarja Finlandiża ta’ Nordea Bank AB, bil-kwartieri ġenerali fl-Isvezja. Dan huwa bank kummerċjali li għandu attivitajiet li jirrigwardjaw kemm il-klijentela privata kif ukoll l-impriżi. Fost attivitajiet bankarji oħra, dan jipprovdi x-xiri u n-negozzju ta’ titoli u flus barranin u joffri wkoll servizi ta’ investimenti u servizzi ta’ trusts. Nordea hija r-rappreżentant ta’ grupp iffurmat għal skopijiet ta’ VAT stabbilit mill-Grupp Nordea.

10      Nordea xtrat servizzi għal Society for Worldwide Interbank Financial Telecommunication – Swift SC (iktar ’il quddiem “SWIFT”), koperattiva li hija proprjetà konġunta bejn iktar minn elfejn istituzzjoni finanzjarja mifruxa fuq iktar minn mitejn pajjiż.

11      SWIFT topera mad-dinja kollha servizz tal-messaġġi elettroniċi għal istituzzjonijiet finanzjarji (iktar ’il quddiem is-“servizzi swift”) li jippermettu lil iktar minn disat elef bank, istituzzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni ta’ titoli u klijenti korporattivi oħra li jiskambjaw bejniethom messaġġi finanzjarji standard, permezz ta’ softwer żviluppat mill-impriża nnifisha u tan-netwerk internazzjonali tagħha ta’ skambju sikur ta’ data. Permezz ta’ dan in-netwerk ta’ skambju ta’ data li stabbilixxiet u li hi qed tmexxi, SWIFT tipprovdi, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ messaġġi għal ħlasijiet interbankarji u tranżazzjonijiet ta’ titoli. L-istituzzjonijiet finanzjarji affiljati ma’ SWIFT huma konnessi mal-man-netwerk permezz tal-faċilitajiet tal-kompjuter tagħhom stess, permezz ta’ konnessjoni speċifika (“gateway”). Sabiex ikollhom aċċess għas-servizzi tagħha, l-impriża titlob lill-klijenti tagħha li jużaw hardwer approvat minnha nfisha minn qabel.

12      Il-pagamenti interbankarji jistgħu jinqasmu f’pagamenti nazzjonali u f’pagamenti internazzjonali. Is-servizzi swift huma prinċipalment użati għal pagamenti internazzjonali, iżda hemm tendenza li l-proporzjon ta’ pagamenti nazzjonali jiżdiedu.

13      Skont il-qorti tar-rinviju, il-proċedura għat-trażmissjoni ta’ messaġġi dwar il-pagamenti interbankarji tipprevedi li meta messaġġ jintbagħat fin-netwerk ta’ SWIFT, il-bank emittenti jirċievi rċevuta tal-wasla tiegħu (“acknowledgment”) li tikkonferma li l-messaġġ wasal fid-dawl tal-ipproċessar tiegħu mis-SWIFT. Dan il-pass jimmarka l-bidu tar-responsabbiltà finanzjarja ta’ SWIFT għat-trażmissjoni tal-messaġġ inkwistjoni u għat-twettiq tat-tranżazzjoni skont dan il-messaġġ. Wara l-wasla tal-ewwel irċevuta, it-tranżazzjoni indikata fil-messaġġ inkwistjoni ssir irrevokabbli. Mill-mument li l-bank destinatarju jikkonferma lis-sistema li jkun rċieva dan il-messaġġ, ir-responsabbiltà ta’ SWIFT għat-twettiq tat-tranżazzjoni tintemm. Fl-istess ħin, SWIFT tindirizza lill-bank li jkun ta l-ordni konferma tar-riċevuta.

14      Minbarra dawn t-tranżazzjonijiet ta’ pagament, is-servizzi swift huma wkoll użati biex jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu titoli. Skont il-qorti tar-rinviju, hija biss ir-reġistrazzjoni ta’ azzjonijiet fil-kont ta’ titoli tal-klijent magħmul permezz tas-servizzi swift li tipprovdi protezzjoni kontra terzi, anki jekk il-proprjetà fit-titoli tkun diġà ġiet ittrasferita fil-mument tat-twettiq tat-tranżazzjoni fil-borża. Ir-responsabbiltà ta’ SWIFT għall-messaġġi relatati mat-tranżazzjonijiet dwar it-titoli hija simili għal dik deskritta fir-rigward tal-pagamenti interbankarji.

15      Sabiex jiġi ppreservat s-sigriet bankarju, SWIFT ma tistax u ma għandhiex tiftaħ ħlief il-messaġġi li huma meħtieġa biex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mar-regoli dwar it-trażmissjoni tal-messaġġi.

16      L-ispejjeż ta’ Nordea għas-servizzi swift, il-konnessjoni u l-manutenzjoni ta’ din il-konnessjoni għal dawn is-servizzi ammontaw għal EUR 1 999 559.96 għas-sena finanzjarja 2001. Skont il-mekkaniżmu tal-inverżjoni ta’ ħlas, tħallsu EUR 439 903.19 bħala VAT fuq dak l-ammont.

17      Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2006, il-Konserniverokeskus (servizz inkarigat mit-tassazzjoni tal-impriżi l-kbar) ċaħad it-talba għal rimbors tal-VAT imressqa minn Nordea għas-sena finanzjarja 2001. It-talba għandha bħala suġġett il-VAT imħallsa fuq servizzi swift fix-xahar ta’ Diċembru 2001.

18      Nordea ressqet kawża quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva ta’ Helsinki) biex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Konserniverokeskus u r-rimbors tal-VAT li hija kienet ħallset għas-servizzi swift skont il mekkaniżmu tal-inverżjoni ta’ ħlas.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Frar 2008, il-Helsingin hallinto-oikeus ċaħdet l-appell ta’ Nordea, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva u tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017).

20      Nordea ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, li ddeċidiet tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 13B(d)(3) u (5) tas-Sitt Direttiva [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi swift, deskritti fil-punt 1 ta’ din id-deċiżjoni, li huma użati fit-tranżazzjonijiet ta’ ħlas u tranżazzjonijiet ta’ titoli bejn istituzzjonijiet finanzjarji, huma eżenti mill-VAT?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21      Qabel ma tiġi analizzata l-bażi legali għal eżenzjoni possibbli tas-servizzi swift, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jkun ippreċiżat li dawn is-servizzi jaqgħu, punt li ma huwiex ikkontestat, fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt id-Direttiva sakemm jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, minħabba l-fatt li hemm relazzjoni legali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji klijenti u SWIFT u li l-prezz li din tal-aħħar tirċievi mill-klijenti tagħha huwa l-korrispettiv effettiv tas-servizzi pprovduti lilhom minn din l-impriża (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C-540/09, p. I-0000, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għandu jitfakkar illi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara s-sentenza Skandinaviska Enskilda Banken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għandu jitfakkar ukoll li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara s-sentenza Skandinaviska Enskilda Banken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-eżenzjoni tal-VAT fuq is-servizzi swift

24      Minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex jitqiesu bħala tranżazzjonijiet eżentati fis-sens tal-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi pprovduti għandhom jiffurmaw unità distinta, ikkunsidrata b’mod wiesa’, li għandha l-effett li jwettqu l-funzjonijiet ta’ servizz speċifiku u essenzjali deskritti f’dawn il-punti. Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet dwar it-trasferimenti, skont il-punt 3 tal-Artikolu 13B(d) ta ’din id-direttiva, is-servizzi pprovduti għandu jkollhom l-effett li jittrasferixxu l-fondi u jagħmlu tibdil legali u finanzjarju. Għandha ssir distinzjoni bejn is-servizz eżentat, kif definit fid-Direttiva, tal-provvista ta’ sempliċi servizz materjali jew tekniku, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-bank ta’ sistema informatika. Għal dan il-għan, hemm lok għall-qorti nazzjonali li teżamina b’mod partikolari l-portata tar-responsabbiltà ta’ min jipprovdi s-servizz vis-à-vis il-banek, b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ jekk din ir-responsabbiltà hijiex limitata għall-aspetti tekniċi jew jekk testendix għall-elementi speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services, C-235/00, Ġabra p. I-10237, punti 25 u 26).

25      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-trasferiment hija tranżazzjoni li tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ trasferiment ta’ somma flus minn kont tal-bank għall-ieħor. Huwa jikkaratterizza ruħu bil-fatt li dan jinvolvi tibdil tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja eżistenti, min-naħa waħda, bejn min iħallas u min jirċievi u, u mill-oħra, bejniethom u l-banek rispettivi tagħhom u, jekk ikun il-każ, bejn il-banek. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni li toħloq din il-bidla hija t-trasferiment ta’ fondi biss bejn il-kontijiet, irrispettivament mill-kawża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

26      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-analiżi dwar it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferimenti jew il-pagamenti fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tapplika, bħala prinċipju, mutatis mutandis, għat-tranżazzjonijiet ta’ titoli skont il-punt 5 tal-Artikolu 13B(d) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CSC Financial Services, punt 27, u Skandinaviska Enskilda Banken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

27      Għalhekk, ma hemm ebda raġuni għala s-servizzi fdati lil operaturi esterni mill-istituzzjonijiet finanzjarji, li għalhekk ma humiex direttament relatati mal-klijenti ta’ dawn l-istabbilimenti, ma jkunux eżenti mill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59) sakemm tali servizzi jiffurmaw entità distinta, ikkunsidrati b’mod wiesa’, li għandhom bħala effett li jaqdu funzjonijiet speċifiċi u essenzjali ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji previsti fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.

28      Sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi swift jissodisfawx dan il-kriterju huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat, minn naħa, jekk il-provvista ta’ dawn is-servizzi hijiex kapaċi li tikkawża bidliet legali u finanzjarji bħal dawk kkawżati minn pagamenti interbankarji jew mit-tranżazzjonijiet li jinvolvu t-titoli nfushom u, min-naħa l-oħra, jekk ir-responsabbiltà ta’ SWIFT lejn il-klijenti tagħha hijiex limitata għall-aspetti tekniċi jew jekk testendix għall-elementi speċifiċi u essenzjali tal-imsemmija tranżazzjonijiet finanzjarji.

29      Fir-rigward tal-ewwel aspett, Nordea argumentat, minn naħa, li mingħajr is-servizzi swift, il-pagamenti internazzjonali fejn it-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ titoli kienu jkunu prattikament impossibbli u, minn naħa l-oħra, li r-reġistrazzjoni biss tat-titoli fil-kont tat-titoli tal-klijent tipprovdi protezzjoni kontra terzi, anki jekk id-dritt ta’ proprjetà jkun diġà ġie trasferit fil-mument tat-twettiq tat-tranżazzjoni fil-borża, qabel it-trażmissjoni ta’ messaġġi fin-netwerk ta’ SWIFT, b’tali mod li dawn is-servizzi jaffettwaw impliċitament is-sitwazzjoni legali u finanzjarja tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-klijenti tagħhom.

30      Madankollu, kif iddikjarat mill-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma ġew ikkontestati minn Nordea, is-servizzi swift huma servizzi tal-messaġġi elettroniċi li permezz tagħhom jiġu trażmessi ordnijiet ta’ ħlas u ordnijiet li jirrigwardaw t-tranżazzjonijiet ta’ titoli minn istituzzjoni finanzjarja għall-oħra b’mod sikur u affidabbli, filwaqt li SWIFT ma jkollhiex aċċess għall-kontenut stess tal-messaġġi hekk trażmessi.

31      Anki jekk, kif sostnut minn Nordea, is-servizzi swift huma, f’ħafna swieq, indispensabbli u l-uniċi disponibbli, il-fatt jibqa’ li s-sempliċi fatt li komponent huwa indispensabbli sabiex titwettaq tranżazzjoni eżenti ma jippermettix li tiġi konkluża l-eżenzjoni tas-servizz li jikkorrispondi għal dak il-komponent (is-sentenza SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

32      Huwa wkoll paċifiku li, jekk l-ordnijiet ta’ trasferiment ta’ fondi jew dawk intiżi sabiex jagħmlu tranżazzjonijiet ta’ titoli għandhom jiġu trażmessi permezz ta’ sistemi informatiċi approvati minn SWIFT bl-għan li s-sigurtà tagħhom tiġi żgurata, it-trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà li jirrigwardaw dawn il-fondi jew, jekk ikun il-każ, dawn it-titoli, huwa magħmul mill-istituzzjonijiet finanzjarji stess fil-kuntest tar-relazzjonijiet legali mal-klijenti tagħhom stess.

33      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 u 26 li l-bidliet legali u finanzjarji li jagħmluha possibbli biex tikklassifika tranżazzjoni bħala eżenti mill-VAT jirriżultaw mis-sempliċi trasferiment ta’ proprjetà, effettiv jew potenzjali, ta’ fondi jew ta’ titoli mingħajr il-ħtieġa li t-tranżazzjoni hekk mwettqa tkun kontraenti għal terzi.

34      Għalhekk, meta s-servizzi swift ikunu servizzi ta’ messaġġi elettroniċi li l-iskop uniku tagħhom huwa li jgħaddu d-data, huma ma jiżgurawx minnhom infushom xi waħda mill-funzjonijiet ta’ waħda mit-tranżazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri, dawk li għandhom l-effett ta’ trasferiment ta’ fondi jew ta’ titoli, u għaldaqstant ma għandhomx il-karatteristiċi.

35      Fir-rigward tat-tieni aspett, Nordea ssostni li r-responsabbiltà ekonomika wiesgħa ħafna ta’ SWIFT għat-trażmissjoni korretta u sikura ta’ messaġġi finanzjarji, li għandha limitu annwali ta’ EUR 75 miljun għal kull inċident u EUR 250 miljun fis-sena, u li r-rwol ta’ SWIFT bħala garanti tar-regolarità ta’ trasferimenti finanzjarji jimplikaw li s-servizzi swift ma humiex servizzi purament tekniċi.

36      Madankollu, id-daqs tal-konsegwenzi finanzjarji tar-responsabbiltà ta’ SWIFT ma jistgħux ikunu rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk din ir-responsabbiltà testendix għall-elementi speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37      Barra minn hekk, kif argumentat mill-gvern Belġjan, skont il-punt 4 tal-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali ta’ SWIFT (“Swift General Terms and Conditions”) tal-1 ta’ Jannar 2010, li huma disponibbli fuq is-sit internet ta’ SWIFT, l-obbligi kuntrattwali ta’ din l-impriża huma limitati għall-aspetti tekniċi tas-servizzi ta’ messaġġi, b’mod partikolari għall-implementazzjoni, l-attivazzjoni, il-konnessjoni, il-manutenzjoni u l-liċenzji tas-softwer, peress li SWIFT ma għandhiex ħlief responsabbiltà waħda li tirrigwarda t-trażmissjoni tal-messaġġi finanzjarji f’forma tajba u xierqa permezz ta’ sistema informatika approvata.

38      Għaldaqstant, kif jirriżulta minn dak li jingħad fil-punt 35 ta’ din is-sentenza u kif sostenew l-Istati Membri kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet kif ukoll mill-Kummissjoni, ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ SWIFT fil-konfront ta’ Nordea tikkonċerna biss l-obbligu li tiggarantixxi s-sigurtà u l-leġibbiltà tad-data trażmessa u l-obbligu li tikkumpensa eventwali danni kkawżati minn trażmissjoni difettuża jew tardiva ta’ data.

39      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, ir-responsabbiltà ta’ SWIFT hija limitata għall-aspetti tekniċi u ma testendix għal elementi speċifiċi u essenzjali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-kawża prinċipali.

40      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT taħt din id-dispożizzjoni ma tkoprix servizzi swift, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punti 3 u 5 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud taħt din id-dispożizzjoni ma tkoprix servizzi ta’ messaġġi elettroniċi lil istituzzjonijiet finanzjarji, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.