Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

20.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Legfelsőbb Bírósága (Magyar Köztársaság) fit-28 ta’ Lulju 2010 — VALE Építési Kft. cégbejegyzési ügye

(Kawża C-378/10)

()

2010/C 317/25

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: VALE Építési Kft.

Domandi preliminari

(1)

L-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 43 KE u 48 KE meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor (l-Istat ta’ oriġini) titrasferixxi s-sede tagħha hemmhekk, filwaqt li kienet ġiet imħassra — għal din ir-raġuni — mir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ta’ oriġini, meta l-azzjonisti tal-kumpannija japprovaw l-att kostituttiv il-ġdid redatt skont id-dritt tal-Istat ospitanti u meta l-kumpannija titlob ir-reġistrazzjoni tagħha fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tiegħu?

(2)

Jekk l-ewwel domanda kellha tiġi risposta fl-affermattiv, l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom ikunu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi ta’ Stat Membru (ospitanti) li tiċħad lil kumpannija regolament stabbilita skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor (ta’ oriġini) id-dritt li tittrasferixxi s-sede tagħha fl-Istat ospitanti u li hemmhekk tkompli l-attività tagħha skont id-dritt ta’ dan l-Istat?

(3)

Huwa importanti, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, li tittieħed inkunsiderazzjoni r-raġuni li għaliha l-Istat Membru ospitanti jiċħad lill-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni fir-reġistru, u iktar partikolarment

il-fatt li l-kumpannija li tagħmel l-applikazzjoni ssemmi l-kumpannija stabbilita fl-Istat Membru ta’ oriġni, u mħassra mir-reġistru tal-kumpanniji tiegħu, bħala predeċessura fid-dritt fl-att kostituttiv tagħha irċevut fl-Isat ospitanti u titlob li din il-predeċessura tkun imsemmija fir-reġistru tal-kumpanniji tal-Istat ospitanti bħala l-predeċessura proprju tagħha fid-dritt?

il-kwistjoni dwar jekk, f’każ ta’ tibdil internazzjonali intra-Komunitarju, l-Istat ospitanti għandux l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni, meta jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ kumpannija, l-att tal-Istat Membru ta’ oriġini li bih il-fatt tat-trasferiment tas-sede ġie mniżżel fir-reġistru tal-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru, u, jekk huwa għandu jieħu dan inkunsiderazzjoni, sa fejn?

(4)

L-Istat Membru ospitanti jista’ jeżamina applikazzjoni għal reġistrazzjoni introdotta f’dan l-Istat minn kumpannija li twettaq tibdil internazzjonali intra-Komunitarju billi japplika r-regoli tad-dritt nazzjonali tiegħu dwar it-tibdil tal-kumpanniji fuq livell nazzjonali, jiġifieri billi jeħtieġ mill-kumpannija li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li d-dritt nazzjonali tiegħu jimponi f’każ ta’ tibdil nazzjonali (pereżempju, il-preparazzjoni ta’ karta tal-bilanċ u ta’ inventarju tal-attivi) jew l-Artikoli 43 KE u 48 KE jobbligaw lil dan l-Istat jagħmel distinzjoni bejn tibdil internazzjonali intra-Komunitarju u tibdil fuq livell nazzjonali u, jekk dan huwa l-każ, sa fejn?