Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ April 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 11 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni l-possibbiltà li jiġi fformat grupp ta’ persuni li jistgħu jitqiesu bħala persuna taxxabbli waħda għall-finijiet tal-VAT”

Fil-Kawża C-480/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u K. Simonsson, d as 05_0bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut minn:

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, SC, u minn N. Travers, BL,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi fil-prattika tillimita għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni l-possibbiltà li jifformaw grupp ta’ persuni li jistgħu jitqiesu bħala persuna taxxabbli waħda għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem, rispettivament, “grupp tal-VAT” u “VAT”), ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tal-VAT, kull Stat Membru jista’ jikkunsidra bħala persuna taxxabbli waħedha kwalunkwe persuni stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.

Stat Membru li jeżerċita l-għażla prevista fl-ewwel paragrafu, jista’ jadotta kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jimpedixxi l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ din id-dispożizzjoni.”

 Id-dritt Svediż

3        L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6a tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (1994:200) [mervärdesskattelagen (1994:200), iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”] jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, żewġ entitajiet ekonomiċi jew iktar jistgħu, fiċ-ċirkustanzi msemmija f’dan il-kapitolu, ikunu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda (grupp tal-VAT), u l-attività eżerċitata mill-grupp tal-VAT tista’ tkun ikkunsidrata bħala attività waħda.”

4        L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 6 tal-liġi msemmija jippreċiża:

“Dawn li ġejjin biss jistgħu jkunu parti minn grupp tal-VAT:

1.      entitajiet ekonomiċi, imqiegħda taħt is-sorveljanza tal-ispettorat tal-finanzi li jeżerċitaw attività li hija eżentata għax id-dħul minn din l-attività huwa eżenti taħt l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10 tal-Kapitolu 3, u

2.      entitajiet ekonomiċi li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jikkunsinnaw merkanzija jew jipprovdu servizzi lill-entitajiet ekonomiċi msemmija hawn fuq fil-paragrafu 1, jew

3.      entitajiet ekonomiċi li huma aġenti fuq kummissjoni u prinċipali, u li għandhom rabta ta’ kummissjoni bħal dik imsemmija fil-Kapitolu 36 tal-Liġi tat-taxxa fuq id-dħul (1999:1229).”

5        L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 3 tal-Liġi dwar il-VAT jeżenta l-provvista ta’ servizzi bankarji u finanzjarji u tranżazzjonijiet li jikkonsistu f’bejgħ u xiri ta’ stocks u ishma jew tranżazzjonijiet simili.

6        L-Artikolu 10 tal-Kapitolu 3 tal-istess liġi jeżenta wkoll il-provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassugarazzjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li, prinċipalment, impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni biss jistgħu jifformaw grupp tal-VAT.

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

7        Peress li kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-VAT imorru kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT sa fejn jillimitaw l-applikazzjoni tar-reogli dwar il-gruppi tal-VAT għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, fit-23 ta’ Settembru 2008, ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Isvezja fejn stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

8        Fit-tweġiba tagħhom tad-19 ta’ Novembru 2008 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, l-awtoritajiet Svediżi sostnew li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-VAT ma jmorrux kontra d-Direttiva tal-VAT.

9        Peress li ma kinitx sodisfatta b’din it-tweġiba, fl-20 ta’ Novembru 2009 l-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li għaliha r-Renju tal-Isvezja wieġeb permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Jannar 2010, fejn indika li kien qiegħed iżomm il-pożizzjoni espressa fit-tweġiba tiegħu għall-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.

10      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

11      B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar u tas-6 ta’ Lulju 2011, ġew ammessi l-interventi tar-Repubblika tal-Finlandja u tal-Irlanda insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Isvezja.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

12      Ir-Renju tal-Isvezja josserva li l-Kummissjoni tinvoka, insostenn tar-rikors tagħha, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament filwaqt li, fl-opinjoni motivata tagħha, hija kienet indikat li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT kienet ibbażata fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Fir-replika tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja jsostni li b’hekk is-suġġett tal-kawża ġie estiż u, għalhekk, mibdul.

13      Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li mill-proċedura prekontenzjuża u mill-azzjoni ineżami ma jistax jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk il-Kummissjoni hijiex qiegħda ssostni, fil-konfront tar-Renju tal-Isvezja, ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali jew ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża u għalhekk għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħall-opinjoni motivata.

14      Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ssostni li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-azzjoni tagħha jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mir-rikors tagħha. Filwaqt li ma tikkontestax li l-impriżi Svediżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni ma jinsabux f’kompetizzjoni ma’ impriżi Svediżi oħra li joperaw f’setturi oħra, hija tammetti li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li kienet invokat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża ma huwiex applikabbli għall-kawża ineżami. Madankollu, hija tikkunsidra li hija la estendiet u lanqas ma bidlet is-suġġett tal-kawża, meta mqabbel mal-opinjoni motivata, billi ressqet, insostenn tal-azzjoni tagħha, argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      Għandu jitfakkar li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata azzjoni għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-400/08, Ġabra p. I-1915, punt 36 u l-ġuriprudenza ċċitata). F’din il-kawża, ir-rikors tal-Kummissjoni, li minnu jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar ma hijiex qiegħda tinvoka, insostenn tal-azzjoni tagħha, ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali iżda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jissodisfa dan ir-rekwiżit.

16      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ azzjoni mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni. Għalhekk, l-azzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk invokati fl-opinjoni motivata. Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi interpretat b’mod li tiġi imposta, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn id-dikjarazzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet indikati fir-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, la jkun estiż u lanqas mibdul (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punti 18 u 19, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-458/08, Ġabra p. I-11599, punti 43 u 44).

17      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jikkostitwixxi l-espressjoni, fil-qasam tal-VAT, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Madankollu, filwaqt li nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali jista’ jkun possibbli biss bejn operaturi ekonomiċi kompetituri, ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun ikkaratterizzat, fil-qasam fiskali, minn tipi oħra ta’ diskriminazzjonijiet, li jolqtu operaturi ekonomiċi li għalkemm ma jkunux neċessarjament kompetituri xorta waħda jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli minn aspetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punti 49 u 51).

18      Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fil-qasam fiskali, ma jikkoinċidix mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għaldaqstant, meta ssostni b’mod partikolari, fir-rikors tagħha, li l-Liġi dwar il-VAT, sa fejn tillimita l-possibbiltà li jiġi fformat grupp tal-VAT għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni, ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, filwaqt li f’dan ir-rigward kienet invokat, fl-opinjoni motivata, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-kawża.

19      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-kumplament tar-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

20      Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-VAT imorru kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni.

21      Hija ssostni li regoli nazzjonali dwar il-gruppi tal-VAT għandhom japplikaw għall-impriżi kollha li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mit-tip ta’ attivitajiet eżerċitati minnhom. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, is-sistema komuni tal-VAT hija sistema uniformi u għalhekk l-introduzzjoni ta’ regoli partikolari fil-kuntest ta’ din is-sistema għandu jkollha, bħala prinċipju, applikazzjoni ġenerali.

22      Skont il-Kummissjoni, interpretazzjoni f’dan is-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT hija ssostanzjata mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li ma fiha xejn li jindika li Stat Membru jista’ jillimita l-applikazzjoni tar-regoli previsti minnu għall-impriżi ta’ settur partikolari. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tkun konformi mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa, kif jindika l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(73) 950 final] li wasslet għall-adozzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23), li l-Istati Membri jkunu jistgħu, għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva u tal-ġlieda kontra l-abbuż, ma jikkunsidrawx bħala distinti lill-persuni ġuridiċi li l-indipendenza tagħhom tkun purament ġuridika.

23      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tammetti li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jidhirx li huwa applikabbli għall-kawża ineżami, hija ssostni li r-regoli Svediżi dwar il-gruppi tal-VAT xorta waħda jmorru kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, dawn ir-regoli jiffavorixxu l-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni meta mqabbla ma’ dawk li joperaw f’setturi oħra. Issa, skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvezja ma stabbilixxiex li l-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ impriżi f’setturi oħra u lanqas li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għal dawn l-impriżi hija oġġettivament iġġustifikata.

24      Ir-Renju tal-Isvezja jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu. Fil-fehma tiegħu, fil-fatt, id-dispożizzjoni tal-Liġi dwar il-VAT ma jmorrux kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT.

25      Preliminarjament, huwa jsostni li, fuq il-bażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, matul is-sena 1998 huwa fetaħ għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni l-possibbiltà li jifformaw gruppi tal-VAT. Peress li kkunsidra li din kienet deroga mill-prinċipju li l-operazzjonijiet taxxabbli kollha għandhom jiġu ntaxxati, huwa kien illimita din il-possibbiltà għall-oqsma fejn ġie kkunsidrat li kienet l-iktar meħtieġa. Għaldaqstant, huwa kien iddeċieda li setgħu jagħmlu parti minn grupp tal-VAT l-istabbilimeni ta’ kreditu, il-kumpanniji ta’ investiment, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-impriżi li jeżerċitaw attività finanzjarja eżentata, kif ukoll l-impriżi li, prinċipalment, jipprovdu prodotti jew servizzi lil impriżi finanzjarji.

26      L-għoti ta’ din il-possibbiltà lis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni kienet tqieset partikolarment opportuna minħabba li l-attività tal-impriżi f’dan is-settur hija ħafna drabi maqsuma bejn diversi persuni ġuridiċi distinti. Peress li t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn kumpanniji tal-istess grupp huma komuni u peress li l-impriżi finanzjarji jeżerċitaw, essenzjalment, attivitajiet eżentati, l-impatt, fir-rigward tal-VAT, tat-tranżazzjonijiet interni għall-grupp huwa partikolament kbir f’dan is-settur. Dawn l-impriżi huma esposti b’mod partikolari għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, il-possibbiltà li jiġi fformat grupp tal-VAT kienet limitata b’mod li tkopri l-impriżi li jinsabu, direttament jew indirettament, taħt is-sorveljanza tal-Ispettorat tal-finanzi u li għalhekk jaqgħu taħt sistema ta’ kontroll pubbliku.

27      Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, ir-Renju tal-Isvejza jikkunsidra li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti regoli nazzjonali dwar il-gruppi tal-VAT li japplikaw biss għall-impriżi li jagħmlu parti minn ċerti setturi partikolari.

28      Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Isvezja, peress li s-sistema komuni tal-VAT hija sistema uniformi, li hija bbażata fuq prinċipju fundamentali ta’ VAT ġenerali u universali, l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għandu n-natura ta’ dispożizzjoni derogatorja sa fejn minnu jirriżulta li tranżazzjonijiet imwettqa fi ħdan grupp ta’ impriżi jistgħu jiġu eżentati. Għaldaqstant, dan l-artikolu għandu jingħata interpretazzjoni stretta.

29      La mill-formulazzjoni u lanqas mill-għanijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minn Stat Membru timplika li l-possibbiltà li jiġi fformat grupp tal-VAT għandha tingħata lill-impriżi kollha stabbiliti fit-territorju tiegħu. Minn naħa, l-assenza ta’ preċiżjoni f’din id-dispożizzjoni tikkonferma f’dan id-dawl is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jiddeterminaw b’mod iktar preċiż il-persuni stabbiliti fit-territorju tagħhom li għandhom jingħataw din il-possibbiltà. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet ta’ semplifikazzjoni amministrattiva u tal-ġlieda kontra l-abbuż ma humiex rilevanti għall-impriżi kollha u ġeneralizzazzjoni tal-possibbiltà li jiġu fformati gruppi tal-VAT tkabbar ir-riskji ta’ abbuż, b’tali mod li tmur kontra wieħed mill-għanijiet segwiti.

30      Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-VAT la tinsab f’kunflitt mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u lanqas mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, minn naħa, din il-liġi ma timplikax distorsjoni tal-kompetizzjoni sa fejn l-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni jinsabu f’kompetizzjoni biss bejniethom. Min-naħa l-oħra, dawn l-impriżi ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ impriżi f’setturi oħra. Barra minn hekk, il-limitazzjoni tal-possibbiltà li jiġi fformat grupp tal-VAT hija mmotivata minn raġunijiet oġġettivi.

31      L-istess bħar-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Finlandja tqis li fil-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma hemm xejn li jippermetti li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li r-regoli dwar il-gruppi tal-VAT għandhom ikunu japplikaw b’mod ġenerali. Hija tqis li l-Liġi dwar il-VAT hija iktar konformi mal-għan ta’ uniformità tas-sistema komuni tal-VAT milli hija l-interpretazzjoni li tagħmel il-Kummissjoni tal-Artikolu 11, u dan sa fejn dan l-għan jeżiġi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli partikolari permessi mid-Direttiva tal-VAT u li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ġenerali tagħhom għandu jkun limitat kemm jista’ jkun. Skont ir-Repubblika tal-Finlandja, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-gruppi tal-VAT ma tista’ tkun suġġetta għal ebda kundizzjoni oħra għajr dik li tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Issa, il-limitazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni ma tinsabx f’kuntradizzjoni ma’ dan il-prinċipju u lanqas, fi kwalunkwe każ, mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

32      L-Irlanda, li ġiet ammessa sabiex tippreżenta osservazzjonijiet orali, sostniet, fis-seduta, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT ma jistabbilixxix eċċezzjoni u lanqas ma jimponi obbligi fuq l-Istati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      Peress li l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni qiegħda tallega fil-konfront tar-Renju tal-Isvezja tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, li dwarha l-partijiet esprimew pożizzjonijiet diverġenti, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni il-kliem, il-kuntest u l-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentneza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C-174/08, Ġabra p. I-10567, punti 23 u 24).

34      Fir-rigward tal-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva tal-VAT, huwa meħtieġ, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli”, iddefinit taħt it-Titolu III tagħha, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi. F’dan il-kuntest, tali interpretazzjoni hija obbligatorja fir-rigward tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, minkejja n-natura fakultattiva, għall-Istati Membri, tar-regoli previsti f’dan l-artikolu, u dan sabiex jiġu evitati, meta tali regoli jiġu implementati, diverġenzi fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli bejn Stat Membru u ieħor.

35      F’dan id-dawl, mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li dan tal-aħħar jippermetti lil kull Stat Membru jikkunsidra diversi persuni bħala persuna taxxabbli waħda meta dawn ikunu stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-istess Stat Membru u meta, minkejja li jkunu indipendenti mill-aspett ġuridiku, ikunu marbuta mill-qrib ma’ xulxin mill-aspett finanzjarju, ekonomiku u organizzattiv. Skont il-formulazzjoni tiegħu, dan l-artikolu ma jissuġġettax l-applikazzjoni tiegħu għal kundizzjonijiet oħra (sentenza tad-9 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-85/11, punt 36). Dan l-artikolu lanqas ma jipprevedi l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jimponu kundizzjonijiet oħra fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu grupp tal-VAT, bħalma hija l-kundizzjoni li jkunu jeżerċitaw ċertu tip ta’ attività jew li jkunu jagħmlu parti minn settur ta’ attività partikolari.

36      La mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT u lanqas mill-kuntest tiegħu, jiġifieri t-Titolu III tad-direttiva msemmija, ma jirriżulta li dan l-artikolu għandu n-natura ta’ dispożizzjoni derogatorja jew partikolari li għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva, kif jissuġġerixxu r-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja.

37      Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, mir-raġunijiet tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 77/388 jirriżulta li, meta adotta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha, li ġie ssostitwit bl-imsemmi Artikolu 11, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li ma jorbtux sistematikament il-kwalità ta’ persuna taxxabbli mal-kunċett ta’ indipendenza purament ġuridika, u dan jew fl-interessi ta’ semplifikazzjoni amministrattiva jew sabiex jiġu evitati ċerti abbużi bħal, pereżempju, il-qsim ta’ impriża f’diversi persuni taxxabbli bil-għan li jibbenefikaw minn regoli partikolari (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

38      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jippermetti wkoll lill-Istati Membri jieħdu l-miżura meħtieġa kollha sabiex jevitaw li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu tippermetti l-frodi jew l-evażjoni fiskali. Madankollu, tali miżuri jistgħu jittieħdu biss fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, dejjem taħt din il-kundizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli previsti fl-imsemmi Artikolu 11 sabiex jiġu miġġielda l-frodi jew l-evażjoni fiskali.

39      F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, ir-Renju tal-Isvezja qiegħed isostni li, sabiex jiġu preklużi l-frodi u l-evażjoni fiskali, huwa ddeċieda, inkonformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT, li jillimita l-possibbiltà li jiġi fformat grupp tal-VAT għall-impriżi li jinsabu, direttament jew indirettament, taħt is-sorveljanza tal-Ispettorat tal-finanzi u li għalhekk jaqgħu taħt sistema ta’ kontroll pubbliku. Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod konvinċenti li, fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, din il-miżura ma kinitx fondata.

40      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT għall-impriżi fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

41      Għaldaqstant, u peress li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-Renju tal-Isvezja. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li l-Irlanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      L-Irlanda u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.