Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-9/11

Waypoint Aviation SA

vs

État belge - SPF Finances

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Leġiżlazzjoni fiskali — Kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti għall-akkwist ta’ beni użati fit-territorju nazzjonali — Esklużjoni ta’ beni li d-dritt ta’ użu tagħhom ġie ċedut lil terz stabbilit fi Stat Membru ieħor”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti lil ċerti kumpanniji għall-akkwist ta’ beni ġodda użati fit-territorju nazzjonali

(Artikolu 49 KE)

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti lil ċerti kumpanniji għall-akkwist ta’ beni ġodda użati fit-territorju nazzjonali, bil-kundizzjoni li d-dritt ta’ użu tal-beni ma jiġix ċedut, mill-kumpannija li akkwistat dawn tal-aħħar permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għal kreditu ta’ taxxa jew minn kull kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp, lil terzi li ma humiex membri ta’ dak il-grupp stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

Fil-fatt, tali dispożizzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jistgħu jippretendu dak il-vantaġġ fiskali milli jipprovdu servizzi intiżi sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ beni li d-dritt ta’ użu tagħhom huwa destinat li jiġi ċedut lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Bl-istess mod, fid-dawl tal-konsegwenzi possibbli tal-vantaġġ fiskali fuq l-ispiża tas-self sostnuta mill-persuna li tissellef, tali dispożizzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jkunu jixtiequ jakkwistaw beni permezz ta’ self milli jfornu lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra b’servizzi li jinvolvu ċ-ċessjoni tad-dritt ta’ użu ta’ dawk il-beni, bħalma huma s-servizzi ta’ kiri. Barra minn hekk, għalkemm id-dritt ta’ użu ma jistax jiġi ċedut lil tali operaturi ekonomiċi mhux biss mill-impriża li takkwista l-beni permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għall-vantaġġ fiskali, iżda wkoll mill-kumpanniji kollha li jappartjenu għall-istess grupp ta’ dik l-impriża, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiskoraġġixxi wkoll lil dawk il-kumpanniji milli jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali li jinvolvu ċ-ċessjoni ta’ dak id-dritt ta’ użu.

(ara l-punti 23-25, 29 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Leġiżlazzjoni fiskali – Kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti għall-akkwist ta’ beni użati fit-territorju nazzjonali – Esklużjoni ta’ beni li d-dritt ta’ użu tagħhom ġie ċedut lil terz stabbilit fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C-9/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Waypoint Aviation SA

vs

État belge – SPF Finances,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tmien Awla, K. Schiemann u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Waypoint Aviation SA, minn A. Huyghe u B. Philippart de Foy, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE u 49 KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Waypoint Aviation SA (iktar ’il quddiem “Waypoint Aviation”) u l-Istat Belġjan – SPF Finances (Service public fédéral Finances) dwar rifjut li jingħata kreditu ta’ taxxa, imsejjaħ “précompte mobilier fittizju”, għas-snin tat-taxxa 1995 u 1996.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Il-kodiċi dwar it-taxxi fuq id-dħul jipprovdi li t-taxxa fuq l-interessi minn djun u minn self tinġabar minn ras il-għajn fil-forma ta’ taxxa f’ras il-għajn, imsejħa “précompte mobilier”.

4        Id-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar il-ħolqien ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni (Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983, p. 502, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 187”), stabbilixxa sistema fiskali speċifika għall-kumpanniji li jissodisfaw ċerti kriterji, imsejħa “ċentri ta’ koordinazzjoni”.

5        L-Artikolu 29 tal-liġi tal-11 ta’ April 1983 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet fiskali u baġitarji (Moniteur belge tas-16 ta’ April 1983), kif emendata bil-liġi tal-4 ta’ Awwissu 1986 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet fiskali (Moniteur belge tal-20 ta’ Awwissu 1986, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-11 ta’ April 1983”), jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet li ġejjin huma applikabbli għal kull perijodu taxxabbli li abbażi tiegħu l-impriżi jibbenefikaw mill-vantaġġi previsti […] fl-Artikolu 5 tad-Digriet Irjali Nru 187 […]:

[…]

2°      a)      […]

b)      sabiex jiġi ddeterminat l-ammont nett taxxabbli tal-benefiċjari […] id-dħul minn djun jew self jiġi miżjud bi précompte mobilier fittizju li jammonta għal 25/75 tal-ammont nett imdaħħal jew miġbur u, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 18, 97 u 211 tal-kodiċi dwar it-taxxi fuq id-dħul, dan il-précompte mobilier fittizju jekwivali għall-précompte mobilier reali msemmi fl-Artikolu 174 tal-istess kodiċi;

[…]

d)      fir-rigward tad-dħul minn djun jew self, l-għoti ta’ précompte mobilier fittizju huwa applikabbli biss sa fejn il-kapital imsellef jintuża minn dawn l-impriżi jew ċentri jew minn membri tal-grupp li ċ-ċentru jifforma parti minnu, kemm għall-akkwist fi stat ġdid jew għall-kostituzzjoni fi stat ġdid ta’ assi materjali li huma jużaw fil-Belġju sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom u li d-dritt ta’ użu tagħhom ma ġiex konċess, skont xi ftehim, lil terzi li ma humiex membri Belġjani tal-grupp […]”

6        Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-impriżi li jagħtu self lil ċentru ta’ koordinazzjoni li jżidu précompte mobilier fittizju mal-interessi li huma jiġbru li mbagħad jiġi mnaqqas mit-taxxa pagabbli minnhom. Għaldaqstant, din tagħti lil dawn l-impriżi vantaġġ fiskali, fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa, u b’hekk tippermetti liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni li jikseb finanzjament bl-inqas spejjeż.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Waypoint Aviation, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Belġjan, għandha bħala l-għan tagħha kull tranżazzjoni marbuta direttament jew indirettament mal-akkwist, mal-kiri jew mal-finanzjament ta’ inġenji tal-ajru maħsuba għat-trasport bl-ajru bi ħlas ta’ passiġġieri u ta’ merkanziji.

8        Matul is-snin 90, Waypoint Aviation akkwistat, permezz ta’ kuntratt ta’ leasing finanzjarju mogħti minn Lizad, Grupp Ewropew għall-Interess Ekonomiku (GEIE) stabbilit taħt id-dritt Franċiż, żewġ ajruplani tal-marka Airbus. Dawn tal-aħħar ġew sussegwentement akkwistati miċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-grupp Sabena, Sabena Interservices Center SA (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru ta’ koordinazzjoni”), permezz tat-tieni kuntratt ta’ leasing finanzjarju konkluż ma’ Waypoint Aviation, li kien jipprevedi li din tal-aħħar iċċedi lura liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni l-précompte mobilier fittizju kollu.

9        Permezz tat-tielet kuntratt ta’ leasing finanzjarju, dawn iż-żewġ ajruplani ġew akkwistati minn Atrix SA, kumpannija li tifforma parti mill-grupp Sabena, sabiex jinkrew lil Sabena. Din tal-aħħar issullokathom għal tliet snin lil Air France fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni.

10      Abbażi tal-Artikolu 29(2)(b), tal-liġi tal-11 ta’ April 1983, Waypoint Aviation talbet, għas-snin tat-taxxa 1995 u 1996, l-għoti tal-précompte mobilier fittizju, fl-ammonti, rispettivament, ta’ BEF 201 229 077 u ta’ BEF 82 854 305, fuq l-interessi inklużi fir-royalties imħallsa miċ-ċentru ta’ koordinazzjoni skont il-kuntratt ta’ leasing konkluż bejniethom.

11      Fit-12 ta’ Marzu 1997, l-amministrazzjoni fiskali bagħtet avviż ta’ rettifika lil Waypoint Aviation, li jirrifjuta l-applikazzjonji ta’ précompte mobilier fittizju. L-ilment imressaq fid-29 ta’ April 1998 minn Waypoint Aviation kontra t-taxxa stabbilita abbażi ta’ dik ir-rettifika ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-direttur reġjonali tat-taxxa tat-8 ta’ Lulju 2003, abbażi tal-fatt li ż-żewġ ajruplani kienu ntużaw minn Air France, kumpannija stabbilita fi Franza.

12      Waypoint Aviation ippreżentat kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussel li ċaħditilha t-talbiet kollha tagħha permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005. Għaldaqstant, hija ppreżentat appell minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet b’mod partikolari li l-Artikolu 29(2)(d) tal-liġi tal-11 ta’ April 1983 kienet toħloq restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment.

13      Fid-deċiżjoni tagħha, filwaqt li tat interpretazzjoni teleoloġika ta’ dak l-Artikolu, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li dan tal-aħħar jimpedixxi l-konċessjoni lil terzi li ma jkunux membri Belġjani tal-grupp ikkonċernat tad-dritt ta’ użu tal-beni akkwistati permezz tal-finanzjament li jipprovdi d-dritt għal précompte mobilier fittizju, ikun min ikun l-awtur ta’ dik il-konċessjoni.

14      Din il-qorti indikat li l-précompte mobilier fittizju huwa vantaġġ li għandu influwenza diretta, għal kumpannija Belġjana li tkun trid tinvesti, fuq l-ispiża tal-finanzjament, peress li għandu bħala effett, meta jingħata, li jnaqqas l-ispiża tal-finanzjament, favur min ikun qiegħed isellef.

15      L-imsemmija qorti kkonstatat li l-Artikolu 29(2)(d) tal-liġi tal-11 ta’ April 1983 għandu bħala effett li l-précompte mobilier fittizju jingħata meta l-provvista ta’ servizzi ta’ kiri ta’ ajruplan issir favur kumpannija Belġjana, filwaqt li jiġi rrifjutat meta min jirċievi dak l-istess servizz ta’ kiri jkun stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex il-Belġju. Minn dan hija kkonkludiet li l-imsemmi artikolu fil-prinċipju jmur kontra l-Artikolu 49 KE, sa fejn huwa jiskoraġixxi impriża Belġjana milli tforni servizz ta’ kiri għal benefiċċju ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor billi jirrendi dik il-provvista ta’ servizzi iktar oneruża għall-grupp li tifforma parti minnu dik il-kumpannija Belġjana, peress li l-précompte mobilier fittizju ma jingħatax f’dan il-każ lill-kumpannija li sellfet. Hija rreferiet għas-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra (C-330/07, Ġabra p. I-9099).

16      F’dawn iċ-ċikustanzi, il-Cour d’appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 […] KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 29(2)(d) tal-liġi tal-11 ta’ April 1983, sa fejn […], minn naħa, din id-dispożizzjoni tippermetti l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa, il-précompte mobilier fittizju, lill-benefiċjarji ta’ dħul minn kreditu jew ta’ self mogħti lil ċentru ta’ koordinazzjoni skont id-Digriet Irjali Nru 187 […], meta l-kumpannija li tagħmel użu mill-fondi mislufa minn jew permezz taċ-ċentru ta’ koordinazzjoni sabiex takkwista proprjetà materjali li hija tuża fil-Belġju għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha, tagħti d-dritt ta’ użu lil kumpannija li tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji u li tirrisjedi fil-Belġju, filwaqt li, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jingħata kreditu ta’ taxxa meta l-istess kumpannija tagħti d-dritt ta’ użu fuq l-istess proprjetà materjali lil kumpannija li bl-istess mod tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji iżda li tirrisjedi fi Stat Membru ieħor li ma huwiex il-Belġju?

2)      L-Artikolu 10 […] KE, moqri flimkien mal-Artikolu 49 […] KE, għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-Artikolu 29(2)(d) tal-liġi tal-11 ta’ April 1983, li tissottometti l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa, il-précompte mobilier fittizju, lill-benefiċjarji ta’ dħul minn kreditu jew ta’ self mogħti lil ċentru ta’ koordinazzjoni skont id-Digriet Irjali Nru 187 […], bil-kundizzjoni li l-ebda dritt ta’ użu fuq il-proprjetà materjali ffinanzjata permezz tal-kreditu jew self tagħha ma jingħata lil xi membru ta’ grupp stabbilit fi Stat Membru ieħor, minn ebda kumpannija tal-grupp, u mhux biss mill-kumpannija li takkwista l-proprjetà materjali permezz ta’ dan il-finanzjament, u li tużah fil-Belġju għall-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tinterpreta l-Artikolu 29(2)(d), tal-liġi tal-11 ta’ April 1983 bħala li jipprekludi l-konċessjoni ta’ dritt ta’ użu tal-beni akkwistati permezz tal-finanzjament li jagħti lill-kumpannija li ma tkunx stabbilita fil-Belġju d-dritt għall-précompte mobilier fittizju, ikun min ikun l-awtur ta’ dik il-konċessjoni. Minn dan, hija tiddeduċi li, skont dik id-dispożizzjoni, Waypoint Aviation ma tistax tibbenefika minn précompte mobilier fittizju għall-finanzjamenti li ppermettew l-akkwist tal-ajruplani li d-dritt ta’ użu tagħhom ġie ċedut minn Sabena lil Air France matul is-snin ta’ taxxa kkontestati. Madankollu, hija tqis li fil-prinċipju, dik id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 49 KE.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimklien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti lil ċerti kumpanniji għall-akkwist ta’ beni ġodda użati fit-territorju nazzjonali bil-kundizzjoni li d-dritt ta’ użu tal-beni ma jiġix ċedut, mill-kumpannija li akkwistat dawn tal-aħħar permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għal kreditu ta’ taxxa jew minn kull kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp, lil terzi li ma humiex membri ta’ dak il-grupp stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

19      Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I, C-287/10, Ġabra p. I-14233, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Issa, il-leasing u l-kiri ta’ ajruplani jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 50 KE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 18, u Jobra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi japplikaw għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi invokata minn impriża fir-rigward tal-Istat Membru fejn hija stabbilita peress li s-servizzi jiġu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u, b’mod ġenerali, f’kull każ fejn fornitur ta’ servizzi joffri servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Tankreederei I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dawk il-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, jostakolaw jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Jobra, punt 19, u Tankreederei I, punt 15).

23      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dħul minn self li jiffinanzja l-akkwist ta’ beni li d-dritt ta’ użu tagħhom ġie ċedut lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor għal sistema fiskali inqas favorevoli minn dik applikata għal dħul minn self li jiffinanzja l-akkwist ta’ beni użati minn kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jistgħu jippretendu dak il-vantaġġ fiskali milli jipprovdu servizzi intiżi sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ beni li d-dritt ta’ użu tagħhom huwa destinat li jiġi ċedut lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jobra, punt 24, u Tankreederei I, punt 17).

24      Bl-istess mod, fid-dawl tal-konsegwenzi possibbli tal-vantaġġ fiskali fuq l-ispiża tas-self sostnuta mill-persuna li tissellef, liema ċirkustanza ġiet wara kollox ivverifikata f’dan il-każ kif jirriżulta mill-punt 8 ta’ din is-sentenza, tali dispożizzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li jkunu jixtiequ jakkwistaw beni permezz ta’ self milli jfornu lil operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Memrbi oħra b’servizzi li jinvolvu ċ-ċessjoni tad-dritt ta’ użu ta’ dawk il-beni, bħal ma huma s-servizzi ta’ kiri.

25      Barra minn hekk, għalkemm id-dritt ta’ użu ma jistax, skont dik id-dispożizzjoni, jiġi ċedut lil tali operaturi ekonomiċi mhux biss mill-impriża li takkwista l-beni permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għall-vantaġġ fiskali, iżda wkoll mill-kumpanniji kollha li jappartjenu għall-istess grupp ta’ dik l-impriża, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiskoraġġixxi wkoll lil dawk il-kumpanniji milli jeżerċitaw attivitajiet transkonfinali li jinvolvu ċ-ċessjoni ta’ dak id-dritt ta’ użu.

26      Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE.

27      L-imsemmija restrizzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan (sentenza Tankreederei I, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Madankollu, f’dan il-każ, ma ġiet invokata l-ebda ġustifikazzjoni min-naħa tal-Gvern Belġjan u lanqas ma ġiet prevista mill-qorti tar-rinviju.

29      Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti lil ċerti kumpanniji għall-akkwist ta’ beni ġodda użati fit-territorju nazzjonali, bil-kundizzjoni li d-dritt ta’ użu tal-beni ma jiġix ċedut, mill-kumpannija li akkwistat dawn tal-aħħar permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għal kreditu ta’ taxxa jew minn kull kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp, lil terzi li ma humiex membri ta’ dak il-grupp stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa fuq id-dħul minn self mogħti lil ċerti kumpanniji għall-akkwist ta’ beni ġodda użati fit-territorju nazzjonali, bil-kundizzjoni li d-dritt ta’ użu tal-beni ma jiġix ċedut, mill-kumpannija li akkwistat dawn tal-aħħar permezz tas-self li jipprovdi d-dritt għal kreditu ta’ taxxa jew minn kull kumpannija oħra li tifforma parti mill-istess grupp, lil terzi li ma humiex membri ta’ dak il-grupp stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.