Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

9.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/9


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropeja vs Ir-Repubblika tal-Finlandja

(Kawża C-74/11)

2011/C 113/18

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: I. Koskinen u D. Triantafyllou, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Finlandja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li billi aċċettat l-inklużjoni fil-gruppi tal-VAT ta’ persuni li ma humiex suġġetti għall-VAT u billi llimitat is-sistema ta’ reġistrazzjoni bħala grupp għall-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 9 u 11 tad-Direttiva 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1);

tikkundanna lir-Repubblika tal-Finlandja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli waħidha grupp ta’ diversi persuni li, filwaqt li huma indipendenti mill-perspettiva legali, ikun hemm rabta mill-qrib bejniethom fuq il-livell finanzjarju, ekonomiku u tal-organizzazzjoni. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ persuna taxxabbli.

Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2006/112/KE ma tippermettix li jiġu inklużi persuni li ma humiex taxxabbli fil-gruppi tal-VAT u li d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni taxxabbli jiġu estiżi għal persuni li ma humiex taxxabbli. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Finlandiża li tippermetti li persuni li ma humiex taxxabbli jiġu inklużi fi grupp tal-VAT tmur kontra d-Direttiva. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija wkoll konformi mal-għan tal-Artikolu 11 tas-simplifikazzjoni amministrattiva u tal-prevenzjoni ta’ frodi.

Is-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ gruppi prevista mil-leġiżlazzjoni Finlandiża hija wkoll kuntrarja għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/112/KE inkwantu l-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar il-VAT tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala grupp tal-VAT għal impriżi li joperaw fis-settur finanzjarju jew tal-assigurazzjoni. Skont il-Kummissjoni, is-sistema ta’ reġistrazzjoni bħala grupp għandha tkun tista’ tiġi applikata għall-impriżi kollha stabbiliti fi Stat Membru, indipendentement mit-tip ta’ attività li huma jeżerċitaw. Is-sistema komuni tal-VAT hija sistema uniformi u regolamentazzjoni partikolari introdotta f’din is-sistema għandha, ġeneralment, ikollha applikazzjoni ġenerali. Ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT li jindika li Stat Membru jista’ jillimita l-applikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-grupp tal-VAT għal ċerti impriżi li joperaw f’settur partikolari. L-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-VAT jiffavorixxi wkoll interpretazzjoni fis-sens li dan l-artikolu jipprevedi l-impriżi kollha, tas-setturi kollha. Peress li jillimitaw ir-reġistrazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ gruppi, ir-regoli tal-leġiżlazzjoni Finlandiża fil-qasam tal-VAT jiksru wkoll il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jeżiġi t-trattament ugwali.


(1)  ĠU L 347, p. 1.