Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

14.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/13


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda

(Kawża C-108/11)

2011/C 145/19

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal, C. Soulay, aġenti)

Konvenuta: L-Irlanda

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ VAT ta’ 4,8 % għall-provvisti ta’ klieb tal-fenek u taż-żwiemel li bħala regola ma humiex intenzjonati għall-preparazzjoni tal-ikel, għall-kiri taż-żwiemel u għal ċerti servizzi ta’ inseminazzjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 96, 98 (moqrija flimkien mal-Anness III) u 110 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (1), tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud;

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, ir-rata standard ta’ VAT stabbilita għal kull Stat Membru, suġġetta għal għal rata minima ta’ 15 %, tapplika għall-provvisti kollha ta’ merkanzija u ta’ servizzi. Rata differenti mir-rata standard tista’ tiġi applikata biss jekk permessa minn dispożizzjonijiet oħra tad-direttiva.

L-Artikolu 98 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata waħda jew tnejn mnaqqsa għall-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi fil-kategoriji li jinsabu fl-Anness III tad-direttiva. Il-provvisti inkwistjoni f’din il-kawża ma humiex inklużi fl-imsemmi anness.

Id-Direttiva tal-VAT tinkludi wkoll dispożizzjonijiet provviżorji li jippermettu lill-Istati Membri jkomplu japplikaw rati li jidderogaw mir-regoli ġenerali relatati mal-istruttura u mal-livell ta’ rati li jinsabu fid-direttiva, jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti kienu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991.

Skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva tal-VAT, meta Stat Membru applika, fl-1 ta’ Jannar 1991, rata imnaqqsa inqas mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 99, jista’ japplika waħda miż-żewġ rati stabbiliti fl-Artikolu 98 għall-provvista ta’ tali merkanzija jew ta’ tali servizzi. Madankollu, peress li r-rata applikata mill-Irlanda għall-merkanzija u għas-servizzi inkwistjoni f’din il-kawża hija inqas mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 99 tad-Direttiva tal-VAT, l-Artikolu 133 ma jistax jiġi applikat.

L-Artikolu 110 tad-direttiva japplika wkoll għal rati inqas mill-minimu stabbilit fl-Artikolu 99. Hu jistipula sistema provviżorja għal ċerti miżuri nazzjonali adottati minħabba raġunijiet ta’ interess soċjali ddefiniti b’mod ċar (jiġifieri, biex jitnaqqas il-piż fiskali fuq il-konsum ta’ merkanzija u servizzi li jkopru ħtiġijiet soċjali bażiċi) u għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali. Il-Kummissjoni ssostni li l-provvista ta’ żwiemel u ta’ klieb tal-fenek (għal użu ieħor minbarra dak tal-preparazzjoni tal-ikel), il-kiri taż-żwiemel u s-servizzi ta’ inseminazzjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati meħtieġa sabiex ikopru l-ħtiġijiet soċjali bażiċi. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, peress li proporzjon qawwi ta’ żwiemel u ta’ klieb tal-fenek huwa intenzjonat għall-kompetizzjoni jew għar-riproduzzjoni, il-vantaġġ tal-miżura ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ta’ benefiċċju għall-konsumaturi finali.


(1)  ĠU L 347, p. 1